Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2018 (1)

Kawża C-135/17

X-GmbH

vs

Finanzamt Stuttgart - Körperschaften

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 56 u 57 KE – Moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi – Restrizzjonijiet – Klawżola ta’ ‘standstill’ – Investimenti diretti – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tassazzjoni tad-dħul li ġej minn kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom barra mill-pajjiż – Ġustifikazzjoni– Ġlieda kontra l-arranġamenti purament artifiċjali – Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni – Preżervazzjoni tal-effikaċja tal-kontrolli fiskali”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 57 KE (li saru l-Artikoli 63 u 64 TFUE rispettivament), sabiex tkun taf, essenzjalment, jekk is-sistema Ġermaniża applikabbli għall-“holdings f’kumpanniji intermedjarji barranin” (2) tinvolvix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, restrizzjoni li, jekk ma hijiex koperta bil-klawżola ta’ “standstill”, prevista fl-Artikolu 57(1) KE, tista’ tkun iġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-arranġamenti purament artifiċjali.

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, X, u l-Finanzamt Stuttgart-Körperschaften (iċ-Ċentru tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Stuttgart – Dipartiment tal-Persuni Ġuridiċi, il-Ġermanja) dwar l-integrazzjoni mill-ġdid tad-dħul magħmul matul is-snin 2005 u 2006 minn Y, kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru miżmuma 30 % minn X, fil-bażi taxxabbli ta’ din tal-aħħar, skont id-dispożizzjonijiet tal-Gesetz über die Besteuerung bei Auslandsbeziehungen (Aussensteuergesetz) (il-Liġi Fiskali dwar ir-Relazzjonijiet Ma’ Barra l-Pajjiż), tat-8 ta’ Settembru 1972 (3), fil-verżjoni tagħha li rriżultat mill-Missbrauchsbekämpfungs- und Steuerbereinigungsgesetz (il-Liġi dwar l-Armonizzazzjoni Fiskali u l-Ġlieda Kontra l-Frodi) tal-21 ta’ Diċembru 1993 (4), u mill-Gesetz zur Fortentwicklung des Unternehmenssteuerrechts (il-Liġi dwar l-Evoluzzjoni tat-Tassazzjoni tal-Impriżi), tal-20 ta’ Diċembru 2001 (5) (iktar ’il quddiem l-“UntStFG 2001”) (iktar ’il quddiem l-“AStG”).

3.        Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont l-Artikolu 7(6) u 6a, kif ukoll l-Artikolu 8 tal-AStG, id-dħul ta’ kumpannija barranija li fil-kapital tagħha persuna taxxabbli residenti fil-Ġermanja għandha holding ta’ mill-inqas 1 % huwa taxxabbli fi ħdan din il-persuna taxxabbli jekk dan huwa “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit”, jiġifieri jekk huwa suġġett, barra mill-pajjiż, għal tassazzjoni tal-qligħ ta’ inqas minn 25 % u ma jirriżultax minn attivitajiet ekonomiċi msejħa “attivi”.

4.        Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-kumpannija Y kienet ġiet ikklassifikata mill-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża bħala kumpannija intermedjarja barranija għal “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit”, fis-sens tal-Artikolu 7(6) u (6a) tal-AStG. Fil-fatt, għas-snin finanzjarji inkwistjoni, l-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża qieset li l-krediti li Y kienet kisbet, mingħand kumpannija Ġermaniża u minħabba, parzjalment, self mogħti minn X, kienu jagħtu dritt għal sehem mid-dħul sportiv ta’ erba’ clubs sportivi Ġermaniżi, b’mod partikolari permezz tal-qligħ magħmul minn dawn tal-aħħar mid-drittijiet tal-media. Id-dħul riċevut minn Y kellu għalhekk jiġi kklassifikat bħala dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit u inkluż fil-bażi taxxabbli ta’ X għas-sentejn finanzjarji kkontestati fil-kawża prinċipali.

5.        Wara li kkontestat mingħajr suċċess id-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża, X ressqet il-kawża quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi).

6.        Il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tirrileva li r-regoli dwar l-integrazzjoni mill-ġdid tad-dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit fil-bażi taxxabbli ta’ azzjonist, persuna suġġetta b’mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja, previsti fl-Artikolu 7(6) u (6a) tal-AStG, huma esklużivament intiżi għall-holdings f’kumpanniji barranin. F’dan ir-rigward, hija tqis li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikoli 56(1) KE.

7.        Madankollu, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tistaqsi jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex awtorizzata mid-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-klawżola ta’ “standstill”, prevista fl-Artikolu 57(1) KE, li tipprovdi li l-Artikolu 56 KE ma jippreġudikax l-applikazzjoni, għall-pajjiżi terzi, tar-restrizzjonijiet li kienu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993 skont id-dritt nazzjonali fir-rigward tal-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiż terz meta dan jinvolvi, b’mod partikolari, investimenti diretti. Filwaqt li tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li, bħala prinċipju, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, f’dan ir-rigward, il-kontenut tal-leġiżlazzjoni “eżistenti” fil-31 ta’ Diċembru 1993, din il-qorti tqis li kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni hija neċessarja, b’mod partikolari fir-rigward ta’ żewġ aspetti.

8.        Fl-ewwel lok, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi), ir-regoli dwar l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit” fil-bażi taxxabbli ta’ azzjonist, persuna suġġetta b’mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja, fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1993, ġew emendati bil-Gesetz zur Senkung der Steuersätze und zur Reform der Unternehmensbesteuerung (Steuersenkungsgesetz) (il-Liġi Li Tnaqqas it-Taxxa u Li Tirriforma t-Tassazzjoni tal-Impriżi, tat-23 ta’ Ottubru 2000 (iktar ’il quddiem l-“iStSenkG 2000”) (6). Din il-qorti tikkonstata li għalkemm l-iStSenkG 2000 ċertament biddlet sostanzjalment l-imsemmija regoli applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 1993, l-emendi li din il-leġiżlazzjoni kellha tagħmel lill-AStG madankollu tħassru bl-UntStFG 2001, anki qabel dawn ma setgħu jiġu applikati, għall-ewwel darba, għal tali dħul f’każ konkret.

9.        F’dan ir-rigward, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tqis li hemm inċertezzi dwar il-kwistjoni jekk, skont l-Artikolu 57(1) KE, il-garanzija taż-żamma ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993 tistax issir invalida esklużivament minħabba l-effett leġiżlattiv formali tal-leġiżlazzjoni li temenda jew jekk l-emenda għandiex effettivament tkun ġiet implimentata wkoll fil-prattika.

10.      Fit-tieni lok, l-UntStFG 2001 reġgħet stabbilixxiet, għar-regoli dwar l-integrazzjoni mill-ġdid tad-dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit fil-bażi taxxabbli ta’ azzjonist, persuna suġġetta b’mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja, il-konsegwenzi legali li kienu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993, bl-eċċezzjoni ta’ element. L-UntStFG 2001 b’mod partikolari naqqset il-perċentwali minima tal-holding fil-kumpannija intermedjarja barranija meħtieġa għal tali integrazzjoni mill-ġdid, li qabel kienet ta’ 10 %, għal 1 %. Barra minn hekk, taħt ċerti kundizzjonijiet, din l-integrazzjoni mill-ġdid kellha ssir anki għall-holdings ta’ inqas minn 1 %. Madankollu, għalkemm din l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regoli għall-holdings ta’ investiment ta’ inqas minn 10 % tirrappreżenta, skont il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi), emenda sostanzjali li twessa’ r-restrizzjoni għall-moviment transkonfinali tal-kapital b’mod mhux negliġibbli, din l-emenda ma tirrigwardax l-investimenti diretti, fis-sens tal-Artikolu 57(1) KE, iżda biss il-holdings ta’ investiment. Konsegwentement, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tqis li l-klawżola ta’ “standstill” tista’ tkun applikabbli f’dan il-każ, sa fejn ir-regoli applikabbli għas-sitwazzjoni partikolari ta’ X, li l-holding tagħha ta’ 30 % f’Y jikkostitwixxi investiment dirett, ma ġewx affettwati bl-emenda introdotta bl-UntStFG 2001 dwar il-holdings ta’ investiment.

11.      F’każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma taqax taħt il-klawżola ta’ “standstill” minħabba waħda minn dawn iż-żewġ aspetti, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tistaqsi jekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxix restrizzjoni pprojbita għall-moviment liberu tal-kapital, li, jekk ikun il-każ, tista’ tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’dan ir-rigward, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-kwistjoni dwar it-tassazzjoni tad-dħul tal-kumpanniji intermedjarji fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544). Madankollu, hija tinnota li din il-kawża kienet taqa’ taħt il-kuntest ta’ libertà ta’ stabbiliment applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u mhux taħt dak tal-moviment liberu tal-kapital, applikabbli wkoll fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Jekk din il-ġurisprudenza kellha tiġi estiża għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tesprimi d-dubji tagħha dwar in-natura ġġustifikata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

12.      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikolu 57(1) KE [li sar l-Artikolu 64(1) TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li restrizzjoni fi Stat Membru, fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1993, fir-rigward ta’ moviment ta’ kapital minn u lejn pajjiżi terzi, li tinvolvi investimenti diretti, ma hijiex prekluża mill-Artikolu 56 KE (issa l-Artikolu 63 TFUE) lanqas fil-każ fejn dispożizzjoni nazzjonali, fis-seħħ fid-data ta’ riferiment, li kienet tirrestrinġi l-moviment tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi, kienet essenzjalment tapplika biss għal investimenti diretti, iżda sussegwentement ġiet estiża sabiex tkopri wkoll parteċipazzjonijiet ta’ portafoll [holdings ta’ investiment] f’kumpanniji barranin [ta’] inqas mil-limitu ta’ 10 % ?

