Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

tad-19 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Skema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar – Provvista ta’ residenza tal-vaganzi mikrija lil persuni taxxabbli oħra – Benefiċċji supplimentari – Natura prinċipali jew anċillari ta’ provvista ta’ servizz – Rati mnaqqsa ta’ taxxa – Akkomodazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni minn aġenzija tal-ivvjaġġar f’isimha stess”

Fil-Kawża C-552/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura

Alpenchalets Resorts GmbH

vs

Finanzamt München Abteilung Körperschaften,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. Von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Alpenchalets Resorts GmbH, minn M. Laukemann, Rechtsanwalt, u E. Meilinger,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2), u tal-Artikolu 306 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Alpenchalets Resorts GmbH (iktar ’il quddiem “Alpenchalets”) u Finanzamt München (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Munchen, il-Ġermanja,), dwar it-tassazzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni għall-vaganzi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva tal-VAT, li jaqa’ taħt it-Titolu VIII, intitolat “Rati”, l-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew tnejn u r-rati mnaqqsa japplikaw biss għall-provvista ta’ oġġetti u servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

4        Dan l-Anness III fih “Lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 98”, li fil-punt 12 tiegħu jipprevedi:

“[l]-akkomodazzjoni pprovduta f’lukandi u stabbilimenti simili, inkluża l-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-vakanzi u l-kiri ta’ positijiet f’siti tal-kampeġġ u parks għall-karavani;

[...] ”

5        Il-kapitolu 3 huwa intitolat “Skema speċjali għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar” u jidher taħt it-titolu XII tad-Direttiva tal-VAT stabbilit taħt “Skemi Speċjali”, fih l-Artikolu 306 li jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom japplikaw skema speċjali tal-VAT, skond dan il-Kapitolu, għal transazzjonijiet imwettqa minn aġenti ta’ l-ivjaġġar li jkollhom x’jaqsmu ma’ konsumaturi f’isimhom u li jużaw provvisti ta’ merkanzija jew servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli oħrajn, fil-provvediment tal-faċilitajiet ta’ l-ivvjaġġar.

Din l-iskema speċjali m’għandhiex tapplika għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li jaġixxu biss bħala intermedjarji u li għalihom japplika l-punt (ċ) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 79 għall-finijiet tal-kalkulazzjoni ta’ l-ammont tat-taxxa.

2.      Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, operaturi turistiċi għandhom jitqiesu bħala aġenti ta’ l-ivvjaġġar.”

6        L-Artikolu 307 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Transazzjonijet li jsiru, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 306, mill-aġent tal-ivvjaġġar fir–rigward ta’ vjaġġ għandhom ikunu kkunsidrati bħala servizz uniku pprovdut mill-aġent tal-ivvaġġjar lill-vjaġġatur.

Is-servizz uniku għandu jkun taxxabbli fl-Istat Membru li fih l-aġent ta’ l-ivvjaġġar ikun stabilixxa n-negozju tiegħu jew għandu l-istabbiliment fiss minn fejn l-aġent ta’ l-ivvjaġġar wettaq il-provvista ta’ servizzi.”

7        Skont l-Artikolu 308 ta’ din id-direttiva:

“L-ammont taxxabbli u l-prezz mingħajr VAT, fit-tifsira tal-punt (8) ta’ l-Artikolu 226, fir-rigward tas-servizz uniku pprovdut mill-aġent ta’ l-ivvjaġġar għandu jkun il-marġni ta’ l-aġent ta’ l-ivvjaġġar, jiġifieri, id-differenza bejn l-ammont totali, mingħajr VAT, li għandu jitħallas mill-vjaġġatur u l-ispiża reali għall-aġent ta’ l-ivvjaġġar tal-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli oħrajn, fejn dawk it-transazzjonijiet huma għall-benefiċċju dirett tal-vjaġġatur.”

8        L-Artikolu 309 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“Jekk transazzjonijet fdati mill-aġent [aġenzija] ta’ l-ivvjaġġar lil persuni taxxabbli oħrajn huma mwettqa mit-tali persuni barra mill-Komunità, il-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-aġent ta’ l-ivjaġġar għandha tkun trattat bħala attività intermedjarja eżenti skond l-Artikolu 153.

Jekk it-transazzjonijiet twettqu kemm ġewwa u barra mill-[Unjoni], hija biss il-parti tas-servizz ta’ l-aġent [aġenzija] ta’ l-ivvjaġġar li għandha x’taqsam ma’ transazzjonijiet barra mill-[Unjoni] li tista’ tkun eżentata.”

