Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

18 ta’ Jannar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 63 u 65 TFUE – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11 – Imposti fuq id-dħul mill-kapital li jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-siġurtà soċjali ta’ Stat Membru – Eżenzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor – Persuni fiżiċi affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat terz – Differenza fit-trattament – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C-45/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Frédéric Jahin

vs

Ministre de l’Économie et des Finances,

Ministre des Affaires sociales et de la Santé,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal F. Jahin, minn E. d’Onorio di Meo, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u L Malferrari, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 sa 65 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Frédéric Jahin minn naħa u l-ministre de l’Économie et des Finances (il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, Franza) kif ukoll il-ministre des Affaires sociales et de la Santé (il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali u għas-Saħħa, Franza) min-naħa l-oħra, dwar il-ħlas ta’ diversi kontribuzzjonijiet u imposti fiskali għas-snin 2012 sa 2014, relatati mad-dħul patrimonjali miksub fi Franza.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-Regolament Nru°883/2004 ħassar, mill-1 ta’ Mejju 2010, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 rilevati għall-kawża preżenti ma kinux suġġetti, madankollu, għal emendi sostanzjali meta mqabbla ma’ dawk li kienu jikkorrispondu magħhom fir-regolament imħassar.

4

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Persuni koperti” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

5

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

(a)

benefiċċji marbutin mal-mard;

(b)

benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità;

(ċ)

benefiċċji marbutin ma’ l-invalidità;

(d)

benefiċċji marbuta ma’ l-età;

(e)

benefiċċji għas-superstiti;

(f)

benefiċċji marbutin ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol;

(g)

għotjiet marbutin ma’ mewt;

(h)

benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

(i)

benefiċċji ta’ qabel l-irtirar;

(j)

benefiċċji marbuta mal-familja.”

6

L-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. […]”

7

Ir-Regolament Nru 883/2004 japplika għall-Istati Membri kollha taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) bis-saħħa tad-Deċiżjoni Nru 76/2011 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tal-1 ta’ Lulju 2011 li temenda l-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l-Protokoll 37 għall-Ftehim taż-ŻEE (ĠU 2011 L 262, p. 33).

8

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-Konfederazzjoni Svizzera, skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2009, L 353, p. 71), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002, il-partijiet kontraenti għandhom jirregolaw, konformement mal-Anness II ta’ dan il-ftehim, il-koordinazzjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni tal-31 ta’ Marzu 2012, li tissostitwixxi l-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (ĠU 2012, L 103, p. 51), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2012, is-Sezzjoni A tal-imsemmi anness ġiet aġġornata u issa tirreferi għar-Regolament Nru 883/2004.

Id-dritt Franċiż

9

Skont l-Artikolu 1600-0 C tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali:

“Il-kontribuzzjoni soċjali ġenerali fuq id-dħul mill-partrimonju għandha tiġi stabbilita, ikkontrollata u miġbura konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 136-6 tal-code de la sécurité sociale (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali).”

10

L-Artikolu L.136-6 tal-code de la sécurité sociale (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali), kif emendat bil-Liġi Nru 2012-958, tas-16 ta’ Awwissu 2012, huwa fformulat kif ġej:

“ I. – Il-persuni fiżiċi li, għall-finijiet tat-taxxa huma ddomiċiljati fi Franza, fis-sens tal-Artikolu 4 B tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi) huma suġġetti għal kontribuzzjoni fuq id-dħul mill-patrimonju li hija bbażata fuq l-ammont nett adottat għad-determinazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul […]

Ia. – Il-persuni fiżiċi li, għall-finijiet tat-taxxa ma humiex iddomiċiljati fi Franza, fis-sens tal-Artikolu 4 B tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi) huma wkoll suġġetti għal-kontribuzzjoni fir-rigward tal-ammont nett tad-dħul, imsemmi fil-punt I tal-Artikolu 164 B tal-istess kodiċi, adottat għad-determinazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

F. Jahin, ċittadin Franċiż, ilu residenti fiċ-Ċina mis-sena 2003. Hemmhekk huwa jeżerċita attività professjonali u huwa affiljat ma’ skema privata ta’ sigurtà soċjali.

12

Bejn is-snin 2012 u 2014, huwa ġie suġġett, fi Franza, għal diversi imposti fuq id-dħul minn immobbli kif ukoll fuq qligħ kapitali miksub wara t-trasferiment ta’ proprjetà immobbli.

13

Meta kien diġà adit b’rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-qorti tar-rinviju, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), f’kawża oħra dwar imposti identiċi li waslet għas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123), il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li tali imposti, sa fejn ikollhom konnessjoni diretta u rilevanti ma’ ċerti fergħat tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u huma suġġetti għall-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, previst fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament, minkejja li jkunu imposti fuq id-dħul mill-patrimonju ta’ persuni taxxabbli, irrispettivament mill-eżerċizzju ta’ kwalunkwe attività professjonali.

