Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
13 ta’ Novembru 2019 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni – Differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni residenti u l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jippermetti lill-fondi ta’ pensjoni residenti li jnaqqsu l-profitt taxxabbli billi jnaqqsu r-riżervi intiżi għall-ħlas tal-pensjonijiet u li jnaqqsu t-taxxa miġbura fuq id-dividendi minn fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji – Paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni”
Fil-Kawża C-641/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2017 li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura
College Pension Plan of British Columbia
vs
Finanzamt München Abteilung III,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tat-Tieni Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, u T. von Danwitz, Imħallef,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal College Pension Plan of British Columbia, minn A. Knebel u T. Bracksiek, Rechtsanwälte,
– għall-Finanzamt München Abteilung III, minn H. Messina, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u R. Kanitz, sussegwentement minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u B.-R. Killmann, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 sa 65 TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn College Pension Plan of British Columbia, fond ta’ oġġetti miġbura taħt il-forma ġuridika ta’ trust irregolat mil-liġi Kanadiża (iktar ’il quddiem “CPP”), u l-Finanzamt München Abteilung III (id-Dipartiment tat-Taxxi ta’ München III, il-Ġermanja) fir-rigward tat-tassazzjoni tad-dividendi miġbura minn CPP għas-snin 2007 sa 2010.
Il-kuntest ġuridiku
3 Matul is-snin 2007 sa 2010, il-fondi ta’ pensjoni u l-attivitajiet tagħhom kienu rregolati mill-Versicherungsaufsichtsgesetz (il-Liġi dwar is-Superviżjoni tal-Korpi ta’ Assigurazzjoni), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-17 ta’ Diċembru 1992 (BGBl. 1993 I, p. 2).
4 Konformement mal-Artikolu 112 tal-imsemmija liġi, fond ta’ pensjoni huwa istituzzjoni ta’ previdenza b’kapaċità legali li tipprovdi, permezz ta’ kapitalizzazzjoni, benefiċċji ta’ rtirar professjonali favur ħaddiema ta’ persuna jew persuni li jimpjegaw. Fond ta’ pensjoni ma jistax, fil-każijiet kollha fejn jiġu pprovduti benefiċċji, jiggarantixxi permezz ta’ assigurazzjonijiet l-ammont ta’ benefiċċji jew l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet futuri li għandhom jitħallsu għal dawn il-benefiċċji. Huwa jagħti lill-ħaddiema dritt personali għall-benefiċċji fir-rigward tal-fond ta’ pensjoni u huwa obbligat jipprovdi l-benefiċċju tal-irtirar f’forma ta’ pagament tul il-ħajja.
L-iskema fiskali tal-fondi ta’ pensjoni li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju Ġermaniż
5 Bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“KStG”), bħala kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, fond ta’ pensjoni Ġermaniż huwa kollu kemm hu suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji. Bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tal-KStG, moqri flimkien mal-Artikolu 23(1) tal-KStG, it-taxxa fuq il-kumpanniji tammonta għal 15 % tad-dħul taxxabbli.
6 L-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-KStG tipprevedi li d-dħul taxxabbli huwa ddeterminat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“EstG”). Skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8(2) tal-KStG u tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) tal-EstG, id-dħul kollu ta’ fond ta’ pensjoni li huwa kompletament suġġett għat-taxxa għandu jitqies bħala dħul iġġenerat minn attività industrijali jew kummerċjali. Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2(2) tal-EstG, id-dħul iġġenerat minn attività industrijali jew kummerċjali huwa l-profitt magħmul matul is-sena fiskali inkwistjoni.
7 Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-EstG jirriżulta li l-profitt huwa ugwali għad-differenza bejn l-assi tal-impriża fi tmiem is-sena finanzjarja u l-assi tal-impriża fi tmiem is-sena finanzjarja preċedenti, miżjuda bil-valur tal-ħruġ u mnaqqsa bil-valur tal-kontribuzzjonijiet. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dan il-paragun bejn l-assi tal-impriża jsir fuq il-bażi ta’ bilanċ fiskali meħud mill-bilanċ kontabbli.
8 L-imsemmija qorti tesponi wkoll li d-dħul minn fond ta’ pensjoni huwa kompost minn kontribuzzjonijiet imħallsa mill-abbonati fil-fond ta’ pensjoni u mill-profitti magħmula permezz tal-investiment tal-kapital azzjonarju.
9 Il-kontribuzzjonijiet irċevuti li qabel kollox jitniżżlu fil-kolonna “assi” tal-bilanċ kontabbli permezz ta’ żieda fl-assi sussegwentement jiġu kkonvertiti f’investimenti u jikkostitwixxu għalhekk parti mill-kapital azzjonarju tal-fond ta’ pensjoni. Il-kumplament tal-kapital azzjonarju huwa kkostitwit bil-provvedimenti matematiċi fuq in-naħa l-oħra fil-kolonna “passiv”. Il-provvedimenti matematiċi huma forma speċifika ta’ provvedimenti għal dejn inċert u jantiċipaw il-benefiċċji tal-irtirar professjonali li għandhom jingħataw fil-futur mill-fond ta’ pensjoni.
10 Jekk il-kapital azzjonarju jippermetti li jiġu ġġenerati profitti permezz tal-investimenti, pereżempju taħt il-forma ta’ dividendi, id-dħul fuq l-investimenti kontabbli jiġi kkreditat direttament lid-diversi kuntratti tal-fond ta’ pensjoni matul is-sena li fiha dan jiġi ġġenerat sa fejn dawn il-profitti jikkorrispondu għar-rata ta’ interess teknika li ġiet applikata biex jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet.
11 Meta l-fond ta’ pensjoni jiġġenera, billi jinvesti l-basket ta’ kopertura, profitti li jkunu ogħla mir-rata ta’ interess teknika (imsejħa “bilanċi pożittivi”), dawn ikunu dħul fuq investimenti mhux ta’ kontabbiltà. Dan għandu jiġi kkreditat lil kull kuntratt tal-fond ta’ pensjoni sa mill-inqas 90 % u jinkrementa l-benefiċċji tal-irtirar professjonali fil-kuntest tal-hekk imsejjaħ tqassim tal-bilanċi pożittivi. Hija biss il-parti li jifdal tal-bilanċi pożittivi li żżid il-profitt tal-fond ta’ pensjoni u ma hijiex inkluża fil-benefiċċji mħallsa lill-ħaddiema mill-fond ta’ pensjoni.
12 Konsegwentement, id-dħul fuq l-investiment kontabbli ma jżidx biss l-assi tal-fond ta’ pensjoni, iżda wkoll il-valur tal-provvedimenti matematiċi fil-kolonna “passiv”. L-evalwazzjoni tal-kolonna “passiv” hija konformi, f’dan ir-rigward, ma’ dik tal-kolonna “assi”, fejn għalhekk il-profitti magħmula mill-ġbir tad-dividendi huma għalkollox innewtralizzati.
13 Id-dħul fuq investimenti mhux ta’ kontabbiltà ma jinfluwenzax il-profitt sa fejn jiġi kkreditat lid-diversi kuntratti tal-fond ta’ pensjoni u jiġi rifless f’żieda korrispondenti ta’ partita li tidher fil-passiv.