2.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 57(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies bħala applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1993, li tirrestrinġi l-moviment tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi, li tinvolvi investimenti diretti, u li kienet essenzjalment tapplika biss għal investimenti diretti, il-fatt li tapplika dispożizzjoni sussegwenti, li essenzjalment tikkorrispondi għar-restrizzjoni eżistenti fid-data ta’ riferiment, iżda li r-restrizzjoni eżistenti fid-data ta’ riferiment tkun ġiet suġġetta, wara din id-data u matul perijodu qasir, għal modifika sostanzjali minn liġi li, minkejja li daħet fis-seħħ legalment, qatt ma tkun ġiet applikata fil-prattika peress li ġiet issostitwita, qabel ma setgħet tapplika għall-ewwel darba għal każ speċifiku, b’dispożizzjoni li hija applikabbli preżentement ?

3.      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal waħda miż-żewġ domandi: l-Artikolu 56 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-ammont taxxabbli ta’ persuna taxxabbli stabbilita f’dan l-Istat Membru, u li għandha parteċipazzjoni [holding] ta’ mill-inqas ta’ 1 % f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ l-Isvizzera), tinkludi, f’perċentwali pro rata tal-parteċipazzjoni miżmuma, id-dħul pożittiv miksub minn din il-kumpannija li joriġina minn investimenti tal-kapital, meta tali dħul ikun intaxxat b’rata iktar baxxa minn dik fl-Istat Membru msemmi l-ewwel ?”

13.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u dak Svediż, u l-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub dwar dawn id-domandi. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet ikkonċernati nstemgħu matul is-seduta tal-5 ta’ Marzu 2018, ħlief għall-Gvern Franċiż u dak Svediż li ma kinux irrappreżentati.

II.    Analiżi

14.      Filwaqt li l-ewwel żewġ domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 57(1) KE, dispożizzjoni li l-applikazzjoni tagħha tippresupponi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kklassifikata bħala restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital kuntrarja għall-Artikolu 56(1) KE, it-tielet domanda tistaqsi preċiżament dwar din il-klassifikazzjoni u dwar in-natura ġustifikata ta’ tali restrizzjoni.

15.      Konsegwentement, l-analiżi li ġejja mhux ser tkun skont l-ordni tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fl-ewwel lok ser neżamina jekk is-sistema Ġermaniża applikabbli għall-“holdings f’kumpanniji intermedjarji barranin”, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, li, fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx dubju dwarha (Titolu A). Fit-tieni lok, għandu jiġi stabbilit jekk din ir-restrizzjoni tistax madankollu tinżamm minħabba li hija koperta mill-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 57(1) KE (Titolu B). F’dan ir-rigward, nindika minn issa li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa, fl-opinjoni tiegħi, il-kriterji rationae temporis u materiae previsti f’dan l-artikolu. Huwa għalhekk b’mod sussidjarju, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi dwar l-applikabbiltà tal-klawżola ta’ “standstill” li ser neżamina, fit-tielet lok, jekk ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tinsab fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (Titolu C).

A.      Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, skont l-Artikolu 56(1) KE

1.      Fuq l-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-kapital

16.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-AStG tapplika għal kull persuna taxxabbli, residenti fil-Ġermanja, li għandha parteċipazzjoni f’kumpannija ta’ pajjiż terz li tapplika, skont l-AStG, tassazzjoni “baxxa” fuq il-qligħ ta’ din il-kumpannija, mingħajr ma tali holding tal-persuna taxxabbli Ġermaniża jippermetti neċessarjament li tkun eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija kkonċernata u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha. Fil-fatt, waqt is-snin finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 7 tal-AStG, l-integrazzjoni mill-ġdid tad-dħul riċevut minn kumpannija ta’ pajjiż terz fil-bażi tat-taxxa tas-soċju ta’ din il-kumpannija, persuna suġġetta b’mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja, irrispettivament minn kwalunkwe tqassim tal-profitti, kienet tapplika awtomatikament għal kull holding ta’ inqas minn 1 % fil-kumpannija kkonċernata ta’ dan il-pajjiż terz.

17.      Hemm lok li jiġi rrilevat li l-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-kapital, previst fl-Artikolu 56(1) KE, fil-kawża prinċipali ma ġietx ikkontestata minn ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati, u l-qorti tar-rinviju stess eskludiet b’mod korrett l-applikabbiltà tal-libertà ta’ stabbiliment għall-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

18.      Fil-fatt, b’analoġija mal-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-35/11, EU:C:2012:707, punti 98 sa 100 u 104), tali leġiżlazzjoni li, minn naħa, ma għandhiex l-għan li tapplika esklużivament għall-holdings ta’ kumpannija ta’ Stat Membru li jippermettu li tiġi eżerċitata ċerta influwenza fuq il-kumpannija kkonċernata ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, tirrigwarda biss it-trattament fiskali tad-dħul ta’ kumpannija ta’ Stat Membru li jirriżulta minn investimenti magħmula f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz għandha, bla dubju, tiġi evalwata fir-rigward tal-Artikolu 56(1) KE (7).

19.      F’tali kuntest, l-eżami biss tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa biżżejjed sabiex jiġi evalwat jekk it-trattament fiskali inkwistjoni jaqax taħt il-moviment liberu tal-kapital (8). Għalhekk ma hemmx lok, fi kwalunkwe każ, li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża prinċipali, jiġifieri f’dan il-każ, holding ta’ 30 % fil-kumpannija Y fl-Isvizzera. Fil-fatt, irrispettivament minn jekk tali holding jistax jagħti influwenza sinjifikattiva lil X fuq id-deċiżjonijiet ta’ Y fatt li, fih innifsu, ma huwiex evidenti fid-dawl tat-tqassim tal-kapital azzjonarju ta’ din tal-aħħar f’idejn azzjonist ieħor biss dawn iċ-ċirkustanzi ma jistax ikollhom l-effett, fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi u fid-dawl tal-għan tad-dispożizzjonijiet tal-AStG inkwistjoni, li tiġi eskluża l-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-kapital favur il-libertà ta’ stabbiliment, li, kif inhu magħruf, ma tkoprix ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi (9).

20.      Jekk l-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-kapital kellha ċċedi għal-libertà ta’ stabbiliment abbażi ta’ dawn iċ-ċirkustanzi biss, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 56(1) KE ssir, kif diġà spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2013:710, punt 20), mingħajr effett utli fis-sitwazzjonijiet fejn ma jeżisti madankollu ebda riskju ta’ evażjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

2.      Fuq in-natura restrittiva tal-Artikolu 7 tal-AStG għall-movimenti tal- kapital fir-rigward tal-pajjiżi terzi

21.      Ma jidhirlix li hemm xi dubju dwar ir-risposta għad-domanda jekk dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali, bħall-Artikolu 7 tal-AStG, tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

22.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri pprojbiti skont l-Artikolu 56(1) KE, inkwantu restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddiswadu lil dawk li ma humiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddiswadu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (10).

23.      F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-għan tar-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid huwa li jipprekludu jew jinnewtralizzaw it-trasferimenti ta’ dħul (passiv) ta’ persuni suġġetti b’mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja lejn Stati li għandhom, skont id-dritt Ġermaniż, livell baxx ta’ tassazzjoni tal-qligħ. L-għan tar-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid huwa għalhekk li jiġi imputat lis-soċju Ġermaniż, li għandu holding ta’ mill-inqas 1 % f’kumpannija ta’ pajjiż terz, id-dħul imsejjaħ “passiv” iġġenerat minn din il-kumpannija irrispettivament minn kwalunkwe distribuzzjoni ta’ qligħ. Tali regoli ma japplikawx, bħala prinċipju, ħlief f’sitwazzjonijiet transkonfinali.

24.      Fil-fatt, kif enfasizzaw b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju, il-Gvern Svediż kif ukoll il-Kummissjoni, soċju Ġermaniż, li huwa persuna suġġetta b’mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja, li għandu holding ta’ livell ekwivalenti f’kumpannija stabbilita fil-Ġermanja ma għandu qatt jerġa’ jintegra fit-total taxxabbli tiegħu d-dħul ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż stess ikkonċeda fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li tali regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid jipprevedu trattament inqas favorevoli għall-holdings f’kumpanniji barranin meta mqabbla ma’ holdings f’kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja, peress li, f’dan l-aħħar każ, id-dħul ta’ din tal-aħħar ma huwa qatt imputat għas-soċji tagħha qabel kwalunkwe distribuzzjoni.

25.      Tali differenza fit-trattament hija għalhekk mingħajr dubju ta’ natura li tiddiswadi persuna taxxabbli Ġermaniża milli tagħmel investimenti f’pajjiżi terzi.

26.      Konsegwentement, inqis li dispożizzjoni, bħall-Artikolu 7 tal-AStG, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, ipprojbita, bħala prinċipju, fis-sens tal-Artikolu 56 KE.

B.      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 57(1) KE

27.      Kif semmejt qabel, permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-restrizzjoni għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li għadha kemm ġiet deskritta tistax xorta tiġi nnewtralizzata bl-applikazzjoni tal-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 57(1) KE.

