Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
15 ta’ Novembru 2017 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 168(a) u Artikolu 169(a), Artikolu 214(1)(d) u (e) u Artikoli 289 u 290 – Tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input dovuta jew imħallsa – Tranżazzjonijiet tal-output fi Stati Membri oħra – Skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fl-Istat Membru li fih jiġi eżerċitat id-dritt ta’ tnaqqis”
Fil-Kawża C-507/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (qorti amministrattiva tal-belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Settembru 2016, fil-proċedura
Entertainment Bulgaria System EOOD
vs
Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” - Sofia,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Entertainment Bulgaria System EOOD, minn S. Georgieva, bħala aġent,
– għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” - Sofia, minn A. Georgiev, bħala aġent,
– għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u M. Georgieva, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u P. Mihaylova, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 168(a) u (b), tal-Artikolu 169(a) u tal-Artikolu 214 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 14), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009(ĠU 2010, L 10, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Entertainment Bulgaria System EOOD (iktar ’il quddiem “EBS”) u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” - Sofia (direttur tad-direttorat “appell u prassi fil-qasam ta’ tassazzjoni u ta’ sigurtà soċjali” ta’ Sofija, il-Bulgarija), dwar avviż ta’ aġġustament li jimponi fuq din l-impriża l-ħlas ta’ teħid lura ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (TVA) u l-interessi moratorji.
Il-kuntest ġuridiku
Il-liġi tal-Unjoni Ewropea
3 L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:
“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:
a) il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;
[...] ”
4 L-Artikolu 169 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“Minbarra t-tnaqqis msemmi fl-Artikolu 168, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata li tnaqqas l-VAT imsemmija hemmhekk, safejn il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għal finijiet ta’ dan li ġej:
a) transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet msemmijin fit–tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1), li twettqu barra mill-Istat Membru li fih dik it-taxxa hi dovuta jew imħallsa, li fir-rigward tiegħu il-VAT tista’ titnaqqas jekk dawn twettqu f’dak l-Istat Membru;
[...] ”
5 L-Artikolu 214 ta’ din id-direttiva jispeċifika:
“1 “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali:
a) kull persuna taxxabbli, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 10(2), li fit-territorju tagħhom twettaq fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward tagħhom tista’ titnaqqas il-VAT, minbarra l-fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li għalihom il-VAT għandha titħallas biss mill-konsumatur jew mill-persuna li għaliha hija intenzjonata l-merkanzija jew is-servizzi, skond l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199;
[...]
d) kull persuna taxxabbli li fit-territorju rispettiv tagħha tirċievi servizzi li għalihom għandha tħallas il-VAT skond l-Artikolu 196;
e) kull persuna taxxabbli, stabbilita fit-territorju rispettiv tagħha, twettaq forniment ta’ servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li għalihom għandha titħallas il-VAT unikament mir-riċevitur skond l-Artikolu 196”;
[...]”
6 L-Artikolu 196 tal-istess direttiva jipprevedi:
“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli, jew persuna ġuridika mhux taxxabbli li hi identifikata għall-finijiet tal-VAT, li lilha jiġu fornuti s-servizzi previsti fl-Artikolu 44, jekk s-servizzi jiġu fornuti minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju ta’ l-Istat Membru.”
7 Skont l-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112, l-eżenzjonijiet u l-ħelsien mit-taxxa gradwali previsti fit-Taqsima 2 ta’ din id-direttiva għandhom japplikaw għall-provvista ta’ merkanzija u servizzi mill-impriżi żgħar.
8 L-Artikolu 287 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“L-Istati Membri li aderew wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat [dħul mid-dħul]’annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-eqwivalenti f’munita nazzjonali ta’ l-ammonti li ġejjin bir-rata tal-kambju fil-ġurnata ta’ adeżjoni tagħhom:
[...]
17) Il-Bulgarija: [EUR] 25 600,
[...] ”
9 L-Artikolu 289 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:
“Persuni taxxabbli eżenti mill-VAT m’għandhomx ikunu intitolati biex inaqqsu l-VAT skont l-Artikoli 167 sa 171 u l-Artikoli 173 sa 177, u ma jistgħux juru l-VAT fuq il-fatturi tagħhom. ”
10 L-Artikolu 290 tal-imsemmija direttiva jippreċiża:
“Persuni taxxabbli intitolati għall-eżenzjoni mill-VAT jistgħu jagħżlu jew l-arranġamenti normali tal-VAT jew il-proċeduri simplifikati previsti fl-Artikolu 281. F’dan il-każ, huma għandhom ikunu intitolati għal kwalunkwe ħelsien gradwat mit-taxxa previst mil-leġislazzjoni nazzjonali.”
