Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
16 ta’ Ottubru 2019 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 167 u 168 – Dritt għal tnaqqis tal-VAT – Rifjut – Frodi – Produzzjoni tal-provi – Prinċipju ta’rispett tad-drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Aċċess għall-fajl –Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju effettiv – Prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Prinċipju ta’ kontradittorju – Leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tipprovdi li, waqt verifika tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT eżerċitat minn persuna taxxabbli, l-amministrazzjoni tat-taxxa hija marbuta mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi li twettqu minnha fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi relatati li għalihom din il-persuna taxxabbli ma kinitx parti”
Fil-Kawża C-189/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura
Glencore Agriculture Hungary Kft.
vs
Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: R. Şereş, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Glencore Agriculture Hungary Kft., minn Z. Várszegi, D. Kelemen u B. Balog, ügyvédek,
– għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas u minn J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifka fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva VAT”), tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Glencore Agriculture Hungary Kft. (iktar ’il quddiem “Glencore”) u Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni tat-taxxa”) dwar żewġ deċiżjonijiet li jordnaw, b’mod partikolari, il-ħlas tas-somom dovuti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għas-snin finanzjarji 2010 u 2011.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 167 tad-Direttiva VAT jipprovdi li:
“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”
4 L-Artikolu 168 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:
(a) il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;
[...]”
Id-dritt Ungeriż
5 L-Artikolu 119(1) tal-általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. törvény (il-Liġi Nru CXXVII tal-2007 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud) jipprovdi li:
“Sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa jitnissel meta jeħtieġ li tiġi stabbilita t-taxxa dovuta li tikkorrispondi għat-taxxa tal-input ikkalkolata (Artikolu 120).”
6 Skont l-Artikolu 120 ta’ din il-liġi:
“Sakemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati, jew operati mill-persuna taxxabbli – u f’din il-kwalità – sabiex jitwettqu kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi taxxabbli, din għandha tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandha tħallas:
a) it-taxxa li ġiet iffatturata lilha minn persuna taxxabbli oħra – inkluża kull persuna jew entità suġġetta għal taxxa ssemplifikata fuq il-kumpanniji – waqt l-akkwist ta’ oġġetti jew l-użu ta’ servizzi;
[...]”
7 L-Artikolu 1(3a) tal-adózás rendjéről szóló 2003. évi XCII. törvény (il-Liġi Nru XCII tal-2003 li tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali”) jipprovdi li:
“Fil-proċess ta’ spezzjoni tal-partijiet f’relazzjoni legali (kuntratt, tranżazzjoni) li toħloq kwalunkwe obbligu fiskali, l-awtorità tat-taxxa għandha tittratta kwalunkwe relazzjoni legali li diġà ġiet eżaminata u kklassifikata bl-istess mod fir-rigward ta’ kull persuna taxxabbli u għandha tapplika awtomatikament il-konstatazzjonijiet tagħha magħmula fir-rigward ta’ waħda mill-partijiet f’konnessjoni mal-ispezzjoni tal-parti l-oħra.”
8 Konformement mal-Artikolu 12(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, il-persuna taxxabbli, l-istess bħal kwalunkwe persuna li hija obbligata tħallas it-taxxa taħt l-Artikolu 35(2) u (7), hija intitolata tara d-dokumenti relatati mat-taxxa. Hija tista’ tispezzjona, tieħu jew titlob kopja, ta’ kwalunkwe dokument li huwa neċessarji sabiex tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha jew sabiex twettaq l-obbligi tagħha. Madankollu l-persuna taxxabbli ma tistax tispezzjona, fost oħrajn, kwalunkwe parti ta’ dokument li fih informazzjoni fuq persuna oħra u li l-iżvelar tagħha jikser dispożizzjoni fil-qasam tas-sigrieti tat-taxxa.
9 L-Artikolu 97(4) u (5) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:
“4. L-awtorità tat-taxxa għandha taċċerta l-fatti rilevanti tal-każ u tipprova l-konstatazzjonijiet tagħha fil-konklużjoni tal-ispezzjoni, sakemm l-oneru tal-prova ma jitpoġġiex fuq il-persuna taxxabbli bil-liġi.