9        L-Artikolu 310 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi:

“Il-VAT imposta lill-aġent ta’ l–ivvjaġġar minn persuni taxxabbli oħra għal transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 307 u li huma ta’ benefiċċju dirett għall-vjaġġatur m’għandhomx ikunu jistgħu jitnaqqsu jew tingħata rifużjoni fi kwalunkwe Stat Membru.”

 Id-dritt Ġermaniż

10      L-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), tal-21 ta’ Frar 2005 (BGBl. I, p. 386), kif emendata bil-Liġi tat-22 ta’ Diċembru 2009, GBl. I, p. 3950) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), tipprovdi, fl-Artikolu 12 tagħha intitolat “Rati”:

“1.      Ir-rata tat-taxxa hija ta’ 19% tal-ammont taxxabbli għat-tranżazzjonijiet kollha taxxabbli (Artikoli 10, 11, 25 (3) u 25a (3) u (4)).

2.      Ir-rata hija mnaqqsa għal 7 % għat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

[...]

11.      Il-kiri ta’ kmamar għall-għixien u ta’ kmamar għall-irqad li operatur iqiegħed għad-dispożizzjoni għall-finijiet ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir ta’terzi, kif ukoll il-kiri għal żmien qasir ta’ siti ta’ kampeġġ. L-ewwel sentenza ma tapplikax għal benefiċċji li ma humiex użati direttament għall-kiri, anki jekk jitħallsu bil-prezz tal-kiri.”

11      L-Artikolu 25 tal-istess liġi, intitolat “Tassazzjoni tal-benefiċċji tal-ivvjaġġar”, huwa redatt kif ġej:

“1.      Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma applikabbli għas-servizzi tal-ivvjaġġar minn operatur, li ma humiex intiżi għall-impriża tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi, sa fejn l-operatur jaġixxi, fil-provvista tas-servizz f’ismu stess fir-rigward tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi u li juża l-provissta ta’ servizzi tal-ivvajaġġar tal-input. Il-provvista ta’ servizzi mill-operatur għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista oħra. Jekk l-operatur jipprovdi lill-kerrej b’diversi servizzi bħal dawn fil-kuntest ta’ vjaġġ, dawn ikunu jikkostitwixxu servizz ieħor uniku. Il-post fejn jiġi pprovdut is-servizz ieħor għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 3(1). Il-provvista ta’ servizzi ta’ vjaġġar tal-input huma kunsinni u provvisti oħra forniti minn terzi, li jibbenifikaw immedjatament lill-vjaġġatur.

2.      Is-servizzi oħra huma eżenti mit-taxxa, meta s-servizzi tal-ivvjaġġar tal-input li huma relatati magħhom jiġu pprovduti fit-territorju ta’ Stat terz. L-operatur għandu jistabbilixxi li l-kundizzjoni tal-eżenzjoni tkun sodisfatta. Il-Bundesministerium der Finanzen (il-Ministeru Federali tal-Finanzi) jista’, bil-kunsens tal-Bundesrat(il-Kamra Superjuri tal-Parlament), jiddetermina permezz ta’ digriet il-modalitajiet li skonthom l-operatur għandu jipproduċi din il-prova.

3.      Il-valur ta’ provvista oħra jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont imħallas mill-persuna li lilha jingħataw is-servizzi sabiex jikseb il-provvista, u l-ammont li l-operatur iħallas għas-servizzi tal-ivvjaġġar tal-input. It-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ma tidħolx fl-ammont taxxabbli. Minflok ma jikkalkula l-ammont taxxabbli għal kull provvista, l-operatur jista’ jew jagħmel dan għal gruppi ta’ provvisti jew għall-provvisti kollha forniti matul is-sena finanzjarja.

4.      B’deroga għall-Artikolu 15(1), l-operatur ma huwiex awtorizzat inaqqas bħala taxxa tal-input miġbura l-ammont tat-taxxa imposta fuqu separatament, għas-servizzi tal-ivvjaġġar tal-input, kif ukoll l-ammont tat-taxxa dovut skont l-Artikolu 13b. Barra minn hekk l-Artikolu 15 ma huwiex affettwat.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Matul l-2011, Alpenchalets kriet residenzi li jinsabu fil-Ġermanja, fl-Awstrija u fl-Italja mis-sidien tagħhom u mbagħad, f’isimha stess, kriethom lill-klijenti privati. Minbarra l-akkomodazzjoni, is-servizzi inkludew it-tindif tal-akkomodazzjoni kif ukoll, f’xi każijiet, servizz tal-ħasil u ta’ kunsinna ta’ bziezen.