Id-dritt Bulgaru
11 L-Artikolu 70(4) taz-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, DV Nru 63, tal-4 ta’ Awwissu 2006, iktar ’il quddiem iz-“ZDDS”) jipprevedi li persuna rreġistrata skont l-Artikolu 97a taz-ZDDS ma għandux id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input.
12 L-Artikolu 94 taz-ZDDS jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu li r-reġistrazzjoni għall-finijiet tal-VAT titwettaq jew b’mod mandatorju jew b’mod fakultattiv.
13 L-Artikolu 96(1) taz-ZDDS jispeċifika li kull persuna taxxabbli li tkun għamlet dħul mill-bejgħ taxxabbli ta’ iktar minn jew ekwivalenti għal 50 000 lev Bulgara (madwar EUR 25 600) matul perijodu li ma jeċċedix tnax-il xahar konsekuttiv qabel ix-xahar kurrenti għandha tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-finijiet ta’ din il-liġi fi żmien erbatax-il jum wara t-tmiem tas-sena fiskali li matulha nkiseb dan id-dħul mill-bejgħ.
14 L-Artikolu 97a taz-ZDDS jipprevedi:
“1 Kull persuna taxxabbli għandha tkun suġġetta għal reġistrazzjoni skont din il-liġi fis-sens tal-Artikolu 3(1), (5) u (6) li tkun irċeviet servizzi li l-post ta’ prestazzjoni tagħhom huwa t-territorju nazzjonali, li huma taxxabbli u li għalihom il-VAT titħallas mid-destinatarju skont l-Artikolu 82(2).
2. Kull persuna taxxabbli għandha tkun suġġetta għal reġistrazzjoni skont din il-liġi fis-sens tal-Artikolu 3(1), (5) u (6), stabbilita fit-territorju nazzjonali, li tipprovdi servizzi konformement mal-Artikolu 21(2) li l-post ta’ eżekuzzjoni huwa t-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
3. Persuna taxxabbli rreġistrata konforemement mal-paragrafu 1 għandha wkoll titqies bħala rreġistrata konformement mal-paragrafu 2 u viċi versa.
[...] ”
15 Skont l-Artikolu 100(1) taz-ZDDS:
“Kull persuna taxxabbli li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni obbligatorja konformement mal-Artikolu 96(1) għandu jkollha d-dritt li tirreġistra konformement ma’ din il-liġi.”
16 L-Artikolu 113(9) taz-ZDDS jipprevedi li:
“Persuni taxxabbli li ma humiex irreġistrati konformement ma’ din il-liġi jew li huma rreġistrati abbażi tal-Artikolu 97a(1) u (2) [...], ma għandhomx id-dritt li jsemmu l-VAT fil-fatturi li joħorġu.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li EBS hija kumpannija stabbilita fil-Bulgarija, li tipprovdi servizzi fil-qasam tas-servizzi online bħalma huma d-disinn ta’ siti tal-internet, l-iżvilupp tal-multimedia jew id-disinn grafiku.
18 Mill-21 ta’ Diċembru 2010, EBS ġiet identifikata għall-finijiet tal-VAT skont l-Artikolu 97a (2) taz-ZDDS, li jipprevedi r-reġistrazzjoni tal-persuni taxxabbli stabbiliti fil-Bulgarija li jipprovdi servizzi li l-post ta’ eżekuzzjoni tagħhom huwa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
19 Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, EBS ibbenefikat minn provvista ta’ servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju ta’ Stati Membri oħra li ma humiex ir-Repubblika tal-Bulgarija, li hija użat biex tipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra u fl-Isvizzera.
20 EBS wettqet it-tnaqqis tal-VAT relatata mal-provvista ta’ servizzi tal-input hekk rċevuti, fil-kuntest ta’ skema ta’ reverse charges.
