Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
9 ta’ Novembru 2017 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Punt 1 tal-Anness III – Prodotti tal-ikel – Ikel tal-għaġina u kejkijiet – Data minima li jinżamm il-prodott jew data ta’ skadenza – Prinċipju ta’ newtralità fiskali”
Fil-Kawża C-499/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Settembru 2016, fil-proċedura
AZ
vs
Minister Finansów,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn C. G. Fernlund (Relatur), President ta’ Awla, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal AZ, minn M. Machciński, adwokat,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung u K. Herrmann, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AZ u l-Minister Finansów (il-Ministru għall-Finanzi, il-Polonja), dwar żewġ deċiżjonijiet fiskali ta’ dan tal-aħħar dwar ir-rata ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) applikabbli għall-kunsinni ta’ oġġetti ta’ din il-kumpannija.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessa 4 tad-Direttiva dwar il-VAT tistipula:
“L-ilħuq ta’ l-għan li jiġi stabbilit suq intern jassumi l-applikazzjoni fl-Istati Membri ta’ leġislazzjoni dwar it-taxxi fuq il-bejgħ li ma tħarbatx il-kondizzjonijet tal-kompetizzjoni jew ma xxekkilx iċ-ċaqliq ħieles tal-merkanzija u s-servizzi. Għalhekk hu meħtieġ li tintlaħaq din l-armonizazzjoni tal-leġislazzjoni dwar it-taxxi fuq il-bejgħ permezz ta’ sistema ta’ [VAT], li għandha telimina, sa fejn hu possibli, fatturi li jistgħu jtelfu l-kondizzjonijet ta’ kompetizzjoni, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell tal-Komunità”.
4 Skont il-premessa 7 ta’ din id-direttiva:
“Is-sistema komuni ta’ VAT għandha twassal, anki jekk ir-rati u l-eżenzjonijiet ma jkunux armonizzati b’mod sħiħ, għal newtralità fil-kompetizzjoni, b’mod li fit-territorju ta' kull pajjiż merkanzija u servizzi simili jġorru l-istess piż ta’ taxxa, hu x’inhu t-tul tal-produzzjoni u l-katina tad-distribuzzjoni.”
5 L-Artikolu 96 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.”
6 L-Artikolu 98 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi:
“1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa
2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.
[...]
3. Meta jkunu qed japplikaw ir-rati mnaqqsa previsti fil-paragrafu 1 għal kategoriji ta’ merkanzija, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-Nomenklatura Magħquda sabiex jistabbilixxu eżattament kemm hi koperta l-kategorija kkonċernata.”
7 Fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT hemm indikati, b’mod partikolari, l-“Oġġetti ta’ l-ikel [...] għall-konsum mill-bnedmin”.
Id-dritt Pollakk
8 Mill-Artikolu 41(1) u mill-punt 1 tal-Artikolu 146a tal-liġi tal-11 ta’ Marzu 2004 dwar it-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (Dz. U. tal-2011, Nru 177, intestatura 1054, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), jirriżulta li r-rata normali ta’ VAT kienet ta’ 23 % għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2016.
9 Għall-istess perijodu, ir-rata applikabbli għall-oġġetti u għas-servizzi elenkati fl-Anness 3 ta’ din il-liġi kienet ta’ 8 %, konformement mal-Artikolu 41(2) u mal-punt 2 tal-Artikolu 146a tal-imsemmija liġi.
10 Fl-intestatura 32 ta’ dan l-anness hemm indikati l-prodotti li ġejjin, jiġifieri “Ikel tal-għaġina u kejkijiet friski li d-data minima tagħhom li jinżamm il-prodott, iddeterminata konformement ma’ dispożizzjonijiet separati, ma hijiex stabbilita għal iktar minn 45 jum; bl-istess mod, jekk dawn il-prodotti fihom biss data ta’ skadenza ddeterminata skont dispożizzjonijiet separati, din ma hijiex stabbilita għal iktar minn 45 jum”.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 AZ hija kumpannija Pollakka li tipproduċi ikel tal-għaġina u kejkijiet, b’mod partikolari croissants mimlija u bziezen żgħar mimlija b’kisi differenti, b’data minima li jinżamm il-prodott stabbilita għal iktar minn 45 jum.