13      Alpenchalets ikkalkulat il-VAT abbażi tal-marġni ta’ profitt tagħha skont l-Artikolu 25 tal-Liġi dwar il-VAT, li jkopri s-servizzi tal-ivvjaġġar, u applikat ir-rata normali ta’ tassazzjoni. Sussegwentement, permezz tal-ittra tagħha tas-6 ta’ Mejju 2013, talbet il-bidla tal-avviż ta’ taxxa tagħha u l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT skont l-Artikolu 12(2) tal-Liġi dwar il-VAT. Din it-talba ġiet miċħuda mill-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Munchen.

14      Alpenchalets ressqet appell quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja), li ġie miċħud, minħabba li l-iskema ta’ taxxa fuq il-valur miżjud kienet applikabbli għall-benefiċċji tal-ivjaġġar inkwistjoni taħt l-Artikolu 25 tal-Liġi dwar il-VAT, u li l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni ma kinitx possibbli minħabba li l-għoti ta’ servizz tal-ivvjaġġar fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni ma kienx inkluż fil-lista tar-rati tal-VAT elenkati fl-Artikolu 12 (2) ta’ dik il-liġi.

15      Sabiex tikkontesta din id-deċiżjoni, Alpenchalets adixxiet il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja).

16      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, l-ewwel nett, li jirriżulta mis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1992, Van Ginkel (C-163/91, EU:C:1992:435) li l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar hija applikabbli għas-servizzi ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar li tinkludi biss akkomodazzjoni. Filwaqt li huwa kkonstatat li din is-soluzzjoni ġiet ikkonfermata mill-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju hija inċerta dwar jekk dik is-soluzzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata mill-ġdid fid-dawl tas-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig (C-453/05, UE: C: 2007:369), li fiha ssir distinzjoni bejn il-karattru prinċipali u n-natura anċillari tal-provvista tas-servizzi.

17      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk huwiex possibbli li fil-kawża li tressqet quddiemha, tiġi applikata rata mnaqqsa tal-VAT, għalkemm l-operazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, fis-sens tal-Artikolu 306 tad-Direttiva tal-VAT, għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali u, f’dik il-klassifikazzjoni, ma jaqawx fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Skont din il-qorti, safejn il-kiri ta’ akkomodazzjoni għall-vaganzi barra l-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar huwa suġġett għar-rata mnaqqsa tal-VAT, huwa possibbli li tiġi permessa l-applikazzjoni tal-istess rata mnaqqsa għal provvista simili taħt dik l-iskema speċjali.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi:

“1)      Provvista ta’ servizz li essenzjalment tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ appartament għall-vaganzi, flimkien ma’ provvisti supplimentari li, konformement mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1992, Van Ginkel (C-163/91, EU:C:1992:435), ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala provvisti anċillari għall-provvista prinċipali, hija suġġetta għall-iskema speċjali li jibbenefikaw minnha l-aġenziji tal-ivvjaġġar skont l-Artikolu 306 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud?

2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: din il-provvista tista’ wkoll tiġi suġġetta, minbarra għall-iskema speċjali li jibbenefikaw minnha l-aġenziji tal-ivvjaġġar skont l-Artikolu 306 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għat-tnaqqis tar-rata tat-taxxa applikabbli għall-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-vaganzi fis-sens tal-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-punt 12 tal-Anness III ta’ din l-istess direttiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li s-sempliċi tqiegħed għad-dispożizzjoni minn aġenzija tal-ivvjaġġar ta’ residenza tal-vaganzi mikrija minn persuni taxxabbli oħra jew dik il-provvista ta’ residenza tal-vaganzi akkumpanjata minn servizzi anċillari addizzjonali jaqgħu taħt l-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar.

20      Qabelxejn għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 306 tad-Direttiva tal-VAT, din l-iskema speċjali tapplika biss fil-każ fejn l-aġenzija tal-ivvjaġġar għall-organizzazzjoni tal-vjaġġ, tuża kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi miksuba minn persuni taxxabbli oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Kozak, C-557/11, UE: C: 2012: 672, punti 18 u 21).

21      Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma fiha l-ebda informazzjoni dwar jekk is-sidien jew l-operaturi tal-proprjetajiet li krew id-djar tal-vaganzi lil Alpenchalets humiex eżentati mill-VAT jew le.