14 Mill-perspettiva tal-bilanċ fiskali, iż-żamma tal-profitti ġġenerati mill-investimenti tirriżulta għalhekk f’żieda tal-assi mniżżla fil-bilanċ fiskali. Barra minn hekk, iż-żieda fil-provvedimenti matematiċi u partiti oħra tal-passiv twassal għal żieda korrispondenti tal-passiv tal-fond ta’ pensjoni, fejn għalhekk il-patrimonju tal-impriża fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(1) tal-EStG, fiskalment rilevanti, ma jiżdiedx. Huwa biss sa fejn id-dħul fuq investimenti mhux ta’ kontabbiltà ma għandux jiġi kkreditat lid-diversi kuntratti tal-fond ta’ pensjoni li dan jirriżulta fi profitt tal-fond ta’ pensjoni li għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni mill-perspettiva fiskali.
15 Id-dividendi rċevuti minn fond ta’ pensjoni residenti huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, miġbura, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 43(1) u tal-Artikolu 43(4) tal-EStG, kif ukoll tal-punt 1 tal-Artikolu 20(1) u tal-Artikolu 20(8) tal-EStG, permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn li tammonta għal 25 % tad-dividendi grossi, konformement mal-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 43a(1) tal-EStG.
16 Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 31 tal-KStG u tal-punt 2 tal-Artikolu 36(2) tal-EStG, issir tpaċija tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital kollu kemm hu li nġabret fuq id-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ verifika tat-taxxa.
17 Meta t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miġbura teċċedi t-taxxa fuq il-kumpanniji ffissata, l-ammont eċċessiv jiġi rrimborsat lill-fond ta’ pensjoni hekk kif tipprevedi t-tieni sentenza tal-Artikolu 36(4) tal-EStG.
L-iskema fiskali tal-fondi ta’ pensjoni mhux residenti
18 Bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-KStG, fond ta’ pensjoni barrani, li ma għandux it-tmexxija jew sede tiegħu fil-Ġermanja, huwa parzjalment suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tad-dħul tiegħu miksub fit-territorju nazzjonali. Konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8(1) tal-KStG, tal-punt 5a tal-Artikolu 49(1) tal-EStG, u tal-punt 1 tal-Artikolu 20(1) tal-EstG, id-dividendi rċevuti huma dħul minn kapital suġġett għal obbligu fiskali limitat.
19 Fil-każ ta’ fond ta’ pensjoni parzjalment suġġett għat-taxxa, it-taxxa tiġi rkuprata taħt forma ta’ taxxa f’ras il-għajn u d-debitur tad-dividendi għandu jiġbor it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-punt 1 tal-Artikolu 43(1) u tal-punt 1 tal-Artikolu 43a(1) tal-EStG, bħala prinċipju hija ta’ 25 % tad-dividendi gross.
20 Bis-saħħa tal-Artikolu 44a(9) tal-EStG, 2/5 mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miġbura u mħallsa hija rrimborsata lill-kumpanniji parzjalment suġġetti fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-KStG, fejn għalhekk il-piż fiskali effettiv għat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital jammonta għal 15 %. It-tassazzjoni tad-dividendi hija wkoll limitata għal 15 % fil-kuntest ta’ bosta ftehimiet fiskali. Ir-rimbors tad-differenza bejn it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miġbur u r-rata tat-taxxa ta’ 15 % jsir a posteriori, fuq talba, mill-Bundeszentralamt für Steuern (l-Uffiċċju Ċentrali Federali tat-Taxxi, il-Ġermanja) konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50d tal-EStG.
21 Għall-fondi ta’ pensjoni mhux residenti, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital ta’ 15 % hija definittiva b’applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-KStG, redatt kif ġej:
“It-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bit-taxxa f’ras il-għajn hija ta’ natura rilaxxatorja:
[...]
2. fejn il-benefiċjarju tad-dħul ikun parzjalment taxxabbli u d-dħul ma jkunx jirriżulta minn attività industrijali, kummerċjali, agrikola [jew] silvikola eżerċitata fit-territorju nazzjonali.”
22 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, b’applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 32(1), proċedura ta’ stabbiliment ta’ verifika tat-taxxa li tinkludi l-possibbiltà għall-fondi ta’ pensjoni mhux residenti li jpaċu t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital mat-taxxa dovuta hija eskluża, b’tali mod li lanqas ma jistgħu jnaqqsu spejjeż professjonali eventwali mill-bażi tad-dħul taxxabbli.
Il-Ftehim Fiskali bejn il-Ġermanja u l-Kanada
23 Il-Ftehim bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kanada għall-Ħelsien mit-Taxxa Doppja fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u ta’ ċerti taxxi oħra, għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa u għall-għoti ta’ assistenza fiskali, konkluż f’Berlin fid-19 ta’ April 2001 (BGBl. 2002 II, p. 670, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Fiskali bejn il-Ġermanja u l-Kanada”) jipprevedi, fl-Artikolu 10(1) tiegħu, li d-dividendi jistgħu jiġu imposti fl-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju tagħhom. Madankollu, l-Artikolu 10(2)(b) ta’ dan il-ftehim jawtorizza wkoll lill-Istat li minnu jiġu d-dividendi jiġbor 15 % tal-ammont gross tagħhom.
24 Bis-saħħa tal-Artikolu 23(1)(a) ta’ dan il-ftehim, il-Kanada, bħala Stat ta’ residenza, juża l-mekkaniżmu tal-imputazzjoni sabiex jevita t-taxxa doppja.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
25 CPP għandu bħala għan li joffri servizzi ta’ rtirar lill-ex uffiċjali tal-Provinċja tal-British Columbia (il-Kanada). Għal dan il-għan huwa jikkostitwixxi, fil-karti tal-bilanċ tiegħu, provvedimenti tekniċi li jikkorrispondu għall-impenji ta’ garanzija tal-pensjonijiet. CPP huwa eżentat minn kull taxxa fuq il-profitti fil-Kanada.
26 Matul il-perijodu inkluż bejn is-sena 2007 u s-sena 2010, CPP żamm indirettament, permezz tal-parteċipazzjoni f’portafolli ta’ pools ta’ investiment, ishma li jikkomponu l-kapital ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata Ġermaniżi, mingħajr ma dawn il-holdings kienu jeċċedu 1 % mill-kapital ta’ dawn il-kumpanniji. Id-dividendi rċevuti għal dawn il-holdings kienu suġġetti għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-kapital b’rata ta’ 15 %, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 10(2)(b) tal-Ftehim Fiskali bejn il-Ġermanja u l-Kanada.
27 Fit-23 ta’ Diċembru 2011, CPP talab lill-konvenut fil-kawża prinċipali l-eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital u r-rimbors tal-ammont ta’ EUR 156 280.10 flimkien mal-interessi, tat-taxxa li kien ħallas f’dan ir-rigward. It-talba tiegħu ġiet miċħuda, bħalma ġie miċħud ilment li ressaq ulterjorment. Konsegwentement, CPP ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.
