Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

22 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa f’ras il-għajn fuq l-ammont gross tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali mqassma lil kumpanniji mhux residenti – Posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi mqassma lil kumpannija residenti fil-każ ta’ sena finanzjarja b’telf – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni – Komparabbiltà – Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri – Effikaċità tal-ġbir tat-taxxa – Proporzjonalità – Diskriminazzjoni”

Fil-Kawża C-575/17,

li għandha bħal suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Settembru 2017, fil-proċeduri

Sofina SA,

Rebelco SA,

Sidro SA

vs

Ministre de l’Action et des Comptes publics,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, F. Biltgen u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sofina SA, minn C. Valentin, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, A. Alidière u E. de Moustier, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman, H. Gijzen, J. Langer u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, H. Shev, C. Meyer-Seitz, L. Zettergren u A. Alriksson, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, bħala aġent, assistit minn J. Rivett, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Awwissu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 u 65 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Sofina SA, Rebelco SA u Sidro SA, kumpanniji rregolati mid-dritt Belġjan, u l-Ministre de l’Action et des Comptes publics (il-Ministru tal-Azzjoni u tal-Kontijiet Pubbliċi, Franza) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jħallashom lura t-taxxa f’ras il-għajn li kienu suġġetti għaliha d-dividendi li tħallsu lilhom matul l-2008 sal-2011.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Franċiż

3

Skont l-Artikolu 38(I) tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi) (iktar ’il quddiem iċ-“CGI”):

“[…] [I]l-profitt taxxabbli huwa l-profitt nett, stabbilit skont ir-riżultati tat-tranżazzjonijiet kollha ta’ kwalunkwe natura mwettqa mill-impriżi, inkluż b’mod partikolari ċ-ċessjonijiet ta’ kull element tal-attiv; kemm korrenti, kif ukoll fi tmiem l-operazzjoni.”

4

L-Artikolu 39(1) taċ-CGI jispeċifika:

“Il-profitt nett għandu jiġi stabbilit bit-tnaqqis tal-ispejjeż kollha […]”

5

L-Artikolu 119 a(2) taċ-CGI jipprevedi b’mod partikolari li l-prodotti msemmija fl-Artikoli 108 sa 117a ta’ dan il-kodiċi għandhom iwasslu għall-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn li r-rata tagħha hija stabbilita fl-Artikolu 187 tal-imsemmi kodiċi meta dawn jibbenefikaw minnhom persuni li ma għandhomx id-domiċilju fiskali tagħhom jew is-sede tagħhom fi Franza.

6

Id-dividendi jinsabu fost il-prodotti msemmija fl-Artikoli 108 sa 117a taċ-CGI.

7

Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 187(1) taċ-CGI jiffissa t-taxxa f’ras il-għajn f’rata għal 25 %.

8

Fil-verżjoni tiegħu applikabbli sal-21 ta’ Settembru 2011, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 209(1) taċ-CGI kien jispeċifika:

“[…] [M]eta jkun hemm telf matul sena finanzjarja, dan it-telf għandu jitqies bħala piż għas-sena ta’ wara u jitnaqqas mill-profitt miksub matul dik is-sena. Jekk dan il-profitt ma huwiex suffiċjenti sabiex it-tnaqqis kollu jista’ jsir, l-eċċess tat-telf għandu jiġi mgħoddi għas-snin fiskali segwenti.”

9

Mill-21 ta’ Settembru 2011, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 209(1) taċ-CGI ġie redatt kif ġej:

“[…] [M]eta jkun hemm telf matul sena finanzjarja, dan it-telf għandu jitqies bħala piż għas-sena finanzjarja segwenti u jitnaqqas mill-profitt miksub matul dik is-sena finanzjarja sal-ammont ta’ EUR 1000000 flimkien ma’ 60 % tas-somma ekwivalenti għall-profitt taxxabbli ta’ dik is-sena li teċċedi l-ewwel somma. Jekk dan il-profitt ma huwiex suffiċjenti sabiex it-tnaqqis kollu jsir, l-eċċess tat-telf għandu jgħaddi taħt l-istess kundizzjonijiet għas-snin finanzjarji segwenti. L-istess japplika wkoll għall-parti tat-telf mhux ammessa bħala tnaqqis f’applikazzjoni tal-ewwel sentenza ta’ dan is-subparagrafu.”

