Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
28 ta’ Frar 2018 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Regolament (KE) Nru 1998/2006 – Artikolu 35 TFUE – Għajnuna de minimis fil-forma ta’ vantaġġ fiskali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-benefiċċju ta’ dan il-vantaġġ fiskali l-investimenti fil-manifattura ta’ prodotti intiżi għall-esportazzjoni”
Fil-Kawża C-518/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura
“ZPT” AD
vs
Narodno sabranie na Republika Bulgaria,
Varhoven administrativen sad,
Natsionalna agentsia za prihodite,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C.G. Fernlund, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal “ZPT” AD, minn M. Ekimdzhiev u K. Boncheva, advokati,
– għall-Narodno sabranie na Republika Bulgaria, minn T. Tsacheva, bħala aġent,
– għall-Varhoven administrativen sad, minn G. Kolev u M. Semov, bħala aġenti,
– għan-Natsionalna agentsia za prihodite, minn B. Atanasov u I. Kirova, bħala aġenti,
– għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u L. Zaharieva, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn S. Charitaki u S. Papaioannou, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, P. Mihaylova u E. Manhaeve, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità, fid-dawl tal-Artikolu 35 TFUE, tal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 TFUE u 108 TFUE] dwar l-għajnuna de minimis (ĠU 2006, L 379, p. 5), kif ukoll dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn “ZPT” AD, minn naħa, u, Narodno sabranie na Republika Bulgaria (l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija), il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) u n-Natsionalna agentsia za prihodite (l-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija), min-naħa l-oħra, dwar talba għal kumpens minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tal-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 TFUE u 108 TFUE] għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312) ta b’mod partikolari s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi, permezz ta’ regolament, livell li taħtu ċerta għajnuna, imsejħa “de minimis”, għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) TFUE u bħala li ma hijiex, għalhekk, suġġetta għall-proċedura ta’ notifika lill-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 108 TFUE.
4 Fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet li kienu jirregolaw l-adozzjoni ta’ għajnuna de minimis kienu jinsabu fir-Regolament Nru 1998/2006, li l-Artikolu 1(1) tiegħu kien redatt kif ġej:
“Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lill-intrapriżi fis-setturi kollha, ħlief għal:
[...]
(d) għajnuna lill-attivitajiet relatati ma’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, l-aktar għajnuna marbuta direttament ma’ kwantitajiet esportati, it-twaqqif u l-operazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew nefqa oħra kurrenti marbuta ma’ l-attività ta’ l-esportazzjoni;
[...]”
5 L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:
“1. Miżuri ta’ għajnuna għandhom jitqiesu li ma jilħqux il-kriterji ta’ l-Artikolu [107(1) TFUE] u għandhom għalhekk ikunu eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu [108(3) TFUE], jekk dawn ikunu jilħqu l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 5 ta’ dan l-Artikolu.
2. L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil xi intrapriża waħda m’għandhiex taqbeż EUR 200 000 fuq kwalunkwe perijodu ta’ tlett snin fiskali. [...] Dawn il-limiti għandhom japplikaw irrespettivament tal-forma ta’ l-għajnuna de minimis jew l-għan [...]
[...]”
Id-dritt Bulgaru
6 L-Artikolu 182(2) taz-Zakon za korporativnoto podohodno oblagane (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:
“Il-vantaġġ fiskali li tikkostitwixxi għajnuna de minimis ma japplikax:
[...]
7) fuq l-investiment fl-attiv irrelatat ma’ attivitajiet marbuta mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew lejn Stati Membri.
[...]”
7 L-Artikolu 184 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jistipula:
“Il-persuni taxxabbli jibbenefikaw minn maħfra totali tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq id-dħul taxxabbli li jirriżulta mill-attività ta’ produzzjoni mwettqa, inkluża l-produzzjoni taħt kuntratt, jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin ikunu ssodisfatti:
1) il-persuna taxxabbli teżerċita attività ta’ produzzjoni biss fil-komuni li fihom, fis-sena ta’ qabel is-sena kurrenti, ir-rata tal-qgħad kienet mill-inqas 1.35 darbiet daqs ir-rata nazzjonali medja matul l-istess perijodu;
2) huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti:
a) fl-Artikolu 188 fil-każ ta’ għajnuna de minimis.
[...]”