14

Wara din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2015, li kull persuna fiżika affiljata ma’ skema ta’ sigurtà soċjali fi Stat Membru ieħor hija intitolata titlob il-kwittanza tal-imposti li għalihom kien suġġett, fi Franza, id-dħul mill-patrimonju.

15

Il-modalitajiet ta’ rimbors tal-imposti miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni ġew stabbiliti permezz ta’ żewġ stqarrijiet għall-istampa tal-20 ta’ Ottubru 2015 magħmula, minn naħa, mis-secrétaire d’État chargé du Budget (is-Segretarju tal-Istat inkarigat mill-Baġit, Franza) u, min-naħa l-oħra, mid-directeur général des Finances publiques (id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi Pubbliċi, Franza). Fihom ġie ppreċiżat li d-dritt għar-rimbors huwa rriżervat biss għall-persuni fiżiċi affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Repubblika Franċiża u li jinsab fl-Unjoni Ewropea, iż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, u b’hekk ġew esklużi l-persuni fiżiċi affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali fi Stat terz.

16

Fil-11 ta’ Marzu 2016, F. Jahin ippreżenta, quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors kontra l-istqarrijiet għall-istampa minħabba li kienu ultra vires, filwaqt li sostna li din l-esklużjoni kienet tmur kontra r-Regolament Nru 883/2004 u l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital iggarantit mill-Artikolu 63 TFUE.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikoli 63, 64 u 65 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

1)

il-fatt li persuna affiljata ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Terz għall-Unjoni […], li ma huwiex wieħed mill-Istati Membri taż-[ŻEE] jew [il-Konfederazzjoni Svizzera], tkun suġġetta, bħall-persuni affiljati mas-sigurtà soċjali fi Franza, għall-ġbir mid-dħul tal-kapital [imposti fuq id-dħul mill-kapital] previst mil-leġiżlazzjoni Franċiża li tidħol fil-kamp tar-Regolament [Nru 883/2004], filwaqt li persuna li taqa’ taħt skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru, li ma huwiex [ir-Repubblika Franċiża], ma tistax, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, tkun hekk suġġetta, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital li jiġi jew li jkun iddestinat lejn pajjiżi terzi, bħala prinċipju pprojbit mill-Artikolu 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

2)

fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital bħal din, li tirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Franċiża, li tissuġġetta għall-ġbir [imposta] fit-tilwima l-proprjetarji kollha ta’ ċertu dħul tal-kapital mingħajr ma twettaq hija stess ebda distinzjoni skont il-post fejn ikunu affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, u ta’ att tad-dritt idderivat tal-Unjoni […], tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu tat-[Trattat FUE], b’mod partikolari:

fir-rigward tal-Artikolu 64(1) tat-[TFUE], għall-movimenti tal-kapital li jidħlu fil-kamp tiegħu, minħabba li r-restrizzjoni tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 883/2004], introdott fid-dritt tal-Unjoni mill-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 1408/71], jiġifieri f’data li taqa’ qabel il-31 ta’ Diċembru 1993, minkejja li l-ġbir fuq id-dħul tal-kapital inkwistjoni kien ġie stabbilit jew kien sar applikabbli wara l-31 ta’ Diċembru 1993;

fir-rigward tal-Artikolu 65(1) tat-Trattat, minħabba li l-leġiżlazzjoni fiskali Franċiża, applikata b’mod konformi mar-Regolament tad-29 ta’ April 2004, tistabbilixxi distinzjoni bejn kontribwenti li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fid-dawl tal-kriterju li jirriżulta mill-affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali;

fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet li jitqiesu li jikkostitwixxu restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital li jiġi jew li jkun idddestinat għal pajjiżi terzi li jissodisfaw l-għan, segwit mir-Regolament [Nru 883/2004], ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni […]?”

Fuq id-domandi preliminari

18

Permezz taż-żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, residenti fi Stat terz, li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, u li huwa affiljat hemmhekk ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, huwa suġġett, fl-imsemmi Stat Membru, għal imposti fuq id-dħul mill-kapital fir-rigward ta’ kontribuzzjoni fl-iskema ta’ sigurtà soċjali stabbilita minn dan l-Istat Membru, filwaqt li ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jaqa’ taħt skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor huwa eżonerat minn dan minħabba l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kif previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, inkwantu tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita għall-moviment tal-kapital li jiġi jew li jkun iddestinat għal pajjiżi terzi.

19

Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 63 TFUE jimplementa l-moviment liberu tal-kapital, minn naħa, bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

20

Għal dan il-għan, l-Artikolu 63 TFUE, li jinsab fil-Kapitolu 4 tat-Titolu IV tat-Trattat FUE, intitolat “Il-kapital u l-pagament” jipprovdi li kull restrizzjoni għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi hija pprojbita.