Il-Konvenzjoni Franko-Belġjana

10

L-Artikolu 15(1) u (2) tal-Konvenzjoni bejn Franza u l-Belġju, intiża sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja u tistabbilixxi regoli ta’ assistenza amministrattiva u ġuridika reċiproka fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul, iffirmata fi Brussell fl-10 ta’ Marzu 1964, kif emendata permezz ta’ Ftehimiet Addizzjonali tal-15 ta’ Frar 1971, 8 ta’ Frar 1999, 12 ta’ Diċembru 2008 u 7 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Franko-Belġjana”), jipprevedi:

“1.   Id-dividendi provenjenti minn Stat Kontraenti li jitħallsu lil resident fl-Istat Kontraenti l-ieħor għandhom ikunu taxxabbli f’dak l-Istat l-ieħor.

2.   Madankollu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, dawn id-dividendi jistgħu jiġu intaxxati fl-Istat Kontraenti fejn hija residenti l-kumpannija li tħallas id-dividendi, u skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, imma t-taxxa hekk stabbilita ma tistax teċċedi:

a)

10 % tal-ammont gross tad-dividendi jekk il-benefiċjarju hija kumpannija li għandha l-proprjetà esklużiva ta’ mhux inqas minn 10 % tal-kapital tal-kumpannija li tqassam id-dividendi b’effett mill-bidu tal-aħħar sena finanzjarja tagħha magħluqa qabel id-distribuzzjoni;

b)

15 % tal-ammont gross tad-dividendi fil-każijiet l-oħra.

Dan il-paragrafu ma jikkonċernax it-tassazzjoni tal-kumpannija għall-profitti li jservu għall-ħlas tad-dividendi.”

11

L-Artikolu 19A tal-Konvenzjoni Franko-Belġjana jipprevedi b’mod partikolari:

“It-taxxa doppja għandha tiġi evitata kif ġej:

A. Fir-rigward tal-Belġju:

1.

Id-dħul u profitti minn investiment kapitali li jaqgħu fis-sistema stabbilita fl-Artikolu 15(2) sa (4), li effettivament kienu suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn fi Franza u li ġew riċevuti minn kumpanniji residenti fil-Belġju suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji huma, permezz ta’ ħlas tat-taxxa f’ras il-għajn tal-mobbli bir-rata normali fuq l-ammont nett ta’ taxxa Franċiża, eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-taxxa ta’ distribuzzjoni fil-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjoinali Belġjana.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Sofina, Rebelco u Sidro rċevew, matul l-2008 sa 2011, dividendi minhħabba l-ishma tagħhom f’kumpanniji Franċiżi.

13

Skont l-Artikolu 119a(2) taċ-CGI, moqri flimkien mal-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Franko-Belġjana, fuq dawn id-dividendi nżammet it-taxxa f’ras il-għajn bir-rata ta’ 15 %.

14

Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalqu s-snin finanzjarji 2008 sa 2011 bit-telf, huma ressqu ilmenti mal-amministrazzjoni fiskali Franċiża, fejn talbu l-ħlas lura ta’ taxxi f’ras il-għajn mħallsa fir-rigward ta’ dividendi mħallsa matul dawn is-snin finanzjarji.

15

Peress li dawn l-ilmenti ġew miċħuda, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu marru quddiem il-qrati kompetenti li, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, ma laqgħux it-talbiet tagħhom għal ħlas lura.

16

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għaldaqstant appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

17

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) jikkonstata, l-ewwel nett, li l-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn biss kontra dividendi imqassma lil kumpanniji mhux residenti li qed jagħmlu telf minħabba l-ishma tagħhom f’kumpanniji residenti twassal sabiex l-imsemmija kumpanniji jkollhom żvantaġġ finanzjarju meta mqabbla mal-kumpanniji residenti li qed jagħmlu telf. Madankollu, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk dan il-fatt jikkostitwixxix fih innifsu differenza fit-trattament li hija restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.

18

Jekk jiġi preżunt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tali restrizzjoni, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi, it-tieni nett, jekk, fid-dawl tal-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri li tiggarantixxi l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa, l-imsemmija restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.