28.      Infakkar li, skont dan l-artikolu, “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56[KE] ma jippreġudikawx l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta’ xi restrizzjonijiet li jkunu jeżistu[fil]-31 ta’ Diċembru 1993 skont il-liġi nazzjonali jew il-liġi [tal-Unjoni] dwar il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett [...] [traduzzjoni mhux uffiċjali] (11).

29.      Ir-restrizzjonijiet previsti minn leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għaldaqstant jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE jekk, minbarra li japplikaw għal pajjiż terz, li ma hemmx dubju dwar dan f’dak li jirrigwarda, bħal f’din il-kawża, il-Konfederazzjoni Svizzera, jissodisfaw il-kriterji rationae temporis u materiae li dan l-artikolu jistabbilixxi (12).

1.      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni rationae temporis tal-Artikoli 57(1) KE

30.      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni rationae temporis tal-Artikolu 57(1) KE, għandu jiġi rrilevat li l-verżjoni tal-AStG inkwistjoni f’din il-kawża hija sussegwenti għall-31 ta’ Diċembru 1993.

31.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull miżura nazzjonali adottata wara dik id-data ma hijiex, abbażi ta’ dan il-fatt waħdu, awtomatikament eskluża mis-sistema derogatorja stabbilita mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, dispożizzjoni li hija, fis-sustanza tagħha, identika għal-leġiżlazzjoni preċedenti jew li hija limitata għat-tnaqqis jew għat-tneħħija ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-Unjoni li jinsabu fil-leġiżlazzjoni preċedenti tibbenefika minn tali sistema (13).

32.      F’dak il-każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 57(1) KE tippresupponi, minn naħa, li r-restrizzjoni għall-moviment tal-kapital kienet tifforma parti mill-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru b’mod mhux interrott mill-31 ta’ Diċembru 1993 (14) u min-naħa l-oħra, li din ir-restrizzjoni ma hijiex inkluża f’leġiżlazzjoni li hija bbażata fuq loġika differenti minn dik tad-dritt preċedenti fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1993 u tistabbilixxi proċeduri ġodda (15).

33.      F’din il-kawża, b’differenza mill-partijiet ikkonċernati l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni, essenzjalment, li l-verżjoni tal-AStG, preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 1993, tħassret bl-iStSenkG 2000, li jimplika li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-AStG inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sussegwenti għall-31 ta’ Diċembru 1993, ma jistgħux jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 57(1) KE, għaliex ma kinux jeżistu fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż b’mod mhux interrott.

34.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

35.      Ċertament, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, bl-adozzjoni tal-iStSenkG 2000 il-leġiżlatur Ġermaniż ddeċieda li jemenda b’mod estensiv ir-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid previsti fl-AStG fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1993. Madankollu, kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, minkejja li l-iStSenkG 2000 daħlet fis-seħħ, il-leġiżlatur Ġermaniż għażel ukoll li jiddifferixxi l-applikazzjoni tagħha b’effett mis-sena finanzjarja li tibda fl-1 ta’ Jannar 2002. Huwa wkoll stabbilit li anki qabel mal-iStSenkG 2000 ma kienet tapplika għas-sena finanzjarja li tibda fl-1 ta’ Jannar 2002, din il-liġi kienet hija stess tħassret bl-UntStFG 2001, applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002 kif ukoll għas-snin finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, liema att, essenzjalment, irriproduċa, b’mod identiku, ir-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-AStG li, fil-31 ta’ Diċembru 1993, kienu applikabbli għall-investimenti diretti.

36.      Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tas-snin finanzjarji li kienu qed jiddekorru sal-31 ta’ Diċembru 2001, il-persuni taxxabbli Ġermaniżi li kienu f’sitwazzjoni simili għal X baqgħu jiġu suġġetti għar-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-AStG, fil-verżjoni tagħha li rriżultat mil-Liġi Dwar l-Armonizzazzjoni Fiskali u l-Ġlieda Kontra l-Frodi, tal-21 ta’ Diċembru 1993, u li, b’effett mis-sena finanzjarja li kienet tibda fl-1 ta’ Jannar 2002, kellhom jissodisfaw ir-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid essenzjalment identiċi previsti mill-UntStFG 2001, kif din il-liġi emendat l-AStG.

37.      Minn dan jirriżulta li r-restrizzjoni eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 u li dwarha tilmenta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali baqgħet tapplika fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi minn dik id-data u baqgħet tifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat minn dik id-data. Fil-fatt, il-persuni taxxabbli Ġermaniżi, li kisbu dħul simili għal dak tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal investiment dirett identiku fl-Isvizzera, li kien jirrigwarda kemm is-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 1993 kif ukoll is-snin finanzjarji wara dik id-data, kienu ġew suġġetti, b’mod mhux interrott, għall-istess regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid ta’ dan id-dħul fil-bażi tat-taxxa li għalih kienu jkunu taxxabbli fil-Ġermanja għall-imsemmija snin finanzjarji.

38.      Issa, skont l-Artikolu 57(1) KE li, infakkar, jipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56[KE] ma jippreġudikawx l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta’ xi restrizzjonijiet li jkunu jeżistu [fil]-31 ta’ Diċembru 1993” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (16), l-importanti ma huwiex li leġiżlazzjoni tkun ġiet formalment imħassra jew emendata drastikament, iżda li r-restrizzjoni li hija tipprevedi, eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993, tkompli tipproduċi l-effetti tagħha u għalhekk tapplika, b’mod mhux interrott, wara dik id-data fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, għaliex, kif enfasizzajt preċedentement, il-persuni taxxabbli Ġermaniżi mqiegħda f’sitwazzjoni simili għal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali komplew, kemm qabel kif ukoll wara l-31 ta’ Diċembru 1993, jiġu suġġetti għar-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid tad-dħul li jirriżulta minn investimenti diretti f’kumpanniji ta’ pajjiż terz, previsti fl-Artikolu 7 tal-AStG, irrispettivament mill-verżjoni, preċedenti jew sussegwenti għall-31 ta’ Diċembru 1993, ta’ dan l-att.

39.      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE, ibbażata fuq “l-applikazzjoni” tar-restrizzjonijiet eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 u tal-“effet” tal-leġiżlazzjoni nazzjonali hija sostnuta bis-sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, X (C-317/15, EU:C:2017:119, punt 21) li tipprovdi li “l-applikabbiltà tal-Artikolu 64(1) TFUE [li kien Artikolu 57(1) KE] ma tiddependix mill-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi tali restrizzjonijiet iżda mill-effett tagħha”.

40.      L-approċċ li għadni kif iddefendejt ma huwiex kontradett mill-ħtieġa li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 57(1) KE tiġi interpretata b’mod ristrett (17) peress li dan l-approċċ huwa bbażat fuq il-kliem stess ta’ dan l-artikolu, kif fuq kollox tfakkar ukoll is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, X (C-317/15, EU:C:2017:119, punt 21).

41.      Dan lanqas ma jmur kontra s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, EU:C:2007:804, punt 49) u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 87) li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-Artikolu 64(1) TFUE [li kien Artikolu 57(1) KE] ma jirrigwardax id-dispożizzjonijiet li, filwaqt li huma essenzjalment identiċi għal leġiżlazzjoni li kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993, introduċew ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital li, wara t-tħassir tal-leġiżlazzjoni preċedenti, ma kienx għadu jeżisti” (18).

42.      Fil-fatt, fil-punti 49 u 87 ta’ dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qegħda probabbilment tirreferi għal sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “klassiċi”, li fihom it-tħassir ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jinvolvi immedjatament t-tneħħija tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, mingħajr, konsegwentement, li l-effetti tal-imsemmija leġiżlazzjoni jkomplu wara t-tħassir formali tagħha.

43.      Qabel xejn, inqis li s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, EU:C:2007:804), hija wkoll, tikkonferma l-interpretazzjoni li tirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 57(1) KE u li nipproponi li għandha tiġi adottata.

44.      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fiskali Svizzera, li jagħtu vantaġġ fiskali lill-kumpanniji stabbiliti fl-Isvizzera biss, kienu tħassru sussegwentement għall-31 ta’ Diċembru 1993 imbagħad reġgħu ġew introdotti fl-1995. Issa, kuntrarjament għall-analiżi tal-Avukat Ġenerali (19), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minkejja t-tneħħija formali u temporanja tal-imsemmija dispożizzjonijiet, ir-Renju tal-Isvezja kien awtorizzat jinvoka l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 57(1) KE sa fejn il-“benefiċċju” ta’ dan il-vantaġġ (l-eżenzjoni tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fl-Isvezja) kien ġie eskluż, b’mod mhux interrott, tal-inqas mill-1992, għall-kumpanniji stabbiliti f’pajjiż terz, mhux membru tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, li ma kienx kkonkluda ftehim li jipprevedi l-iskambju ta’ informazzjoni mar-Renju tal-Isvezja (20).

45.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE, ibbażat ruħha iktar fuq l-effett tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, jiġifieri ż-żamma mhux interrotta tal-esklużjoni tal-eżenzjoni fir-rigward tal-kumpanniji tal-pajjiżi terzi kkonċernati, milli fuq it-tħassir formali u temporanju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu tali eżenzjoni għall-benefiċċju tal-kumpanniji Svediżi.

