Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
6 ta’ Settembru 2018 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikoli 5 u 19(2) – Ħaddiema kkollokati fi Stat Membru differenti minn dak li fih hija l-persuna li timpjega teżerċita normalment l-attivitajiet tagħha – Ħruġ ta’ ċertifikati A1 mill-Istat Membru ta’ oriġini wara r-rikonoxximent mill-Istat Membru ospitanti tal-issuġġettar tal-ħaddiema għall-iskema tas-sigurtà soċjali tiegħu – Opinjoni tal-Bord Amministrattiv – Ħruġ bi żball taċ-ċertifikati A1 – Konstatazzjoni – Natura vinkolanti u effett retroattiv ta’ dawn iċ-ċertifikati – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Artikolu 12(1) – Kunċett ta’ persuna li tkun “intbagħtet hemm biex tieħu post persuna oħra””
Fil-Kawża C-527/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ottubru 2014, fil-proċedura
Salzburger Gebietskrankenkasse,
Bundesminister für Soziales und Konsumentenschutz,
fil-preżenza ta’
Alpenrind GmbH,
Martin-Meat Szolgáltató és Kereskedelmi Kft,
Martimpex-Meat Kft,
Pensionsversicherungsanstalt,
Allgemeine Unfallversicherungsanstalt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.-C. Bonichot, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għas-Salzburger Gebietskrankenkasse, minn P. Reichel, Rechtsanwalt,
– għal Alpenrind GmbH, minn R. Haumer u W. Berger, Rechtsanwälte,
– għal Martimpex-Meat Kft u Martin-Meat Szolgáltató és Kereskedelmi Kft, minn U. Salburg u G. Simonfay, Rechtsanwälte,
– għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,
– għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil, J. Pavliš u O. Šváb, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,
– għall-Irlanda, minn M. Browne, L. Williams, G. Hodge, J. Murray u E. Creedon kif ukoll minn A. Joyce u N. Donnelly, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn C. David, bħala aġent,
– għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, assistit minn M. Malczewska, adwokat,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, min-naħa, tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2010 tad-9 ta’ Diċembru 2010 (ĠU 2010, L 338, p. 35) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2009 L 284, p. 1), kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010 (ĠU 2010, L 338, p. 35) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 987/2009”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Salzburger Gebietskrankenkasse (il-Fond Reġjonali tal-Mard tal-Land ta’ Salzburg, l-Awstrija), (iktar ’il quddiem il-“Fond għall-Mard ta’ Salzburg”) u l-Bundesminister für Arbeit, Soziales und Konsumentenschutz (il-Ministru Federali tax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), u Alpenrind GmbH, Martin-Meat Szolgáltató és Kereskedelmi Kft (iktar ’il quddiem “Martin-Meat”), Martimpex-Meat kft (iktar ’il quddiem “Martimpex”), u l-Pensionsversicherungsanstalt (l-Uffiċċju tal-Pensjonijiet, l-Awstrija) u Allgemeine Unfallversicherungsanstalt (Istituzzjoni tal-Assigurazzjoni dwar Inċidenti Ġenerali), dwar il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għal persuni ssekondati biex jaħdmu fl-Awstrija fil-kuntest ta’ ftehim bejn Alpenrind, stabbilita fl-Awstrija, u Martimpex, stabbilita fl-Ungerija.
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament Nru 883/2004
3 Il-premessi 1, 3, 5, 8, 15, 17 18 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004 huma redatti kif ġej:
“(1) Ir-regoli għall-kordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jaqgħu taħt il-qafas tal-moviment liberu ta’ persuni u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-livell ta’ għajxien tagħhom u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg.
[...]
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali fir-rigward ta’ persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità [unjoni] kien emendat u aġġornat diversi drabi sabiex jirrifletti mhux biss żviluppi fuq livell Komunitarju, inklużi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll bidliet fil-leġislazzjoni fuq livell nazzjonali. Dawn il-fatturi ikkontribwixxew biex jagħmlu r-regoli Komunitarji dwar il-kordinazzjoni komplikati u li jieħdu ż-żmien. Għaldaqstant, sabiex jintlaħaq l-għan tal-moviment liberu tal-persuni, huwa essenzali li dawn ir-regoli jinbidlu billi jkunu immodernizzati u simplifikati.
[...]
(5) Huwa neċessarju, fi ħdan il-qafas ta’ din il-kordinazzjoni, li fil-Komunità jkun garantit trattament ugwali għall-persuni konċernati taħt il-leġislazzjonijiet nazzjonali differenti.
[...]
(8) Il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali huwa ta’ importanza partikolari għal ħaddiema li ma humiex residenti fl-Istat Membru fejn jaħdmu, inklużi ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri.
[...]
(15) Sabiex tkun evitata sitwazzjoni fejn ikun hemm overlapping fid-disposizzjonijiet ta’ leġislazzjoni nazzjonali li japplikaw għal sitwazzjoni waħda u sabiex ikunu evitati l-komplikazzjonijiet li jinqalgħu f’sitwazzjoni bħal din, huwa meħtieġ li persuni li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità jkunu suġġetti għal skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss.”
[...]
(17) Bil-għan li jkun garantit li, bl-aktar mod effettiv possibbli, il-persuni kollha impjegati fit-territorju ta’ Stat Membru jkunu trattati b’mod ugwali, jkun xieraq li bħala regola ġenerali, il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru fejn il-persuna konċernata twettaq l-attività tagħha jew tiegħu bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha tkun determinata bħala l-leġislazzjoni applikabbli.
(18) F’sitwazzjonijiet speċifiċi li jiġġustifikaw kriterji oħra ta’ applikabilità, jkun hemm il-bżonn li jsiru derogi minn dik ir-regola ġenerali.
(18a) Il-prinċipju ta’ leġiżlazzjoni unika applikabbli huwa ta’ importanza kbira u għandu jissaħħaħ. [...]
(45) Minħabba li l-objettiv ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-miżuri ta’ kordinazzjoni sabiex jiggarantixxu li d-dritt ta’ moviment liberu ta’ persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv, ma jistax jintlaħaq kif suppost mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, minħabba l-livell u l-effetti ta’ dik l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. [...]”
4 Taħt it-Titolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, l-Artikolu 11, intitolat “Regoli ġenerali” jipprevedi:
“1. Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.
[...]
3. Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:
a) persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;
[...] ”
5 F’dan l-istess titolu, jinsab l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli speċjali”, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-bidu tal-perijodu mill-1 ta’ Frar 2012 sat-13 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkontestat”):
“Persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f'isem il-prinċipal tagħha, liema prinċipal normalment iwettaq l-attivitajiet tiegħu hemmhekk, u li tintbagħat mill-prinċipal tagħha fi Stat Membru ieħor biex taħdem f'isem il-prinċipal għandha tibqa’ suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru sakemm mhux maħsub li x-xogħol idum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna oħra.”
6 Matul il-perijodu inkwistjoni, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 li jemenda r-Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament Nru 987/2009 (ĠU 2012, L 149, p. 4), il-kelma “stazzjonata” ġie miżjud fl-aħħar ta’ dan il-paragrafu.