19

It-tielet nett, u sussidjarjament, fil-każ li l-prinċipju ta’ taxxa f’ras il-għajn inkwistjoni f’din il-kawa għandu jkun aċċettat, din il-qorti tixtieq, minn naħa, tkun taf jekk il-fatt li l-kumpannija residenti li qed tagħmel telf li twaqqaf l-attività tagħha tibbenefika, b’dan il-mod, minn eżenzjoni de facto mit-taxxa fuq id-dividendi rċevuti matul is-snin finanzjarji ta’ telf tistax ikollha effett fuq l-eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikoli 63 u 65 TFUE.

20

Min-naħa l-oħra, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jinnota li d-differenzi bejn il-modalitajiet tal-kalkolu tal-bażi tat-taxxa fuq id-dividendi skont jekk il-kumpannija li tirċievi d-dividendi mħallsa hijiex residenti jew le residenti wkoll jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, filwaqt li t-taxxa f’ras il-għajn prevista fl-Artikolu 119a taċ-CGI għandha tkun likwidata fuq l-ammont gross tad-dividendi, l-ispejjeż marbuta mal-irċevuta tagħhom sess tad-dividendi għandhom jitnaqqsu mill-bażi tat-tassazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 63 u 65 TFUE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-iżvantaġġ finanzjarju li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn għad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf, filwaqt li l-kumpanniji residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf huma ntaxxati fuq l-ammont tad-dividendi li huma jirċievu biss fis-sena li fiha, jekk ikun il-każ, huma jibdew jagħmlu profitt, jikkostitwixxi fih innifsu differenza fit-trattament li tikkaratterizza restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital?

2)

Ir-restrizzjoni potenzjali għall-moviment liberu tal-kapital imsemmija fid-domanda preċedenti tista’ titqies, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli [63 u 65 TFUE], li hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa, peress li l-kumpanniji mhux residenti ma humiex suġġetti għall-kontroll tal-awtorità tat-taxxa Franċiża, jew anki mill-ħtieġa li jiġi ppreżervat it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri?

3)

Fil-każ li l-applikazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn ikkontestata tista’, bħala prinċipju, tiġi aċċettata fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital:

dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu l-ġbir ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti lil kumpannija mhux residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf ta’ Stat Membru ieħor meta din il-kumpannija tal-aħħar ittemm l-attività tagħha mingħajr ma tkun bdiet tagħmel profitt, filwaqt li kumpannija residenti mqiegħda f’din is-sitwazzjoni ma hijiex effettivament intaxxata fuq l-ammont ta’ dawn id-dividendi?

dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta regoli ta’ tassazzjoni jittrattaw b’mod differenti d-dividendi skont jekk dawn jitħallsux lill-kumpanniji residenti jew lill-kumpanniji mhux residenti, għandu jiġi pparagunat il-piż fiskali effettiv sostnut minn kull waħda minnhom fir-rigward ta’ dawn id-dividendi, sabiex b’hekk restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li tirriżulta mill-fatt li dawn ir-regoli jeskludu, għall-kumpanniji mhux residenti biss, it-tnaqqis tal-ispejjeż li huma marbuta direttament mal-ġbir, fih innifsu, tad-dividendi, tista’ titqies li hija ġġustifikata mid-differenza fir-rata bejn it-taxxa tad-dritt komuni imposta, f’sena sussegwenti, fuq il-kumpanniji residenti u t-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti, meta din id-differenza tikkumpensa, fir-rigward tal-ammont tat-taxxa mħallas, id-differenza fil-bażi tat-taxxa?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda kif ukoll fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda

22

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda kif ukoll l-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija mhux residenti, filwaqt li, meta dawn ukunu rċevuti lil kumpannija residenti, it-taxxa tagħhom skont is-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji sseħħ fl-aħħar tas-sena finanzjarja li matulha ġew rċevuti biss jekk ir-riżultat ta’ din il-kumpannija tal-aħħar kien ta’ profitt matul din is-sena, peress li tali taxxa setgħet, jekk ikun il-każ, qatt ma sseħħ jekk l-imsemmija kumpannija twaqqaf l-attivitajiet tagħha mingħajr ma kisbet riżultat ta’ profitt wara li tirċievi dawn id-dividendi.