46.      Bl-istess mod, fil-kawża prinċipali, u kif diġà għidt, minflok ma tħassar, l-ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital fir-rigward tal-pajjiżi terzi kompla jiġi applikat wara l-31 ta’ Diċembru 1993, minħabba ż-żamma tal-effetti tal-AStG sad-dħul fis-seħħ tal-UntStFG 2001 (21), li, b’effett minn dik id-data, irriproduċiet, fil-mertu tagħha, b’mod identiku, ir-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid li kienu applikabbli, fil-31 ta’ Diċembru 1993, għall-investimenti diretti.

47.      Għalhekk inqis li l-kriterju rationae temporis tal-Artikolu 57(1) KE huwa ssodisfatt fil-kawża prinċipali.

48.      Issa għandhom jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar jekk il-kriterju rationae materiae ta’ din id-dispożizzjoni huwiex issodisfatt, fid-dawl tal-fatt li l-partijiet ikkonċernati l-oħra jqisu li dan il-kriterju huwa tassew issodisfatt fil-kawża prinċipali.

2.      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tal-Artikolu 57(1) KE

49.      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-UntStFG 2001 emendat b’mod sostanzjali l-AStG, fil-verżjoni tagħha preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 1993, b’tali mod li billi ma baqax japplika esklużivament għall-investimenti diretti iżda wkoll għall-investimenti msejħa “ta’ portafoll” fil-pajjiżi terzi, dan l-att, fil-verżjoni tiegħu sussegwenti għalll-31 ta’ Diċembru 1993, ma huwiex iktar kopert bl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 57(1) KE.

50.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni għar-raġunijiet segwenti.

51.      Kif diġà indikajt fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont il-ġurisprudenza, leġiżlazzjoni nazzjonali sussegwenti għall-31 ta’ Diċembru 1993, li temenda l-loġika li fuqha kienet ibbażata l-leġiżlazzjoni preċedenti għal din id-data u tistabbilixxi proċeduri ġodda, ma tistax tkun koperta bil-klawżola ta’ “standstill” tal-Artikolu 57(1) KE.

52.      Dan ma huwiex il-każ, fl-opinjoni tiegħi, fir-rigward tal-emenda li saret permezz tal-UntStFG 2001 għall-AStG, sussegwentement għall-31 ta’ Diċembru 1993, li permezz tagħha, kif turi l-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur Ġermaniż naqqas biss il-livell ta’ applikabbiltà tar-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid tad-dħul previsti mill-AStG, li issa jinkludi, l-holdings ta’ inqas minn 10 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija tal-pajjiż terz ikkonċernat, filwaqt li l-affarijiet l-oħra baqgħu kollha l-istess.

53.      Ċertament, huwa stabbilit li, fil-verżjoni tagħha preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 1993, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-AStG kienu jimponu fi ħdan il-persuni taxxabbli Ġermaniżi l-integrazzjoni mill-ġdid tad-dħul li ġej minn holdings f’kumpanniji ta’ pajjiżi terzi li jirrappreżentaw tal-inqas 10 % tal-kapital azzjonarju tal-imsemmija kumpanniji.

54.      Kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju u kif ammettiet ukoll ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-AStG, fil-verżjoni tagħha preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 1993, kienet tapplika esklużivament għal investimenti diretti, fis-sens tal-Artikoli 56 u 57 KE.

55.      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “investimenti diretti” jirrigwarda l-investimenti ta’ kull tip li jagħmlu l-persuni fiżiċi u ġuridiċi u li jservu sabiex joħolqu jew iżommu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn min jagħti l-fondi u l-impriża li lilha dawn il-fondi huma intiżi, bil-għan tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika. Fir-rigward ta’ holdings f’impriżi ġodda jew eżistenti, ikkostitwiti taħt forma ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, l-għan li jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul jippreżupponi li l-ishma miżmuma mill-azzjonist jagħtuh, jew bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, jew b’mod ieħor, il-possibbiltà li jipparteċipa effettivament fit-tmexxijata’ din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha (22). Dan il-kunċett ikopri wkoll d-dħul li jirriżulta minn tali investimenti diretti (23).

56.      Holding minimu ta’ 10 % fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija, kif previst mill-AStG, fil-verżjoni tagħha preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 1993, kien jimplika għalhekk bħala prinċipju investiment dirett, għaliex tali livell ta’ holding, għalkemm ma jagħtix l-opportunità għall-kontroll ta’ din il-kumpannija, jagħti ċertament l-opportunità għall-parteċipazzjoni b’mod effettiv fil-ġestjoni tagħha (24).

57.      Huwa veru wkoll li, kuntrarjament għall-Artikolu 56 KE, il-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tal-Artikolu 57 KE ma jkoprix l-investimenti msejħa “ta’ portafoll” u għalhekk ma jistax jintuża sabiex tinżamm l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital li jinvolvi tali investimenti lejn jew minn pajjiżi terzi, F’dan ir-rigward, infakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “investimenti ta’ portafoll” jirreferi għax-xiri ta’ titoli fis-suq tal-kapital magħmul bl-intenzjoni biss li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li tiġi influwenzata t-tmexxija u l-kontroll tal-impriża (25).

58.      It-tnaqqis tal-livell ta’ holding minn 10 % għal 1 % bl-emenda li saret għall-AStG permezz tal-UntStFG 2001 wassal mingħajr l-iċken dubju sabiex fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jiġu inklużi l-investimenti ta’ portafoll (26).

59.      Madankollu, kif il-qorti tar-rinviju hija inklinata tqis, tali konsegwenza, li taffettwa kategorija ta’ investimenti li, f’kull każ, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE, ma għandhiex effett, fl-opinjoni tiegħi, fuq l-applikabbiltà ta’ dan l-artikolu f’sitwazzjonijiet fejn huma involuti biss investimenti diretti.

60.      Fil-fatt, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrestrinġi mingħajrdistinzjoni l-investimenti ta’ portafoll u l-investimenti diretti, lejn jew minn pajjiż terz (27), tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tapplika għal dawn l-investimenti tal-aħħar.

61.      Dan huwa dak li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod impliċitu fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, EU:C:2007:804, punt 52), billi qieset li l-esklużjoni tal-benefiċċju tal-eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dividendi inkwistjoni f’dik il-kawża setgħet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, taqa’ taħt l-Artikolu 57(1) KE “ta’ l-inqas meta dawn id-dividendi jirrigwardaw investimenti diretti fil-kumpannija distributriċi”, filwaqt li ħalliet f’idejn il-qorti tar-rinviju sabiex tivverifika jekk dan kienx il-każ.

62.      Dan l-approċċ kien ġie espliċitament ikkonfermat fis-sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, X (C-317/15, EU:C:2017:119, punti 21, 24 u 25). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fiha ppreċiżat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tista’ tiġi applikata wkoll għal kategoriji ta’ moviment tal-kapital minbarra dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 64(1) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 57(1) KE) ma hijiex tali li tipprekludi l-applikabbiltà tal-Artikolu 64(1) TFUE fiċ-ċirkustanza li huwa jkopri.

63.      Konsegwentement, Stat Membru li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu tillimita fir-rigward tal-pajjiżi terzi, mingħajr differenza, minn naħa, l-investimenti diretti, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE, u, min-naħa l-oħra, l-investimenti ta’ portafoll, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jinvoka l-klawżola ta’ “standstill” tal-imsemmi artikolu, sa fejn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika għall-investimenti diretti (28).

64.      Fil-kawża prinċipali, u skont il-ġurisprudenza li għadha kemm ġiet iċċitata, sa fejn l-investimenti diretti huma kkonċernati, peress li l-UntStFG 2001 la emendat il-loġika tal-AStG, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 1993, u lanqas introduċiet proċeduri ġodda, ma narax diffikultà sabiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi awtorizzata tinvoka l-applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE. Fi kliem ieħor, din-l-awtorizzazzjoni tapplika sa fejn, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-holdings fil-kumpannija tal-pajjiż terz ikkonċernat jagħtu lis-soċju Ġermaniż, persuna suġġetta b’mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja, il-possibbiltà li jipparteċipa effettivament fil-ġestjoni u/jew fil-kontroll tal-imsemmija kumpannija, jiġifieri li dawn jikkorrispondu għal investiment dirett, skont l-imsemmi artikolu.

65.      B’mod ġenerali, hija l-qorti nazzjonali, f’kull każ, li għandha tivverifika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-klawżola ta’ “standstill” tal-Artikolu 57(1) KE, jekk ir-restrizzjoni għall-moviment tal-kapital fir-rigward tal-pajjiżi terzi inkwistjoni tirrigwardax il-kategoriji elenkati f’dan l-artikolu, b’mod partikolari l-investimenti diretti.

66.      Fil-kawża prinċipali, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma kklassifikatx b’mod espress bħala investiment dirett il-holding ta’ 30 % ta’ X fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija Svizzera Y, din hija tassew il-premessa li abbażi tagħha saret l-ewwel domanda preliminari, li mingħajrha din id-domanda ma tagħmilx sens. Fi kwalunkwe każ, tali livell ta’ holding jagħti lid-detentur tiegħu l-possibbiltà li jikseb jekk mhux kontroll kondiviż tal-kumpannija kkonċernata, tal-inqas parteċipazzjoni effettiva fil-ġestjoni tagħha (29). Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jidher li l-emenda li saret permezz tal-UntStFG 2001 fir-rigward tal-livell ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid tad-dħul previsti mill-AStG ma kellha l-ebda effett fuq is-sitwazzjoni ta’ X, fid-dawl tal-livell tal-holding tagħha fil-kapital azzjonarju ta’ Y. Fil-fatt, kemm qabel kif ukoll wara l-31 ta’ Diċembru 1993, kumpannija Ġermaniża li tkun qegħda f’sitwazzjoni strettament identika għal dik ta’ X-GmbH kellha tipproċedi, bl-integrazzjoni mill-ġdid, fil-bażi ta’ stima tat-taxxa li hija għandha tħallas fil-Ġermanja, tad-dħul li jirriżulta minn tali parteċipazzjoni (30).