5. [...] konstatazzjonijiet ta’ spezzjonijiet oħra relatati li kienu ordnati [...] għandhom, b’mod partikolari, jinftiehmu bħala prova u evidenza ammissibbli.”
10 Skont l-Artikolu 100(4) tal-imsemmi kodiċi:
“Jekk l-awtorità tat-taxxa tehmeż il-konstatazzjonijiet mill-ispezzjoni ta’ persuna taxxabbli oħra jew l-informazzjoni u l-evidenza miksuba matul kwalunkwe inkjesta relatata biex issostni r-riżultati ta’ spezzjoni, ir-rapport u d-deċiżjoni dwar tali spezzjoni, jew l-informazzjoni u l-evidenza miksuba matul dik l-inkjesta relatata, għandhom jingħataw lill-persuna taxxabbli sa fejn din tkun ikkonċernata.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Glencore hija kumpannija stabbilita fl-Ungerija li prinċipalment teżerċita attività ta’ bejgħ bl-ingrossa ta’ ċereali, żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt u għalf għall-annimali kif ukoll materja prima.
12 Wara spezzjonijiet rigward, minn naħa, it-taxxi u s-sussidji kollha tas-snin finanzjarji 2010 u 2011, bl-eċċezzjoni tal-VAT tax-xahar ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2011, u, min-naħa l-oħra, l-VAT tax-xahar ta’ Ottubru 2011, l-amministrazzjoni tat-taxxa adottat żewġ deċiżjonijiet, fejn l-ewwel waħda tordna b’mod partikolari lil Glencore tħallas is-somma ta’ EUR 1 951 418 000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 6 000 000) fir-rigward tal-VAT kif ukoll multa u penalità għal dewmien u t-tieni deċiżjoni tordnalha tħallas VAT addizzjonali fl-ammont ta’ HUF 130 171 000 (madwar EUR 400 000).
13 F’dawn id-deċiżjonijiet, l-amministrazzjoni tat-taxxa qieset li Glencore kienet naqset illegalment il-VAT inkwantu hija kienet taf jew kien messha kienet taf li t-tranżazzjonijiet li hija kienet wettqet mal-fornituri tagħha kienu involuti fi frodi tal-VAT. Hija bbażat ruħha fuq konstatazzjonijiet imwettqa fir-rigward ta’ dawn il-fornituri billi qieset din il-frodi bħala fatt stabbilit.
14 Wara li l-appelli amministrattivi tagħha minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ġew miċħuda, Glencore ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju.
15 Insostenn tar-rikors tagħha, Glencore ssostni fost oħrajn li l-amministrazzjoni tat-taxxa kisret id-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll ir-rekwiżiti li dan id-dritt jinvolvi u kisret, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali tal-partijiet. Din l-amministrazzjoni kisret ukoll, fil-fehma tagħha, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża minn żewġ aspetti. Minn naħa l-imsemmija amministrazzjoni biss kellha aċċess għall-fajl komplut relatat mal-proċeduri kriminali fil-konfront tal-fornituri, li għalihom Glencore ma kinitx parti u li fihom, konsegwentement, hija ma setgħet tinvoka ebda dritt, u għaldaqstant ġew miġbura u prodotti provi kontriha. Min-naħa l-oħra, din l-istess amministrazzjoni la qegħdet għad-dispożizzjoni tagħha l-fajl relatat mal-ispezzjonijiet imwettqa għand dawn il-fornituri, b’mod partikolari d-dokumenti li fuqhom huma bbażati l-konstatazzjonijiet magħmula minnha, la l-proċess verbal u lanqas id-deċiżjonijiet amministrattivi li hija adottat, u sempliċement ikkomunikatilha parti li hija għażlet skont il-kriterji tagħha stess.
16 L-amministrazzjoni tat-taxxa ssostni li, għalkemm Glencore ma jistax ikollha drittijiet konnessi mal-kwalità ta’ parti fi proċedura fiskali kontra persuna taxxabbli oħra, madankollu ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża peress li hija setgħet teżamina, fil-kuntest tal-proċedura li tikkonċernaha, id-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet li ġejjin minn proċeduri relatati u mqiegħda fil-fajl tagħha, u tikkontesta l-valur probatorju tagħhom billi teżerċita d-dritt ta’ azzjoni legali tagħha.