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1)KE

23

Minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, inkwantu restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jagħmlu dan fi Stati oħra (sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C-338/11 sa C-347/11, punt 15; tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14 u C-17/14, EU:C:2015:608, punt 44, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 27).

24

B’mod partikolari, trattament sfavorevoli minn Stat Membru tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti, meta mqabbel mat-trattament tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, jista’ jiddisswadi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru differenti mill-ewwel Stat Membru milli jagħmlu investimenti f’dan l-ewwel Stat Membru u jikkostitwixxi, konsegwentement, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji li għandhom ishma f’kumpannija stabbilita fi Franza huma suġġetti, f’dak li jirrigwarda d-dividendi mħallsa lilhom għal dan il-għan, għal żewġ sistemi fiskali differenti, li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi fuq l-istatus tagħhom ta’ resident jew ta’ persuna mhux residenti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

26

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti minn kumpannija Franċiża huma suġġetti, skont l-Artikolu 119a(2) taċ-CGI, għal taxxa f’ras il-għajn ta’ 25 % tal-ammont gross tagħhom, filwaqt li din ir-rata tista’ madankollu titnaqqas taħt ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, irrispettivament mir-riżultati finanzjarji tagħhom. Kif indikat il-qorti tar-rinviju, id-dividendi rċevuti mr-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn ta’ 15 % bl-applikazzjoni ta’ tali ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni Franko-Belġjana.

27

Min-naħa l-oħra, id-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti huma integrati fil-bażi taxxabbli tagħha u suġġetti għas-sistema ta’ taxxa ta’ dritt komuni, jiġifieri t-taxxa fuq il-kumpanniji sa’ 33.33 %, koformement mal-Artikolu 38 taċ-CGI. Fil-każ ta’ riżultat ta’ telf fi tmiem is-sena finanzjarja kkonċernata, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 209(1) taċ-CGI, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi posponiment ta’ din it-taxxa għal sena finanzjarja ta’ profitt ulterjuri, u t-telf irreġistrat mgħoddi għas-sena finanzjarja li jmiss jitnaqqas bl-ammont tad-dividendi rċevuti.

28

Minn dan jirriżulta li, filwaqt li d-dividendi mqassma lil kumpannija mhux residenti huma suġġetti għal taxxa immedjata u definittiva, it-taxxa tad-dividendi mmqassma lil kumpannija residenti tiddependi fuq ir-riżultat nett ta’ profitt jew ta’ telf ta’ din tal-aħħar. B’hekk, meta dan ir-riżultat huwa telf, it-taxxa fuq dawn id-dividendi mhux biss hija posposta għal sena finanzjarja ulterjuri, u b’hekk tipprovdi vantaġġ monetarju lill-kumpannija residenti, iżda għandha natura inċerta, peress li din it-taxxa ma sseħħx jekk il-kumpannija residenti twaqqaf l-attivitajiet tagħha qabel ma jkollha profitt.

29

Issa, l-ewwel nett, l-esklużjoni ta’ vantaġġ f’likwidità monetarja filwaqt li dan ikun disponibbli f’sitwazzjoni simili fit-territorju nazzjonali domestika jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, EU:C:2005:763, punt 33, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-269/09, EU:C:2012:439, punt 59).

30

It-tieni nett, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trattament sfavorevoli possibbli tad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti għandha ssir għal kull sena fiskali individwalment (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 41).

31

Peress li d-dividendi rċevuti minn kumpannija mhux residenti huma ntaxxati meta jitqassmu, għandu jittieħed kont tas-sena finanzjarja ta’ distribuzzjoni tad-dividendi sabiex jitqabbel il-piż fiskali fuq dawn id-dividendi u dak fuq dividendi mqassma lil kumpannija residenti.

32

Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali piż huwa żero meta l-kumpannija residenti tagħlaq tali sena finanzjarja b’riżultat ta’ telf.

