Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

13 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu (2)(1)(a) – Provvista ta’ beni mwettqa bi ħlas – Artikolu 14(1) – Traferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi minn beni tanġibbli bħala proprjetarju – Artikolu 14(2)(a) – Trasferiment, permezz tal-ħlas ta’ kumpens, tal-proprjetà ta’ beni li jappartjeni lil komun lit-Teżor Pubbliku fid-dawl tal-kostruzzjoni ta’ triq nazzjonali – Kunċett ta’ “kumpens” – Tranżazzjoni suġġetta għall-VAT”

Fil-Kawża C-665/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Minister Finansów

vs

Gmina Wrocław,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Minister Finansów, minn J. Kaute u M. Kowalewska,

–        għall-Gmina Wrocław, minn A. Januszkiewicz, radca prawny, u J. Martini, doradca podatkowy,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u A. Kramarczyk – Szaładzińska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u L. Baumgart, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Minister Finansów (il-Ministru tal-Finanzi, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u l-Gmina Wrocław (il-komun ta’ Wrocław, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“komun”), dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ tranżazzjoni li fil-kuntest tagħha l-proprjetà ta’ beni immobbli li jappartjenu lill-komun ġiet ittrasferita, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u permezz tal-ħlas ta’ kumpens, lit-Teżor Pubbliku bil-għan tal-kostruzzjoni ta’ triq nazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

a)      il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

4        L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Persuna taxxabbli” għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala “attività ekonomika”. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5        L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti.”

6        L-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-VAT, li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Provvista ta’ merkanzija”, tat-Titolu IV tagħha, intitolat “Transazzjonijiet taxxabbli”, jipprovdi fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2(a) tiegħu:

“1.      “Provvista ta’ merkanzija” għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.

2.      Flimkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil–paragrafu 1, kull waħda minn dawn li ġejjin għandha tiġi kkunisdrata bħala provvista ta’ merkanzija:

a)       it-trasferiment, b’ordni ta’ jew f’isem awtorità pubblika jew skond il-liġi, tad-dritt ta’ proprjetà bi ħlas ta’ kumpens”.

 Id-dritt Pollakk

 Il-liġi dwar il-VAT

7        L-Artikolu 7(1)(1) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Beni u s-Servizzi), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. Nru 54, intestatura 535), kif emendata (Dz. U. ta’ 2011, Nru 177, intestatura 1054) (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), jipprovdi:

“Il-provvista ta’ beni msemmija fl-Artikolu 5(1)(1) tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ persuna li tiddisponi minn beni bħala sid, inkluż it-trasferiment, skont ordni ta’ awtorità pubblika jew ta’ korp li jaġixxi f’isem l-awtorità pubblika, jew it-trasferiment, skont il-liġi, tal-proprjetà ta’ beni bi ħlas ta’ kumpens”.

 Il-liġi dwar ir-regoli speċifiċi ta’ preparazzjoni u ta’ twettiq tal-investimenti li jikkonċernaw it-toroq pubbliċi

8        L-Artikolu 12(4) u (4)(a) tal-ustawa o szczególnych zasadach przygotowania i realizacji inwestycji w zakresie dróg publicznych (il-Liġi dwar ir-Regoli Speċifiċi ta’ Preparazzjoni u ta’ Twettiq tal-Investimenti li jikkonċernaw it-Toroq Pubbliċi), tat-10 ta’ April 2003 (Dz. U. Nru 80, intestatura 721), kif emendata, jipprovdi:

“4.      Il-beni immobbli jew parti minnhom [...] isiru, skont il-liġi:

1)      proprjetà tat-Teżor Pubbliku f’dak li jikkonċerna t-toroq nazzjonali,

2)      proprjetà tal-awtoritajiet lokali korrispondenti f’dak li jikkonċerna t-toroq provinċjali, it-toroq distrettwali u t-toroq komunali

–        fid-data li fiha d-deċiżjoni li tippermetti t-twettiq tal-investimenti ssir definittiva.

4a.      Id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ammont tal-kumpens dovut għall-beni immobbli, imsemmija fil-paragrafu 4, tittieħed mill-korp li jkun ħa d-deċiżjoni li tippermetti t-twettiq tal-investimenti tat-toroq.”