67.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija awtorizzata tinvoka l-Artikolu 57(1) KE, sa fejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda restrizzjoni għall-moviment tal-kapital, eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993, li jfisser investimenti diretti, mingħajr mal-emendi li saru għal-leġiżlazzjoni li tipprevedi din ir-restrizzjoni wara din id-data ma biddlu l-loġika li fuqha kienet ibbażata l-leġiżlazzjoni preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 1993 u mingħajr ma l-imsemmija emendi stabbilixxew proċeduri ġodda.

68.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taqbel ma’ din l-analiżi, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda n-natura ġġustifikata tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, tisfa mingħajr skop. Għalhekk ser neżamina din il-kwistjoni b’mod sussidjarju biss.

C.      Kunsiderazzjonijiet sussidjarji dwar il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

69.      Skont l-Artikolu 58(1) KE, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma taqax taħt l-Artikolu 57(1) KE, tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li hija tipprevedi tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex paragunabbli b’mod oġġettiv jew tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (31).

1.      Dwar il-paragun oġġettiv tas-sitwazzjonijiet

70.      Il-Gvern Ġermaniż jallega li d-differenza ta’ trattament murija fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet kienet tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli. Fil-fatt, skont dan il-gvern, ir-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid tad-dħul ta’ kumpannija barranija intermedjarja, previsti mill-AStG, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, kienu jikkonċernaw biss il-kumpanniji li s-sede tagħhom hija f’pajjiż terz li huma suġġetti għal tassazzjoni baxxa. In-nuqqas ta’ kompetenza fiskali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tad-dħul li ġej minn investimenti f’kumpannija barranija jirrappreżenta differenza sostanzjali meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta’ dħul li jirriżulta minn investimenti ekwivalenti fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija Ġermaniża. Il-Gvern Ġermaniż iżid li, fis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland (C-388/14, EU:C:2015:829, punt 65), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet in-nuqqas ta’ paragun bejn is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli li għandha stabbiliment stabbli fil-Ġermanja u dik ta’ persuna taxxabbli li għandha stabbiliment barra mill-pajjiż.

71.      Jiena bl-ebda mod ma naqbel mal-argument tal-Gvern Ġermaniż. Fil-fatt, l-għan stess tal-Artikolu 7 tal-AStG, irrispettivament mill-verżjoni li fuqha hija bbażata l-analiżi, huwa preċiżament li jiġi żgurat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fuq id-dħul riċevut minn kumpannija residenti li tkun investiet kapital f’kumpannija ta’ pajjiż terz li jimponi tassazzjoni, li hija kklassifikata fid-dritt fiskali Ġermaniż, bħala “baxxa”. Din id-dispożizzjoni għalhekk għandha l-għan kemm jista’ jkun tqarrab is-sitwazzjoni ta’ tali kumpanniji lejn dawk ta’ kumpanniji residenti li jinvestu l-kapital tagħhom f’kumpannija oħra residenti fil-Ġermanja, sabiex tinnewtralizza kemm jista’ jkun il-vantaġġi fiskali li tal-ewwel jistgħu jiksbu mill-investiment ta’ kapital barra mill-pajjiż.

72.      L-għan tal-Artikolu 7 tal-AStG u s-sitwazzjoni li fiha din id-dispożizzjoni tpoġġi lil kumpannija residenti li tkun investit f’kumpannija ta’ pajjiż terz b’tassazzjoni “baxxa” jfakkru ċ-ċirkustanzi li wasslu għas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544), fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar il-KBK. Din il-leġiżlazzjoni, fil-fatt, kienet tagħti lil kumpannija parent residenti l-qligħ magħmula mill-KBK meta din kienet suġġetta għal livell “inqas” ta’ tassazzjoni, fis-sens tal-imsemmija leġiżlazzjoni, fl-Istat li fih il-KBK kienet stabbilita.

73.      Issa, fir-rigward tal-paragun bejn tali sitwazzjoni u sitwazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm “differenza fit-trattament” li kien joħloq “żvantaġġ fiskali” għall-kumpannija residenti li għaliha l-leġiżlazzjoni dwar il-KBK kienet applikabbli, minħabba li, kuntrarjament għal kumpannija residenti li għandha sussidjarja intaxxata fir-Renju Unit, din il-kumpannija residenti kienet intaxxata fuq qligħ ta’ persuna oħra ġuridika (32).

74.      Din hija wkoll is-sitwazzjoni ta’ kumpannija Ġermaniża, suġġetta għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-AStG, bħal X, li investiet kapital f’kumpannija stabbilita fl-Isvizzera, bħal Y.

75.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet, fl-opinjoni tiegħi, ma humiex invalidati bis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland (C-388/14, EU:C:2015:829, punt 65), invokata mill-Gvern Ġermaniż. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li, f’dan il-punt tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “s-sitwazzjoni ta’ stabbiliment permanenti fl-Awstrija ma hijiex paragunabbli għal dik ta’ stabbiliment permanenti fil-Ġermanja fir-rigward tal-miżuri previsti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex jipprevjenu jew inaqqsu l-intaxxar doppju tal-profitti ta’ kumpannija residenti”, dan kien minħabba l-fatt li, għas-sena finanzjarja inkwistjoni f’din is-sentenza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma komplietx teżerċita l-“ġurisdizzjoni fiskali [tagħha] fuq ir-riżultati ta’ tali stabbiliment permanenti, u t-tnaqqis ta’ dan it-telf ma kienx iktar awtorizzat fil-Ġermanja” (33).

76.      Issa, kif għadni kif urejt, f’din il-kawża, l-Artikolu 7 tal-AStG jagħti b’mod speċifiku lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġurisdizzjoni fiskali fuq id-dħul li ġej minn kumpannija barranija intermedjarja stabbilita f’pajjiż terz, f’dan il-każ Y, billi jintegrah mill-ġdid fil-bażi ta’ tassazzjoni ta’ persuna oħra ġuridika, residenti fil-Ġermanja, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, il-kumpannija X. Barra minn hekk, mill-espożizzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali jirriżulta li tali ġurisdizzjoni fiskali hija eżerċitata, fil-konfront tal-kumpannija residenti fil-Ġermanja, kemm fuq il-qligħ magħmul kif ukoll fuq it-telf subit mill-kumpannija intermedjarja, li huwa, fir-rigward tal-ewwel, integrat mill-ġdid u, fir-rigward tat-tieni, meħud inkunsiderazzjoni, fil-bażi ta’ tassazzjoni tal-ewwel kumpannija.

77.      Għalkemm is-sistema fiskali tal-kumpannija residenti fil-Ġermanja li kisbet holdings f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz li għandu tassazzjoni “baxxa” hija verament differenti minn dik applikabbli għall-kumpannija residenti li investiet kapital f’kumpannija oħra residenti fil-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, li s-sempliċi fatt li jiġu applikati sistemi differenti għal kumpanniji residenti skont jekk għandhomx holdings f’kumpanniji residenti jew mhux residenti ma tistax tikkostitwixxi kriterju validu għall-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet u, għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita differenza oġġettiva bejniethom (34). Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ sistemi fiskali differenti hija l-oriġini tad-differenza fit-trattament minkejja li, fiż-żewġ eżempji, l-Istat Membru kkonċernat jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fuq id-dħul tal-imsemmija kumpanniji residenti.

78.      Minn dan jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, li l-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tinżamm biss, jekk ma tkunx awtorizzata abbażi tal-Artikolu 57(1) KE, minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

2.      Fuq l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

79.      Filwaqt li, fil-motivazzjoni tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju teskludi l-idea li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fir-rigward tal-pajjiżi terzi, li tirriżulta mill-Artikolu 7 tal-AStG, tista’ tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat dħul fiskali, hija tistaqsi dwar il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan li jiġu miġġielda l-arranġamenti purament artifiċjali li għandhom bħala għan li jevadu l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, kif dan il-motiv ta’ ġustifikazzjoni ġie aċċettat fil-prinċipju tiegħu, fis-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544). Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji, minn naħa, dwar l-applikabbiltà ta’ tali ġurisprudenza, li kienet taqa’ taħt il-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment u, min-naħa l-oħra, fil-każ fejn din il-ġurisprudenza kellha tiġi kompletament trasposta f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, fuq in-natura proporzjonata tar-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid previsti mill-AStG. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li dawn ir-regoli ma japplikawx biss fil-każ ta’ arranġamenti purament artifiċjali iżda irrispettivament mill-funzjoni ekonomika tal-kumpannija intermedjarja stabbilita fil-pajjiż terz ikkonċernat, mingħajr mal-persuna taxxabbli residenti fil-Ġermanja ma jkollha l-possibbiltà li turi li l-investiment tagħha jservi raġunijiet ekonomiċi.