7 Taħt it-titolu IV tal-imsemmi regolament, intitolat “Kummissjoni amministrattiva u Kumitat ta’ Konsulta”, l-Artikolu 71, intitolat “Komposizzjoni u metodi ta’ ħidma tal-Kummissjoni Amministrattiva”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Kordinazzjoni ta’ Sistemi ta’ Sigurtà Soċjali ([iktar ’il quddiem] “il-Kummissjoni Amministrattiva”) mehmuża mal-Kummissjoni [Ewropea] għandha tkun magħmula minn rappreżentant tal-gvern ta’ kull Stat Membru, assisti fejn ikun hemm il-bżonn minn konsulenti esperti. Rappreżentant tal-Kummissjoni [Ewropea] għandu jattendi għal-laqgħat tal-Kummissjoni Amministrattiva f’kapaċità ta’ konsulenza.”
8 L-Artikolu 72 ta’ dak it-titolu IV, intitolat “Kompiti tal-Kummissjoni Amministrattiva”, huwa fformulat kif ġej:
“Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha:
a) titratta l-kwistjonijiet amministrattivi u l-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni kollha li jinħolqu dwar id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jew dwar kull ftehim konkluż jew arranġament magħmul taħt dawn ir-Regolamenti. Dan mingħajr ħsara għad-dritt ta’ l-awtoritajiet, istituzzjonijiet u persuni konċernati li jirrikorru għall-proċeduri u għat-tribunali stabbiliti fil-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri, f’dan ir-Regolament jew fit-Trattat;
[...]
(ċ) issaħħaħ u tiżviluppa l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħhom f’affarijiet ta’ sigurtà soċjali sabiex, fost l-oħrajn, jikkunsidraw kwistjonijiet partikolari dwar ċerti kategoriji ta’ persuni; tiffaċilita r-realizzazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ attivitajiet ta’ koperazzjoni bejn il-fruntieri fil-qasam tal-kordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;
[...] ”
9 Skont l-Artikolu 76, intitolat “Kooperazzjoni”, li jinsab taħt it-Titolu V tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Dispożizzjonijiet oħra”:
“1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni kollha dwar:
a) miżuri meħuda biex ikun implimentat dan ir-Regolament;
b) bidliet fil-leġislazzjoni tagħhom li jistgħu jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri għandhom joffru lil xulxin l-aħjar għajnuna li jistgħu u għandhom jaġixxu bħallikieku qegħdin jimplimentaw l-leġislazzjoni tagħhom stess. [...] ”
Ir-Regolament Nru 987/2009
10 Il-premessi 2, 6 u 12 tar-Regolament Nru 987/2009 jistabbilixxu:
“(2) L-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni aktar effikaċi u aktar stretta bejn l-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali hija fattur essenzjali biex tippermetti lill-persuni koperti mir-[Regolament Nru 883/2004] li jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom fl-aħjar żmien u kondizzjonijiet possibbli.
[...]
(6) It-tisħiħ ta’ ċerti proċeduri għandu jġib aktar sigurezza ġuridika u trasparenza għal min juża r-[Regolament Nru 883/200] Notevolment, l-iffissar ta’ żmien komuni għall-kisba ta’ ċerti obbligi u ta’ ċerti stadji amministrattivi għandu jikkontribwixxi għall-kjarifika u strutturazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-persuni assigurati u l-istituzzjonijiet.
[...]
Bosta miżuri u proċeduri maħsuba f’dan ir-Regolament għandhom l-għan li jkun hemm aktar trasparenza tal-kriterji li l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri jridu japplikaw fil-qafas tar-[Regolament Nru 883/200]. Dawn il-miżuri u proċeduri huma r-riżultat tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni amministrattiva kif ukoll tal-esperjenza ta’ aktar minn tletin sena ta’ applikazzjoni tal-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali fil-qafas tal-libertajiet fundamentali speċifikati mit-Trattat. ”
11 Taħt it-Titolu I tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, il-Kapitolu I, iddedikat għad-definizzjonijiet, jipprovdi, fl-Artikolu 1(2)(ċ) tiegħu, li t-terminu “dokument” huwa ddefinit bħala “sett ta’ data, irrispettivament mill-mezz użat, strutturata b’ tali mod li tista’ tiġi skambjata b’mod elettroniku u li trid tiġi kkomunikata sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw ir-[Regolament Nru 883/2004] u r-[Regolament Nru 987/2009]”.
12 Taħt dan it-Titolu I, il-Kapitolu II, intitolat “Dispożizzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni u mal-iskambji ta’ data”, jipprevedi, fl-Artikolu 5 tiegħu, intitolat “Valur legali tad-dokumenti u l-evidenza ta’ sostenn maħruġa fi Stat Membru ieħor”:
“(1) Id-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament bażiku u tar-Regolament implimentattiv, u l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu.
(2) F’każ ta’ dubju dwar il-leġittimità tad-dokument jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li tirċievi d-dokument għandha titlob mill-istituzzjoni li ħarġitu l-kjarifiki meħtieġa u, jekk ikun l-każ, l-irtirar ta’ dak id-dokument. L-istituzzjoni li ħarġitu għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-raġunijiet għall-ħruġ tad-dokument u, jekk meħtieġ, li tirtirah.
(3) Konformement mal-paragrafu 2, f’każ ta’ dubju dwar l-informazzjoni pprovduta mill-persuni kkonċernati, dwar il-validità ta’ dokument jew il-prova ta’ sostenn jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza għandha, sa fejn dan ikun possibli, fuq talba mill-istituzzjoni kompetenti, twettaq il-verifika meħtieġa ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dan id-dokument.
(4) Fejn ma jintlaħaqx qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti mhux qabel xahar wara d-data li fiha l-istituzzjoni li rċeviet id-dokument tkun ippreżentat it-talba tagħha. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha. ”
13 Skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Kapitolu II, intitolat “Applikazzjoni provviżorja tal-leġislazzjoni u l-għoti provviżorju ta’ benefiċċji”:
“(1) Sakemm mhux previst mod ieħor fir-Regolament implimentattiv, fejn ikun hemm differenza ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar dwar id-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli, il-persuna kkonċernata għandha tiġi suġġetta b’mod provviżorju għal-leġislazzjoni ta’ wieħed minn dawk l-Istati Membri, fejn l-ordni ta’ prijorità tiġi ddeterminata kif ġej:
(a) il-leġislazzjoni tal-Istat Membru fejn il-persuna attwalment twettaq l-impjieg tagħha jew taħdem għal rasha, jekk l-impjieg jew l-impjieg għal rasha jitwettaq fi Stat Membru wieħed biss;
[...]
(3) Fejn ma jintlaħaqx qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti mhux qabel xahar wara d-data li fiha l-istituzzjoni li rċeviet id-dokument tkun ippreżentat it-talba tagħha. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha.