 Il-liġi dwar it-toroq pubbliċi

9        L-Artikolu 1 tal-ustawa o drogach publicznych (il-Liġi dwar it-Toroq Pubbliċi), tal-21 ta’ Marzu 1985, kif emendata (Dz. U. tal-2016, intestatura 1440), jipprovdi:

“Triq pubblika hija triq inkluża, skont din il-liġi, f’waħda mill-kategoriji ta’ toroq li kull waħda tista’ jkollha użu, konformement mad-destinazzjoni tagħha, kif ukoll mar-restrizzjonijiet u mal-eċċezzjonijiet imsemmija f’din il-liġi jew dispożizzjonijiet partikolari oħra.”

10      L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Fir-rigward tal-funzjonijiet tagħhom fin-netwerk stradali, it-toroq pubbliċi huma maqsuma fil-kategoriji li ġejjin:

1)      it-toroq nazzjonali;

2)      it-toroq provinċjali;

3)      it-toroq distrettwali;

4)      it-toroq komunali.”

11      Skont l-Artikolu 19(1) u (5) tal-imsemmija liġi:

“1.       Il-korp tal-amministrazzjoni governattiva jew tal-awtorità lokali kompetenti fil-qasam ta’ ppjanar, ta’ kostruzzjoni, ta’ trasformazzjoni, ta’ restawr, ta’ preservazzjoni u ta’ protezzjoni tat-toroq huwa l-amministratur stradali.

5.       Fit-territorju ta’ bliet provinċjali, is-sindku tal-belt huwa l-amministratur tat-toroq pubbliċi kollha, bl-eċċezzjoni tal-awtostradi u tas-superstradi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Fil-Polonja, il-ġerarkija tal-awtoritajiet lokali hija organizzata kif ġej: fl-ewwel livell, hemm il-gmina (komun), fit-tieni livell, il-powiat (distrett) u, fit-tielet livell, il-województwo (awtorità reġjonali). Miasto na prawach powiatu (belt provinċjali) huwa, fir-rigward tiegħu, komun li jwettaq il-missjonijiet ta’ distrett. F’dawn il-bliet provinċjali, is-sindku, li fl-ewwel lok huwa l-korp eżekuttiv tal-belt, għandu l-kompetenzi kollha mogħtija mil-liġi lill-korp eżekuttiv tad-distrett, fosthom dik dwar l-amministrazzjoni ta’ beni immobbli.

13      Il-Województwo Dolnośląskie (l-Awtorità Reġjonali ta’ Dolny Śląsk, il-Polonja), hija maqsuma f’26 distrett, fosthom 169 komun, u 4 bliet provinċjali.

14      Il-komun, proprjetarju ta’ diversi beni immobbli, huwa belt provinċjali rreġistrata bħala persuna suġġetta għall-VAT. Is-sindku tiegħu, filwaqt li huwa l-korp eżekuttiv tal-komun, huwa wkoll ir-rappreżentant tat-Teżor Pubbliku, inkarigat mill-amministrazzjoni ta’ beni immobbli li jappartjenu lil dan tal-aħħar li jinsabu fit-territorju tal-komun.

15      Wara deċizjoni tal-Wojewoda Dolnośląski (il-Gvernatur Reġjonali ta’ Dolny Śląsk, il-Polonja), il-proprjetà ta’ beni immobbli li kienu jappartjenu lill-komun ġiet ittrasferita lit-Teżor Pubbliku għall-finijiet tal-kostruzzjoni ta’ triq nazzjonali. B’deċiżjoni separata, il-Gvernatur Reġjonali ta’ Dolny Śląsk stabbilixxa l-ammont tal-kumpens dovut lill-komun u obbliga lis-sindku tiegħu li jħallas tali somma.

16      Il-komun ressaq talba għal interpretazzjoni tad-dritt fiskali lill-Ministru dwar jekk it-trasferiment, skont il-liġi, tal-proprjetà ta’ beni immobbli, bi ħlas ta’ kumpens, kienx jikkostitwixxi provvista ta’ beni magħmula bi ħlas suġġetta għall-VAT, u, fil-każ ta’ tweġiba affermattiva għal din il-mistoqsija, liema entità kellha titniżżel fil-fattura ta’ VAT inkwantu xerrej tal-beni.