80.      Minn naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż isostni li r-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid previsti mid-dispożizzjonijiet tal-AStG huma ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li huma t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni (35) u l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali (36), li bis-saħħa tagħha huwa jinvoka l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-arranġament purament artifiċjali. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż iżid li r-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid jistgħu jkunu ġġustifikati wkoll bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali (37).

81.      Minn naħa tiegħi, l-ewwel nett, naqbel mingħajr riżervi mal-analiżi li saret mill-qorti tar-rinviju li Stat Membru ma jistax jiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital lejn pajjiżi terzi sabiex jissalvagwardja d-dħul fiskali. Fil-fatt, dan il-motiv, ta’ natura purament ekonomika, diġà ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sitwazzjonijiet li jinvolvu l-moviment tal-kapital fir-rigward ta’ pajjiżi terzi (38). F’din il-kawża ma hemm xejn li jiġġustifika tbegħid minn din is-soluzzjoni. Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż lanqas ma pprova jinvoka dan il-motiv quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

82.      It-tieni nett, fir-rigward tal-għan relatat mal-ħtieġa li jiġu miġġielda l-arranġamenti purament artifiċjali, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li tali għan kien adattat sabiex jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ta’ moviment bejn l-Istati Membri kemm fil-kuntest tar-rabta tiegħu ma’ raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess ġenerali, bħall-ġlieda kontra l-prattiki abbużivi (39), il-prevenzjoni tal-frodi jew tal-evażjoni fiskali (40), u, flimkien ma’ waħda mill-imsemmija raġunijiet, it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (41), kif ukoll, hekk jidher, bħala għan ta’ interess ġenerali awtonomu (42).

83.      Kuntrarjament għal dak li tesponi l-qorti tar-rinviju, il-leġittimità li jiġi segwit tali motiv ma ġietx irrikonoxxuta biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment iżda wkoll fir-rigward ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri (43) kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u l-pajjiżi terzi (44).

84.      Fuq dan l-aħħar punt, nosserva li, fis-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punti 59 sa 62), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk differenza fit-trattament fiskali ta’ kumpanniji residenti fil-Portugall, skont jekk jirċevux dividendi mqassma minn kumpanniji residenti f’dan l-Istat Membru jew stabbiliti f’pajjiżi terzi (it-Tuneżija u l-Libanu) differenza kklassifikata bħala restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital , madankollu setgħetx tiġi ġġustifikata bil-ħtieġa ta’ prevenzjoni tal-frodi u tal-evażjoni fiskali. Fi tmiem dan l-eżami, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni f’din il-kawża “[kienet] teskludi b’mod ġenerali l-possibbiltà ta’ ħelsien jew ta’ tnaqqis tat-taxxa doppja ekonomika tad-dividendi, meta dawn id-dividendi [kienu] jitqassmu minn kumpanniji stabbiliti fi Stati terzi, mingħajr ma tfittex speċifikament li timpedixxi aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika, intiżi għall-evażjoni tat-taxxa normalment dovuta jewgħall-kisba ta’ vantaġġ fiskali” (45). Minn dan hija għalhekk iddeduċiet li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ma setgħetx tiġi ġġustifikata minn motivi li huma relatati mal-ħtieġa ta’ prevenzjoni tal-frodi u tal-evażjoni fiskali.

85.      Minn din is-sentenza jistgħu jiġu misluta żewġ kunsiderazzjonijiet. Minn naħa, din is-sentenza turi li Stat Membru huwa tassew awtorizzat jinvoka l-għan ta’ ġlieda kontra l-arranġamenti purament artifiċjali intiżi għall-evażjoni tat-tassazzjoni normalment dovuta sabiex tiġi ġġustifikata restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li ġej minn jew sejjer lejn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, ma narax il-loġika li Stat Membru jiġi rrifjutat il-possibbiltà li jinvoka tali motiv ta’ ġustifikazzjoni esklużivament fil-kuntest tar-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi terzi. Min-naħa l-oħra, din is-sentenza tikkonferma li l-portata ta’ tali għan hija l-istess bħal meta dan huwa invokat fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni għandha speċifikament ikollha l-għan li tipprevjeni aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ arranġamenti purament artifiċjali.

86.      Issa, huwa preċiżament minn din il-perspettiva li nqis li, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-ġlieda kontra l-arranġamenti purament artifiċjali għall-finijiet biss ta’ evażjoni tat-taxxa normalment dovuta għandhiex tiġi eżaminata, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali awtonoma jew, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, fil-kuntest ta’ dik relatata mal-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, ir-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid previsti mill-AStG imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.

87.      Fil-fatt, dawn ir-regoli jkopru mhux biss speċifikament l-arranġamenti purament artifiċjali iżda japplikaw, b’mod ġenerali, abbażi ta’ preżunzjoni inkonfutabbli ta’ evażjoni fiskali (46), fil-konfront ta’ kull persuna suġġetta b’mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja li għandha holding ta’ mill-inqas 1 % f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz li t-tassazzjoni tiegħu hija kklassifikata, b’mod unilaterali mil-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża, bħala “baxxa”.

88.      Fir-rigward tal-portata ġenerali tagħhom, ir-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-AStG għalhekk ma jsegwux għan speċifiku intiż għall-prevenzjoni tal-aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ arranġamenti purament artifiċjali, li ma għandhom l-ebda sinjifikat ekonomiku, sempliċement sabiex tiġi evaża t-taxxa normalment dovuta (47).

89.      Konsegwentement, inqis li r-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid previsti mill-AStG ma jistgħux jiġu ġġustifikati b’motivi intiżi għall-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali u l-ġlieda kontra l-arranġamenti purament artifiċjali.

90.      Minn dan isegwi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-istedina magħmula mill-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li abbażi tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrikonoxxi li fir-rigward tal-pajjiżi terzi, l-Istati Membri huma awtorizzati jżommu l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom intiżi sabiex jipprekludu l-arranġamenti purament artifiċjali li għandhom bħala għan essenzjali, u mhux esklużiv, li jevadu t-taxxa normalment dovuta (48). Fi kwalunkwe każ, jirriżulta b’mod ċar mis-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 165) u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 59) li, anki fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, tranżazzjoni partikolari tikkostitwixxi arranġament purament artifiċjali meta l-uniku għan tagħha huwa li tevadi t-taxxa normalment dovuta jew li tikseb vantaġġ fiskali.

91.      It-tielet nett, ir-risposta għad-domanda dwar jekk ir-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid previsti mill-AStG jistgħux jiġu ġġustifikati bil-ħtieġa li jiġi protett it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati u s-salvagwardja tal-effikaċja tal-kontrolli fiskali, meħuda flimkien, hija, fl-opinjoni tiegħi, iktar diffiċli.

92.      Fuq il-livell tal-prinċipji, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat dawn iż-żewġ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (49) u diġà aċċettat li dawn ir-raġunijiet setgħu jiġu invokati mill-Istati Membri sabiex jiġġustifikaw restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital lejn jew minn pajjiż terz (50).

93.      Fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata s-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri, din ir-raġuni tista’ tiġi aċċettata meta s-sistema inkwistjoni tkun intiża sabiex tipprekludi aġir li jista’ jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (51).

94.      Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li r-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid previsti mill-AStG huma adattati sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi prekluż tali aġir peress li huma intiżi sabiex jipprevjenu, fil-kawża prinċipali, li l-attivitajiet tal-clubs sportivi Ġermaniżi jiġu esklużi mill-kompetenza fiskali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi t-tmexxija tal-holdings fil-profitti ta’ dawn il-clubs tiġi attribwita lil kumpannija stabbilita f’pajjiż terz. Huwa b’dan il-mod li d-dħul riċevut minn din il-kumpannija minħabba l-attività ta’ ġestjoni tal-holdings fil-profitti tal-clubs sportivi Ġermaniżi huwa integrat mill-ġdid fil-bażi taxxabbli tas-soċju tagħha Ġermaniż, il-kumpannija X, bil-għan li jiġi evitat tnaqqis tal-bażi taxxabbli ta’ din tal-aħħar fil-Ġermanja.

95.      Ċerti aspetti ta’ din il-miżura nazzjonali jidhirli li huma wkoll adegwati. Qabel xejn, ir-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid previsti mill-AStG japplikaw biss għall-attivitajiet imsejħa “passivi” tal-kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi li japplikaw rata ta’ tassazzjoni tal-profitti ta’ inqas minn 25 %. Imbagħad, għalkemm huwa veru li r-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid japplikaw irrispettivament minn kwalunkwe distribuzzjoni tal-profitti, kif osservat il-qorti tar-rinviju, id-distribuzzjonijiet effettivi magħmula mill-kumpannija intermedjarja għall-benefiċċju tas-soċji tagħha Ġermaniżi huma eżentati fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Finalment, it-taxxa f’ras il-għajn miġbura fil-pajjiż terz ikkonċernat fuq l-ammont tad-distribuzzjoni tista’ tiġi paċuta mat-taxxa imposta fuq l-ammont li għandu jiġi integrat mill-ġdid fil-bażi taxxabbli tas-soċju Ġermaniż jew imnaqqsa minn dik it-taxxa, skont id-dispożizzjonijiet tal-AStG.

96.      Madankollu, skont l-AStG, is-soċju Ġermaniż ta’ kumpannija intermedjarja stabbilita f’pajjiż terz ma jistax jevita l-applikazzjoni tar-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid, billi jipproduċi l-prova li, minkejja n-natura “passiva” tal-attività eżerċitata mill-imsemmija kumpannija intermedjarja, din l-attività hija ddettata minn raġunijiet verament kummerċjali jew ekonomiċi, b’tali mod li d-dħul tal-kumpannija intermedjarja ma jiġix intaxxat fi ħdan l-imsemmi soċju.