12 Matul is-sena 2010, il-prodotti ta’ AZ ġew ikklassifikati bħala “Biskuttelli u gallettini, ikel tal-għaġina u kejkijiet ippreservati”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-klassifikazzjoni statistikali tal-prodotti tal-2008. Madankollu, matul is-sena 2013, dawn il-prodotti ġew ikklassifikati, mid-Direttur tal-Uffiċċju Doganali ta’ Varsavja (il-Polonja), taħt l-intestatura 1905 90 60 tan-Nomenklatura Magħquda inkluża fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012, tad-9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU L 304, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), li tikkorrispondi għal klassifikazzjoni oħra tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri dik ta’ “Ikel tal-għaġina u kejkijiet friski”.
13 Fl-14 ta’ Novembru 2013, AZ talbet lill-Ministru għall-Finanzi deċiżjoni fiskali, sabiex jiġi ddeterminat jekk hija setgħetx tapplika r-rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 8 % għall-kunsinni tal-prodotti inkwistjoni li, filwaqt li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM li jikkorrispondi għall-klassifikazzjoni “Ikel tal-għaġina u kejkijiet friski”, għandhom data minima li jinżamm il-prodott jew data ta’ skadenza stabbilita għal iktar minn 45 jum. Fit-talba tagħha, din il-kumpannija argumentat li l-intestatura 32 tal-Anness 3 tal-liġi dwar il-VAT tintroduċi, kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni, kriterju ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT li la jirriżulta mid-Direttiva dwar il-VAT u lanqas min-NM. Fil-fatt, l-intestatura 1905 90 60 tan-NM ma tinkludix distinzjoni relatata man-natura friska tal-prodotti, mad-data minima tagħhom li jinżamm il-prodott jew mad-data ta’ skadenza tagħhom.
14 Fid-deċiżjonijiet tiegħu tat-3 ta’ Diċembru 2013 u tal-14 ta’ Jannar 2014, il-Ministru għall-Finanzi ma laqax l-opinjoni ta’ AZ, u qies li l-leġiżlatur Pollakk seta’ leġittimament jadotta kriterju ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT bħal dak inkwistjoni.
15 AZ ippreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjonijiet fiskali quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva tal-Provinċja ta’ Varsavja, il-Polonja). Din tal-aħħar ċaħdet dan ir-rikors billi enfasizzat li l-addittivi fil-kompożizzjoni tal-ikel tal-għaġina u tal-kejkijiet, bħall-preservattivi, li jtawlu l-perijodu ta’ konservazzjoni, jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-konsumatur medju.
16 Sa fejn, skont dik il-qorti, il-leġiżlatur tal-Unjoni u l-leġiżlatur nazzjonali qiesu d-data ta’ skadenza bħala element essenzjali tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-prodotti li għandhom dati ta’ skadenza differenti jistgħu validament jitqiesu li ma jixxibhux.
17 L-imsemmija qorti enfasizzat ukoll li AZ ma wrietx l-eżistenza, fis-suq, ta’ prodotti speċifiċi oħrajn li jistgħu jitqiesu li jixxiebhu mal-prodotti tagħha. Filwaqt li rrikonoxxiet li l-kriterju ta’ perijodu ta’ konservazzjoni ta’ 45 jum kien ta’ natura suġġettiva, dik l-istess qorti qieset, fis-sentenza tagħha, li d-Direttiva dwar il-VAT ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ tali kriterju, sa fejn il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jiġix miksur.