33

It-tielet nett, tali posponiment tat-taxxa jkollu n-natura ta’ eżenzjoni finali tad-dividendi mqassma lil kumpannija residenti jekk din tal-aħħar ma għadhiex qed turi riżultat ta’ profitt qabel ma twaqqaf l-attivitajiet tagħha.

34

Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tagħti vantaġġ lill-kumpanniji residenti li qed jagħmlu telf, peress li dan jimplika tal-inqas vantaġġ ta’ likwidità, jew saħansitra eżenzjoni fil-każ ta’ waqfien ta’ attivitajiet, filwaqt li l-kumpanniji mhux residenti huma suġġetti għal taxxa immedjata u definittiva indipendentement mir-riżultat tagħhom.

35

Il-Gvern Franċiż jenfasizza, f’dan ir-rigward, li d-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti huma suġġetti, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 119a(2) taċ-CGI u tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Franko-Belġjana, għal piż fiskali ta’ 15 %, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti huma suġġetti, skont l-Artikolu 38 taċ-CGI, għal piż fiskali ta’ 33.33 %.

36

Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li d-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn ta’ 15 % fi Franza ma jipprekludix lir-Renju tal-Belġju milli jintaxxa wkoll dawn l-istess dividendi, skont il-kompetenza fiskali rrikonoxxuta mill-Artikolu 15(1) tal-Konvenzjoni Franko-Belġjana, fil-limiti previsti fl-Artikolu 19A(1) ta’ din il-konvenzjoni.

37

Barra minn hekk, il-fatt espost fil-punt 35 ta’ din is-sentenza bl-ebda mod ma jista’ jħassar it-trattament inqas favorevoli ta’ dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti.

38

Fil-fatt, minn naħa, trattament fiskali sfavorevoli li jmur kontra libertà fundamentali ma jistax jitqies li huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba l-eżistenza eventwali ta’ vantaġġi oħra (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters-Lakebrink, C-182/06, EU:C:2007:452, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C-18/15, EU:C:2016:549, punt 32).

39

Min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ taxxa inqas favorevoli invokata mill-Gvern Franċiż f’dak li jikkonċerna d-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti ma hijiex fi kwalunkwe każ rilevanti, peress li dawn id-dividendi huma s-suġġett ta’ eżenzjoni mit-taxxa dovuta meta l-kumpannija residenti twaqqaf l-attivitajiet tagħha mingħajr ma tkun għamlet profitt wara li tirċievi l-imsemmija dividendi. Issa, ġie deċiż li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiddiskrimina kontra persuni mhux residenti ma jistax jiġi kkumpensat mill-fatt li, f’sitwazzjonijiet oħrajn, din l-istess leġiżlazzjoni ma taffettwax lill-persuni mhux residenti meta mqabbla mal-persuni residenti (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters Lakebrink, C-182/06, EU:C:2007:452, punt 23, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 38).

40

Tali trattament fiskali differenti ta’ dividendi skont il-post ta’ residenza tagħhom jista’ jiddiswadi, minn naħa, lill-kumpanniji li ma humiex residenti milli jagħmlu investimenti f’kumpanniji stabbilti fi Franza u, min-naħa l-oħra, lill-investituri li jirresjedu fi Franza milli jakkwistaw ishma f’kumpanniji li ma humiex residenti.

41

Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63(1) TFUE.

42

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 65 TFUE

43

Il-Gvern Franċiż isostni li, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni, minn naħa, is-sitwazzjonijiet ta’ kumpanniji residenti u mhux residenti huma oġġettivament differenti u, min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat il-ġbir tat-taxxa u tikkorrispondi għat-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istat Membru ta’ residenza u l-Istat Membru tas-sors.

44

Skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 [TFUE] m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri […] li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”.

45

Din id-dispożizzjoni, sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għalhekk, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tinvolvi distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn jirrisjedu jew l-Istat Membru li fih dawn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat. Fil-fatt, id-deroga stess prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija limitata mill-paragrafu 3 tal-istess artiklu, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-imsemmi paragrafu 1 “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14 u C-17/14, EU:C:2015:608, punt 63).

46

Hemm lok, għalhekk, li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li tirriżulta tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex paragunabbli b’mod oġġettiv jew tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14 u C-17/14, EU:C:2015:608, punt 64).

– Fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni

47

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-mument meta Stat jissuġġetta, unilateralment jew permezz ta’ ftehim, għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss persuni taxxabbli residenti, iżda wkoll lil persuni taxxabbli mhux residenti, għad-dividendi li dawn jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija persuni taxxabbli mhux residenti toqrob għal dik tal-persuni taxxabbli residenti (sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 56, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14 u C-17/14, EU:C:2015:608, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C-282/07, EU:C:2008:762), il-Gvern Franċiż, dak Belġjan, Ġermaniż u tar-Renju Unit jsostnu, madankollu, li leġiżlazzjoni li tipprevedi biss modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa differenti skont il-post tas-sede tal-kumpannija benefiċjarja hija ġġustifikata minħabba differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jinsabu l-kumpanniji residenti u l-kumpanniji mhux residenti.

49

B’hekk, peress li l-applikazzjoni ta’ tekniki ta’ ġbir tat-taxxa differenti skont il-post ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-dividendi tkun tirrifletti d-differenza oġġettiva ta’ sitwazzjonijiet li fihom jinsabu l-kumpanniji mhux residenti meta mqabbla mal-kumpanniji residenti, l-Istat Franċiż jaġixxi fir-rigward tal-kumpanniji mhux residenti bħala Stat tas-sors tad-dividendi u mhux bħala Stat ta’ residenza tal-benefiċjarju ta’ dawn id-dividendi, u dan jillimita l-kapaċità tagħha ta’ ġħir fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji tal-aħħar u jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn għad-dividendi mħallsa lilhom.

50

Dan l-argument ma jistax madankollu jiġi aċċettat.

51

Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C-282/07, EU:C:2008:762), li differenza fit-trattament li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ metodi differenti ta’ taxxa skont il-post ta’ residenza tal-persuna taxxabbli tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli, madankollu hija ppreċiżat, fil-punti 43 u 44 tal-imsemmija sentenza, li d-dħul inkwistjoni fil-kawża li ta lok għal din l-istess sentenza kien fi kwalunkwe każ suġġett għat-taxxa li kienet rċevuta minn persuna taxxabbli resedenti jew minn persuna taxxabbli mhux residenti.

52

Issa, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex limitata li tipprevedi modalitajiet differenti ta’ ġbir tat-taxxa skont il-post ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali, iżda tista’ tirriżulta f’posponiment tat-taxxa tad-dħul ta’ dividendi fuq sena finanzjarja ulterjuri f’każ li l-kumpannija residenti tkun għamlet telf, jew saħansitra eżenzjoni f’każ ta’ waqfien tal-attivitajiet tagħha fl-assenza li jerġa’ jkun hemm profitt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 43).

53

Għaldaqstant, peress li l-imsemmija leġiżlazzjoni tagħti vantaġġ fiskali sostanzjali lill-kumpanniji residenti li qed jagħmlu telf li ma ngħatax lill-kumpanniji mhux residenti li qed jagħmlu telf, ma jistax jiġi sostnut li d-differenza fit-trattament fit-taxxa fuq id-dividendi skont jekk humiex rċevuti minn kumpannija residenti jew minn kumpannija mhux residenti, hija limitata għall-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa.

54

Minn dan jirriżulta li din id-differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata minn differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva.

– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri

55

Il-Gvern Franċiż isostni li t-taxxa f’ras il-għajn li għaliha huma suġġetti biss id-dividendi li tirċievi kumpannija mhux residenti hija l-unika teknika li tippermetti lill-Istat Franċiż li jintaxxa dan id-dħul mingħajr ma jnaqqas id-dħul fiskali tiegħu minħabba riżultat ta’ telf li beda fi Stat Membru ieħor.

56

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ż-żamma tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tikkostitwixxi għan leġittimu u li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji għat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C-18/15, EU:C:2016:549, punt 35).

57

Tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn is-sistema inkwistjoni hija intiża sabiex tipprekludi aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-269/09, EU:C:2012:439, punt 77).

58

F’dan il-każ, l-Istat Franċiż għażel li jintaxxa d-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn b’rata fissa fil-kuntest ta’ konvenzjoni dwar il-prevenzjoni tat-taxxa doppja, filwaqt li ma għamilx tali taxxa fuq id-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti li qed jagħmlu telf.