97.      Huwa veru li, filwaqt li fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, ma għandux a priori jiġi eskluż li persuna taxxabbli tkun f’pożizzjoni li tipprovdi dokumenti ta’ ġustifikazzjoni rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni jivverifikaw li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet li jagħtuha dritt għal vantaġġ fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ripetut li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta integralment għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li jaqa’ taħt kuntest legali different (52).

98.      Fil-fatt, fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, it-traspożizzjoni tal-ġurisprudenza li hija applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni tirrikjedi li jiġi meħud impenn ta’ assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru inkwistjoni u dawk tal-pajjiż terz ikkonċernat ekwivalenti għall-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilit, fi ħdan l-Unjoni, permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (53).

99.      F’kuntest bħal dak ta’ din il-kawża, tali qafas ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka fil-qasam fiskali jista’ jiżgura lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jivverifikaw, b’mod partikolari, jekk il-kumpannija stabbilita fil-pajjiż terz inkwistjoni, minkejja n-natura “passiva” tal-attività tagħha, teżerċitax attività ekonomika awtentika jew reali permezz ta’ persunal, apparat, beni jew binjiet, mingħajr, b’mod partikolari, ma tkun sempliċement kumpannija li sservi biss bħala “kaxxa tal-ittri”.

100. Issa, b’mod ġenerali, billi ma jagħmlux distinzjoni bejn il-pajjiżi terzi skont jekk dawn għandhomx jew le qafas ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni ekwivalenti għad-Direttiva 77/799 mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid previsti mill-AStG jidhru, fl-opinjoni tiegħi, li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ preżervazzjoni tas-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni u tal-effikaċja tal-kontrolli fiskali. L-applikazzjoni tar-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid, previsti mill-AStG, fil-każ ta’ persuna taxxabbli Ġermaniża li għandha holding f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz u li fil-konfront tagħha jiġi stabbilit, abbażi b’mod partikolari ta’ ftehim qafas ta’ skambju reċiproku ta’ informazzjoni fil-qasam fiskali bejn dan il-pajjiż u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li hija tiżvolġi, fir-realtà, attività ekonomika awtentika, tinterferixxi mas-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istat tas-sede tal-kumpannija u tissuġġerixxi, fl-opinjoni tiegħi, li r-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-AStG huma intiżi, b’mod definittiv, sabiex jiġġeneraw dħul għal awtorità fiskali Ġermaniża (54).

101. Minkejja dan, bla ħsara għal iktar verifiki fid-dettall mill-qorti tar-rinviju, tali konstatazzjoni tista’ tkun mingħajr effett prattiku fil-kawża prinċipali.

102. F’dan ir-rigward, minkejja li l-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżistenza ta’ qafas ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka fil-qasam fiskali bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera, ma jistax totalment ma jissemmiex li tali qafas ta’ kooperazzjoni ġie stabbilit bejn dawn iż-żewġ Stati wara li daħal fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2017, fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera, il-Konvenzjoni redatta mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) u l-Kunsill tal-Ewropa, iffirmata fi Strasbourg fil-25 ta’ Jannar 1988, dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka fil-qasam fiskali (55). L-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni li probabbilment hija rilevanti għall-amministrazzjoni jew għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar it-taxxi koperti mill-imsemmija konvenzjoni, li jinkludu, skont l-Artikolu 2 tiegħu, it-taxxi fuq id-dħul u l-profitti.

103. Madankollu, skont l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni, intitolat “Riżervi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Konfederazzjoni Svizzera ppreċiżat, waqt id-depożitu tal-istrument ta’ ratifika tagħha, li hija “ma tagħti l-ebda assistenza amministrattiva fir-rigward tal-krediti fiskali li kienu jeżistu diġà fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għal din il-parti kontraenti, jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 2017.

104. Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tas-snin finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jirrigwardaw, infakkar, is-snin 2005 u 2006, il-qorti tar-rinviju x’aktarx ikollha tikkonstata li l-Konvenzjoni Dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fil-Qasam Fiskali ma tawtorizzax lill-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi jivverifikaw mal-kontropartijiet Svizzeri tagħhom in-natura awtentika tal-attività tal-kumpannija intermedjarja Y stabbilita fl-Isvizzera.

105. Konsegwentement, b’rigward għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u sakemm ma jeżistix qafas bilaterali ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-qasam fiskali bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera li jkun applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, inqis li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid previsti mill-AStG tista’ tkun iġġustifikata bil-għan tal-preżervazzjoni tas-setgħa ta’ tassazzjoni u tal-effikaċja tal-kontrolli fiskali tal-Istat Membru kkonċernat.

III. Konklużjoni

106. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ġew żviluppati b’mod prinċipali f’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod segwenti għad-domandi magħmula mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja):

L-Artikolu 57(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-31 ta’ Diċembru 1993, kienet tipprevedi, għal persuna taxxabbli ta’ Stat Membru, it-tassazzjoni tal-investimenti diretti f’kumpannija barranija stabbilita f’pajjiż terz minn livell ta’ holding ta’ 10 %, li l-effetti tagħha komplew wara l-31 ta’ Diċembru 1993 qabel din ma ġiet issostitwita minn leġiżlazzjoni nazzjonali oħra, li, fir-rigward tal-investimenti diretti, hija, essenzjalment, identika għal-leġiżlazzjoni li kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Din hija, b’mod definittiv, is-sistema relatata mal-“kumpanniji barranin ikkontrollati” (iktar ’il quddiem il-“KBK”). Għandu jiġi nnotat li l-kompatibbiltà ta’ tali sistema mal-libertajiet fundamentali ta’ moviment setgħet diġà tiġi eżaminata fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C-298/05, EU:C:2007:754) li kieku din l-entità kienet ġiet meqjusa fid-dritt fiskali Ġermaniż mhux bħala soċjetà, iżda bħala kumpannija b’kapital azzjonarju: ara, f’dan ir-rigward, il-punti 32 sa 37 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Columbus Container Services (C-298/05, EU:C:2007:197).


3      BGBl. 1972 I, p. 1713.


4      BGBl. 1993 I, p. 2310.


5      BGBl. 2001 I, p. 3858.


6      BGBl. 2000 I, p. 1433.


7      Ara wkoll is-sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punti 27 sa 32), tal-11 ta’ Settembru 2014, Kronos International (C-47/12, EU:C:2014:2200, punti 38, 41 u 54) u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punti 34, 35 u 41 sa 43).


8      Ara, b’analoġija, fir-rigward tat-trattament fiskali fi Stat Membru ta’ dividendi li joriġinaw minn pajjiż terz, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 29) u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 34).


9      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Kronos International (C-47/12, EU:C:2014:2200, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jitfakkar ukoll li, fir-relazzjonijiet mal-Konfederazzjoni Svizzera, id-dritt ta’ stabbiliment huwa parzjalment kopert bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, minn naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“FLMP”), iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002. Madankollu, il-persuni ġuridiċi ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ stabbiliment stabbilit mill-FLMP: ara, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2009, Grimme (C-351/08, EU:C:2009:697, punti 37 u 39) u tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest (C-541/08, EU:C:2010:74, punt 31).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 39).


11      Korsiv miżjud minni.


12      Infakkar li dawn iż-żewġ kriterji huma kumulattivi: ara, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 53).


13      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C-157/05, EU:C:2007:297, punt 41); tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, EU:C:2007:804, punt 49) u tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest (C-541/08, EU:C:2010:74, punt 42). Għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punti 89 sa 92), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li Stat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 57(1) KE, jekk, mingħajr ma jħassar jew jemenda formalment il-leġiżlazzjoni eżistenti, huwa jikkonkludi ftehim internazzjonali, bħal ftehim ta’ assoċjazzjoni, li jipprevedi, f’dispożizzjoni li għandha effett dirett, liberalizzazzjoni tal-investimenti diretti ma’ pajjiż terz. Din is-sitwazzjoni ma hijiex rilevanti fil-kawża prinċipali peress li l-FLMP ma jistabbilixxi l-ebda liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital imsemmi fl-Artikolu57(1) KE bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, EU:C:2007:804, punt 48).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C-157/05, EU:C:2007:297, punt 41); tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, EU:C:2007:804, punt 49) u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 88).


16      Korsiv miżjud minni.


17      Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C-181/12, EU:C:2013:662, punt 29) u tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith (C-560/13, EU:C:2015:347, punti 21 u 42).


18      Korsiv miżjud minni.


19      Ara, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża A (C-101/05, EU:C:2007:493, punti 109 u 115).


20      Ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, EU:C:2007:804, punt 51).


21      Għall-finijiet utli kollha, infakkar li l-effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mħassra huma wkoll kkunsidrati fil-perspettiva li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ wieħed mill-obbligi li Stat Membru għandu taħt id-dritt tal-Unjoni, jekk tali effetti jkomplu fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata mibgħuta mill-Kummissjoni: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-456/05, EU:C:2007:755, punti 15 u 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C-194/06, EU:C:2008:289, punti 100 sa 102) u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punti 75 u 76).


23      Ara, fir-rigward tal-ħlas ta’ dividendi li jirriżultaw minn investimenti diretti, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża EV (C-685/16, EU:C:2018:70, punt 83).