17      Fl-interpretazzjoni tad-dritt fiskali tiegħu, il-Ministru kkunsidra li, f’dan il-każ, kienet seħħet provvista ta’ beni bi ħlas suġġetta għall-VAT peress li l-proprjetà tal-beni immobbli kienet ġiet ittrasferita mill-komun lit-Teżor Pubbliku, permezz tal-ħlas ta’ kumpens. Huwa indika li l-persuna suġġetta għall-VAT f’din it-tranżazzjoni kienet il-komun, peress li s-sindku ma huwiex entità li teżerċita attività ekonomika b’mod awtonomu u ma jaġixxix taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess.

18      Minn dan il-Ministru kkonkluda li l-komun kellu l-obbligu li jipprovdi rendikont tal-provvista ta’ beni immobbli esproprjati permezz ta’ fattura li fiha s-sindku tal-komun kellu jitniżżel kemm bħala bejjiegħ u kemm bħala xerrej, rispettivament bħala korp eżekuttiv tal-komun u rappreżentant tat-Teżor Pubbliku inkarigat mill-amministrazzjoni tal-beni immobbli li jappartjenu lil dan tal-aħħar u li jinsabu fit-territorju tal-komun.

19      Il-komun ippreżenta rikors għal annullament ta’ din l-interpretazzjoni tad-dritt fiskali quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Wrocław, il-Polonja).

20      Permezz tas-sentenza tagħha, din il-qorti laqgħet ir-rikors u annullat din l-interpretazzjoni tad-dritt fiskali peress li, mill-perspettiva fiskali, il-fornitur u x-xerrej kienu l-istess entità, jiġifieri l-komun, b’mod li ma setax ikun hemm, fi tmiem din it-tranżazzjoni, trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi mill-beni kkunsidrati, fis-sens ekonomiku.

21      Din is-sentenza ġiet appellata fil-kassazzjoni mill-Ministru quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġiferi n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja).

22      Fit-12 ta’ Frar 2015, il-kulleġġ bi tliet Imħallfin adit b’appell, li qies li ma kienx jidher b’mod ċar jekk it-trasferiment, minn komun, tal-proprjetà ta’ beni immobbli, wara rekwiżizzjoni mill-awtorità pubblika, permezz tal-ħlas ta’ kumpens, kellux jitqies bħala “provvista ta’ beni” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(1) tal-liġi dwar il-VAT, ippreżenta talba għal interpretazzjoni tal-liġi lil kulleġġ ġudikanti estiż.

23      B’deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2015, il-qorti tar-rinviju, li ltaqgħet f’kulleġġ b’seba’ Mħallfin, wieġbet li tali trasferiment jikkostitwixxi “provvista ta’ beni” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(1) tal-liġi dwar il-VAT u li l-kwistjoni dwar jekk it-tranżazzjoni timplikax ukoll it-trasferiment tas-setgħa ekonomika fuq il-beni kkunsidrati hija mingħajr importanza.

24      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju madankollu tesprimi dubji dwar in-natura partikolari tat-tranżazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża pendenti quddiemha, b’kunsiderazzjoni partikolari tar-rwol speċifiku tal-partijiet għal din it-tranżazzjoni.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“It-trasferiment, skont il-liġi, tal-proprjetà ta’ beni immobbli ta’ komun lit-Teżor pubbliku bi ħlas ta’ kumpens, meta mill-ordinament ġuridiku nazzjonali jirriżulta li dawn il-beni immobbli jkomplu jiġu mmaniġġjati mis-sindku tal-komun, li huwa fl-istess ħin ir-rappreżentant tat-Teżor pubbliku u l-organiżmu eżekuttiv tal-komun, jikkostitwixxi tranżazzjoni taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva [tal-VAT]

2)      Għall-finijiet tar-risposta għad-domanda preċedenti, huwa importanti li l-ħlas tal-kumpens lill-komun huwa ta’ natura reali jew li jirrigwarda sempliċi moviment intern għall-baġit tal-komun?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li d-domanda preliminari tirreferi espressament għall-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, filwaqt li l-kundizzjonijiet ġenerali għandhom jiġu ssodisfatti sabiex provvista ta’ beni tiġi kkwalifikata bħala “tranżazzjoni suġġetta għall-VAT” li tinsab fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva.