21 Waqt verifika fiskali, in-Natsionalnata agentsia za prihodite, (aġenzija nazzjonali tad-dħul pubbliku, il-Bulgarija) ikkonstatat li EBS laħqet, mit-30 ta’ Novembru 2013, il-fatturat li lil hinn minnu l-impriżi ma jibbenefikawx mill-iskema ta’ eżenzjoni mill-VAT f’dan l-Istat Membru u għandhom, skont id-dritt nazzjonali jirreġistraw ruħhom għall-VAT konformement mal-Artikolu 96(1) taz-ZDDS.
22 Permezz ta’ avviż ta’ aġġustament tas-16 ta’ Settembru 2015, l-aġenzija nazzjonali tad-dħul pubbliku, min-naħa, qieset li EBS eżerċitat indebitament id-dritt tagħha ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input relatata mal-provvista li bbenefikat minnha, minħabba li l-Artikolu 70(4) taz-ZDDS u, min-naħa l-oħra, imponiet fuq EBS il-ħlas tal-arrettrati tal-VAT flimkien mal-interessi moratorji (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ aġġustament”).
23 Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2015, id-direttur tad-direttorat “appell u prassi fil-qasam ta’ tassazzjoni u ta’ sigurtà soċjali” ta’ Sofija parzjalment laqa’ t-talba għar-rettifika tal-avviż ta’ aġġustament, billi kkunsidra li l-projbizzjoni li titnaqqas il-VAT tal-input dovuta jew imħallsa ma setgħetx tiġi opposta lil EBS sakemm l-identifikazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 96(1) taz-ZDDS, iżda biss sad-data li fiha l-kundizzjonijiet għat-tressiq ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont dik id-dispożizzjoni ġew issodisfatti.
24 Peress li kienet obbligata tħallas ammont ta’ BGN 2 094 196 (madwar EUR 1 070 741) ta’ VAT, flimkien mal-interessi moratorji, EBS adixxiet l-Administrativen sad Sofia-grad (qorti amministrattiva tal-belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) b’talba għal annullament tal-avviż ta’ aġġustament hekk irrettifikat.
25 Din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 70(4) taz-ZDDS huwiex konformi mad-Direttiva 2006/112.
26 Hija tirrileva li, jekk il-persuni taxxabbli rreġistrati għall-VAT skont l-Artikolu 97a taz-ZDDS, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 70(4) taz-ZDDS, ma jistgħux isemmu l-VAT fil-fatturi tagħhom għal konsenji li huma jwettqu fil-Bulgarija, huma għandhom, min-naħa l-oħra, ikunu jistgħu jiffatturaw din it-taxxa għall-konsenji ta’ prodotti jew provvista ta’ servizzi li l-post ta’ eżekuzzjoni tagħhom jinsab barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Hija tqis li dawn il-persuni taxxabbli jistgħu konsegwentement, inaqqsu l-VAT tal-input dovuta jew imħallsa għall-provvista ta’ servizzi li huma pprovdewlhom permezz ta’ persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju ta’ Stati Membri oħra.
27 Huwa f’dan il-kuntest li l-Administrativen sad Sofia-grad (qorti amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1 Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-kuntest tad-dritt għat-tnaqqis għandu jingħata piż differenti lill-ipoteżijiet ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT, jew, rispettivament, fis-sens li jipprekludu lill-Istati Membri milli jagħtu piż differenti lill-ipoteżijiet ta’ identifikazzjoni, bħalma huwa l-każ fid-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 97a u fl-Artikolu 70(4) taz-Zakon za danaka varhu dobavenata stoynost (Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, iktar ’il quddiem iż-“ZDDS”)?
2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 168(a) u tal-Artikolu 169(a) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna, identifikata skont l-Artikolu 214(1)(e) ta[l-imsemmija direttiva], ma għandhiex dritt li tnaqqas it-taxxa tal-input tal-VAT imħallsa minnha fir-rigward ta’ provvisti ta’ servizzi, imwettqa minn persuni taxxabbli minn Stati Membri oħra, f’sitwazzjoni fejn tuża dawn l-istess provvisti għat-twettiq ta’ provvisti ta’ servizzi fi Stati Membri oħra u fejn ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti sostantivi u proċedurali l-oħra għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis?
3. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 168(a) u tal-Artikolu 169(a) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 70(4) taz-ZDDS, li fl-ebda każ ma jirriżulta dritt għal tnaqqis ta’ kreditu fiskali għal persuna taxxabbli, identifikata għall-finijiet tal-VAT fuq il-bażi tal-Artikolu 214(1)(d) jew (e), u mhux fuq il-bażi tal-Artiklu 214(1)(a) tad-Direttiva 2006/112? ”
Fuq id-domandi preliminari
28 Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 169(a) tad-Direttiva 2006/112 jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li tnaqqas il-VAT tal-input dovuta jew imħallsa f’dan l-Istat Membru għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra u użati sabiex jipprovdu provvista ta’ servizzi fi Stati Membri oħra, li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli, peress li din tkun identifikata għall-finijiet tal-VAT skont wieħed jew l-ieħor miż-żewġ każijiet imsemmija fl-Artikolu 214(1)(d) u (e) tad-Direttiva 2006/112.
29 Għandu jiġi ppreċiżat, qabelxejn, li l-Artikolu 214(1)(d) u (e) tad-Direttiva 2006/112 li jirrigwarda, rispettivament, il-każ fejn il-persuna taxxabbli tirċievi, fit-territorju ta’ Stat Membru, provvista ta’ servizzi li għalihom hija responsabbli li tħallas il-VAT skont l-Artikolu 196 ta’ din id-direttiva u dak il-każ li fih il-persuna taxxabbli hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru u jipprovdi servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fejn biss il-klijent huwa responsabbli li jħallas il-VAT skont dan l-istess Artikolu 196. Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li din id-dispożizzjoni ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru fl-Artikolu 97a(1) u (2) taz-ZDDS.
30 Għandu jitfakkar sussegwentement li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju fundamentali ta’ newtralità tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa tingħata jekk ir-rekwiżiti sostantivi jiġu ssodisfatti, anki jekk ċerti rekwiżiti formali jkunu tħallew barra mill-persuni taxxabbli (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C-183/14, EU:C:2015:454, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT, prevista fl-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112, hija biss rekwiżit formali għall-finijiet ta’ verifika, li ma jistax jikkontesta, b’mod partikolari, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, sa fejn il-kundizzjonijiet sostantivi li joħolqu dan id-dritt ikunu ssodisfatti (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C-183/14, EU:C:2015:454, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT ma tistax tiġi prekluża milli teżerċita d-dritt tagħha li tnaqqas il-VAT tal-input dovuta jew imħallsa peress li ma kinitx identifikata għall-finijiet tal-VAT qabel ma użat l-oġġetti akkwistati matul l-attività taxxabbli tagħha (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C-183/14, EU:C:2015:454, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Minn dan jirriżulta wkoll, a fortiori, li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprekludix persuna taxxabbli li jeżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa, peress li tkun identifikata għall-finijiet tal-VAT skont wieħed jew l-ieħor miż-żewġ każijiet imsemmija fl-Artikolu 214(1)(d) u (e) tad-Direttiva 2006/112.
34 Inkunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għad-domandi li saru li d-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat li jipprojbixxi lil persuna taxxabbli, stabbilita fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li jnaqqas il-VAT tal-input dovuta jew imħallsa f’dan l-Istat Membru għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra u użati sabiex jipprovdu provvista ta’ servizzi fi Stati Membri oħra, li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli, peress li din tkun identifikata għall-finijiet tal-VAT skont wieħed jew l-ieħor miż-żewġ każijiet imsemmija fl-Artikolu 214(1)(d) u (e) tad-Direttiva 2006/112.
35 Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tista’ tinżamm ukoll interpretazzjoni differenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
36 Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li peress li EBS ma setgħetx tibqa’ tibbenefika mill-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fil-Bulgarija, inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ fatturat tagħha, hija ma setgħetx tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT skont l-Artikolu 97a(1) u (2) taz-ZDDS, iżda kienet, min-naħa l-oħra, suġġetta għas-sistema ta’ reġistrazzjoni “obbligatorja” skont l-Artikolu 96 taz-ZDDS.
37 Għalhekk, jidher li jirriżulta li huma jistgħu biss jiġu identifikati għall-finijiet tal-VAT skont l-Artikolu 97a(1) u (2) taz-ZDDS dawk il-persuni taxxabbli suġġetti għall-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fil-Bulgarija.
38 Jekk dan huwa l-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, peress li għandha ġurisdizzjoni esklużiva li tinterpreta d-dritt nazzjonali, jekk id-domandi magħmula għandhomx jiġu fformulati mill-ġdid u li jiġi kkunsidrat jekk l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 169(a) tad-Direttiva 2006/112 jipprekludux leġiżlazzjoni fi Stat Membru li tipprojbixxi lil persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru milli tibbenefika minn skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa, milli teżerċita d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli, u użati minnhom biex jipprovdu provvista ta’ servizzi fi Stati Membri oħra.