28 Il-qorti tar-rinviju tesponi li, insostenn tar-rikors tiegħu, CPP isostni li ġarrab, inkwantu fond ta’ pensjoni mhux residenti, trattament inqas favorevoli minn dak li għalih huma suġġetti l-fondi ta’ pensjoni residenti. Huwa sostna li dawn tal-aħħar kienu jistgħu jirċievu dividendi mingħajr ma jkunu suġġetti għat-taxxa, peress li jkollhom il-possibbiltà, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ verifika tat-taxxa, li ssir tpaċija tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital li tkun inġabret mat-taxxa fuq il-kumpanniji jew li jiksbu r-rimbors tal-kważi totalità ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dawn il-fondi, l-allokazzjonijiet għall-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala spejjeż professjonali, liema fatt ikun jippermetti li jitnaqqas l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji waqt l-istabbiliment ta’ verifika ta’ din tal-aħħar. Issa, il-fondi ta’ pensjoni mhux residenti ma jkunux jistgħu jipproċedu għal tali tpaċijiet jew jiksbu tali rimborsi, ġaladarba, għal tali fondi ta’ pensjoni, it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn hija ta’ natura rilaxxatorja, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-KStG u tkun tikkostitwixxi, fir-rigward tagħhom, piż fiskali definittiv.
29 Min-naħa tiegħu, il-konvenut fil-kawża prinċipali jsostni, qabel kollox, li, għalkemm il-fondi ta’ pensjoni Ġermaniżi setgħu jpaċu t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta, dan ma jkunx ifisser li tingħata eżenzjoni kompleta, ġaladarba d-dividendi rċevuti huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, b’rata ta’ 15 % fuq id-dħul taxxabbli. Sussegwentement, ma jistax jitqies li fond ta’ pensjoni mhux residenti huwa ttrattat b’mod inqas favorevoli mill-fondi ta’ pensjoni residenti minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċaħħadhom mill-possibbiltà li jitnaqqsu spejjeż professjonali, ġaladarba, fin-nuqqas ta’ rabta diretta ta’ tali provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar mal-attività li tiġġenera d-dħul inkwistjoni, dawn il-fondi ma jkunux jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għall-fondi ta’ pensjoni residenti. Barra minn hekk, restrizzjoni eventwali tkun, fi kwalunkwe każ, iġġustifikata għal raġunijiet ta’ effikaċja tal-verifiki fiskali. Fl-aħħar nett, restrizzjoni hija leċita bis-saħħa tal-Artikolu 64(1) TFUE ġaladarba n-natura rilaxxatorja prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-KStG kienet diġà ġiet introdotta permezz tal-Artikolu 50(2) tal-KStG tal-1977 u d-dħul imqassam kien jimplika provvista ta’ servizzi finanzjarji mill-fond ta’ pensjoni lill-investituri tiegħu.
30 Il-qorti tar-rinviju tindika li huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li CPP jista’, skont id-dritt Ġermaniż, jiġi pparagunat ma’ fond ta’ pensjoni. Hija tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti parzjalment suġġetti ma għandhomx il-possibbiltà li jpaċu t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn dan il-fond jew li jiksbu r-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, filwaqt li l-fondi ta’ pensjoni residenti għandhom tali possibbiltà u li, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-ġbir ta’ dividendi ma jagħtix lok għal żieda fit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta jew sempliċement żieda moderata tagħha, peress li jistgħu jnaqqsu mill-profitt taxxabbli l-allokazzjonijiet għall-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, toħloqx differenza fit-trattament bejn dawn il-fondi li tmur kontra l-Artikoli 63 u 65 TFUE.
31 Ċertament, fir-rigward tal-possibbiltà li jitnaqqsu mill-profitt taxxabbli l-allokazzjonijiet għall-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, taħt id-dritt Ġermaniż ma teżistix regola analoga għal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688), li tipprevedi espressament li l-allokazzjonijiet għall-provvedimenti matematiċi u l-provvedimenti tekniċi analogi jistgħu jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu. Madankollu, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, huwa biss l-arrikkiment gross ta’ kumpannija taxxabbli li jiġi ntaxxat matul is-sena ta’ taxxa. Meta jiġu ttrasferiti dividendi f’fond ta’ pensjoni, il-patrimonju tal-fond ta’ pensjoni jiżdied biss u sa fejn id-dħul fuq investimenti mhux ta’ kontabbiltà ma huwiex ikkreditat lid-diversi kuntratti tal-fond ta’ pensjoni. Peress li d-dividendi mqassma jżidu l-provvedimenti matematiċi u/jew partiti oħra mill-passiv, il-profitt tal-fond ta’ pensjoni jibqa’ kif inhu, b’tali mod li ma jkunx hemm arrikkiment taxxabbli. Konsegwentement, il-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, li jnaqqsu l-profitt taxxabbli, huma l-konsegwenza diretta tal-ġbir ta’ dividendi, b’tali mod li, skont il-qorti tar-rinviju, il-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli mill-perspettiva tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-allokazzjonijiet għall-provvedimenti matematiċi u għall-provvedimenti tekniċi analogi bħala spejjeż professjonali.
32 Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 64(1) TFUE jistax jiġi invokat f’dan il-każ.
33 Fl-ewwel lok, hija tesponi li d-dispożizzjonijiet tal-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-KStG li jipprevedu n-natura rilaxxatorja tat-taxxa f’ras il-għajn, li għaliha hija dovuta d-differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti, kienu identiċi għal dawk tal-punt 2 tal-Artikolu 50(1) tal-KStG tal-1991 u, konsegwentement, kienu diġà jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993. Il-fatt li, fid-data tal-31 ta’ Diċembru 1993, kien jeżisti dritt, għall-persuni taxxabbli suġġetti 100 %, li jnaqqsu t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital mit-taxxa fuq il-kumpanniji u li s-sistema ġiet immodifikata numru ta’ drabi sussegwentement ma kien biddel xejn mir-regoli marbuta mat-trattament fiskali tad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji parzjalment suġġetti.
34 Fit-tieni lok, ftit huwa rilevanti li r-rata attwali ta’ 25 % tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, li diġà kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993 bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 1 tal-Artikolu 43(1) u tal-punt 1 tal-Artikolu 43a(1) tal-EStG, ġiet imnaqqsa għal 20 % fl-1 ta’ Jannar 2001 biex sussegwentement ġiet miżjuda għal 25 % fl-1 ta’ Jannar 2009, inkwantu l-prinċipju tar-regola dwar it-taxxa f’ras il-għajn tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital ma ġietx immodifikata u fejn, għall-kumpanniji parzjalment suġġetti, il-piż effettiv tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital huwa ta’ 15 % biss.