27      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-ċirkustanza li qorti nazzjonali fformulat, formalment, it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha billi għamlet riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-punti ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli għas-sentenza tal-kawża mressqa quddiemha, irrispettivament minn jekk hija għamlitx riferiment għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Incyte, C-492/16, EU:C:2017:995, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għalhekk għandha tiġi eżaminata d-domanda magħmula wkoll fir-rigward tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT.

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi tranżazzjoni suġġetta għall-VAT it-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli li jappartjeni lil persuna suġġetta għall-VAT, favur it-Teżor Pubbliku ta’ Stat Membru, li jsir skont il-liġi u permezz tal-ħlas ta’ kumpens, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-istess persuna tirrappreżenta kemm is-setgħa exproprjanti u l-komun esproprjat, u fejn dan tal-aħħar fil-prattika jkompli jamminstra l-beni kkonċernat, anki jekk il-ħlas tal-kumpens sar biss permezz ta’ trasferiment ta’ kontabbiltà intern fil-baġit tal-komun.

30      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li d-Direttiva tal-VAT tistabbilixxi sistema komuni tal-VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Posnania Investment, C-36/16, EU:C:2017:361, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Għalhekk, skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, huma suġġetti għall-VAT il-provvisti ta’ beni magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi inkwantu tali.

32      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kunċett ta’ “provvista ta’ beni”, dan ma huwiex iddefinit minn din id-dispożizzjoni.

33      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT jiddefinixxi dan il-kunċett bħala t-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn beni tanġibbli. Bl-istess mod, l-Artikolu 14(2)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, minbarra t-tranżazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, għandu jitqies bħala “provvista ta’ beni” t-trasferiment, bi ħlas ta’ kumpens, tal-proprjetà ta’ beni skont rekwiżizzjoni magħmula mill-awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi.

34      Fir-rigward tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-komun sostna li, sabiex tranżazzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, din għandha wkoll tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT.

35      F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT jiddefinixxi b’mod ġenerali l-kunċett ta’ “provvista ta’ beni”, mill-interpretazzjoni letterali tal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu jista’ jiġi dedott, b’mod partikolari mill-espressjoni “[f]limkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil–paragrafu 1”, li dan il-paragrafu 2 jirreferi għal tranżazzjonijiet oħra li wkoll huma kkunsidrati bħala “provvisti ta’ beni”. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġborhom flimkien taħt l-istess kunċett ta’ “provvista ta’ beni”, kellu l-intenzjoni li jiddistingwi t-tranżazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT minn dik imsemmija fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, fejn dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet ma kinux iddefiniti skont l-istess termini. B’mod partikolari, id-definizzjoni tat-tranżazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(2)(a) ta’ din id-direttiva ma tagħmel ebda riferiment għal “dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli” kif jinsab fl-Artikolu 14(1) tal-istess direttiva.

36      Għalhekk, mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jikkostitwixxi, fir-rigward tad-definizzjoni ġenerali stabbilita fil-paragrafu 1 tiegħu, lex specialis, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha għandhom natura awtonoma fir-rigward ta’ dawk ta’ dan il-paragrafu 1.

37      B’hekk, il-kwalifika bħala “provvista ta’ beni” fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, teħtieġ li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, għandu jkun hemm trasferiment tad-dritt għall-proprjetà. Sussegwentement, dan it-trasferiment għandu jseħħ skont rekwiżizzjoni magħmula mill-awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi. Fl-aħħar nett, għandu jitħallas kumpens.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel waħda fost dawn it-tliet kundizzjonijiet, jiġifieri t-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà, ma tistax tinftiehem bħala li timplika n-neċessità ta’ trasferiment fis-sens ekonomiku.