[...] ”
14 Taħt it-Titolu II tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Determinazzjoni tal-Leġislazzjoni Applikabbli” l-Artikolu 15, intitolat “Proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(b) u (d), l-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 12 tar-[Regolament Nru 883/2004] (dwar id-dispożizzjoni ta’ informazzjoni għall-istituzzjonijiet konċernati)”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-bidu tal-perijodu kontenzjuż:
“Sakemm mhux previst mod ieħor mill-Artikolu 16 tar-Regolament implimentattiv, fejn persuna twettaq l-attività tagħha fi Stat Membru li m’huwiex l-Istat Membru kompetenti taħt it-Titolu II tar-Regolament bażiku, il-persuna li tħaddem jew, fil-każ ta’ persuna li ma twettaqx attività bħala persuna impjegata, il-persuna kkonċernata, għandha tinforma b’dan lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu hija applikabbli l-leġislazzjoni, kull meta ikun possibbli minn qabel. Dik l-istituzzjoni għandha mingħajr dewmien tagħmel l-informazzjoni dwar il-leġislazzjoni li tkun applikabbli għall-persuna kkonċernata, taħt l-Artikoli 11(3) (b) jew l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, disponibbli għall-persuna kkonċernata u għall-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tiġi mwettqa l-attività.”
15 Matul il-perijodu kontenzjuż, it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 987/2009 kienet ġiet emendata bir-Regolament Nru 465/2012. Il-verżjoni emendata ta’ din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:
“[...]Dik l-istituzzjoni għandha toħroġ l-attestazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-[Regolamet Nru°987/2009] lill-persuna kkonċernata u għandha mingħajr dewmien tagħmel disponibbli informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli lil dik il-persuna, skont l-Artikolu 11(3)(b) jew l-Artikolu 12 tar-[Regolament Nruo883/2004], disponibbli lill-istituzzjoni maħtura mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih qed titwettaq l-attività.”
16 Taħt dan l-istess titolu, l-Artikolu 19, intitolat “L-għoti ta’ informazzjoni lil persuni kkonċernati u lil min iħaddem”, huwa fformulat kif ġej:
“(1) L-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-leġislazzjoni ssir applikabbli taħt it-Titolu II tar-Regolament bażiku għandha tinforma lill-persuna kkonċernata u, fejn ikun il-każ, lil min iħaddimha (iħaddmuha) dwar l-obbligi stabbiliti f’dik il-leġislazzjoni. Hija għandha tagħtihom l-għajnuna meħtieġa għat-twettiq tal-formalitajiet mitluba minn dik il-leġislazzjoni.
(2) Fuq talba tal-persuna kkonċernata jew ta’ min iħaddimha, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-leġislazzjoni hija applikabbli taħt it-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004] għandha tipprovdi attestazzjoni li tali leġislazzjoni hija applikabbli u għandha tindika, fejn ikun il-każ, sa liema data u taħt liema kondizzjonijiet.”
17 Skont l-Artikolu 20 ta’ dan it-Titolu II, intitolat “Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet”:
“(1) L-istituzzjonijiet relevanti għandhom jikkomunikaw lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru, li l-leġislazzjoni tiegħu hija applikabbli għal persuna taħt it-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004], l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi stabbilita d-data li fiha din il-leġislazzjoni ssir applikabbli u l-kontribuzzjonijiet li dik il-persuna u l-prinċipal jew prinċipali tagħha jkunu obbligati jħallsu taħt din il-leġislazzjoni.
(2) L-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu ssir applikabbli għal persuna taħt it-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004] għandha tagħmel disponibbli l-informazzjoni li tindika d-data li fiha l-applikazzjoni ta’ dik il-leġislazzjoni tidħol b’effett lill-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li dik il-persuna kienet suġġetta l-aħħar għal-leġislazzjoni tiegħu. ”
18 Taħt it-Titolu V, intitolat “Dispożizzjonijiet Mixxellanji, Transitorji u Finali”, l-Artikolu 89, intitolat “Informazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:
“L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet tagħhom huma konxji ta’ u japplikaw id-dispożizzjonijiet Komunitarji kollha, leġislattivi jew ta’ natura oħra, inklużi d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva, fl-oqsma koperti minn u fit-termini tar-[Regolament Nru°883/2004] u tar-[Regolament Nru°987/2009].”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 Alpenrind hija attiva fis-settur tal-kummerċ fil-bhejjem u tal-laħam. Mis-sena 1997, hija topera f’Salzburg biċċerija li hija tikri.
20 Matul is-sena 2007, Alpenrind, li kienet S GmbH, ikkonkludiet ma’ Martin-Meat, stabbilita fl-Ungerija, kuntratt li permezz tiegħu din tal-aħħar intrabtet li tagħmel xogħol ta’ tqattigħ tal-laħam u l-ippakkjar fi kwantitajiet ta’ 25 nofs karkassa taċ-ċanga kull ġimgħa. Dawn ix-xogħlijiet kienu jitwettqu fil-bini ta’ Alpenrind minn ħaddiema kkollokati fl-Awstrija. Fil-31 ta’ Jannar 2012, Martin-Meat abbandunat is-settur tat-tqattigħ tal-laħam u kompliet bl-abbittiment għal Alpenrind.
21 Fl-24 ta’ Jannar 2012, Alpenrind ikkonkludiet kuntratt mal-kumpannija Martimpex, stabbilita wkoll fl-Ungerija, li skontu din tal-aħħar impenjat ruħha li twettaq xogħlijiet ta’ tqattigħ ta’ laħam bejn l-1 ta’ Frar 2012 u l-31 ta’ Jannar 2014, ta’ 55 000 tunnellata ta’ nofs karkassi taċ-ċanga għal Alpenrind. Dawn ix-xogħlijiet kienu jitwettqu fil-bini ta’ Alpenrind minn ħaddiema kkollokati fl-Awstrija. Il-biċċiet tal-laħam kienu jittieħdu minn Martimpex, imbagħad jitqattgħu u jiġu ppakkjati mill-ħaddiema tagħha.
22 Mill-1 ta’ Frar 2014, Alpenrind reġgħet ftiehmet ma’ Martin-Meat li din tal-aħħar twettaq l-imsemmija ħidma ta’ tqattigħ tal-laħam fl-istabbilimenti msemmija hawn fuq.
23 Għal iktar minn 250 ħaddiem impjegat minn Martimpex matul il-perijodu kkontestat, l-istituzzjoni għas-sigurtà soċjali Ungeriża kompetenti ħarġet — parzjalment b’mod retroattiv u parzjalment f’każijiet fejn l-istituzzjoni Awstrijaka tas-sigurtà soċjali kienet diġà stabbilit l-issuġġettar tal-ħaddiem ikkonċernat għall-assigurazzjoni obbligatorja skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka — ċertifikati li jikkonfermaw l-applikazzjoni tal-iskema ta’ sigurtà soċjali Ungeriża, skont l-Artikoli 11 sa 16 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 987/2009. Kull waħda minn dawn il-liċenzji għandha tindika Alpenrind bħala l-persuna li timpjega fil-post fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq.
24 Il-Fond għall-mard ta’ Salzburg stabbilixxa l-issuġġettar tal-ħaddiema msemmija hawn fuq għall-assigurazzjoni obbligatorja matul il-perijodu kkontestat, skont l-Artikolu 4(1) u (2), l-Allgemeine Sozialversicherungsgesetz (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali) u l-Artikolu 1(1)(a) tal-Arbeitslosenversicherungsgesetz (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni għall-Qgħad), ibbażati fuq l-impjieg li kisbu għal impriża konġunta ta’ Alpenrind, ta’ Martin-Meat u ta’ Martimpex.