22      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrispondi l-ewwel domanda biss bil-kundizzjoni li dawk is-sidien jew operaturi ta’ proprjetajiet għandhom l-istatus ta’ “persuni suġġetti għall-VAT”, fatt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

23      Kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 306 tad-Direttiva tal-VAT, din l-iskema speċjali tapplika biss fil-każ fejn l-aġenzija tal-ivvjaġġar għall-organizzazzjoni tal-vjaġġ, tuża kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi miksuba minn terzi , li jfisser li s-servizzi tagħha stess, jiġifieri servizzi li ma ġewx miksuba minn partijiet terzi iżda li ġew ipprovduti mill-aġenzija nnifisha, ma jaqgħux taħt din l-iskema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Kozak, C-557/11, EU:C:2012:672, punti 18, 21, 23 u 27).

24      F’dan il-kuntest, ir-regola dwar is-servizz uniku invokata mill-qorti tar-rinviju u msemmija fil-punt 18 tas-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig (C-453/05, EU:C:2007:369), li tapplika fil-qasam tal-iskema komuni tal-VAT, ma tistax taffettwa l-evalwazzjoni tal-imsemmi kunċett fil-kuntest tal-iskema speċjali tal-VAT applikabbli għat-tranżazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Kozak, C-557/11, EU:C:2012:672, punt 24).

25      Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dik l-iskema speċjali għal servizz għall-provvista ta’ residenza tal-vaganzi miksuba minn terzi, għandu jitfakkar, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punti 23 u 24 tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1992, Van Ginkel (C-163/91, EU:C:1992:435), li l-unika provvista ta’ akkomodazzjoni mill-aġenzija tal-ivvjaġġar tista’ taqa’ taħt l-imsemmija skema speċjali. Fil-fatt, sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-klijentela, l-aġenziji tal-ivvjaġġar joffru varjetà wiesgħa ta’ għażliet ta’ vaganzi u ta’ vjaġġar, li jippermettu lill-vjaġġatur jikkombina, skont il-kundizzjonijiet li jiddetermina, is-servizzi ta’ trasport, ta’ akkomodazzjoni u kwalunkwe natura li dawn il-kumpanniji jistgħu jipprovdu. L-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 306 tad-Direttiva tal-VAT tas-servizzi pprovduti minn aġenzija tal-ivvjaġġar minħabba l-fatt li jirrigwardaw biss l-akkomodazzjoni twassal għal skema fiskali kumplessa, li fiha r-regoli applikabbli fil-qasam tal-VAT jiddependu fuq l-elementi kostituttivi tas-servizzi offerti lil kull vjaġġatur. Skema fiskali bħal din tinjora l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

26      Diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermaw din il-ġurisprudenza.

27      Fil-kawża MyTravel (is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, C-291/03, EU:C:2005:591), l-aġenzija tal-ivvjaġġar organizzat btajjel bi prezz fiss, inkluż akkomodazzjoni, u pprovdiet it-trasport hija nnifisha, għaldaqstant bil-mezzi tagħha stess. Kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, kien meħtieġ li jiġi pprovdut qsim tal-prezz tal-vaganzi kollox kompriż bejn dak kopert bl-iskema speċjali u dak tas-servizzi pprovduti minnha stess. Permezz ta’ dan il-qsim, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-iskema speċjali tista’ tapplika biss għas-servizzi tal-akkomodazzjoni.

28      Mill-punt 29 tas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2005, ISt (C-200/04, UE: C: 2005:608) jirriżulta li l-iskema speċjali għal aġenziji tal-ivvjaġġar tapplika għal operatur ekonomiku li joffri lill-klijenti tiegħu, għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, minbarra s-servizzi relatati mat-taħriġ u mal-edukazzjoni lingwistika, ipprovduti bil-mezzi tagħha, benefiċċji miksuba minn persuni taxxabbli oħra, bħat-trasferiment lejn l-Istat ta’ destinazzjoni u/jew jibqgħu fih. Il-kliem“u/jew” turi li wieħed minn dawn is-servizzi fih innifsu x’aktarx ikun biżżejjed biex l-iskema partikolari tapplika.

29      Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Diċembru 2010, Minerva Kulturreisen (C-31/10, UE: C: 2010:762, punt 21), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk xi servizz pprovdut minn aġenzija tal-ivvjaġġar mhux relatata ma’ vjaġġ ma jaqax taħt l-iskema speċjali tal-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima li hija riprodotta mill-Artikolu 306 tad-Direttiva tal-VAT, il-provvista minn aġenzija tal-ivvjaġġar ta’ akkomodazzjoni għall-vaganzi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsmemi Artikolu 26, anke jekk dan is-servizz jinkludi biss akkomodazzjoni u mhux trasport.

30      Id-digriet tal-1 ta’ Marzu 2012, Star Coaches (C-220/11, UE: C:2012:120) ma jippermettix li tintlaħaq konklużjoni oħra.