17 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT u li, bħala prinċipju, ma jistax jiġi rrifjutat jekk il-kundizzjonijiet sostantivi meħtieġa jkunu ssodisfatti. Madankollu, il-prassi tal-amministrazzjoni tat-taxxa implimentata fil-kawża prinċipali, ibbażata b’mod partikolari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3a) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, li tipprovdi li din l-amministrazzjoni hija marbuta bil-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet meħuda minnha wara l-ispezzjonijiet magħmula għand il-fornituri tal-persuna taxxabbli u li għandhom natura definittiva, wasslet sabiex Glencore tiġi miċħuda dan id-dritt għal tnaqqis.
18 Din il-qorti tesponi li l-Artikolu 1(3a) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali għandu l-għan li jiggarantixxi ċertezza legali billi jimponi li mill-istess operazzjoni jinsiltu l-istess konklużjonijiet. Madankollu, fil-fehma tagħha tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-għan jiġġustifikax prassi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-amministrazzjoni tat-taxxa tinħeles mill-oneru tal-prova li għandha billi tieħu inkunsiderazzjoni ex officio konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti, li fiha l-persuna taxxabbli ma kellhiex il-kwalità ta’ parti, ma setgħetx konsegwentement teżerċita d-drittijiet relatati ma’ din il-kwalità u ma kellhiex għarfien tad-deċiżjonijiet adottati wara dawn il-proċeduri u li saru definittivi ħlief fil-kuntest tal-ispezzjonijiet li tagħhom kienet is-suġġett.
19 L-imsemmija qorti żżid tgħid li Glencore kellha biss komunikazzjoni parzjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet u tad-dokumenti li fuqhom huma bbażati, peress li l-amministrazzjoni tat-taxxa sempliċement indikat, fil-proċess verbal tagħha, kull waħda mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet, mingħajr ma pproduċiet dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll lanqas id-dokumenti li fuqhom huma bbażati.
20 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità ta’ tali prassi mal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll mad-dritt għal smigħ xieraq sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija tista’ twettaq, peress li hija ma hijiex awtorizzata teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda wara l-ispezzjonijiet li kkonċernaw persuni taxxabbli oħrajn u, b’mod partikolari, tivverifika jekk il-provi li fuqhom huma bbażati dawn id-deċiżjonijiet inkisbux legalment. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C-419/14, EU:C:2015:832), hija tistaqsi jekk ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq jeħtiġux li l-qorti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa li tipproċedi għal aġġustament tat-taxxa hijiex awtorizzata tistħarreġ jekk il-provi li ġejjin minn proċedura amministrattiva relatata nkisbux f’konformità mad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u jekk il-konstatazzjonijiet li huma bbażati fuqhom jiksrux dawn id-drittijiet.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva VAT kif ukoll, fir-rigward tagħhom, il-prinċipju fundamentali tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u prattika nazzjonali li tibbaża fuqha li bis-saħħa tagħhom il-konstatazzjonijiet, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-partijiet fir-rabta legali (kuntratt, tranżazzjoni) li tikkonċerna l-obbligu fiskali, li jsiru mill-awtorità tat-taxxa bħala riżultat ta’ proċedura implimentata mingħand waħda mill-partijiet għall-imsemmija rabta legali (l-persuna li ħarġet il-fatturi fil-kawża prinċipali) u li jimplikaw klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rabta legali għandhom jitqiesu ex officio mill-awtorità tat-taxxa matul l-istħarriġ ta’ parti oħra għar-rabta legali (d-destinatarju tal-fatturi fil-kawża prinċipali), fid-dawl tal-fatt li l-parti l-oħra għar-rabta legali ma għandha ebda dritt, b’mod partikolari d-drittijiet marbutin mal-locus standi, fil-proċedura tal-istħarriġ tal-oriġini?