25 Permezz tas-sentenza kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) annullat din id-deċiżjoni tal-Fond għall-Mard ta’ Salzburg, għar-raġuni li l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali Awstrijaka ma kinitx kompetenti. Il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) immotivat id-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari, permezz tal-fatt li l-istituzzjoni Ungeriża ta’ sigurtà soċjali kompetenti ħarġet, għal kull waħda mill-persuni suġġetti għall-assigurazzjoni obbligatorja fl-Awstrija, ċertifikat A1 li kien jistabbilixxi li, minn data speċifika ’l quddiem, din il-persuna hija mħaddma fl-Ungerija minn Martimpex bħala impjegata suġġetta għall-assigurazzjoni obbligatorja u probabbilment hija kkollokata fl-Awstrija ma’ Alpenrind għall-perijodu indikat f’kull ċertifikat, li jinkludi l-perijodu kontenzjuż.”
26 Fl-appell ippreżentat kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-fond għall-mard ta’ Salzburg u l-Ministru jirrifjutaw l-idea li ċ-ċertifikati A1 kellhom effett vinkolanti assolut. Skont dawn il-partijiet, dan l-effett vinkolanti huwa bbażat fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri, stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE. Fil-fehma tagħhom, l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali Ungeriża kisret dan il-prinċipju.
27 Skont il-qorti tar-rinviju, l-Ungerija osservat li hija biss deċiżjoni ġudizzjarja li setgħet tipprovdi soluzzjoni għas-sitwazzjoni ta’ staġnar li tinsab fiha l-Ungerija wkoll u li d-dritt nazzjonali Ungeriż jipprekludi l-irtirar taċ-ċertifikat A1. Il-Fond għall-mard ta’ Salzburg iqis li ma għandux locus standi fl-Ungerija. Fil-fehma tagħha, l-uniku mod li bih tista’ titwassal għal deċiżjoni fuq il-mertu huwa bl-issuġġettar għall-assigurazzjoni obbligatorja Awstrijaka, minkejja l-produzzjoni taċ-ċertifikati A1 tal-istituzzjoni kompetenti fl-Ungerija.
28 Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li l-Ministru pproduċa dokumenti li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni Amministrattiva kkonkludiet, fl-20 u fil-21 ta’ Ġunju 2016, li l-Ungerija kienet iddikjarat ruħha b’mod żbaljat kompetenti għall-ħaddiema kkonċernati u li, għaldaqstant, iċ-ċertifikati A1 għandhom jiġu rtirati.
29 Il-qorti tar-rinviju tqis li t-tilwima quddiemha tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
30 B’mod partikolari, l-ewwel nett, din il-qorti tosserva li, skont il-kliem tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, huma biss marbuta b’dokumenti li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, u d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri. Għalhekk, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk dan l-effett vinkolanti jgħoddx ukoll lill-qrati nazzjonali.
31 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar l-impatt possibbli tal-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva fuq l-effett vinkolanti taċ-ċertifikati A1. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk, wara proċedura quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva li la waslet sabiex jintlaħaq ftehim u lanqas wasslet għall-irtirar taċ-ċertifikati A1, l-effett vinkolanti ta’ dawn iċ-ċertifikati skada u jekk proċedura biex tistabbilixxi l-issuġġettar għall-assigurazzjoni obbligatorja tista’ għalhekk tiġi stabbilita.
32 Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li, f’dan il-każ, ċerti ċertifikati A1 inħarġu b’mod retroattiv, u parzjalment biss wara li l-istituzzjoni Awstrijaka kienet diġà stabbilixxiet l-issuġġettar għall-assigurazzjoni obbligatorja. Din il-qorti tistaqsi jekk il-ħruġ ta’ tali dokumenti għandux effett vinkolanti retroattiv meta l-issuġġettar għall-assigurazzjoni obbligatorja fl-Istat Membru ospitanti tkun diġà ġiet stabbilita uffiċjalment. Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, jista’ jiġi kkunsidrat li l-atti maħruġa mill-istituzzjonijiet Awstrijaċi li jistabbilixxi l-obbligu ta’ assigurazzjoni huma wkoll “dokumenti”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, b’tali mod li dawn jipproduċu effett vinkolanti skont din id-dispożizzjoni.
33 Fit-tielet lok, fil-każ fejn, f’ċerti ċirkustanzi, iċ-ċertifikati A1 għandhom biss effett limitat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li tgħid li l-persuna kkollokata tibqa’ suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-persuna li timpjegaha sakemm din ma tintbagħatx biex tissostitwixxi persuna oħra, għandha tiġi interpretata fis-sens li ħaddiem ma jistax jittiħidlu postu immedjatament minn ħaddiem reċentement ikkolokat, tkun xi tkun l-impriża jew l-Istat Membru li minnhom joriġina dan il-ħaddiem reċentement ikkolokat. Minkejja li din l-interpretazzjoni stretta tista’ tippermetti li jiġu evitati l-abbużi, hija madankollu ma tirriżultax neċessarjament mir-redazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004.
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-effett vinkolanti tad-dokumenti fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament [...] Nru 987/2009 [...], iddefinit mill-Artikolu 5 tal-istess regolament, japplika wkoll fi proċedura quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE?
2) Jekk l-ewwel domanda ma tingħatax risposta fin-negattiv:
a) dan l-effett vinkolanti japplika wkoll meta proċedura preċedenti quddiem il-[Kummissjoni Amministrattiva] la wasslet għal ftehim u lanqas għal irtirar tad-dokumenti kontenzjużi?
b) dan l-effett vinkolanti japplika wkoll meta dokument “A 1 ikun inħareġ biss wara li l-Istat Membru ospitanti jkun stabbilixxa uffiċjalment l-issuġġettar għall-assigurazzjoni obbligatorja taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu? F’dawn il-każijiet, l-effett vinkolanti japplika wkoll b’mod retroattiv?
3) Jekk, f’ċirkustanzi partikolari, l-effett vinkolanti ta’ dokumenti previsti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 huwa limitat:
Il-projbizzjoni ta’ sostituzzjoni stabbilita fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 hija miksura meta s-sostituzzjoni ssir fil-forma ta’ kollokament magħmul mhux mill-istess persuna li timpjega iżda minn persuna oħra li timpjega? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti:
a) jekk din il-persuna li timpjega għandha s-sede tagħha fl-istess Stat Membru bħall-ewwel persuna li timpjga, jew
b) jekk, bejn l-ewwel u t-tieni persuni li jimpjegaw li jagħmlu l-kollokament, jeżisti rbit personali u/jew irbit ta’ organizzazzjoni?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
35 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat A1 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, jorbot mhux biss l-istituzzjonijiet tal-Istat Membru fejn titwettaq l-attività, iżda wkoll il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.
36 Għandu qabelxejn jitfakkar li, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-leġiżlazzjoni hija applikabbli skont dispożizzjoni tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, inkluż għalhekk l-Artikolu 12(1) tiegħu, jiċċertifika, fuq talba tal-persuna kkonċernata jew tal-persuna li timpjega, li din il-leġiżlazzjoni hija applikabbli u għandha tindika, fejn ikun il-każ, sa liema data u taħt liema kondizzjonijiet.
37 L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jipprovdi li d-dokumenti stabbiliti mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u tar-Regolament Nru 987/2009, u d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti, huma imposti fuq l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati invalidi mill-Istat Membru fejn ġew stabbiliti.