39 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi li, sa fejn il-prodotti u s-servizzi jintużaw għall-finijiet ta’ dawn it-tranżazzjonijiet taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq it-tranżazzjonijiet tagħha, li tnaqqas l-ammont ta’ taxxa dovuta minnha, il-VAT dovuta jew imħallsa f’dan l-Istat Membru fir-rigward ta’ prodotti li ġew ikkonsenjati lilha jew li ser jiġu kkonsenjati lilha u għas-servizzi, li ġew ipprovduti jew li ser jiġu pprovduti minn persuna taxxabbli oħra.
40 Madankollu, impriża stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru u li tibbenefika mill-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’dan l-Istat Membru ma tistax tinvoka d-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 289 tad-Direttiva 2006/112 tipprevedi li l-persuni taxxabbli suġġetti għal din l-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa “m’għandhomx ikunu intitolati biex inaqqsu l-VAT skond l-Artikoli 167 sa 171 [...] u ma jistgħux juru l-VAT fuq il-fatturi tagħhom”.
41 Barra minn hekk, l-Artikolu 169(a) tad-Direttiva 2006/112 jippreċiża li, il-persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT hemm imsemmija sa fejn l-oġġetti jew is-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet tagħha li jaqgħu taħt l-attivitajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva, imwettqa barra mill-Istat Membru li fih tkun dovuta jew imħallsa dik it-taxxa, li fir-rigward tagħhom kien ikun hemm dritt għal tnaqqis li kieku dawn it-tranżazzjonijiet ikunu twettqu f’dak l-Istat Membru.
42 Skont l-Artikolu 169(a) tad-Direttiva 2006/112, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ tnaqqis, jiddependi, konsegwentement, fuq il-kwistjoni ta’ jekk tali dritt jeżistix meta t-tranżazzjonijiet kollha jitwettqu fl-istess Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, RBS Deutschland Holdings, C-277/09, EU:C:2010:810, punt 32). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi implementat indipendentement kemm mill-issuġġettar effettiv għall-VAT tat-tranżazzjoni tal-output, fl-Istati Membri l-oħra (ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, RBS Deutschland Holdings, C-277/09, EU:C:2010:810, punt 41).
43 Madankollu, fejn impriża li tibbenefika mill-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fil-Bulgarija ma tistax tinvoka f’dan l-Istat Membru d-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa għall-provvista ta’ servizzi pprovduti f’dak l-Istat Membru, waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 169(a) tad-Direttiva 2006/112, biex tibbenefika mid-dritt tat-tnaqqis ta-VAT tal-input dovuta jew imħallsa, għall-provvista ta’ servizzi pprovduti barra dan l-Istat Membru, lanqas ma tkun issodisfatta.
44 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 169 (a) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tipprojbixxi lil persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru milli tibbenefika minn skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa milli teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat għall-provvista ta’ servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra u użati biex jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħra li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli.
45 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula, għandha tkun li d-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jipprojbixxi persuna taxxabbli, stabbilita fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li jnaqqas il-VAT tal-input dovuta jew imħallsa f’dan l-Istat Membru għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli u użati sabiex jipprovdu provvista ta’ servizzi fi Stati Membri oħra, peress li din tkun identifikata għall-finijiet tal-VAT skont wieħed jew l-ieħor minn żewġ każijiet imsemmija fl-Artikolu 214(1)(d) u(e) tad-Direttiva 2006/112. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 169(a) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tipprojbixxi lil persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru milli tibbenefika minn skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa milli teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat għall-provvista ta’ servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra u użati biex jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħra li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli.
Fuq l-ispejjeż
46 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi persuna taxxabbli, stabbilita fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li jnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input dovuta jew imħallsa f’dan l-Istat Membru għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli, peress li din tkun identifikata għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud skont wieħed jew l-ieħor minn żewġ każijiet imsemmija fl-Artikolu 214(1)(d) u(e) tad-Direttiva 2006/112 kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 169(a) tad-Direttiva 2006/112 kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tipprojbixxi lil persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru milli tibbenefika minn skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa milli teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.