8 L-Artikolu 188 tal-imsemmija liġi jipprevedi:
“1. Vantaġġ fiskali jikkostitwixxi għajnuna de minimis meta l-ammont ta’ għajnuna de minimis li tirċievi l-persuna taxxabbli matul l-aħħar tliet snin, inkluża dik kurrenti, ikunu xi jkunu l-forma u s-sors, ma jeċċedix l-ekwivalenti f’[leva Bulgari (BGN)] ta’ EUR 200 000 [...]
2. Ir-riżorsi li jikkorrispondu għall-maħfra tat-taxxa msemmija fl-Artikolu 184 għandhom jiġu investiti f’assi tanġibbli jew intanġibbli konformement mal-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà f’terminu ta’ erba’ snin dekorribbli mill-bidu tas-sena li għaliha t-taxxa hija maħfura.
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 ZPT, kumpannija rregolata mid-dritt Bulgaru, teżerċita tliet attivitajiet ta’ produzzjoni teknikament awtonomi f’fabbriki separati, jiġifieri attività ta’ produzzjoni ta’ pajpijiet u ta’ tubi pprofilati u tondi, ta’ profili fformati bil-kesħa u mitwija u ta’ mezzi ta’ trażżin tal-azzar fit-toroq (guardrails), attività ta’ galvanizzazzjoni bis-sħana ta’ elementi u attività ta’ kisi b’żingu elettrolitiku jew ta’ elettrogalvanizzazzjoni ta’ elementi.
10 Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha għas-sena 2008, ZPT indikat li riedet tibbenefika mill-maħfra tat-taxxa fuq il-kumpanniji prevista fl-Artikolu 184 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji għal ammont ta’ BGN 140 677.51 (madwar EUR 70 000).
11 Permezz ta’ avviż ta’ evalwazzjoni tat-taxxa tal-5 ta’ Marzu 2010, din il-maħfra tat-taxxa ma ġietx aċċettata għar-raġuni li l-investimenti li għalihom ZPT riedet tibbenefika mill-imsemmija maħfra tat-taxxa kienu saru f’fabbriki li fihom kienu mmanifatturati prodotti maħsuba għall-esportazzjoni u dawn l-investimenti huma esklużi mill-benefiċċju tal-maħfra tat-taxxa permezz tal-punt 7 tal-Artikolu 182(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji.
12 Fil-21 ta’ Mejju 2010, ZPT ressqet azzjoni kontra dan l-avviż ta’ evalwazzjoni tat-taxxa quddiem l-Administrativen sad – grad Burgas (il-Qorti Amministrattiva ta’ Bourgas, il-Bulgarija). B’deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2011, din il-qorti annullat l-imsemmi avviż ta’ evalwazzjoni tat-taxxa billi qieset li r-rifjut tal-maħfra tat-taxxa ma kienx iġġustifikat peress li l-attività awtonoma tal-elettrogalvanizzazzjoni tal-elementi li fiha ZPT iddikjarat li xtaqet twettaq l-investimenti meħtieġa ma kienet tat lok għal ebda esportazzjoni u t-terminu ta’ erba’ snin li fih din il-kumpannija setgħet tinvesti l-ammonti korrispondenti għall-maħfra tat-taxxa kien għadu ma skadiex.
13 B’sentenza tas-27 ta’ Diċembru 2011, mogħtija fuq appell u li saret definittiva, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) annullat l-imsemmija sentenza u ċaħdet l-azzjoni ta’ ZPT kontra l-avviż ta’ evalwazzjoni tat-taxxa tal-5 ta’ Marzu 2010. Peress li kkonstatat li l-investimenti kienu twettqu fil-fabbrika ta’ galvanizzazzjoni bis-sħana li l-prodotti tagħha kienu esportati, dik il-qorti qieset li l-kundizzjoni, imposta mill-punt 7 tal-Artikolu 182(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, ta’ investiment f’assi mingħajr rabta ma’ esportazzjonijiet lejn Stati terzi jew lejn Stati Membri ma ġietx issodisfatta u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-maħfra tat-taxxa kellha tiġi analizzata bħala għajnuna mill-Istat li għandha bħala effett id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.
14 ZPT tfittex quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) ir-responsabbiltà tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija, tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) u tal-Aġenzija Nazzjonali tad-dħul Pubbliku minħabba allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn dawn l-istituzzjonijiet. Hija ssostni li għandha dritt għal kumpens ugwali għall-ammont tal-maħfra tat-taxxa li ġiet irrifjutata lilha, flimkien mal-interessi.
15 Is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tar-restrizzjoni prevista mil-leġiżlatur nazzjonali fil-punt 7 tal-Artikolu 182(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji mal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006.