25      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C-201/15, EU:C:2016:972, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Fis-sentenza tal-10 ta Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel et Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 137), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-holdings ta’ inqas minn 10 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija kkonċernata ma jaqgħux fil-kunċett ta’ “investimenti diretti” fis-sens tal-Artikolu 64(1) TFUE.


27      Infakkar li, fis-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C-157/05, EU:C:2007:297), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-Artikolu 57(1) KE seta’ jkopri r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital li jinsabu f’leġiżlazzjoni applikabbli mingħajr distinzjoni għall-Istati Membri u għall-pajjiżi terzi li kienet tirrigwarda l-ħlas ta’ dividendi marbuta ma’ holdings li jippermettu lill-azzjonist jipparteċipa b’mod effettiv fil-ġestjoni jew fil-kontroll tal-kumpannija distributriċi.


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, X (C-317/15, EU:C:2017:119, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-kapital azzjonarju ta’ Y kien miżmum, minbarra minn X, minn kumpannija stabbilita taħt id-dritt Svediż. Din tal-aħħar għandha għalhekk 70 % tal-ishma ta’ Y, fatt li jista’ jimplika kontroll kondiviż minn din tal-aħħar.


30      Ir-riferiment għal standard ġenerali ipotetiku huwa impost peress li, infakkar, X kellha holdings f’Y biss b’effett mill-2005, perijodu li huwa, b’mod ċar ħafna, sussegwenti għall-31 ta’ Diċembru 1993.


31      Ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544, punt 45). Infakkar li, f’dan il-punt tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll il-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni ta’ kumpannija residenti suġġetta għal-leġiżlazzjoni dwar il-KBK u dik ta’ kumpannija residenti li s-sussidjarja tagħha, stabbilita barra mit-territorju tar-Renju Unit, ma kinitx suġġetta għal livell inqas ta’ tassazzjoni, jiġifieri l-paragunabbiltà ta’ żewġ sitwazzjonijiet transkonfinali. Iż-żieda ta’ dan il-kriterju ta’ paragun, li tidher qed tirrifletti l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger mogħtija fil-Kawża Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:278), kienet is-suġġett ta’ ċertu diskussjoni bejn l-Avukati Ġenerali [ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Columbus Container Services (C-298/05, EU:C:2007:197, punti 124 sa 155) u dawk tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Orange European Smallcap Fund (C-194/06, EU:C:2007:403, punti 101 sa 108)], iżda, sa fejn naf jien, ma ġietx ripetuta sussegwentement mill-ġurisprudenza. Għalhekk m’iniex ser niddiskuti iktar dwarha hawnhekk.


33      Fil-fatt, għas-snin finanzjarji preċedenti, li għalihom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppermettiet it-tnaqqis tat-telf magħmul minn stabbiliment permanenti li jinsab fl-Awstrija, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ kumpannija residenti li għandha stabbiliment permanenti fl-Awstrija kienet paragunabbli għal dik ta’ kumpannija residenti li għandha stabbiliment permanenti fil-Ġermanja: ara, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland (C-388/14, EU:C:2015:829, punti 28 u 59).


34      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage (C-377/07, EU:C:2009:29, punt 33).


35      Fuq ir-rikonoxximent tal-leġittimità tal-għan ta’ preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763, punt 45); tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 47) u tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald (C-559/13, EU:C:2015:109, punt 40). Fuq l-estensjoni ta’ dan il-motiv ta’ ġustifikazzjoni għall-benefiċċju ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Fuq ir-rikonoxximent tan-natura ta’ interess ġenerali tal-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, inkluż fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-150/04, EU:C:2007:69, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI (C-311/08, EU:C:2010:26, punt 65), u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 62).


37      Fuq ir-rikonoxximent tan-natura ta’ interess ġenerali tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, inkluż fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, EU:C:2007:804, punt 55), u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 58).


38      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel et Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punti 125 u 126) u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 101).


39      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra (C-330/07, EU:C:2008:685, punt 35) u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Tankreederei I (C-287/10, EU:C:2010:827, punt 28). Fir-rigward tar-rabta ta’ dan il-motiv mal-prevenzjoni tal-abbuż u tal-evażjoni fiskali, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544, punti 48, 51 u 55), u tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C-303/07, EU:C:2009:377, punti 63 sa 65). Fir-rigward tar-rabta ta’ dan il-motiv mal-prevenzjoni tal-abbuż u tal-frodi, ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Masco Denmark u Damixa (C-593/14, EU:C:2016:984, punt 30).


40      Ara, fir-rigward tar-rabta ta’ dan il-motiv mal-prevenzjoni tal-frodi fiskali, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-540/07, EU:C:2009:717, punt 57), tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud (C-72/09, EU:C:2010:645, punt 34) u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 59). Ara, fir-rigward tar-rabta mal-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA (C-231/05, EU:C:2007:439, punt 58); tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C-182/08, EU:C:2009:559, punt 89); tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI (C-311/08, EU:C:2010:26, punt 65), u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland (C-388/14, EU:C:2015:829, punt 42). Ara, fir-rigward tar-rabta ma’ dawn iż-żewġ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Itelcar (C-282/12, EU:C:2013:629, punti 33 sa 35) u tas-7 ta’ Novembru 2013, K (C-322/11, EU:C:2013:716, punti 61 u 62).


41      Ara, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, EU:C:2007:161, punti 74 u 75).


42      Ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 2014, Felixstowe Dock and Railway Company et (C-80/12, EU:C:2014:200, punti 31 u 35) u tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C-52/16 u C-113/16, EU:C:2018:157, punti 114 u 115).


43      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C-182/08, EU:C:2009:559, punti 89), tat-3 ta’ Ottubru 2013, Itelcar (C-282/12, EU:C:2013:629, punt 34) u tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C-52/16 u C-113/16, EU:C:2018:157, punti 114 u 115).


44      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 165) u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punti 59 sa 62).


45      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 61) (korsiv miżjud minni).


46      Għandu jiġi nnotat li l-Gvern Ġermaniż aċċetta n-natura inkonfutabbli ta’ din il-preżunzjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


47      Ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2014, Felixstowe Dock and Railway Company et (C-80/12, EU:C:2014:200, punt 34); tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 165), u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 61).


48      Il-Gvern Franċiż jibbaża l-argument tiegħu, minn naħa, fuq is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, EU:C:2007:161, punt 81) u, min-naħa l-oħra, fuq ċerti atti ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni, li bla dubju huma sussegwenti għall-fatti tal-kawża prinċipali (u għalhekk, fi kwalunkwe każ, mhux rilevanti), fosthom b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164, tat-12 ta’ Lulju 2016, li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU 2016 L 193, p. 1). Għalkemm huwa veru li l-punt 81 tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, EU:C:2007:161) jirreferi għan-natura “essenzjali” u mhux esklużiva tal-għan imfittex minn tranżazzjoni partikolari sabiex din tiġi kklassifikata bħala arranġament purament artifiċjali, nirrileva li l-punt 82 ta’ dik is-sentenza jikkaratterizza l-arranġamenti purament artifiċjali abbażi tal-“finijiet fiskali [tagħhom] biss”. Sa fejn naf jien, il-punt 81 tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, EU:C:2007:161) ġie ċċitat biss darba waħda, fil-punt 30 tas-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Lammers & Van Cleeff (C-105/07, EU:C:2008:24). Għall-kuntrarju, il-linja prinċipali ġurisprudenzjali bla dubju ta’ xejn maġġoritarja tirreferi għan-natura esklużiva jew unika tal-għan imfittex minn tranżazzjoni partikolari: ara, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra (C-330/07, EU:C:2008:685, punt 35); tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C-182/08, EU:C:2009:559, punti 89 u 92); tat-22 ta’ Diċembru 2010, Tankreederei I (C-287/10, EU:C:2010:827, punt 28); tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 165); tal-5 ta’ Lulju 2012, SIAT (C-318/10, EU:C:2012:415, punt 41); tat-3 ta’ Ottubru 2013, Itelcar (C-282/12, EU:C:2013:629, punt 34); tat-13 ta’ Novembru 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-112/14, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2369, punt 25); tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 59), u tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka (C-6/16, EU:C:2017:641, punt 34). Ara wkoll id-digriet tat-23 ta’ April 2008, Test Claimants in the CFC and Dividend Group Litigation (C-201/05, EU:C:2008:239, punt 84).


49      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, SIAT (C-318/10, EU:C:2012:415, punt 48).


50      Ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punti 71 u 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punti 81 u 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Qabel xejn, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fil-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, u wara s-snin finanzjarji inkwistjoni f’din il-kawża, il-leġiżlatur Ġermaniż emenda l-AStG permezz tal-Jahressteuergesetz 2008 (il-Liġi Dwar il-Finanzi Għas-Sena 2008, BGBl. I, p. 3150), billi awtorizza lil persuna taxxabbli Ġermaniża teskludi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ integrazzjoni mill-ġdid jekk turi li l-kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor teżerċita attivitajiet ekonomiċi reali.


55      STE Nru 127. It-test ta’ din il-konvenzjoni, ir-riżervi li ġew espressi fiha kif ukoll l-istat tar-ratifikazzjonijiet huwa disponibbli fuq is-sit: https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/127. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rratifikat din il-konvenzjoni fit-28 ta’ Awwissu 2015, u daħlet fis-seħħ f’dan l-Istat Membru fl-1 ta’ Diċembru 2015.