21

Minn dan jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-moviment liberu tal-kapital imsemmi fl-Artikolu 63 TFUE ma huwiex limitat għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri, iżda huwa estiż ukoll għal tali moviment bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi.

22

Għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 63 TFUE, għalkemm it-Trattat FUE ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “moviment tal-kapital”, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali moviment, fis-sens ta’ dan l-artikolu jinkludi, fost oħrajn, it-tranżazzjonijiet li permezz tagħhom il-persuni mhux residenti jwettqu investimenti immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2001, Stefan, C-464/98,EU:C:2001:9, punt 5; tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et, C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, EU:C:2002:135, punt 30, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C-512/03, EU:C:2005:516, punt 35).

23

Minn dak li ntqal jirriżulta li imposti, bħal dawk li jseħħu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn jirrigwardaw dħul minn immobbli u qligħ kapitali miksub wara t-trasferiment ta’ proprjetà immobbli rċevuti minn persuna fiżika li għandha n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat, iżda li tirrisjedi fi Stat terz li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

24

Imbagħad għandu jiġi ddeterminat jekk it-trattament fiskali rriżervat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni liċ-ċittadini tagħha li jirrisjedu fi Stat terz li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera u li huma affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat terz, jikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

25

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma tali li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħrajn (sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, van Hilten-van der Heijden, C-513/03, EU:C:2006:131, punt 44; tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International, C-48/15, EU:C:2016:356, punt 44, u tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 27).

26

Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni Franċiża tittratta bl-istess mod, minn naħa, liċ-ċittadini tagħha li jirrisjedu fi Stat terz, li ma huwiex l-Istati Membri taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, u li huma affiljati hemmhekk ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini Franċiżi li jirrisjedu fi Franza u huma affiljati hemmhekk l-Istat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, peress li fiż-żewġ każijiet, huma suġġetti bl-istess mod għall-imposti fuq id-dħul mill-kapital previsti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

27

Min-naħa l-oħra, trattament fiskali iktar favorevoli huwa rriżervat liċ-ċittadini tal-Unjoni li huma affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor, ta’ Stat Membru taż-ŻEE jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, peress li huma eżentati mill-imsemmija imposti.

28

Issa, tali differenza fit-trattament tista’ tkun ta’ dissważjoni għall-persuni fiżiċi li huma affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat terz li ma humiex l-Istati Membri taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera milli jinvestu fi proprjetà immobbli fl-Istat Membru li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità u hija, għaldaqstant tali li tostakola l-moviment tal-kapital minn tali Stati terzi għall-imsemmi Stat Membru.

29

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital bejn Stat Membru u Stat terz li hija, bħala prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 63 TFUE.

30

Fl-aħħar nett, għandu jiġi evalwat jekk tali restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tistax tiġi ġġustifikata.

31

Skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri […] li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom […]”.

32

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni, sa fejn hija tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tinkludi distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn huma jirrisjedu hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C-181/12, EU:C:2013:662, punt 42, u tas-7 ta’ Novembru 2013, K, C-322/11, EU:C:2013:716, punt 34).

33

Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija hi stess limitata mill-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-imsemmi paragrafu 1 “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63” (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C-181/12, EU:C:2013:662, punt 43).

34

Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn it-trattamenti inugwali permessi taħt l-Artikolu 65(1) TFUE u d-diskriminazzjonijiet arbitrarji pprojbiti taħt il-paragrafu 3 tal-istess artikolu. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li d-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, EU:C:2000:294, punt 43; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, EU:C:2004:484, punti 28 u 29, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C-512/03, EU:C:2005:516, punt 42).

35

Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk, għal dak li jikkonċerna l-ġbir ta’ imposti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżistix differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni, mill-perspettiva tar-residenza tagħhom, bejn ċittadin tal-Unjoni u li jaqa’ taħt skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru li ma hijiex dik tal-Istat Membru kkonċernat, u ċittadin ta’ dan l-Istat Membru affiljat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali fi Stat terz, li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju adottat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex issir distinzjoni tas-sitwazzjoni bejn il-persuni fiżiċi taxxabbli ċertament ma huwiex konness mar-residenza tagħhom, iżda huwa bbażat fuq l-affiljazzjoni tagħhom ma’ skema ta’ sigurtà soċjali.

37

Madankollu, sa fejn persuni fiżiċi mhux affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru huma, ta’ spiss, persuni li ma humiex residenti f’dan l-istess Stat, tali kriterju fir-realtà jwassal għal distinzjoni tal-persuni fiżiċi taxxabbli skont ir-residenza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C-512/03, EU:C:2005:516, punt 38).