18 AZ appellat minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.
19 Dik il-qorti tikkonstata li l-uniku kriterju determinanti, skont il-leġiżlazzjoni Pollakka, għall-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċertu ikel tal-għaġina u kejkijiet friski huwa d-data minima tagħhom li jinżamm il-prodott jew id-data ta’ skadenza tagħhom, jiġifieri l-kriterju marbut mal-perijodu ta’ konservazzjoni ta’ 45 jum. Wara li kkonstatat ukoll li tali kriterju ma jirriżultax mid-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk dan jistax jiddistingwi prodotti suffiċjentement differenti sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ rati ta’ VAT differenti, speċjalment peress li l-qorti tal-ewwel istanza affermat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien iqis id-data ta’ skadenza ta’ prodott bħala element essenzjali tal-protezzjoni tal-konsumaturi, li konsegwentement kien suffiċjenti sabiex issir distinzjoni bejn il-prodotti mill-perspettiva tar-rati ta’ VAT.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari sussegwenti:
“Distinzjoni fir-rata ta’ taxxa għall-ikel tal-għaġina u għall-kejkijiet, skont l-Artikolu 41(2) flimkien mal-intestatura 32 tal-Anness 3 tal-[liġi dwar il-VAT], esklużivament fuq il-bażi tal-kriterju tad-‘data minima li jinżamm il-prodott’ jew tad-‘data ta’ skadenza’, tikser il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT u l-projbizzjoni ta’ trattament differenti ta’ prodotti fis-sens tal-Artikolu 98(1) u (2) tad-[Direttiva dwar il-VAT]?”
Fuq id-domanda preliminari
21 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 98 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT għall-ikel tal-għaġina u għall-kejkijiet friski għall-kriterju uniku tad-“data minima [tagħhom] li jinżamm il-prodott” jew tad-“data ta’ skadenza” tagħhom.
22 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-istess rata ta’ VAT, jiġifieri r-rata normali stabbilita minn kull Stat Membru, hija applikabbli għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi. Huwa b’deroga minn dan il-prinċipju li hija prevista l-possibbiltà, skont l-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva, li jiġu applikati rati mnaqqsa ta’ VAT. L-Anness III tal-imsemmija direttiva jelenka l-kategoriji ta’ kunsinni ta’ oġġetti u ta’ provvisti ta’ servizzi li jistgħu jkunu s-suġġett tar-rati mnaqqsa msemmija f’dan l-Artikolu 98 (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C-573/15, EU:C:2017:189, punti 20 u 21).
23 Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa ta’ VAT, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, jiddeterminaw iktar preċiżament fost il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi inklużi fil-kategoriji tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT, dawk li fir-rigward tagħhom tapplika r-rata mnaqqsa (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, K, C-219/13, EU:C:2014:2207, punt 23).
24 Il-possibbiltà li ssir tali applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa ta’ VAT hija ġġustifikata b’mod partikolari mill-fatt li, peress li din ir-rata hija l-eċċezzjoni, il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għal aspetti konkreti u speċifiċi tal-kategorija ta’ provvista inkwistjoni hija koerenti mal-prinċipju li jipprovdi li l-eżenzjonijiet u d-derogi għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-94/09, EU:C:2010:253, punt 29).
25 F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 98(3) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-NM meta japplikaw ir-rati mnaqqsa għall-kategoriji li jagħmlu riferiment għal oġġetti, sabiex jiddelimitaw bi preċiżjoni l-kategorija kkonċernata. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-użu tan-NM huwa biss metodu fost oħrajn sabiex il-kategorija kkonċernata tiġi ddelimitata bi preċiżjoni.
26 F’dan il-każ, il-leġiżlatur Pollakk għażel li japplika rata mnaqqsa ta’ VAT għall-ikel tal-għaġina u għall-kejkijiet friski b’data ta’ skadenza stabbilita b’mod li l-perijodu ta’ konservazzjoni ma jeċċedix 45 jum.
27 Huwa paċifiku li dan l-ikel tal-għaġina u dawn il-kejkijiet jikkostitwixxu kategorija ristretta ta’ prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem imsemmija fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT.
28 Għalhekk, sa fejn il-kriterju marbut ma’ ċertu numru ta’ jiem ta’ konservazzjoni jiddelimita bi preċiżjoni l-kategorija kkonċernata, hemm lok jiġi kkonstatat li din l-applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa ta’ VAT għal aspett konkret u speċifiku tal-oġġetti inklużi f’waħda mill-kategoriji tal-imsemmi Anness III hija, bħala prinċipju, kompatibbli mal-Artikolu 98 tad-Direttiva dwar il-VAT.