39      Ċertament, mitluba sabiex tinterpreta l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), li l-formulazzjoni tiegħu hija identika għal dik tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-Artikolu 5(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jitqies bħala “provvista ta’ beni” it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn beni tanġibbli, anki jekk ma jkunx hemm trasferiment tal-proprjetà legali tal-beni (sentenza tat-8 ta’ Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe, C-320/88, EU:C:1990:61, punt 9). Madankollu, fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinvju qajmet il-kwistjoni jekk jistax ikun hemm “provvista ta’ beni”, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, fl-ipoteżi fejn ikun seħħ biss trasferiment legali tal-proprjetà tal-beni, bħala korrispettiv tal-ħlas ta’ kumpens, filwaqt li d-detentur tas-setgħa ekonomika fuq il-beni kkonċernat ikun baqa’ l-istess. Fil-fatt, il-partikolarità li tirriżulta mid-dritt amministrattiv Pollakk, li, fil-każ ta’ esproprjazzjoni, mit-Teżor Pubbliku, ta’ beni immobbli li jappartjenu lil belt provinċjali, dawn il-beni jkomplu jiġu amministrati minn din l-istess entità, irrappreżentata mis-sindku, tista’ tkun ta’ natura li ċċaħħad it-trasferiment ta’ proprjetà inkwistjoni, tal-inqas parzjalment, min-natura ekonomika tiegħu, minħabba li s-setgħa esproprjanti ma tinkludix is-setgħa li wieħed jiddisponi mill-beni inkwistjoni bħala proprjetarju.

40      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT jirreferi mhux għat-trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi minn beni bħala proprjetarju, li huwa l-każ tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, iżda, b’mod iktar espliċitu, għat-trasferiment tal-proprjetà ta’ dan il-beni (ara, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 14(2)(b), is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2017, Mercedes-Benz Financial Services UK, C-164/16, EU:C:2017:734, punt 31).

41      Konsegwentement, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-finijiet tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, it-trasferiment tal-proprjetà tal-beni, fil-forma ta’ titolu legali formali, huwa suffiċjenti sabiex it-tranżazzjoni tiġi kkunsidrata bħala “provvista ta’ beni” taxxabbli, sa fejn il-kundizzjonijiet l-oħra li din id-dispożizzjoni tipprevedi jiġu ssodisfatti.

42      F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, il-kundizzjoni ġenerali marbuta man-natura oneruża tat-tranżazzjoni, li tinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, il-qorti tar-rinviju qajmet, essenzjalment, il-kwistjoni dwar liema hija r-relazzjoni bejn il-kunċett ta’ “bi ħlas” li jidher f’dan l-artikolu u dak ta’ “kumpens” fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) ta’ din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn il-kumpens imħallas lill-komun esproprjat iseħħ biss permezz ta’ trasferiment ta’ kontabbiltà intern.

43      Fir-rigward tan-natura oneruża tat-tranżazzjoni kkunsidrata, mill-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li provvista ta’ beni titwettaq “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, jeħtieġ l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-beni pprovdut u l-korrispettiv irċevut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, Loyalty Management UK u Baxi Group, C-53/09 u C-55/09, EU:C:2010:590, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali rabta diretta teżisti biss jekk hemm bejn il-fornitur u x-xerrej relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, fejn il-prezz irċevut mill-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tal-beni pprovdut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Posnania Investment, C-36/16, EU:C:2017:361, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minbarra dan, dan il-korrispettiv għandu jikkostitwixxi valur suġġettiv, li jkun realment ġie rċevut u espress fi flus (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2012, Orfey, C-549/11, EU:C:2012:832, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2013, Tulică u Plavoşin, C-249/12 u C-250/12, EU:C:2013:722, punt 33 u ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni jekk, sabiex ikun hemm “ħlas ta’ kumpens”, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, huwa neċessarju li tali pagament jissodisfa l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “bi ħlas” imsemmi fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva, hija irrilevanti, fid-dawl tan-natura ta’ lex specialis tal-ewwel minn dawn id-dispożizzjonijiet, hekk kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-imsemmija elementi kostituttivi ġew applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja mhux fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT, iżda tal-Artikolu 2(1) tagħha.