38

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ċittadin tal-Unjoni affiljat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor jinsabx, fir-rigward tal-għan kif ukoll tal-iskop u l-kontenut tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ ċittadin tal-imsemmi Stat, iżda li jirrisjedi fi Stat terz, li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera u huwa affiljat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali f’dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 48).

39

Għal dak li jirrigwarda, fil-każ ineżami, l-għan tal-leġiżlazzjoni Franċiża, għandu jitfakkar, hekk kif tfakkar fil-punti 13 sa 15 tas-sentenza preżenti, li l-istqarrijiet għall-istampa inkwistjoni fil-kawża prinċipali sempliċement jippreċiżaw il-modalitajiet tar-rimbors tal-imposti miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-persuni fiżiċi li jirċievu dħul mill-kapital fi Franza, iżda li jaqgħu taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor.

40

Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kif previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, Stat Membru ma jistax jiġbor, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li huma affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor, imposti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li minkejja li huma kklassifikati bħala taxxa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom konnessjoni diretta u suffiċjentement rilevanti mal-leġiżlazzjonijiet relatati mal-fergħat ta’ sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, u li huma allokati speċifikament għall-finanzjament ta’ skema ta’ sigurtà soċjali tal-ewwel Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punti 23, 24, 26 u 39).

41

Dan il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali huwa intiż, għal dak li jikkonċerna liċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu ġewwa l-Unjoni, jevita l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u sabiex jelimina l-inugwaljanzi fit-trattament li jkunu l-konsegwenza ta’ sovrapożizzjoni parzjali jew totali tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Minn dak li ntqal jirriżulta li teżisti differenza oġġettiva bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat li jirrisjedi fi Stat terz li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera u huwa affiljat hemmhekk ma’ skema ta’ sigurtà soċjali u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni affiljat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dan tal-aħħar biss jista’ jibbenefika mill-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, minħabba l-moviment tiegħu ġewwa l-Unjoni.

43

Min-naħa l-oħra, ma teżisti ebda differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li jirrisjedi fi Stat terz li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, u huwa affiljat hemmhekk ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, u dik ta’ ċittadin ta’ dan l-istess Stat Membru li jirrisjedi hemmhekk u li huwa affiljat f’dan l-Istat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, sa fejn, f’dawn iż-żewġ każijiet, huma ma eżerċitawx il-libertà ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni u ma jistgħux, għaldaqstant, jinvokaw il-benefiċċju tal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

44

Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi ġġustifikata, fir-rigward tal-Artikolu 65(1)(a) TFUE, bid-differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni li teżisti bejn persuna fiżika, ċittadina ta’ Stat Membru iżda residenti fi Stat terz, li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, u li hija affiljat hemmhekk ma’ skema tas-sigurtà soċjali, u ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor u li huwa affiljat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali hemmhekk.

45

Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad ukoll li interpretazzjoni differenti twassal sabiex ċittadin ta’ Stat Membru, li jirrisjedi fi Stat terz, li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, bħal F. Jahin, jibbenefika mill-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, minkejja li, konformement mal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, dan japplika biss għaċ-ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni soċjali ta’ Stat Membru jew ta’ diversi Stati Membri.

46

Issa, peress li t-Trattat FUE ma jinkludi ebda dispożizzjoni li testendi l-moviment liberu tal-ħaddiema għall-persuni li jemigraw lejn Stat terz, għandu jiġi evitat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63(1) TFUE, għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, li ma humiex l-Istati Membri taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, tippermetti li persuni li ma jaqgħux fil-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-moviment liberu tal-ħaddiema, jibbenefikaw minn dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-35/11, EU:C:2012:707, punt 100).

47

Minn dak li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, residenti fi Stat terz, li ma huwiex Stat Membru taż-ŻEE jew il-Konfederazzjoni Svizzera, u li huwa affiljat hemmhekk ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, huwa suġġett, fl-imsemmi Stat Membru, għal imposti fuq id-dħul mill-kapital fir-rigward ta’ kontribuzzjoni fl-iskema ta’ sigurtà soċjali stabbilita minn dan l-Istat Membru, filwaqt li ċittadin tal-Unjoni li jaqa’ taħt skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor huwa eżonerat minn dan minħabba l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, residenti fi Stat terz, li ma huwiex Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew il-Konfederazzjoni Svizzera, u li huwa affiljat hemmhekk ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, huwa suġġett, fl-imsemmi Stat Membru, għal imposti fuq id-dħul mill-kapital fir-rigward ta’ kontribuzzjoni fl-iskema ta’ sigurtà soċjali stabbilita minn dan l-Istat Membru, filwaqt li ċittadin tal-Unjoni li jaqa’ taħt skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor huwa eżonerat minn dan minħabba l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali.

 

Borg Barthet

Berger

Biltgen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Jannar 2018.

Ir-Reġistratur

A. Calot Escobar

Li qed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla

A. Borg Barthet


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.