38 Ċertament, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tindika li d-dokumenti elenkati hemmhekk huma imposti fuq l-“istituzzjonijiet” tal-Istati Membri li ma humiex l-Istat Membru fejn ġew stabbiliti, mingħajr riferiment speċifiku għall-qrati ta’ dawn l-Istati Membri l-oħra.
39 Madankollu, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi wkoll li tali dokumenti huma imposti “sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati invalidi mill-Istat Membru li fih ikunu ġew stabbiliti”, li jissuġġerixxi li, bħala prinċipju, huma biss l-awtoritajiet u l-qrati ta’ l-Istat Membru tal-ħruġ jistgħu, jekk ikun il-każ, tirtira jew tiddikjara invalidi ċ-ċertifikati A1.
40 Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-istorja tal-oriġini tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 kif ukoll mill-kuntest li fih din id-dispożizzjoni tinsab.
41 B’mod partikolari, fir-rigward taċ-ċertifikat E 101, qabel iċ-ċertifikat A1, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-natura vinkolanti ta’ dan l-ewwel ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 12a (1a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), jorbot kemm l-istituzzjonijiet li l-qrati tal-Istat Membru fejn titwettaq l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punti 30 sa 32, u tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C-620/15, EU:C:2017:309, punt 51).
42 Issa, il-premessa 12 tar-Regolament Nru 987/2009 tipprovdi, b’mod partikolari, li l-miżuri u l-proċeduri previsti minnu “huma r-riżultat tal-każistika tal-[Qorti tal-Ġustizzja], tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni amministrattiva kif ukoll tal-esperjenza ta’ aktar minn tletin sena ta’ applikazzjoni tal-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali fil-qafas tal-libertajiet fundamentali speċifikati mit-Trattat”.
43 Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li r-Regolament Nru 987/2009 kkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi stabbilixxa n-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 u l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-istituzzjoni emittenti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-validità ta’ dak iċ-ċertifikat, u billi rriproduċa espliċitament il-proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim kemm dwar l-eżattezza tad-dokumenti stabbiliti mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru kif ukoll fuq id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiem ikkonċernat (is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C-620/16, EU:C:2017:812, punt 59, kif ukoll id-digriet tat-24 ta’ Ottubru 2017, Belu Dienstleistung u Nikless, C-474/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:812, punt 19).
44 Minn dan isegwi li jekk, waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 987/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jitbiegħed mill-ġurisprudenza preċedenti f’dan ir-rigward li l-qrati tal-Istat Membru fejn tiġi eżerċitata l-attività ma jkunux marbuta miċ-ċertifikati A1 stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huwa seta’ jipprevedi dan espressament.
45 Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikati E 101 huma ugwalment validi fi ħdan il-qafas tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009. B’mod partikolari, jekk il-prinċipju ta’ ċertezza legali invokat, fost l-oħrajn fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 987/2009, il-prinċipju ta’ affiljazzjoni tal-ħaddiema impjegati ma’ skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali huwa stabbilit fil-premessa 15 kif ukoll fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jirriżulta kemm mill-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll mill-premessa 2 u mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 987/2009.
46 B’hekk, jekk ikun aċċettat li, għajr fil-każ ta’ frodi jew ta’ abbuż ta’ dritt, l-istituzzjoni nazzjonali kompetenti tista’, billi tadixxi qorti tal-Istat Membru ospitanti tal-ħaddiem ikkonċernat u li għaliha tappartjeni, tikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ ċertifikat A1, dan il-fatt jista’ jikkomprometti s-sistema bbażata fuq il-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, fir-rigward taċ-ċertifikati E 101, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 30, tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C-620/15, EU:C:2017:309, punt 47, kif ukoll tas-6 ta’ Frar 2018, Altun, C-359/16, EU:C:2018:63, punti 54, 55, 60 u 61.
47 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat A1 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, jorbot mhux biss l-istituzzjonijiet tal-Istat Membru fejn titwettaq l-attività, iżda wkoll il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.
Fuq it-tieni domanda
Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda
48 Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat A1, maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, jorbot kemm l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih l-attività hija eżerċitata kif ukoll il-qrati ta’ dak l-Istat Membru sakemm dan iċ-ċertifikat la ġie irtirat u lanqas ġie ddikjarat invalidu mill-istituzzjoni tal-Istat Membru li fih ikun ġie stabbilit, anki meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru fih hija eżerċitata l-attività jkunu ressqu l-każ quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva u meta din tkun ikkonkludiet li dan iċ-ċertifikat inħareġ b’mod żbaljat u li għandu jiġi rtirat.
– Fuq l-ammissibbiltà
49 Il-Gvern Ungeriż isostni, prinċipalment, li l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari hija ipotetika, peress li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni Amministrattiva sabet soluzzjoni li ġiet aċċettata kemm mir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll mill-Ungerija u li l-awtoritajiet Ungeriżi indikaw li, konsegwentement, huma lesti li jirtiraw iċ-ċertifikati A1 inkwistjoni.
50 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża pendenti quddiemha, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C-304/16, EU:C:2018:66, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
51 Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C-304/16, EU:C:2018:66, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 F’dan il-każ, jirriżulta, b’mod ċert, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni Amministrattiva tat opinjoni tad-9 ta’ Mejju 2016, skont liema l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikati A1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali qatt ma kellhom jinħarġu u għandhom jiġu rtirati, peress illi l-imsemmi avviż kien sussegwentement approvat mill-imsemmija Kummissjoni fit-347 laqgħa tagħha fl-20 u l-21 ta’ Ġunju 2016.
53 Madankollu, huwa paċifiku li dawn iċ-ċertifikati ma ġewx irtirati mill-istituzzjoni kompetenti fl-Ungerija jew iddikjarati invalidi mill-qrati Ungeriżi.
54 Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li r-Repubblika tal-Awstrija u l-Ungerija ma rnexxilhomx jilħqu qbil dwar il-modalitajiet tal-irtirar eventwali ta’ dawn iċ-ċertifikati jew, tal-inqas, ta’ xi wħud minnhom. Barra minn hekk, jidher li minn dan il-proċess jirriżulta li l-applikazzjoni tal-imsemmi avviż ġiet sospiża fid-dawl ta’ din il-proċedura preliminari fejn il-Gvern Ungeriż isostni, b’mod partikolari, li huwa ġust li l-istituzzjoni kompetenti Ungeriża ħarġet ċertifikati A1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004.
55 Minn dan isegwi li ċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali, kif jirriżultaw mill-elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkorrispondu għal premessi fattwali tal-ewwel parti tat-tieni domanda magħmula. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Ungerija, għall-inqas bħala prinċipju, tat l-approvazzjoni tagħha mal-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni Amministrattiva ma tnaqqasx ir-rilevanza ta’ din id-domanda għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.
56 Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni Amministrattiva kkonkludiet li ċ-ċertifikati A1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu rtirati, ma tistax, fih innifsu, jiġġustifika l-inammissibbiltà ta’ din id-domanda preliminari, li tirrigwarda preċiżament il-punt dwar jekk din il-konklużjoni jistax ikollha konsegwenzi fuq in-natura vinkolanti taċ-ċertifikati fir-rigward tal-awtoritajiet u tal-qrati tal-Istat Membru li fih qed titwettaq l-attività.