35 Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk teżistix rabta kawżali fis-sens tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith (C-560/13, EU:C:2015:347), bejn id-dividendi ġġenerati minn holding f’kumpannija b’kapital azzjonarju Ġermaniża għal fond ta’ pensjoni mhux residenti u s-servizz finanzjarju li dan il-fond ta’ pensjoni jagħti lill-abbonati tiegħu. Hija tesponi li parti mid-duttrina tqis li d-dħul ta’ kapital fi ħdan fond ta’ pensjoni ma jirrappreżentax, waħdu, rabta suffiċjentement stretta mas-servizzi finanzjarji pprovduti mill-istess fond ta’ pensjoni favur l-abbonati. Madankollu, hija tenfasizza li, minħabba n-natura speċifika tal-attività tal-fondi ta’ pensjoni, id-dħul fuq l-investiment magħmul mill-fond ta’ pensjoni jżid, għall-parti l-kbira, parallelament, l-impenji tal-fond ta’ pensjoni fil-qasam tal-ħlas tal-pensjonijiet, b’tali mod li t-tassazzjoni tad-dividendi mqassma taqa’ direttament fuq il-pretensjonijiet tal-abbonati fir-rigward tal-fond ta’ pensjoni.
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Il-moviment liberu tal-kapital stabbilit mill-Artikolu 63(1) flimkien mal-Artikolu 65 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar professjonali mhux residenti li hija analoga, minħabba l-istruttura essenzjali tagħha, għal fond ta’ pensjoni Ġermaniż, ma tibbenefika minn ebda eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital fir-rigward ta’ dividendi rċevuti, filwaqt li dividendi korrispondenti mħallsa lil fondi ta’ pensjoni nazzjonali ma jwasslux għal żieda tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta jew iwasslu unikament għal żieda relattivament żgħira tagħha peress li għandhom il-possibbiltà li jnaqqsu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stima tat-taxxa, il-profitt taxxabbli tagħhom billi jnaqqsu l-provvedimenti għall-obbligi [impenji] tal-ħlas tal-pensjoni u jinnewtralizzaw, permezz ta’ imputazzjoni [tpaċija] u – sa fejn l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas huwa inqas mill-ammont imputabbli – permezz ta’ rimbors, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa?
2) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mill-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-[KStG] hija ammissibbli fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 63 flimkien mal-Artikolu 64(1) TFUE, minħabba li timplika l-provvista ta’ servizzi finanzjarji?”
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura
37 Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-Gvern Ġermaniż talab, permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Lulju 2019, li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
38 Insostenn tat-talba tiegħu, il-Gvern Ġermaniż isostni, essenzjalment, li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jistrieħu fuq konstatazzjonijiet ta’ fatt relatati mad-dritt Ġermaniż li huma ineżatti. Id-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji b’rata ta’ 15 % li tiġi applikata fuq id-dividendi grossi. It-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, miġbura permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn li tammonta għal 25 % tad-dividend gross, tiġi paċuta mat-taxxa fuq il-kumpanniji hekk stabbilita, b’tali mod li 10 % mid-dividend gross miġbura bit-taxxa f’ras il-għajn tiġi rrimborsata. Bħala prinċipju, il-piż fiskali jibqa’ ugwali għal 15 % tad-dividend gross. Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż ressaq spjegazzjonijiet kumplimentari relatati mal-osservazzjonijiet li huwa espona waqt is-seduta għat-trattazzjoni. Huwa jikkonferma l-kontestazzjoni tal-kalkoli ppreżentati mill-Kummissjoni waqt din is-seduta.
39 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C-126/16, EU:C:2017:489, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
40 F’dan il-kuntest għandu jitfakkar ukoll li la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedu l-possibbiltà għall-partijiet jew għall-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C-106/16, EU:C:2017:804, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). In-nuqqas ta’ qbil ta’ parti jew ta’ tali parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li jkun eżamina fihom, ma jistax, konsegwentement, jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C-106/16, EU:C:2017:804, punt 24, kif ukoll tad-29 ta’ Novembru 2017, King, C-214/16, EU:C:2017:914, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Għalhekk, sa fejn it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali mressqa mill-Gvern Ġermaniż hija intiża sabiex dan ikun jista’ jwieġeb il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, din ma tistax tintlaqa’.
42 Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
43 F’dan il-kuntest hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħala prinċipju hija għandha tibbaża lilha nnifisha fuq il-punti li jirriżultaw mill-qorti tar-rinviju u ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2011, Naftiliaki Etaireia Thasou u Amaltheia I Naftiki Etaireia, C-128/10 u C-129/10, EU:C:2011:163, punt 40, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2017, Agro Foreign Trade & Agency, C-507/15, EU:C:2017:129, punt 23).
44 Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-informazzjoni neċessarja relatata mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż u, b’mod partikolari, mar-rati ta’ taxxa applikabbli bis-saħħa tagħhom, li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża lilha nnifisha.
45 Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tirrispondi d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-argumenti li jippermettulha tiddeċiedi, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni relatata mal-piż fiskali fuq id-dividendi mqassma lill-fondi ta’ pensjoni residenti ġew iddibattuti quddiemha. Barra minn hekk, waqt is-seduta għat-trattazzjoni, il-Gvern Ġermaniż tqiegħed f’pożizzjoni li jwieġeb kull argument imressaq matulha u li jipprovdi l-kjarifiki kollha li jidhrulu li huma neċessarji f’dan ir-rigward.
46 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
47 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil fond ta’ pensjoni residenti, minn naħa, huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li tista’ tiġi kollha kemm hi paċuta mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn dan il-fond u tista’ tagħti lok għal rimbors meta t-taxxa miġbura f’ras il-għajn teċċedi t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-fond, u, min-naħa l-oħra, ma jirriżultawx f’żieda fil-profitt suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji jew jirriżultaw biss f’żieda moderata tagħha dovuta għall-possibbiltà ta’ tnaqqis mill-imsemmi profitt tal-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li tikkostitwixxi taxxa definittiva għal tali fond.
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 63 KE
48 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati Membri oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 39, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C-575/17, EU:C:2018:943, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 B’mod partikolari, il-fatt li Stat Membru jagħti lid-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti trattament inqas favorevoli minn dak irriżervat għad-dividendi mħallsa f’fondi ta’ pensjoni residenti jista’ jiddisswadi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat minbarra dan l-Istat Membru milli jwettqu investimenti f’dan l-istess Stat Membru u konsegwentement jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-342/10, EU:C:2012:688, punt 33; tat-22 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-600/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:737, punt 15; u tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 28).
50 L-applikazzjoni għad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni mhux residenti ta’ piż fiskali ogħla minn dak sostnut mill-fondi ta’ pensjoni residenti għall-istess dividendi tikkostitwixxi tali trattament inqas favorevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14 u C-17/14, EU:C:2015:608, punt 48). L-istess jgħodd għall-eżenzjoni, totali jew sostanzjali, tad-dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni residenti, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-342/10, EU:C:2012:688, punti 32 u 33).
51 Bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-fondi ta’ pensjoni huma suġġetti, f’dak li jirrigwarda d-dividendi mqassma lilhom, għal żewġ sistemi ta’ taxxa differenti, li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi fuq l-istatus tagħhom ta’ residenti fit-territorju tal-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam id-dividendi.
52 Fil-fatt, minn naħa, kemm id-dividendi mqassma lill-fondi ta’ pensjoni residenti kif ukoll dawk imqassma lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa fuq id-dħul mill-kapital li titħallas f’ras il-għajn.