59

Madankollu, fil-kawża prinċipali, il-posponiment tat-taxxa tad-dividendi rċevuti minn kumpannija mhux residenti li qed tagħmel telf ma jfissirx li l-Istat Franċiż għandu jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa dħul iġġenerat fit-territorju tiegħu. Fil-fatt, id-dividendi mqassma mill-kumpannija residenti huma suġġetti għal taxxa ladarba l-kumpannija mhux residenti kellha riżultat ta’ profitt f’sena finanzjarja ulterjuri, bħalma huwa l-każ għal kumpannija residenti li kellha evoluzzjoni simili.

60

Ċertament, jekk jiġri li l-kumpannija mhux residenti ma terġax tagħmel profitt qabel ma twaqqaf l-attivitajiet tiegħu, dan iwassal għal eżenzjoni effettiva tad-dħul minn dividendi li jirriżulta f’telf fiskali għall-Istat Membru ta’ tassazzjoni.

61

Madankollu, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriulta li t-tnaqqis fid-dħul fiskali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li, bħala prinċipju, tmur kontra libertà fundamentali (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 83).

62

Min-naħa l-oħra, meta l-Istati Membri jagħmlu użu mil-libertà li jintaxxaw id-dħul iġġenerat fit-territorju tagħhom, għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament l-libertajiet tal-moviment iggarantiti mil-liġi primarja tal-Istati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C-18/15, EU:C:2016:549, punt 36).

63

Issa, il-Gvern Franċiż ma jistax jallega li t-telf ta’ dħul fiskali marbut mat-taxxa fuq id-dividendi rċevuti mill-kumpanniji mhux residenti f’każ ta’ waqfien tal-attivitajiet tagħhom huwa tali li jiġġustifika taxxa f’ras il-għajn fuq dan id-dħul fir-rigward ta’ dawn il-kumpannijia biss, filwaqt li l-Istat Franċiż jagħti l-kunsens tiegħu għal tali telf meta l-kumpanniji residenti jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom mingħajr ma jerġgħu jibdew jagħmlu profitt.

64

F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni minħabba n-neċessità li jiġi ppreżervat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma tistax tintlaqa’.

– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa

65

Il-Gvern Franċiż isostni wkoll li l-isuġġettar ta’ dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti għal taxxa f’ras il-għajn jikkostitwixxi mezz leġittimu u xieraq sabiex jiġi żgurat it-trattament fiskali tad-dħul ta’ persuna stabbilita barra mill-Istat ta’ tassazzjoni u sabiex jiġi evitat li dan id-dħul jevita t-taxxa fl-Istat tas-sors.

66

It-taxxa f’ras il-għajn li għaliha huma suġġetti d-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti tista’ tnaqqas il-formalitajiet amministrattivi li jinvolvi l-obbligu, għal dawn il-kumpanniji, li ssir dikjarazzjoni ta’ dħul fi tmiem is-sena fiskali, lill-amministrazzjoni fiskali Franċiża.

67

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa li jiġi żgurat ġbir effettiv tat-taxxa tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali, b’dan li, madankollu, l-applikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C-18/15, EU:C:2016:549, punt 39).

68

Barra minn hekk, ġie deċiż li l-proċedura ta’ taxxa f’ras il-għajn tikkostitwixxi mezz leġittimu u xieraq sabiex jiġi żgurat it-trattament fiskali tad-dħul ta’ persuna stabbilita barra mill-Istat ta’ tassazzjoni (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, X, C-498/10, EU:C:2012:635, punt 39).

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, fiċ-ċirkustanza li, kuntrarjament għall-kumpanniji residenti li qed jagħmlu telf, il-kumpanniji mhux residenti, huma stess qed jagħmlu telf, ma jibbenefikawx mill-posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi li huma jirċievu.

70

Issa, ir-rikonoxximent tal-benefiċċju ta’ dan il-posponiment lill-kumpanniji mhux residenti, filwaqt li telimina neċessarjament din ir-restrizzjoni, ma jikkontestax it-twettiq tal-għan marbut mal-ġbir effikaċi tat-taxxa dovuta minn dawn il-kumpanniji meta jirċievu dividendi ta’ kumpannija residenti.