57 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ewwel parti tat-tieni domanda hija ipotetika b’tali mod li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza.
– Fuq il-mertu
58 Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 883/2004, li jelenka l-kompiti tal-Kummissjoni Amministrattiva, din tal-aħħar hija responsabbli, b’mod partikolari, li tittratta kull kwistjoni amministrattiva jew ta’ interpretazzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jew minn dawk tar-Regolament Nru 987/2009 jew xi ftehim jew arranġamenti oħra konklużi taħt dawn ir-regolamenti, mingħajr ħsara għad-dritt tal-awtoritajiet, tal-istituzzjonijiet u tal-persuni kkonċernati li jirrikorru għall-proċeduri u lill-ġurisdizzjonijiet taħt il-liġijiet tal-Istati Membri, mir-Regolament Nru 883/2004 u mit-Trattat.
59 Skont dan l-Artikolu 72, il-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli wkoll, minn naħa, li trawwem u tiżviluppa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħhom f’affarijiet ta’ sigurtà soċjali sabiex, fost l-oħrajn, jikkunsidraw kwistjonijiet partikolari dwar ċerti kategoriji ta’ persuni u, min-naħa l-oħra, tiffaċilita, fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, l-iżvilupp ta’ azzjonijiet ta’ kooperazzjoni transkonfinali.
60 Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, ta’ sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha qamet tilwima bejn l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru u dik ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ dokumenti jew ta’ dokumenti ta’ sostenn imsemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, il-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu jipprevedu proċedura għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima. B’mod partikolari, il-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi artikolu jipprevedu proċeduri li l-istituzzjonijiet kkonċernati huma mistiedna li jsegwu f’każ ta’ dubju dwar il-validità ta’ tali dokumenti u tad-dokumenti ta’ sostenn jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fihom. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu, min-naħa tiegħu, jipprovdi li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jressqu l-każ quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva, li “għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet” fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha.
61 Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, fejn il-Kummissjoni Amministrattiva ma tasalx biex tirrikonċilja l-fehmiet tal-istituzzjonijiet kompetenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli, huwa għall-inqas mixtieq li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem ikkonċernat wettaq ix-xogħol, u dan, bla ħsara għar-rimedji possibbli ta’ natura ġuridika li jeżistu fl-Istat Membru li għalih tappartjeni l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat, jiftaħ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 259 TFUE, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżamina, meta jsir tali rikors, il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-imsemmija ħaddiema u, għalhekk, l-eżattezza tal-indikazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat E 101 (is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C-620/15, EU:C:2017:309, punt 46).
62 Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-rwol tal-Kummissjoni Amministrattiva fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 5(2) sa (4) tar-Regolament Nru 987/2009 huwa limitat sabiex tirrikonċilja l-fehmiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jkunu adixxewha.
63 Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 89(3) tar-Regolament Nru 987/2009, li jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet tagħhom huma konxji ta’ u japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni kollha, leġiżlattivi jew ta’ natura oħra, inklużi d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva, fl-oqsma koperti mir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 u fil-kundizzjonijiet li jipprevedu, peress li din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tfittex li tbiddel ir-rwol tal-Kummissjoni Amministrattiva fil-kuntest tal-proċedura li għaliha jsir riferiment fil-punt preċedenti u għalhekk il-valur ta’ opinjoni li jkollhom il-konklużjonijiet li din il-kummissjoni tasal għalihom fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
64 Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat A1, maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, jorbot kemm l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih l-attività hija eżerċitata kif ukoll il-qrati ta’ dak l-Istat Membru sakemm dan iċ-ċertifikat la ġie irtirat u lanqas ġie ddikjarat invalidu mill-istituzzjoni tal-Istat Membru li fih ikun ġie stabbilit, anki meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru u tal-Istat Membru li fih hija eżerċitata l-attività jkunu ressqu l-każ quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva u meta din tkun ikkonkludiet li dan iċ-ċertifikat inħareġ b’mod żbaljat u li għandu jiġi rtirat.
Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda
65 Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat A1 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, jorbot kemm l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih l-attività hija eżerċitata kif ukoll lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru, jekk ikun il-każ, b’effett retroattiv, minkejja li din il-liċenzja tkun inħarġet biss wara li l-imsemmi Stat Membru kien issuġġetta lill-ħaddiem ikkonċernat għall-assigurazzjoni obbligatorja taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu.
– Fuq l-ammissibbiltà
66 Il-Gvern Ungeriż isostni li din id-domanda hija ipotetika, peress li l-ebda ċertifikat A1 ma nħareġ b’mod retroattiv, wara li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu ssuġġettaw lill-ħaddiema kkonċernati għal assigurazzjoni obbligatorja skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka.
67 Skont l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju, xi wħud miċ-ċertifikati A1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew maħruġa b’mod retroattiv. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-istituzzjoni Awstrijaka kienet diġà ssuġġettat xi wħud mill-ħaddiema kkonċernati għall-assigurazzjoni obbligatorja skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka qabel ma l-awtorità kompetenti Ungeriża ħarġet iċ-ċertifikati A1 għal dawn il-ħaddiema.
68 Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti u li tevalwa r-rilevanza tad-domandi li hija tixtieq tagħmel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2016, Hoogstad (C-269/15, EU:C:2016:802, punt 19, u tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C-620/15, EU:C:2017:309, punt 35).
69 Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni domanda għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli, peress li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun utli lil din il-qorti sabiex tiġi ddeterminata n-natura vinkolanti ta’ mill-inqas parti taċ-ċertifikati A1 inkwistjoni.
– Fuq il-mertu
70 Qabelxejn, għandu jitfakkar li ċ-ċertifikat E 101, maħruġ skont l-Artikolu 11a tar-Regolament Nru 574/72, jista’ jkollu effett retroattiv. B’mod partikolari, jekk huwiex preferibbli li l-ħruġ ta’ tali ċertifikat isir qabel il-bidu tal-perijodu kkonċernat, jista’ wkoll jitwettaq matul dan il-perijodu, jew saħansitra wara l-iskadenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et, C-178/97, EU:C:2000:169, punti 52 sa 57).
71 Issa, ma hemm xejn fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif tirriżulta mir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 li jipprekludi li dan huwa wkoll il-każ fir-rigward taċ-ċertifikati A1.
72 B’mod partikolari, huwa minnu, li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-bidu tal-perijodu inkwistjoni, li “fejn persuna twettaq l-attività tagħha fi Stat Membru li m’huwiex l-Istat Membru kompetenti taħt it-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004], il-persuna li tħaddem jew, fil-każ ta’ persuna li ma twettaqx attività bħala persuna impjegata, il-persuna kkonċernata, għandha tinforma b’dan lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu hija applikabbli” u li “[d]ik l-istituzzjoni għandha toħroġ l-attestazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) [tar-Regolament Nru 987/2009] lill-persuna kkonċernata u għandha mingħajr dewmien tagħmel disponibbli informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli lil dik il-persuna”. Madankollu, il-ħruġ ta’ ċertifikat A1 matul jew wara tmiem il-perijodu ta’ xogħol ikkonċernat jibqa’ possibbli.