53 Madankollu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fondi ta’ pensjoni mhux residenti, din it-taxxa tinġabar b’mod definittiv b’rata li, hekk kif jirriżulta mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkorrispondi, fil-kawża prinċipali, għal 15 % tad-dividendi grossi, kif inhu previst fl-Artikolu 10(2)(b) tal-Ftehim Fiskali bejn il-Ġermanja u l-Kanada.
54 B’kuntrast, fir-rigward tal-fondi ta’ pensjoni residenti, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital tinġabar f’ras il-għajn bir-rata, skont il-qorti tar-rinviju, ta’ 25 % tad-dividendi grossi. Din tista’ tiġi kollha kemm hi paċuta mat-taxxa fuq il-kumpanniji, li r-rata tagħha, skont il-qorti tar-rinviju, hija ta’ 15 % tad-dħul taxxabbli, u tiġi rrimborsata meta t-taxxa mħallsa f’ras il-għajn teċċedi t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-fond.
55 Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dividendi rċevuti jagħtu lok għal żieda żgħira ħafna fil-profitt taxxabbli tal-fond residenti għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji jew saħansitra, f’ċerti każijiet, għall-assenza ta’ żieda fl-imsemmi profitt. Fil-fatt, hekk kif tosserva l-qorti tar-rinviju, id-dividendi rċevuti għandhom bħala effett li jżidu bil-proporzjon dovut il-provvedimenti tekniċi, u l-profitt taxxabbli tal-fond ta’ pensjoni residenti jiżdied biss fl-ipoteżi fejn id-dħul fuq investimenti mhux ta’ kontabbiltà ma jiġix ikkreditat lid-diversi kuntratti tal-imsemmi fond. Issa, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, id-dħul fuq investimenti mhux ta’ kontabbiltà għandu jiġi kkreditat lil kull kuntratt tal-fond ta’ pensjoni residenti sa mill-inqas 90 %.
56 Għaldaqstant, minħabba dan it-tnaqqis tal-provvedimenti, korrispondenti għad-dividendi rċevuti, mill-bażi taxxabbli għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji, id-dividendi rċevuti minn fondi ta’ pensjoni residenti ma jżidux l-imsemmija bażi taxxabbli, jew jagħtu biss lok għal żieda żgħira ħafna.
57 Konsegwentement, anki meta t-taxxa inizjalment miġbura fuq id-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti taħt it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital tkun ogħla minn dik miġbura fuq id-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tpaċija, previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-fond ta’ pensjoni residenti, kif ukoll tar-rimbors ta’ din it-taxxa, fil-każ fejn it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta tkun inqas mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miġbura, flimkien mal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-bażi taxxabbli tal-fond ta’ pensjoni, twassal sabiex id-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti jkunu, b’mod definittiv, eżentati totalment jew parzjalment mit-taxxa.
58 Minn dan jirriżulta li d-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti jġarrbu trattament inqas favorevoli minn dak applikat għad-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti, sa fejn tal-ewwel huma suġġetti għal taxxa definittiva ta’ 15 %, filwaqt li tat-tieni huma eżentati totalment jew parzjalment mit-taxxa.
59 Kuntrarjament għal dak li jsostni l-konvenut fil-kawża prinċipali, tali trattament inqas favorevoli la jirriżulta mill-eżerċizzju parallel miż-żewġ Stati kkonċernati tal-ġurisdizzjonijiet fiskali rispettivi tagħhom, u lanqas mid-disparitajiet bejn il-leġiżlazzjoni tad-diversi Stati. Fil-fatt, is-sempliċi eżerċizzju mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-ġurisdizzjoni fiskali tagħha tagħti lok, indipendentement minn kull applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat ieħor, minn naħa, għall-eżenzjoni totali jew kważi totali tad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni residenti u, min-naħa l-oħra, għat-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti.
60 Konsegwentement, differenza fit-trattament bħal dik li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn id-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti u dawk imħallsa lil fondi ta’ pensjoni residenti tista’ tiddisswadi lill-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fi Stat minbarra dan l-Istat Membru milli jinvestu f’dan l-istess Stat Membru u tikkostitwixxi, b’riżultat ta’ dan, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.
61 Madankollu, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.
Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni
62 Bis-saħħa tal-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax id-dritt tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom jew fir-rigward tal-post fejn il-kapital tagħhom huwa investit.
63 Din id-dispożizzjoni, sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat li fih jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija fiha nnifisha limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punti 55 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
64 Għalhekk, hemm lok li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li din id-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
65 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura paragunabbli ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li jrid jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tas-suġġett u l-kontenut ta’ dawn tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
66 Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-mument meta Stat jissuġġetta, unilateralment jew permezz ta’ ftehim, għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss lil persuni taxxabbli residenti, iżda wkoll lil persuni taxxabbli mhux residenti, għad-dividendi li dawn jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija persuni taxxabbli mhux residenti toqrob lejn dik tal-persuni taxxabbli residenti (sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 56, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14 u C-17/14, EU:C:2015:608, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
67 Madankollu, il-konvenut fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Ġermaniż isostnu li l-fondi ta’ pensjoni residenti u l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti ma jinsabux f’sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli fid-dawl tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
68 Minn naħa, bħal fil-każ tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C-282/07, EU:C:2008:762), id-differenza fit-trattament tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ tekniki ta’ tassazzjoni differenti għall-persuni residenti u għall-persuni mhux residenti.
69 Min-naħa l-oħra, ikun ġustifikat li jiġi applikat trattament differenti għall-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti sa fejn ma tkunx teżisti rabta diretta bejn id-dividendi rċevuti fil-Ġermanja u l-ispejjeż li jkunu jikkostitwixxu l-allokazzjonijiet għall-provvedimenti matematiċi u għall-provvedimenti tekniċi l-oħra, hekk kif meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata man-natura paragunabbli tas-sitwazzjoni tal-persuni residenti u tal-persuni mhux residenti fir-rigward tal-ispejjeż direttament marbuta ma’ attività li ġġenerat dħul taxxabbli fi Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C-450/09, EU:C:2011:198, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 29).
70 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li d-differenza fit-trattament tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ tekniki ta’ tassazzjoni differenti għall-persuni residenti u dawk mhux residenti, jeħtieġ li jiġi osservat li, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C-282/07, EU:C:2008:762), li differenza fit-trattament li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ tekniki ta’ tassazzjoni differenti skont il-post ta’ residenza tal-persuna taxxabbli tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli, hija xorta waħda ppreċiżat, fil-punti 43, 44 u 49 ta’ dik is-sentenza, li d-dħul inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kien fi kwalunkwe każ intaxxat, sew jekk ġie rċevut minn persuna taxxabbli residenti, sew jekk minn persuna taxxabbli mhux residenti, u li, barra minn hekk, id-differenza fit-tekniki ta’ tassazzjoni ma kinitx neċessarjament toħloq vantaġġ għall-benefiċjarji residenti.