16 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Regoli li japplikaw id-dritt tal-Unjoni bħalma huma r-Regolament Nru 1998/2006 għandhom effett dirett u japplikaw immedjatament u, fl-affermattiv, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li timponi restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali tal-Unjoni tmur kontra dawn il-prinċipji?
2) Għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta’ vantaġġ fiskali li tiġi investita fl-assi użati għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti li parti minnhom tiġi esportata lejn Stati terzi jew lejn Stati Membri hija kompatibbli mal-kompetizzjoni fis-suq komuni?
3) Il-fabbrikazzjoni, permezz ta’ assi akkwistati b’fondi li joriġinaw minn għajnuna mill-Istat, ta’ prodotti esportati hija attività marbuta direttament ma’ kwantitajiet esportati fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom, restrizzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-esportaturi ta’ prodotti ffabbrikati permezz ta’ assi li jirriżultaw mill-investiment ta’ vantaġġ fiskali? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, x’inhija r-relazzjoni bejn din id-dispożizzjoni legali u l-Artikolu 35 TFUE, li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni bejn l-Istati Membri, u kwalunkwe miżura b’effett ekwivalenti, u jkun hemm diskriminazzjoni u ksur tal-moviment liberu tal-merkanzija?
4) L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1998/2006 jipprekludi li persuna ġuridika tiġi mċaħħda mir-rikonoxximent tad-dritt għal għajnuna finanzjarja de minimis li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ snin [previst fid-dritt] nazzjonali għall-implementazzjoni tal-investiment, u dan għar-raġuni biss li, matul l-istess perijodu, din il-persuna ġuridika investiet ukoll fondi fi strutturi awtonomi oħra tal-impriża tagħha li prodotti tagħha ġew esportati?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
17 Il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
18 Fl-ewwel lok, din il-qorti tqis li din it-talba la hija rilevanti u lanqas meħtieġa, peress li l-qorti tar-rinviju għandha biss tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ ksur manifest tad-dritt tal-Unjoni u ta’ rabta kawżali bejn dan l-allegat ksur u d-danni allegati.
19 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompitu li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich, C-113/15, EU:C:2016:718, punt 33).
20 F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, ZPT tfittex ir-responsabbiltà tal-Istat Bulgaru minħabba deċiżjoni tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) u minħabba allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija u lill-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku. Issa, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex speċifikament li tistabbilixxi jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kisrux ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat jew tal-moviment liberu tal-merkanzija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi kkunsidrata bħala manifestament irrilevanti.
21 Fit-tieni lok, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) issostni li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni nazzjonali li għandha l-awtorità ta’ res judicata li l-kontestazzjoni tagħha ma hijiex possibbli, anki jekk dan huwa intiż sabiex jiġi rrimedjat ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għall-istess raġuni, din it-talba ma hijiex ta’ natura preliminari.
22 Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li din l-argumentazzjoni hija relatata mal-mertu tat-talba għal deċiżjoni preliminari u mhux l-ammissibbiltà tagħha. Min-naħa l-oħra, proċedura intiża sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat ma għandhiex l-istess suġġett u ma tinvolvix neċessarjament l-istess partijiet bħall-proċedura li tat lok għad-deċiżjoni li kisbet l-awtorità ta’ kawża definittivament deċiża. Minn dan jirriżulta li l-prinċipju ta’ awtorità ta’ kawża definittivament deċiża ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba deċiżjoni ta’ qorti li tiddeċiedi bħala qorti tal-aħħar istanza (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punti 39 u 40).
23 Fit-tielet lok, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tikser l-awtonomija proċedurali tal-qrati Bulgari u r-regoli ta’ tqassim ta’ kompetenzi ta’ ġurisdizzjoni stipulati fil-Kostituzzjoni Bulgara, peress li l-qrati ċivili, inkluża l-qorti tar-rinviju, ma għandhomx il-ġurisdizzjoni sabiex jikkonstataw l-irregolarità ta’ deċiżjoni mogħtija mill-qrati amministrattivi.
24 Madankollu, jirriżulta mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi tilwimiet relatati ma’ kumpens għal ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi bħala qorti tal-aħħar istanza (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 59). F’dan il-kuntest, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni ta’ responsabbiltà bħal dik imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Electro Bulgaria u Frontex International, C-427/16 u C-428/16, EU:C:2017:890, punt 30).
25 Fir-raba’ lok, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tqajjem, fuq il-bażi tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, diversi lmenti relatati mal-impreċiżjoni, jew l-ineżattezza, fil-fatt u fid-dritt, tat-talba għal deċiżjoni preliminari, man-nuqqas ta’ rabta mal-kawża prinċipali u man-nuqqas ta’ motivazzjoni.