73 Hemm lok, għalhekk, li jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk ċertifikat A1 jistax japplika b’mod retroattiv, minkejja li, fid-data tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, kien hemm diġà deċiżjoni tal-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun eżerċitata l-attività, li tistipula li l-ħaddiem ikkonċernat huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.
74 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda kif esposta fil-punti 36 sa 47 ta’ din is-sentenza, sakemm ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu, ċertifikat A1 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, jorbot, b’mod simili għall-predeċessur tiegħu ċ-ċertifikat E 101, kemm l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih titwettaq l-attività kif ukoll il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.
75 Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ma jistax jiġi kkunsidrat li deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih qed titwettaq l-attività tiddeċiedi li tissuġġetta lill-ħaddiema inkwistjoni għall-assigurazzjoni obbligatorja taħt il-leġiżlazzjoni tagħha, jikkostitwixxi dokument “li jikkonferma” s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009.
76 Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali kellhomx jirrikorru b’mod obbligatorju għall-applikazzjoni provviżorja ta’ leġiżlazzjoni taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 987/2009 skont l-ordni ta’ prijorità fil-leġiżlazzjoni applikabbli msemmija hemmhekk, ma jippreġudikax l-effett vinkolanti taċ-ċertifikati A1 inkwistjoni. B’mod partikolari, skont l-imsemmi Artikolu 6(1), ir-regoli ta’ kunflitt ta’ applikazzjoni provviżorja stipulati hemmhekk japplikaw “Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor [f’dan ir-regolament]”.
77 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat A1 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, jorbot kemm l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih l-attività hija eżerċitata kif ukoll lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru, jekk ikun il-każ, b’effett retroattiv, minkejja li din il-liċenzja tkun inħarġet biss wara li l-imsemmi Stat Membru kien issuġġetta lill-ħaddiem ikkonċernat għall-assigurazzjoni obbligatorja taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu.
Fuq it-tielet domanda
78 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn ħaddiem, li huwa kkollokat minn min iħaddmu biex iwettaq xogħol fi Stat Membru ieħor, jiġi ssostitwit minn ħaddiem ieħor ikkollokat minn persuna li timpjega oħra, dan il-ħaddiem għandux jiġi kkunsidrat bħala mibgħut “biex [j]ieħu post persuna oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li ma tistax tibbenefika mir-regola speċjali prevista fl-imsemmija dispożizzjoni sabiex jibqa’ suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-persuna li timpjegah normalment twettaq l-attivitajiet tagħha. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk il-fatt li l-persuni li jimpjegaw liż-żewġ ħaddiema kkonċernati għandhom is-sede tagħhom fl-istess Stat Membru jew il-fatt li għandhom relazzjonijiet possibbli personali jew organizzattivi huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.
– Fuq l-ammissibbiltà
79 Il-Gvern Belġjan isostni li t-tielet domanda hija ipotetika inkwantu hija tistaqsi jekk il-fatt li t-tieni persuna li timpjega għandux ikollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor minn dak fejn tinsab is-sede tal-ewwel persuna li timpjega huwiex rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula, filwaqt li żewġ persuni li jimpjegaw ikkonċernati fil-kawża prinċipali huma stabbiliti fl-istess Stat Membru.
80 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-tielet domanda ma hijiex ipotetika, għall-istess raġuni esposta fil-punt preċedenti, peress li parti minn din id-domanda tirrigwarda, mill-kliem tagħha stess, il-fatt li s-sedi tal-persuni li jimpjegaw inkwistjoni jinsabu fl-istess Stat Membru, il-fatt li jikkorrispondi għall-fatti tal-kawża prinċipali fejn, skont l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju, kemm Martin-Meat kif ukoll Martimpex huma stabbiliti fl-Ungerija.
– Fuq il-mertu
81 Qabel kollox, għandu jiġi osservat li t-tielet domanda saret biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirrispondi għat-tieni domanda fis-sens li n-natura vinkolanti taċ-ċertifikat A1, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, jista’ jkun limitat f’waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fit-tieni domanda.
82 F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha tal-ewwel tagħti lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża li tkun tressqet quddiemhom u li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija utli għall-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Settembru 2017, Alandžak et, C-187/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:662, punti 9 u 10).
83 Issa, kif isostnu, essenzjalment, il-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni, peress li t-tielet domanda tirrigwarda l-portata tal-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li tgħid li, biex ikun jista’ jibqa’ suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-persuna li timpjega normalment teżerċita l-attivitajiet tagħha, il-persuna kkollokata ma għandhiex għalfejn tkun intbagħtet “biex tieħu post persuna oħra” (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ sostituzzjoni”), din id-domanda tirrigwarda s-suġġett stess tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, permezz tal-imsemmija domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema interpretazzjonijiet sostnuti miż-żewġ Stati Membri li jissottomettu t-tilwima tagħhom lill-Kummissjoni Amministrattiva għandha tkun ippreferuta, l-interpretazzjonijiet kontradittorji tagħhom fir-rigward tal-portata tal-kundizzjoni ta’ sostituzzjoni, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li wasslu għal qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema inkwistjoni.
84 Barra minn hekk, il-Gvern Awstrijak isostni li ma jistax jiġi eskluż li ebda formola E 101 jew A1 ma ġiet stabbilita mill-istituzzjoni kompetenti Ungeriża għal ċerti mill-ħafna ħaddiema individwali u li, konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ sostituzzjoni hija direttament rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema.
85 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u minkejja li, kif jirriżulta mir-risposti mogħtija għall-ewwel u t-tieni domandi, il-qorti tar-rinviju hija marbuta biċ-ċertifikati A1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati mill-istituzzjoni kompetenti Ungeriża jew iddikjarati invalidi mill-qrati Ungeriżi, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.
86 Fil-kawża prinċipali, jidher li l-ħaddiema ta’ Martin-Meat kienu ġew ikkollokati fl-Awstrija, matul il-perijodu bejn is-sena 2007 u s-sena 2012, sabiex iwettqu ħidma ta’ tqattigħ tal-laħam fis-siti ta’ Alpenrind. Mill-1 ta’ Frar 2012 sal-31 ta’ Jannar 2014 inklużi, għalhekk, matul il-perijodu kkontestat, il-ħaddiema ta’ Martimpex li kienu ġew ikkollokati fl-Awstrija sabiex iwettqu l-istess xogħol. Mill-1 ta’ Frar 2014, il-ħaddiema ta’ Martin-Meat reġgħu wettqu l-imsemmija xogħlijiet fl-istess postijiet.
87 Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ sostituzzjoni għandha tiġi osservata f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali matul il-perijodu kkontestat, kif ukoll jekk u sa fejn il-lokalizzazzjoni tas-sedi ta’ persuni li jimpjegaw jew l-eżistenza ta’ eventwali rabtiet personali jew organizzattivi bejn dawn huma rilevanti f’dan il-kuntest.
88 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti minnha (is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-616/15, EU:C:2017:721, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
89 Fir-rigward, qabelxejn, tal-kliem tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, kif kienet tapplika fil-bidu tal-perijodu kkontestat, din kienet tipprevedi li “[p]ersuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f'isem il-prinċipal tagħha, liema prinċipal normalment iwettaq l-attivitajiet tiegħu hemmhekk, u li tintbagħat mill-prinċipal tagħha fi Stat Membru ieħor biex taħdem f'isem il-prinċipal għandha tibqa' suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru sakemm mhux maħsub li x-xogħol idum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna oħra”.