71 Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal sabiex id-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti jkunu, b’mod definittiv, eżentati totalment jew parzjalment mit-taxxa, filwaqt li d-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti jkunu suġġetti għal taxxa definittiva ta’ 15 %.
72 Għalhekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex limitata sabiex tipprevedi l-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa differenti skont il-post ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali. Fil-fatt hija tista’ wkoll tagħti lok għal eżenzjoni totali jew kważi totali tad-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti u, għaldaqstant, li tikseb vantaġġ għal dawn tal-aħħar.
73 Konsegwentement, id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata permezz tas-sitwazzjoni differenti tal-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tekniki differenti ta’ tassazzjoni
74 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument dwar id-differenza fis-sitwazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti dwar il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-allokazzjonijiet għall-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar bħala spejjeż professjonali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż, bħal spejjeż professjonali direttament marbuta ma’ attività li ġġenerat dħul taxxabbli fi Stat Membru, il-persuni residenti u mhux residenti ta’ dan tal-aħħar ikunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C-450/09, EU:C:2011:198, punt 40; tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-342/10, EU:C:2012:688, punt 37; u tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 29).
75 Issa, il-qorti tar-rinviju tindika, fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21a tal-KStG dwar il-provvedimenti matematiċi u dawk tal-Artikolu 21(2) tal-KStG dwar il-provvedimenti għal skontijiet ma humiex dispożizzjonijiet li jawtorizzaw it-tnaqqis tal-ispejjeż professjonali u li taħt id-dritt Ġermaniż ma teżistix regola li tipprevedi espressament li l-allokazzjonijiet għall-provvedimenti matematiċi u għall-provvedimenti tekniċi analogi jistgħu jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu. Kif tfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju għandha l-obbligu li tibbaża lilha nnifisha fuq l-ispjegazzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali, hekk kif inhuma ppreċiżati fid-deċiżjoni tar-rinviju.
76 F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddistingwi lilha nnifisha minn dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688), li fiha l-leġiżlatur nazzjonali xebbah b’mod espliċitu l-ammonti miżmuma għal impenji marbuta mal-pensjonijiet ma’ spejjeż sostnuti sabiex jinkiseb jew jinżamm id-dħul minn attività ekonomika.
77 Konsegwentement il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 ta’ din is-sentenza hija nieqsa minn rilevanza għall-finijiet tal-eżami tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjoni ta’ fond ta’ pensjoni mhux residenti għal dik ta’ fond ta’ pensjoni residenti, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’hekk, iċ-ċirkustanza invokata mill-Gvern Ġermaniż li skontha l-allokazzjonijiet għall-provvedimenti matematiċi u għall-provvedimenti tekniċi l-oħra ma jikkostitwixxux spejjeż imġarrba għall-finijiet tal-ġenerazzjoni ta’ dħul minn dividendi ma tistax tqiegħed inkwistjoni din il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet.
78 F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-qorti tar-rinviju, meta d-dividendi mqassma jżidu l-provvedimenti matematiċi jew partiti oħra mill-passiv, il-profitt tal-fond ta’ pensjoni jibqa’ kif inhu, b’tali mod li ma jkunx jeżisti arrikkiment taxxabbli. Hija żżid li l-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, li jnaqqsu l-profitt taxxabbli, huma l-konsegwenza diretta tad-dividendi rċevuti. Għalhekk, skont l-imsemmija qorti, il-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli mill-perspettiva tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-allokazzjonijiet għall-provvedimenti matematiċi u għall-provvedimenti tekniċi analogi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ taxxa tagħhom fir-rigward tad-dividendi li huma jirċievu.
79 B’hekk, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li hemm rabta ta’ kawża u effett bejn id-dividendi rċevuti, iż-żieda fil-provvedimenti matematiċi u partiti oħra tal-passiv u n-nuqqas ta’ żieda tal-bażi taxxabbli tal-fond residenti, sa fejn id-dividendi li jintużaw għall-finijiet ta’ provvedimenti tekniċi ma jżidux il-profitt taxxabbli tal-fond ta’ pensjoni, liema fatt barra minn hekk ġie kkonfermat mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta. Fil-fatt, skont dan il-gvern, il-maġġoranza tal-profitti miksuba permezz tal-investiment għandhom jibbenefikaw lill-abbonat, fis-sens li ma jistgħux jibqgħu fil-fond ta’ pensjoni, u d-dħul huwa l-kundizzjoni għan-nefqa bħala provvedimenti.
80 Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti eżenzjoni totali jew kważi totali tad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni residenti tiffaċilita b’hekk il-kumulu ta’ kapital ta’ tali fondi, filwaqt li, hekk kif osserva l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, il-fondi ta’ pensjoni kollha huma, bħala prinċipju, marbuta li jinvestu l-primjums ta’ assigurazzjoni fis-suq tal-kapital sabiex jiġġeneraw dħul taħt il-forma ta’ dividendi li jippermettilhom jissodisfaw obbligi futuri taħt il-kuntratti ta’ assigurazzjoni.
81 Issa, fond ta’ pensjoni mhux residenti, li jalloka d-dividendi rċevuti lill-provvedimenti marbuta mal-pensjoni tal-irtirar li jkollu jħallas fil-futur, b’mod deliberat jew b’applikazzjoni tal-liġi fis-seħħ fl-Istat ta’ residenza tiegħu, jinsab, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ fond ta’ pensjoni residenti.
82 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kuntest tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
83 Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-fond ta’ pensjoni mhux residenti jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-fond ta’ pensjoni residenti mill-perspettiva tal-allokazzjoni tad-dividendi għall-provvedimenti marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, ikun meħtieġ ulterjorment li jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax, jekk ikun il-każ, tiġi ġġustifikata permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C-464/14, EU:C:2016:896, punti 54 u 56).
84 Qabel kollox, f’dan ir-rigward, sa fejn il-Gvern Ġermaniż sostna waqt is-seduta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tidħol fil-kuntest ta’ tqassim ekwilibrat tas-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istat Membru tas-sors tad-dividendi u l-Istat ta’ residenza tal-fond ta’ pensjoni, jeħtieġ li jitfakkar li l-ħtieġa li jiġi protett it-tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi tikkostitwixxi raġuni tali li tiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari, meta l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jkollhom l-intenzjoni li jipprevjenu aġir tali li jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-ġurisdizzjoni fiskali tiegħu b’rabta mal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
85 Madankollu, fil-mument li Stat Membru jkun għażel li jipproċedi għall-eżenzjoni totali jew kważi totali tad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni residenti, huwa ma jkunx jista’ jinvoka l-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi sabiex tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni mhux residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 78; tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 48; kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C-480/16, EU:C:2018:480, punt 71).
86 Il-ħtieġa li jinżamm tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi ma tistax, għalhekk, tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
87 Sussegwentement, fir-rigward tal-ħtieġa li tinżamm il-koerenza ta’ skema fiskali, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li tista’ wkoll tiġġustifika leġiżlazzjoni tali li tillimita l-libertajiet fundamentali, sa fejn tkun ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-benefiċċju fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-benefiċċju ma’ ġbir fiskali speċifiku, fejn in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-għan tal-leġiżlazzjoni inwkistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C-480/16, EU:C:2018:480, punti 79 u 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), jeħtieġ li jiġi indikat li l-Gvern Ġermaniż ma invokax l-eżistenza ta’ tali rabta diretta, neċessarja sabiex tali ġustifikazzjoni tkun tista’ tintlaqa’.