45      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa direttament marbut mat-trasferiment tal-proprjetà tal-beni immobbli tal-komun lit-Teżor Pubbliku. F’dan ir-rigward, bil-kundizzjoni li l-ħlas ta’ dan il-kumpens kien effettiv, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, huwa irrilevanti li dan il-ħlas ikun sar permezz ta’ trasferiment ta’ kontabbiltà intern fi ħdan l-istess baġit.

46      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-kundizzjonijiet ġenerali l-oħra stipulati fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, jiġifieri l-kundizzjoni tal-post tal-kunsinna tal-beni, dik tal-kwalità ta’ persuna taxxabbli ta’ entità bħall-komun u dik relatata mal-fatt li l-persuna taxxabbli aġixxiet “bħala tali”, huwa paċifiku, l-ewwel nett, li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni marbuta mal-post tal-konsenja hija ssodisfatta, peress li t-tranżazzjoni seħħet fit-territorju ta’ Stat Membru, jiġifieri fil-Polonja.

47      Sussegwentement, il-kwalità ta’ persuna suġġetta għall-VAT tal-komun ma hijiex ikkontestata mill-qorti tar-rinviju. Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, jitqies bħala “persuna taxxabbli” kull min jeżerċita, indipendentement u fi kwalunkwe post, attività ekonomika, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ din l-attività. Huwa b’mod partikolari kkunsidrat bħala “attività ekonomika” l-isfruttament ta’ beni tanġibbli jew intanġibbli sabiex jittieħed dħul minnu li għandu natura permanenti.

48      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ azzjoni “inkwantu persuna taxxabbli” fil-mument tat-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà tal-beni immobbli lit-Teżor Pubbliku, ikkontestata mill-komun li jibbaża ruħu fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-VAT, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-attivitajiet imwettqa bħala awtoritajiet pubbliċi fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni huma dawk imwettqa mill-organi rregolati mid-dritt pubbliku fil-kuntest tas-sistema legali partikolari tagħhom, bl-esklużjoni tal-attivitajiet li huma jeżeċitaw fl-istess kundizzjonijiet legali bħall-operaturi ekonomiċi privati (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et, C-288/07, EU:C:2008:505, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta fil-kawża mressqa quddiemha.

49      F’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta mill-punt 15 ta’ din is-sentenza, il-proprjetà ta’ beni immobbli li kienu jappartjenu lill-komun ġiet effettivament ittrasferita lit-Teżor Pubbliku fid-dawl tal-kostruzzjoni ta’ triq nazzjonali. Dan it-trasferiment seħħ skont rekwiżizzjoni magħmula mill-awtorità pubblika, jiġifieri l-Gvernatur Reġjonali ta’ Dolny Śląsk, li, b’deċiżjoni separata, stabbilixxa wkoll l-ammont tal-kumpens dovut lill-komun.

50      Minn dan isegwi, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li t-tliet kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT huma ssodisfatti f’dan il-każ.

51      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi tranżazzjoni suġġetta għall-VAT it-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli li jappartjeni lil persuna suġġetta għall-VAT, favur it-Teżor Pubbliku ta’ Stat Membru, magħmul skont il-liġi u permezz tal-ħlas ta’ kumpens, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-istess persuna tirrappreżenta kemm is-setgħa esproprjanti u l-komun esproprjat, u fejn dan tal-aħħar fil-prattika jkompli jamministra l-beni kkonċernat, anki jekk il-ħlas tal-kumpens iseħħ biss permezz ta’ trasferiment ta’ kontabbiltà intern fil-baġit tal-komun.

  Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi tranżazzjoni suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud it-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli li jappartjeni lil persuna suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud, favur it-Teżor Pubbliku ta’ Stat Membru, magħmul skont il-liġi u permezz tal-ħlas ta’ kumpens, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-istess persuna tirrappreżenta kemm is-setgħa esproprjanti u l-komun esproprjat, u fejn dan tal-aħħar fil-prattika jkompli jamministra l-beni kkonċernat, anki jekk il-ħlas tal-kumpens iseħħ biss permezz ta’ trasferiment ta’ kontabbiltà intern fil-baġit tal-komun.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.