29 Madankollu, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiksirx il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
30 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-prinċipju jipprekludi li oġġetti jew provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu, li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, K, C-219/13, EU:C:2014:2207, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura li tixxiebah tal-oġġetti jew tal-provvisti ta’ servizzi kkonċernati, li mingħajr dubju hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandha prinċipalment tittieħed inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-konsumatur medju. Oġġetti jew provvisti ta’ servizzi jkunu jixxiebhu meta jkollhom karatteristiċi li jixxiebhu u jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumatur, skont kriterju ta’ tqabbil fl-użu, u meta d-differenzi eżistenti ma jaffettwawx b’mod kunsiderevoli d-deċiżjoni tal-konsumatur medju li jirrikorri għal wieħed jew ieħor mill-imsemmija oġġetti jew provvisti ta’ servizzi (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, K, C-219/13, EU:C:2014:2207, punt 25).
32 Hija għaldaqstant ir-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li twettaq eżami konkret sabiex tistabbilixxi jekk il-fatt li d-data ta’ skadenza hija stabbilita b’mod li l-perijodu ta’ konservazzjoni ma jeċċedix 45 jum huwiex determinanti mill-perspettiva tal-konsumatur medju Pollakk meta huwa jagħmel l-għażla li jixtri ikel tal-għaġina u kejkijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, K, C-219/13, EU:C:2014:2207, punt 33).
33 Għalhekk, hija r-responsabbiltà tagħha li teżamina jekk jeżistux, fis-suq Pollakk, ikel tal-għaġina jew kejkijiet li l-perijodu ta’ konservazzjoni tagħhom ma huwiex ta’ iktar minn 45 jum, iżda li madankollu jixxiebhu, f’għajnejn dan il-konsumatur, mal-ikel tal-għaġina u mal-kejkijiet li għandhom data minima li jinżamm il-prodott stabbilita għal iktar minn 45 jum, bħal dawk prodotti minn AZ, u li jinsabu f’relazzjoni ta’ sostituzzjoni ma’ dawn tal-aħħar.
34 Jekk tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali oġġetti, il-perijodu ta’ konservazzjoni ta’ inqas minn 45 jum ma jkunx determinanti għall-konsumatur medju Pollakk u l-għażla ta’ dan il-konsumatur tista’ tiġi affettwata bl-applikazzjoni ta’ rati ta’ VAT differenti. F’tali sitwazzjoni, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
35 Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżami konkret li huwa responsabbiltà tagħha li twettaq, tikkonstata li r-rata mnaqqsa ta’ VAT għall-ikel tal-għaġina u għall-kejkijiet b’data ta’ skadenza stabbilita b’mod li l-perijodu ta’ konservazzjoni ma jeċċedix 45 jum ma għandhiex effett li tiffavorixxi l-bejgħ tagħhom fil-konfront ta’ dak tal-ikel tal-għaġina u tal-kejkijiet b’data ta’ skadenza stabbilita b’mod li l-perijodu ta’ konservazzjoni jeċċedi 45 jum, minn dan ikun isegwi li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ikel tal-għaġina u ta’ kejkijiet ma humiex oġġetti li jixxiebhu li jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-481/98, EU:C:2001:237, punt 27). F’dan il-każ, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jipprekludix id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
36 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 98 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix – sakemm il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jkun osservat, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika – leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT għall-ikel tal-għaġina u għall-kejkijiet friski għall-kriterju uniku tad-“data minima [tagħhom] li jinżamm il-prodott” jew tad-“data ta’ skadenza” tagħhom.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix – sakemm il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jkun osservat, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika – leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT għall-ikel tal-għaġina u għall-kejkijiet friski għall-kriterju uniku tad-“data minima [tagħhom] li jinżamm il-prodott” jew tad-“data ta’ skadenza” tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.