31      L-ewwel nett, fil-punt 20 ta’ dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b’mod ċar il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1992, Van Ginkel (C-163/91, EU:C:1992:435).

32      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tikkonstata, f’din il-kawża, li s-servizzi ta’ trasport ipprovduti minn operatur ekonomiku ma jistgħux jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 306 tad-Direttiva tal-VAT sakemm huma pprovduti, bl-intervent ta’ subappaltatur, mhux għall-vjaġġatur innifsu, iżda għall-aġenziji tal-ivvjaġġar u dak it-trasportatur ma jkollux karatteristika oħra li tista’ tqabbel is-servizzi tagħha ma’ dawk ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar jew operatur turistiku.

33      Peress li l-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-vaganzi mill-aġenzija tal-ivvjaġġar waħidha hija suffiċjenti sabiex tiġi applikata l-iskema speċjali prevista fl-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-VAT, l-importanza ta’ kunsinni ta’ oġġetti oħra jew ta’ provvista oħra ta’ servizzi li eventwalment jakkumpanjaw din il-provvista ta’ akkomodazzjoni, ma tistax taffettwa l-klassifikazzjoni legali tas-sitwazzjoni inkwistjoni, jiġifieri li din taqa’ taħt l-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar.

34      Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza tas-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig (C-453/05, UE:C: 2007:369), jekk l-imsemmija kunsinni ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi u li jakkumpanjaw il-provvista ta’ akkomodazzjoni mill-aġenzija tal-ivvjaġġar għandhomx natura prinċipali jew anċillari.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li s-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni minn aġenzija tal-ivvjaġġar ta’ residenza tal-vaganzi mikrija minn persuni taxxabbli oħra jew dik tali tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ residenza tal-vaganzi akkumpanjata minn servizzi anċillari addizzjonali, kull wieħed minnhom, jikkostitwixxi servizz wieħed taħt l-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar.

 Fuq it-tieni domanda

36      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi minn aġenziji tal-ivvjaġġar li tikkonsisti fil-provvista ta’ akkomodazzjoni għal vaganza, li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 307 tad-Direttiva tal-VAT, tistax tiġi suġġetta għal rata mnaqqsa jew għal waħda mir-rati mnaqqsa stabbiliti f’dik l-ewwel dispożizzjoni.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-kliem stess ta’ dan l-Artikolu 307, it-transazzjonijet li jsiru, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 306, mill-aġenzija tal-ivvjaġġar fir-rigward ta’ vjaġġ għandhom ikunu kkunsidrati bħala servizz uniku pprovdut mill-aġenzija tal-ivvaġġar lill-vjaġġatur. Minn dan isegwi, peress li s-servizz għall-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-vaganzi jaqa’ taħt l-iskema speċjali għal aġenziji tal-ivvjaġġar, it-trattament fiskali tiegħu ma jsegwix ir-regoli applikabbli għall-provvista ta’ akkomodazzjoni għal vaganzi, iżda dan it-trattament huwa ddeterminat mid-Direttiva tal-VAT għas-servizz uniku pprovdut mill-aġenzija tal-ivvjaġġar.

38      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT, ir-rata mnaqqsa tista’ tapplika biss għall-oġġetti u għas-servizzi tal-kategoriji li jinsabu fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

39      Issa, s-servizz uniku pprovdut mill-aġenzija tal-ivvjaġġar fis-sens tal-Artikolu 307 ta’ din id-direttiva ma jissemmiex hemmhekk.

40      Għalhekk, ir-rata mnaqqsa prevista fl-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT ma tapplikax għall-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-vaganzi taħt l-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar.

41      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi minn aġenziji tal-ivvjaġġar li tikkonsisti fil-provvista ta’ akkomodazzjoni għal vaganza, li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 307 ta’ din id-direttiva, tistax tiġi suġġetta għal rata mnaqqsa jew għal waħda mir-rati mnaqqsa stabbiliti f’dik l-ewwel dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni minn aġenzija tal-ivvjaġġar ta’ residenza tal-vaganzi mikrija minn persuni taxxabbli oħra jew dik tali tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ residenza tal-vaganzi akkumpanjata minn servizzi anċillari addizzjonali, kull wieħed minnhom, jikkostitwixxi servizz wieħed taħt l-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar.

2)      l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi minn aġenziji tal-ivvjaġġar li tikkonsisti fil-provvista ta’ akkomodazzjoni għal vaganza, li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 307 ta’ din id-direttiva, tistax tiġi suġġetta għal rata mnaqqsa jew għal waħda mir-rati mnaqqsa stabbiliti f’din l-ewwel dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.