71

Fil-fatt, l-ewwel nett, is-sistema ta’ posponiment tat-tassazzjoni fil-każ ta’ riżultat ta’ telf tikkostiwixxi, min-natura tagħha, deroga mill-prinċipju tat-tassazzjoni matul is-sena finanzjarja tad-distribuzzjoni tad-dividendi, b’tali mod li din is-sistema ma għandhiex l-għan li tapplika għall-maġġoranza tal-kumpanniji li jirċievu dividendi.

72

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li huma l-kumpanniji mhux residenti li għandhom jipproduċu l-elementi rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni li jikkonstataw li l-kundizzjonijiet previsti mil-liġi sabiex jibbenefikaw minn tali posponiment huma ssodisfatti.

73

It-tielet nett, il-mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka eżistenti bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma biżżejjed sabiex jippermettu lill-Istat Membru tas-sors sabiex jivverifika l-veraċità tal-elementi mressqa mill-kumpanniji mhux residenti li jixtiequ jagħmlu differiment tat-taxxa fuq id-dividendi li rċevew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-269/09, EU:C:2012:439, punt 68).

74

F’dan ir-rigward, minn naħa, id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-taxxi fuq premiums ta’ l-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/106/KE, tas-16 ta’ Novembru 2004 (ĠU 2004, L 359, p. 30), li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1), tippermetti lil Stat Membru jitlob mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, l-informazzjoni kollha li tista’ tippermettilu jistabbilixxi korrettament it-taxxi fuq id-dħul.

75

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas-26 ta’ Mejju 2008 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU L 150, p. 28), imħassra u ssostitiwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE, tas-16 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 84, p. 1) jistabbilixxi li “[f]uq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha tipprovdi kull tagħrif li jkun utli għall-awtorità applikanti fl-irkupru tat-talbiet [krediti] tagħha”. Għalhekk, din id-direttiva tippermetti lill-Istat Membru tas-sors li jikseb mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġbor kreditu fiskali li nħoloq fil-mument tal-ħlas tad-dividendi.

76

B’hekk, id-Direttiva 2008/55 toffri lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini qafas ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza li jippermettulhom l-irkupru b’mod effettiv tal-kreditu fiskali fl-Istat Membru ta’ residenza (ara, f’dan is-sens, tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 78, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-269/09, EU:C:2012:439, punti 70 u 71).

77

Konsegwentement, ir-rikonoxximent tal-vantaġġ relatat mal-posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi mqassma wkoll lill-kumpanniji mhux residenti li qed jagħmlu telf għandu l-effett li jneħħi kull ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital mingħajr madankollu ma jostakola t-twettiq tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

78

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali bbażata fuq l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa ma tistax tiġi aċċettata.

79

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandha tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda, kif ukoll għall-ewwel parti tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti li huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija mhux residenti, filwaqt li, meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija residenti, it-taxxa tagħhom skont is-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji ma sseħħx fl-aħħar tas-sena finanzjarja li matulha ġew rċevuti ħlief jekk din il-kumpannija għamlet profitt matul din is-sena finanzjarja, filwaqt li tali taxxa tista’, jekk ikun il-każ, qatt ma sseħħ jekk l-imsemmija kumpannija twaqqaf l-attività tiegħu mingħajr ma tkun kisbet profitt wara li tirċievi dawn id-dividendi.

Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda

80

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tieni domandi, kif ukoll għall-ewwel parti tat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 63 u 65 FUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti li huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija mhux residenti, filwaqt li, meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija residenti, it-taxxa tagħhom skont is-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji ma sseħħx fl-aħħar tas-sena finanzjarja li matulha ġew roċevuti ħlief jekk din il-kumpannija għamlet profitt matul din is-sena finanzjarja, filwaqt li tali taxxa tista’, jekk ikun il-każ, qatt ma sseħħ jekk l-imsemmija kumpannija twaqqaf l-attività tiegħu mingħajr ma tkun kisbet profitt wara li tirċievi dawn id-dividendi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.