26 L-ewwel nett, bi ksur tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda espożizzjoni tal-fatti li fuqhom din hija bbażata u tiżnatura wkoll, fir-raba’ domanda tiegħu, il-fatti fil-kawża prinċipali. Għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi sunt dettaljat biżżejjed tal-fatti fil-kawża prinċipali. Fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-fatti, din tkopri fir-realtà dibattitu dwar il-klassifikazzjoni legali tal-istabbilimenti ta’ ZPT, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti tar-rinviju u li ma għandhiex effett fuq ir-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.
27 It-tieni nett, għalkemm il-kliem tal-ewwel domanda ma jirreferux huma stess preċiżament għad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni u lanqas għall-kwistjoni mqajma mir-relazzjoni tagħhom mar-Regolament Nru 1998/2006, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi, min-naħa l-oħra, l-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa f’dan ir-rigward.
28 It-tielet nett, huwa veru li t-tieni domanda, li tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat favur prodotti esportati b’kompetizzjoni fis-suq intern, hija fformulata b’termini mhux preċiżi. Madankollu, sabiex tingħata risposta utli, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun meħtieġ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Szemerey, C-330/14, EU:C:2015:826, punt 30).
29 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, permezz tat-tieni domanda, sa liema punt il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija jipprekludi għajnuna, anki de minimis, favur prodotti esportati. Peress li skont ġurisprudenza stabbilita d-dritt sekondarju għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’mod kompatibbli mad-dritt primarju tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija jista’ jinfluwenza l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006, li huwa s-suġġett tad-domandi l-oħra.
30 Ir-raba’ nett, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ġustament tosserva li l-qorti tar-rinviju ma esponietx espressament ir-raġunijiet li għalihom hija qiegħda tistaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 fid-dawl tal-Artikolu 35 TFUE fit-tielet parti tat-tielet domanda. Madankollu, dawn ir-raġunijiet jistgħu jiġu dedotti sempliċement mid-domandi preliminari l-oħra. Huwa, fil-fatt, ċertament utilità għall-qorti nazzjonali li tkun taf jekk id-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju li tagħha hija titlob l-interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tevalwa l-legalità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, hijiex invalida fid-dawl tal-Artikolu 35 TFUE.
31 Fil-ħames lok, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tikkunsidra li hija ma tistax tkun konvenuta fi proċedura għal kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minnha, mingħajr ma jinkisru l-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat, ir-rekwiżit ta’ indipendenza u imparzjalità tal-qorti u r-rispett tal-kompetenzi u tal-ġerarkija tal-qrati stabbiliti mill-Kostituzzjoni Bulgara.
32 Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 96(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, huma inter alia awtorizzati jippreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-partijiet fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-kwalità ta’ parti fil-kawża prinċipali, li fuq il-bażi tagħha l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ din il-proċedura, taqa’ taħt l-evalwazzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali fid-dawl tar-regoli tad-dritt nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, ma hemm l-ebda obbligu sabiex il-partijiet fil-kawża prinċipali jippreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari.
33 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
Fuq it-tielet parti tat-tielet domanda
34 Permezz tat-tielet parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 huwiex invalidu fid-dawl tal-Artikolu 35 TFUE.
35 Skont l-Artikolu 107 TFUE, “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”. L-Artikolu 108(3) TFUE jipprovdi li “[l]-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, dwar il-proġetti sabiex tiġi mogħtija jew sabiex tiġi modifikata għajnuna”.
36 Madankollu, konformement mal-Artikolu 109 TFUE, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa awtorizzat jagħmel regoli xierqa, b’mod partikolari, sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll il-kategoriji ta’ għajnuna li huma eżentati mill-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C-493/14, EU:C:2016:577, punt 33). B’hekk, ir-Regolament Nru 994/98 ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta’ regolament, limitu massimu li taħtu l-miżuri ta’ għajnuna ma jkunux suġġetti għall-proċedura ta’ notifika lill-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 108 TFUE.
37 Permezz tar-Regolament Nru 1998/2006, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont ta’ EUR 200 000 fuq perijodu ta’ tliet snin bħala l-limitu massimu li taħtu l-għajnuna mill-Istat hija meqjusa li ma taffettwax sostanzjalment il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma għandhiex, għaldaqstant, tiġi nnotifikata lilha. Dan ir-regolament jeskludi, madankollu, minn din is-sistema ċerti kategoriji ta’ għajnuna, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(1)(d) tiegħu, l-“għajnuna lill-attivitajiet relatati ma’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, l-aktar għajnuna marbuta direttament ma’ kwantitajiet esportati, it-twaqqif u l-operazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew nefqa oħra kurrenti marbuta ma’ l-attività ta’ l-esportazzjoni”.