90 B’hekk jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 u, b’mod partikolari, mill-espressjoni “sakemm”, li l-fatt li ħaddiem ikkollokat qiegħed jissostitwixxi persuna oħra jipprekludi li fejn dan il-ħaddiem sostitut jista’ jibqa’ suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-persuna li timpjega normalment teżerċita l-attivitajiet tagħha u li l-kundizzjoni ta’ sostituzzjoni għandha tapplika b’mod kumulattiv għal dik, ukoll prevista f’din id-dispożizzjoni, dwar it-tul massimu tax-xogħol ikkonċernat.
91 Barra minn hekk, l-assenza ta’ riferiment espress fil-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni għal sedi ta’ persuni li jimpjegaw rispettivi jew kwalunkwe rabtiet personali jew organizzazzjonali bejniethom donnha tissuġġerixxi li tali ċirkustanzi ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni.
92 Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi osservat li, skont it-titolu stess ta’ dan l-artikolu, ir-regoli previsti fih, inkluża dik li tinsab fil-paragrafu 1 tiegħu, jikkostitwixxu “kundizzjonijiet speċifiċi” għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.
93 Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 11(3) (a) ta’ dan ir-regolament, u dan l-artikolu “Regoli ġenerali”, persuni, bħalma huma l-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih iwettqu din l-attività.
94 Bl-istess mod, jirriżulta mill-premessi 17 u 18 tar-Regolament Nru 883/2004 li, “bħala regola ġenerali”, il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuni li jeżerċitaw attività bħala persuni impjegati jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom ikunu hija dik ta’ dan tal-aħħar u li jeħtieġ “li jsiru derogi minn dik ir-regola ġenerali” f’sitwazzjonijiet speċifiċi li jiġġustifikaw kriterju ieħor ta’ rabta.
95 Minn dan isegwi li, sa fejn l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jikkostitwixxi deroga għar-regola ġenerali li tapplika sabiex tiddetermina l-leġiżlazzjoni li taħtha jaqgħu l-persuni li jwettqu attività bħala impjegati jew għal rashom fi Stat Membru, għandha tiġi interpretata b’mod strett.
96 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, il-qafas legali li fih tinkwadra ruħha din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi regola speċjali għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’każ ta’ kollokament tal-ħaddiema, din is-sitwazzjoni speċifika, bħala prinċipju, tiġġustifika kriterju ieħor ta’ rabta, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-għan ukoll li jiġi żgurat li din ir-regola speċifika tkun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema kkollokati b’mod suċċessiv li jwettqu l-istess xogħol.
97 Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 tiddifferixxi skont is-sede rispettiva tal-persuni li jimpjegaw ikkonċernati jew l-eżistenza ta’ rabtiet personali jew organizzazzjonali bejniethom jista’ jikkomprometti l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni tissuġġetta, fil-prinċipju, llil-ħaddiem għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata teżerċita l-attività tagħha.
98 B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 17 tar-Regolament Nru 883/2004, bil-għan li tiġi żgurata kemm jista’ jkun l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni kollha impjegati fit-territorju ta’ Stat Membru billi ġie kkunsidrat xieraq li tkun iddeterminata bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli, bħala regola ġenerali, dik tal-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata teżerċita l-impjieg tagħha jew li fih taħdem għal rasha. Barra minn hekk, mill-premessi 5 u 8 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali, għandha tkun iggarantita, bl-aħjar mod possibbli, l-ugwaljanza fit-trattament ta’ persuni impjegati fit-territorju tal-istess Stat Membru.
99 Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 89 sa 98 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-użu repetut tal-ħaddiema kkollokati sabiex timtela l-istess pożizzjoni, anki jekk il-persuna li timpjega fil-bidu tat-trasferimenti huma distinti, ma huwiex konformi la mal-kliem u lanqas mal-għanijiet previsti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, u lanqas ma huwa konformi mal-kuntest madwar din id-dispożizzjoni, b’tali mod li persuna kkollokata ma tistax tibbenefika mir-regola speċjali prevista f’dik id-dispożizzjoni meta tissostitwixxi ħaddiem ieħor.
100 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn ħaddiem, li huwa kkollokat mill-persuna li timpjegah biex iwettaq xogħol fi Stat Membru ieħor, jiġi ssostitwit minn ħaddiem ieħor ikkollokat minn persuna li timpjega oħra, dan il-ħaddiem għandux jiġi kkunsidrat bħala mibgħut “biex [j]ieħu post persuna oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li ma tistax tibbenefika mir-regola speċjali prevista fl-imsemmija dispożizzjoni sabiex jibqa’ soġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-persuna li timpjegah normalment teżerċita l-attivitajiet tagħha. Il-fatt li l-persuni li jimpjegaw liż-żewġ ħaddiema kkonċernati għandhom is-sede tagħhom fl-istess Stat Membru jew il-fatt li għandhom relazzjonijiet possibbli personali jew organizzazzjonali ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.
Fuq l-ispejjeż
101 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1244/2010 tad-9 ta’ Diċmebru 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat A 1, maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, jorbot kemm lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, jorbot mhux biss l-istituzzjonijiet tal-Istat Membru fejn titwettaq l-attività, iżda wkoll il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.
2) L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat A1, maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, jorbot kemm l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih l-attività hija eżerċitata kif ukoll il-qrati ta’ dak l-Istat Membru sakemm dan iċ-ċertifikat la ġie irtirat u lanqas ġie ddikjarat invalidu mill-istituzzjoni tal-Istat Membru li fih ikun ġie stabbilit, anki meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru fih hija eżerċitata l-attività jkunu ressqu l-każ quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali u meta din tkun ikkonkludiet li dan iċ-ċertifikat inħareġ b’mod żbaljat u li għandu jiġi rtirat.
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat A1 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, jorbot kemm l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih l-attività hija eżerċitata kif ukoll lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru, jekk ikun il-każ, b’effett retroattiv, minkejja li din il-liċenzja tkun inħarġet biss wara li l-imsemmi Stat Membru kien issuġġetta lill-ħaddiem ikkonċernat għall-assigurazzjoni obbligatorja taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu.
3) L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn ħaddiem, li huwa kkollokat minn mill-persuna li timpjegah biex iwettaq xogħol fi Stat Membru ieħor, jiġi ssostitwit minn ħaddiem ieħor ikkollokat minn persuna li timpjega oħra, dan il-ħaddiem għandux jiġi kkunsidrat bħala mibgħut “biex [j]ieħu post persuna oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li ma tistax tibbenefika mir-regola speċjali prevista fl-imsemmija dispożizzjoni sabiex jibqa’ suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-persuna li timpjega normalment twettaq l-attivitajiet tagħha.
Il-fatt li l-persuni li jimpjegaw liż-żewġ ħaddiema kkonċernati għandhom is-sede tagħhom fl-istess Stat Membru jew il-fatt li għandhom relazzjonijiet possibbli personali jew organizzazzjonali ma humiex rilevanti f’dan ir-rigward.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.