88 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-verifiki fiskali li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li wkoll tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punt 74), invokata wkoll mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi osservat li l-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija adattata sabiex jinkiseb dan l-għan.
89 Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil fond ta’ pensjoni residenti, minn naħa, huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li tista’ tiġi kollha kemm hi paċuta mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn tali fond u tagħti lok għal rimbors, meta t-taxxa miġbura f’ras il-għajn teċċedi t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-fond, u, min-naħa l-oħra, ma jagħtux lok għal żieda fil-profitt taxxabbli bit-taxxa fuq il-kumpanniji jew jagħtu lok biss għal żieda moderata tagħha fid-dawl tal-possibbiltà li jitnaqqsu mill-imsemmi profitt il-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li għal dan il-fond tikkostitwixxi taxxa definittiva meta l-fond ta’ pensjoni mhux residenti jalloka dividendi rċevuti lill-provvedimenti għal pensjonijiet ta’ rtirar li jkollu jħallas fil-futur, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Fuq it-tieni domanda
90 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 64(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil fond ta’ pensjoni residenti, minn naħa, huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li tista’ tiġi kollha kemm hi paċuta mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn dan il-fond u tagħti lok għal rimbors meta t-taxxa miġbura f’ras il-għajn teċċedi t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn dan il-fond, u, min-naħa l-oħra, ma jagħtux lok għal żieda fil-profitt taxxabbli bit-taxxa fuq il-kumpanniji jew jagħtu lok biss għal żieda moderata tagħha dovuta għall-possibbiltà li jitnaqqsu mill-imsemmi profitt il-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li tikkostitwixxi taxxa definittiva għal tali fond, tista’ tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni li kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993 għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
91 Bis-saħħa tal-Artikolu 64(1) TFUE, l-Artikolu 63 ma jippreġudikax l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta’ restrizzjonijiet li kienu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993 bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-moviment ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi meta jinvolvu investiment dirett, inkluż l-investimenti fi proprjetà immobbli, l-istabbiliment, il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji jew l-introduzzjoni ta’ titoli fis-swieq kapitali.
92 Fir-rigward tal-kriterju ratione temporis stabbilit mill-Artikolu 64(1) TFUE, minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita sew jirriżulta li, minkejja li, bħala prinċipju, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-kontenut tal-leġiżlazzjoni eżistenti f’data stabbilita minn att tal-Unjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni tal-kunċett tad-dritt tal-Unjoni li jikkostitwixxi r-riferiment għall-applikazzjoni ta’ sistema derogatorja, prevista b’dan id-dritt, għal leġiżlazzjoni nazzjonali “eżistenti” f’data speċifika (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
93 Il-kunċett ta’ “restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993”, fis-sens tal-Artikolu 64(1) TFUE, jippreżupponi li l-kuntest ġuridiku li fih taqa’ r-restrizzjoni inkwistjoni kien jifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat b’mod kontinwu minn dik id-data. Fil-fatt, li kieku kien mod ieħor, Stat Membru jkun jista’, fi kwalunkwe mument, jintroduċi mill-ġdid ir-restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital lejn jew minn Stati terzi li kienu jeżistu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali fil-31 ta’ Diċembru 1993 iżda li ma baqgħux fis-seħħ (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, Prunus u Polonium, C-384/09, EU:C:2011:276, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2018, EV, C-685/16, EU:C:2018:743, punt 74).
94 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull miżura nazzjonali adottata wara dik id-data ma hijiex, abbażi ta’ dan is-sempliċi fatt, awtomatikament eskluża mis-sistema derogatorja stabbilita mill-att tal-Unjoni inkwistjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali restrizzjonijiet “eżistenti” jistgħu jkunu jixbhu dawk previsti minn dispożizzjonijiet adottati wara l-imsemmija data li, fis-sustanza tagħhom, huma identiċi għal-leġiżlazzjoni preċedenti jew li jieħdu l-ħsieb li jnaqqsu jew li jneħħu ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ moviment li jinsabu fil-leġiżlazzjoni preċedenti. Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni li tistrieħ fuq loġika differenti minn dik tad-dritt preċedenti u li ġġib fis-seħħ proċeduri ġodda ma tistax titqies li tixbah il-leġiżlazzjoni eżistenti f’din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 48; tal-20 ta’ Settembru 2018, EV, C-685/16, EU:C:2018:743, punt 75; kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punti 37 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
95 F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tindika li d-dispożizzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-KStG li tipprevedi n-natura rilaxxatorja tat-taxxa f’ras il-għajn li għaliha hija dovuta d-differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti, diġà kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993 taħt il-forma tad-dispożizzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 50(1) tal-KStG tal-1991, li l-formulazzjoni tagħha kif ukoll il-funzjonament huma identiċi.
96 Madankollu, CPP isostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt Ġermaniż ma kienx ikopri l-fondi ta’ pensjoni fil-31 ta’ Diċembru 1993, ġaladarba dawn kienu ġew introdotti fid-dritt tal-assigurazzjonijiet u fil-KStG biss b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002 u li, qabel din id-data, lanqas ma kienet teżisti leġiżlazzjoni fiskali speċifika relatata mal-fondi ta’ pensjoni.
97 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, filwaqt li, fid-data tal-31 ta’ Diċembru 1993, id-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti lil entitajiet mhux residenti kienu suġġetti jew għall-istess trattament bħal dak applikat għal dawk imħallsa lill-entitajiet residenti, jew għal trattament differenti iktar favorevoli minn dak applikat għal dawk imħallsa lil entitajiet residenti, iżda li, wara din id-data, ġiet introdotta eżenzjoni għall-benefiċċju tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, kien meħtieġ li jiġi kkunsidrat li dan il-kriterju ratione temporis ma ġiex issodisfatt peress li l-element li jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, jiġifieri l-eżenzjoni fiskali, ġiet introdotta ulterjorment, bi tluq mil-loġika tal-leġiżlazzjoni preċedenti u bi tqegħid fis-seħħ ta’ proċedura ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punti 50 sa 52).
98 Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, minħabba l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni speċifika relatata mal-fondi ta’ pensjoni wara l-31 ta’ Diċembru 1993, is-sitwazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni mhux residenti saritx inqas vantaġġuża meta mqabbla mas-sitwazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni residenti fir-rigward tad-dividendi mħallsa lilhom minn kumpanniji residenti, b’tali mod li l-element li jikkostitwixxi r-restrizzjoni inkwistjoni f’dan il-każ ma jistax jitqies li kien jeżisti f’dik id-data. Bil-ħsieb ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex titqies bħala “eżistenti” fid-data tal-31 ta’ Diċembru 1993, minkejja emenda fil-qafas legali nazzjonali wara din id-data, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2018, EV, C-685/16, EU:C:2018:743, punt 81, kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punt 42).