38 L-Artikolu 35 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri.
39 L-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar titlob tliet kummenti preliminari.
40 Fl-ewwel lok, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni u miżuri li għandhom effett ekwivalenti tapplika kemm għall-awtoritajiet tal-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri, b’tali mod li regola ta’ dritt sekondarju tista’ tiġi kkontestata fuq din il-bażi, inkluż permezz ta’ domanda preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, EU:C:1984:183, punt 15).
41 Fit-tieni lok, filwaqt li l-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 jirreferi għall-esportazzjoni lejn Stati terzi jew Stati Membri, l-Artikolu 35 TFUE japplika biss għall-moviment tal-merkanzija bejn l-Istati Membri. Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi, l-Artikolu 1(1)(d) ta’ dan ir-regolament ma jistax imur kontra l-Artikolu 35 TFUE.
42 Fit-tielet lok, l-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 ma jistabbilixxix, huwa stess, restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni. Hemm lok, min-naħa l-oħra, li jiġi evalwat jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni”.
43 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura nazzjonali applikabbli għall-operaturi kollha attivi fit-territorju nazzjonali li taffettwa iktar il-prodotti ħerġin mis-suq tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni milli l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 35 TFUE (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C-15/15, EU:C:2016:464, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ “miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni” tippresupponi l-eżistenza ta’ effetti restrittivi fuq il-kummerċ (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C-15/15, EU:C:2016:464, punt 42). Dawn l-effetti jistgħu jkunu ta’ importanza anki jekk minuri (sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C-212/06, EU:C:2008:178, punt 52), sakemm dawn ma jkunux la wisq każwali u lanqas wisq indiretti (sentenza tat-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C-15/15, EU:C:2016:464, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Issa, il-projbizzjoni ta’ għajnuna marbuta mal-esportazzjoni lejn Stati Membri, anki meta din ma tissuperax il-limitu de minimis, previst fl-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006, hija, fiha nnifisha, mingħajr effett fuq il-kummerċ, peress li hija sempliċement timponi fuq l-Istati Membri li jastjenu milli jagħtu ċertu tip ta’ għajnuna. Konsegwentement, tali dispożizzjoni ma tistax tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 35 TFUE.
46 Iżda jirriżulta fuq kollox mir-regoli fundamentali tas-suq intern u mis-sistema ġenerali tal-għajnuna li tagħmel parti minnhom li l-esklużjoni tal-għajnuna għall-esportazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1998/2006 hija ġġustifikata fid-dawl tal-għan stess tal-Artikolu 107 TFUE. Skont dan l-artikolu, l-għajnuna mill-Istat hija, fil-fatt, inkompatibbli mas-suq intern “safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri”. Issa, l-għajnuna għall-esportazzjoni, anki ta’ ammont żgħir, hija, min-natura tagħha, fost l-għajnuna li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, direttament billi tagħti vantaġġ kompetittiv lill-prodotti esportati u indirettament billi tinċita lill-Istati Membri l-oħrajn sabiex jieħdu kontromiżuri simetriċi sabiex jiġi kkumpensat dan il-vantaġġ kompetittiv. Kif il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta, l-awtorizzazzjoni ta’ tali għajnuna hija partikolarment dannuża għall-funzjonament tas-suq intern.
47 Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 35 TFUE ma jistax jiġġustifika miżura li tmur kontra l-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna statali ma jistgħux jintużaw b’mod li jrendu r-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ineffettivi jiġġustifikaw ukoll id-dikjarazzjoni reċiproka, jiġifieri li dawn id-dispożizzjonijiet u dawk ir-regoli għandhom l-istess għan, li huwa dak li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni (sentenzi tat-5 ta’ Ġunju 1986, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 103/84, EU:C:1986:229, punt 19, u tat-20 ta’ Marzu 1990, Du Pont de Nemours Italiana, C-21/88, EU:C:1990:121, punti 19 sa 21).
48 Hemm lok, għaldaqstant, li għat-tielet parti tat-tielet domanda tingħata r-risposta li l-eżami tagħha ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006.