99 Jekk dan kien il-każ, il-kriterju ratione temporis ma jistax jitqies li ġie ssodisfatt.
100 Fir-rigward tal-kriterju ratione materiae, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 64(1) TFUE jiddikjara lista limitattiva tal-movimenti ta’ kapital li jistgħu jevitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 63(1) TFUE u għandu, inkwantu deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, ikun suġġett għal interpretazzjoni stretta (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith, C-560/13, EU:C:2015:347, punt 21).
101 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat f’dan ir-rigward li r-restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital, lejn jew minn pajjiż terz, jinvolvu investimenti ta’ portafoll li ma jinsabux fost il-movimenti ta’ kapital li jinvolvu l-“investimenti diretti”, imsemmija f’dan l-Artikolu 64(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punt 28).
102 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-parteċipazzjoni ta’ CPP fil-kapital tal-kumpanniji li jqassmu d-dividendi qatt ma qabeż il-proporzjon ta’ 1 %, liema ammont jikkorrispondi għall-investimenti msejħa “ta’ portafoll”, li jirrigwardaw ix-xiri ta’ titoli fis-suq tal-kapital magħmul bis-sempliċi intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr intenzjoni li tiġi influwenzata t-tmexxija u l-kontroll tal-impriża, b’tali mod li ma jistax jitqies li sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrigwarda l-movimenti ta’ kapital li jinvolvu l-“investimenti diretti” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 64(1) TFUE.
103 Madankollu, sa fejn fond ta’ pensjoni jista’ jipprovdi servizzi finanzjarji lill-abbonati tiegħu, jeħtieġ ulterjorment li jiġi vverifikat jekk il-movimenti ta’ kapital, bħal dawk imsemmija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinvolvux il-provvista ta’ servizzi finanzjarji fis-sens tal-Artikolu 64(1) TFUE.
104 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE jirrigwarda r-rabta kawżali li teżisti bejn il-movimenti ta’ kapital u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji u mhux il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżura nazzjonali kontenzjuża jew ir-relazzjoni tagħha mal-fornitur, pjuttost milli mad-destinatarju, ta’ tali servizzi. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa ddefinit b’riferiment għall-kategoriji ta’ movimenti ta’ kapital li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ restrizzjonijiet (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith, C-560/13, EU:C:2015:347, punt 39).
105 Sabiex tkun tista’ taqa’ taħt l-imsemmija deroga, il-miżura nazzjonali għandha għalhekk tirrigwarda l-movimenti ta’ kapital li għandhom rabta suffiċjentement stretta mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji, jiġifieri rabta ta’ kawża u effett bejn il-moviment ta’ kapital u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith, C-560/13, EU:C:2015:347, punti 43 u 44).
106 Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tiġi applikata għal movimenti ta’ kapitali lejn jew minn pajjiżi terzi, toħloq restrizzjoni fuq il-provvista ta’ servizzi finanzjarji taqa’ taħt l-Artikolu 64(1) TFUE (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith, C-560/13, EU:C:2015:347, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
107 Fir-rigward tax-xiri ta’ holdings f’fondi ta’ investiment li jinsabu f’territorju Brittaniku extra-Ewropew kif ukoll il-ġbir ta’ dividendi li jirriżultaw minnhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 46 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith (C-560/13, EU:C:2015:347), li dawn kienu jinvolvu l-eżistenza ta’ provvista ta’ servizzi finanzjarji mwettqa minn dawn il-fondi ta’ investiment favur l-investitur ikkonċernat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tali investiment jippermetti lill-investitur ikkonċernat, permezz ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari, li jibbenefika minn diversifikazzjoni inkrementata bejn l-assi differenti kif ukoll minn tqassim aħjar tar-riskji.
108 Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, ix-xiri ta’ holdings f’fondi ta’ pensjoni u d-dividendi rċevuti f’dan ir-rigward iservu bħala prijorità għaż-żamma tal-assi u sabiex jiġu ggarantiti l-provvedimenti kkostitwiti mill-fond, permezz ta’ diversifikazzjoni inkrementata u tqassim aħjar tar-riskji, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-impenji tiegħu marbuta mal-pensjoni tal-irtirar fir-rigward tal-abbonati tiegħu. Dan ix-xiri ta’ holdings u dawn id-dividendi jikkostitwixxu għalhekk, fl-ewwel lok, mezz li għalih jirrikorri fond ta’ pensjoni sabiex ikun jista’ jonora l-impenji tiegħu marbuta mal-pensjoni tal-irtirar u ma huwiex servizz li jipprovdi lil dawn l-abbonati.
109 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li ma teżistix rabta suffiċjentement stretta taħt forma ta’ rabta ta’ kawża u effett, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 104 sa 106 ta’ din is-sentenza, bejn il-moviment ta’ kapital imsemmi mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar id-dividendi rċevuti minn fond ta’ pensjoni, u provvista ta’ servizzi finanzjarji, fis-sens tal-Artikolu 64(1) TFUE.
110 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 64(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil fond ta’ pensjoni residenti, minn naħa, huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li tista’ tiġi kollha kemm hi paċuta mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn dan il-fond u tagħti lok għal rimbors, meta t-taxxa miġbura f’ras il-għajn teċċedi t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-fond, u, min-naħa l-oħra, ma jagħtux lok għal żieda tal-profitt taxxabbli bit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta jew jagħtu lok biss għal żieda moderata tagħha minħabba l-possibbiltà li jitnaqqsu mill-imsemmi profitt il-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li tikkostitwixxi taxxa definittiva għal tali fond, ma tistax titqies bħala restrizzjoni li kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993 għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
Fuq l-ispejjeż
111 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil fond ta’ pensjoni residenti, minn naħa, huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li tista’ tiġi kollha kemm hi paċuta mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn tali fond u tagħti lok għal rimbors, meta t-taxxa miġbura f’ras il-għajn teċċedi t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-fond, u, min-naħa l-oħra, ma jagħtux lok għal żieda fil-profitt taxxabbli bit-taxxa fuq il-kumpanniji jew jagħtu lok biss għal żieda moderata tagħha fid-dawl tal-possibbiltà li jitnaqqsu mill-imsemmi profitt il-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li għal dan il-fond tikkostitwixxi taxxa definittiva meta l-fond ta’ pensjoni mhux residenti jalloka dividendi rċevuti lill-provvedimenti għal pensjonijiet ta’ rtirar li jkollu jħallas fil-futur, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
2) L-Artikolu 64(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil fond ta’ pensjoni residenti, minn naħa, huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li tista’ tiġi kollha kemm hi paċuta mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn dan il-fond u tagħti lok għal rimbors, meta t-taxxa miġbura f’ras il-għajn teċċedi t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-fond, u, min-naħa l-oħra, ma jagħtux lok għal żieda tal-profitt taxxabbli bit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta jew jagħtu lok biss għal żieda moderata tagħha minħabba l-possibbiltà li jitnaqqsu mill-imsemmi profitt il-provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li tikkostitwixxi taxxa definittiva għal tali fond, ma tistax titqies bħala restrizzjoni li kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993 għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.