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda, l-ewwel żewġ partijiet tat-tielet domanda u fuq ir-raba’ domanda
49 Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda, l-ewwel żewġ partijiet tat-tielet domanda u r-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeskludu mill-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali li jikkostitwixxi għajnuna de minimis l-investimenti f’assi allokati għal attivitajiet marbuta mal-esportazzjoni.
50 Għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ dan ir-regolament kollu li għandu l-għan li jippermetti deroga, għal għajnuna mill-Istat ta’ ammont limitat, mir-regola li skontha kull għajnuna għandha, qabel kwalunkwe implementazzjoni, tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.
51 L-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 għandu l-għan li jillimita l-portata possibbli ta’ din id-deroga billi jeskludi minnha l-għajnuniet għall-esportazzjoni. Għalhekk din il-projbizzjoni għandha tkun analizzata bħala ritorn għall-prinċipju stabbilit mit-Trattat tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi interpretata b’mod strett.
52 Għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li r-Regolament Nru 1998/2006 fl-ebda każ ma kellu bħala għan u lanqas ma seta’ barra minn hekk ikollu legalment l-effett, la li jobbliga lill-Istati Membri jagħtu ċerta għajnuna u lanqas li jobbligahom jużaw il-possibbiltajiet kollha ta’ deroga li huwa jagħti.
53 Huwa taħt dawn ir-riżervi li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.
54 L-Artikoli 184 u 188 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jagħtu maħfra ta’ taxxa ta’ ammont inqas mil-limitu massimu ffissat mir-Regolament Nru 1998/2006 għall-impriżi li jeżerċitaw attività ta’ produzzjoni f’komun identifikat bħala li għandu rata ta’ qgħad sostanzjalment ogħla mill-medja nazzjonali, sakemm dawn jinvestu l-ammont tal-maħfra tat-taxxa fi żmien erba’ snin dekorribbli mill-bidu tas-sena li għaliha t-taxxa ġiet maħfura. Skont il-punt 7 tal-Artikolu 182(2) ta’ din il-liġi, il-vantaġġ fiskali ma japplikax “għall-investiment f’assi allokati għal attivitajiet marbuta mal-esportazzjoni”. Ir-Repubblika tal-Bulgarija b’hekk riedet tikkonforma ruħha mal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006, li jeskludi mill-benefiċċju tar-regola de minimis l-għajnuna li tiffavorixxi l-esportazzjonijiet.
55 L-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 ma jeskludix kull għajnuna li jista’ jkollha impatt fuq l-esportazzjonijiet, iżda biss dik li għandha bħala għan dirett, mill-forma stess li hija tieħu, li ssostni l-bejgħ fi Stat ieħor. Hija meqjusa bħala tali biss l-għajnuna “marbuta direttament ma’ kwantitajiet esportati”, dik relatata mal-istabbiliment u mal-funzjonament ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni u dik relatata ma’ spejjeż oħra kurrenti marbuta mal-esportazzjoni.
56 Minn dan jirriżulta li għajnuna għall-investiment, sakemm din ma tkunx, f’xi forma jew oħra, determinata, fil-prinċipju u fl-ammont tagħha, mill-kwantità tal-prodotti esportati, ma taqax taħt “għajnuna lill-attivitajiet relatati mal-esportazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk l-investimenti hekk sostnuti jippermettu l-iżvilupp ta’ prodotti maħsuba għall-esportazzjoni.
57 Fil-każ kuntrarju, jiġifieri jekk l-għajnuna għall-investiment hija ddeterminata skont il-kwantitajiet ta’ prodotti esportati u jekk din tidħol, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006, din tiġi eskluża mill-benefiċċju tar-regola de minimis. Interpretati b’dan il-mod, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 ma jipprekludux dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali bħalma huma dawk tal-punt 7 tal-Artikolu 182(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, sakemm dawn tal-aħħar huma interpretati mill-qorti nazzjonali, kif il-kliem tagħhom jippermetti, bħala li jinkludi l-istess esklużjoni.
58 Għalhekk, hemm lok li għall-ewwel u għat-tieni domanda, għall-ewwel żewġ partijiet tat-tielet domanda u għar-raba’ domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeskludu mill-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali li jikkostitwixxi għajnuna de minimis l-investimenti f’assi allokati għal attivitajiet marbuta mal-esportazzjoni.
Fuq l-ispejjeż
59 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-eżami tat-tielet parti tat-tielet domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107 u 108 TFUE] dwar l-għajnuna de minimis.
2) L-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1998/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeskludu mill-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali li jikkostitwixxi għajnuna de minimis l-investimenti f’assi allokati għal attivitajiet marbuta mal-esportazzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.