2) Għal każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda b’risposta negattiva, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva VAT kif ukoll, fir-rigward tagħhom, il-prinċipju fundamentali tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 47 tal-[Karta] jipprekludu prattika nazzjonali li tippermetti proċedura bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda b’tali mod li l-parti l-oħra għar-rabta legali (d-destinatarju tal-fatturi) ma għandux, fil-proċedura tal-istħarriġ tal-oriġini, drittijiet marbutin mal-locus standi, u ma jistax lanqas jeżerċita dritt ta’ rikors fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ li tagħha l-konstatazzjonijiet għandhom jitqiesu ex officio mill-awtorità tat-taxxa fil-proċedura tal-istħarriġ li tikkonċerna l-obbligu tat-taxxa tal-parti l-oħra u jistgħu jinżammu responsabbli ta’ din tal-aħħar, peress li l-awtorità tat-taxxa ma tqiegħedx għad-dispożizzjoni tal-parti l-oħra l-fajl rilevanti tal-istħarriġ li twettaq mingħand l-ewwel parti fir-rabta legali (l-persuna li ħarġet il-fatturi), b’mod partikolari d-dokumenti wara kwalunkwe sejba, il-minuti u d-deċiżjonijiet amministrattivi, iżda tikkommunikalha biss parti, f’forma ta’ sommarju, peress li l-awtorità tat-taxxa tagħti b’hekk konjizzjoni tal-fajl lill-parti l-oħra biss indirettament, billi tagħmel għażla skont kriterji li huma xierqa għaliha u li fuqhom il-parti l-oħra ma tista’ teżerċita ebda stħarriġ?
3) Għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva VAT kif ukoll, fir-rigward tagħhom, il-prinċipju fundamentali tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 47 tal-[Karta] fis-sens li jipprekludu prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-konstatazzjonijiet, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-partijiet fir-rabta legali li tikkonċerna l-obbligu tat-taxxa, li jsiru mill-awtorità tat-taxxa fir-riżultat ta’ proċedura implimentata mill-persuna li ħarġet il-fatturi u li jimplikaw il-konstatazzjoni li l-imsemmija persuna li ħarġet il-fatturi pparteċipat fi frodi tat-taxxa attiva għandhom jitqiesu ex officio mill-awtorità tat-taxxa matul l-istħarriġ tad-destinatarju tal-fatturi, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmi destinatarju ma għandux, fil-proċedura tal-istħarriġ implimentata mill-persuna li ħarġet il-fatturi, drittijiet marbutin mal-locus standi, u ma tistax għalhekk lanqas teżerċita dritt ta’ rikors fil-kuntest ta’ proċedura tal-istħarriġ li l-konstatazzjonijiet tagħha għandhom jitqiesu ex officio mill-awtorità tat-taxxa fil-proċedura tal-istħarriġ li tikkonċerna l-obbligu tat-taxxa tad-destinatarju u jistgħu jinżammu fir-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar, u fid-dawl tal-fatt li l-awtorità tat-taxxa ma tqegħedx għad-dispożizzjoni tad-destinatarju l-fajl rilevanti tal-istħarriġ li twettaq mill-persuna li ħarġet il-fatturi, b’mod partikolari d-dokumenti wara kwalunkwe sejba, il-minuti u d-deċiżjonijiet amministrattivi, iżda tikkommunikalha biss parti, f’forma ta’ sommarju, peress li l-awtorità tat-taxxa tagħti b’hekk konjizzjoni tal-fajl lid-destinatarju biss indirettament, billi tagħmel għażla skont kriterji li huma xierqa għaliha u li fuqhom il-parti l-oħra ma tista’ teżerċita ebda stħarriġ?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
22 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li wara spezzjonijiet tat-taxxa li l-fornituri tagħha u hija nnifisha kienu s-suġġet tagħhom, Glencore ġiet imċaħħda milli teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT u konsegwentement ġie impost fuqha aġġustament tal-VAT. B’mod partikolari, l-amministrazzjoni tat-taxxa bbażat dan ir-rifjut, konformement mal-Artikolu 1(3a) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, fuq konstatazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta’ proċeduri kontra l-fornituri tagħha u li għalihom Glencore, konsegwentement, ma kinitx parti, li wasslu għal deċiżjonijiet li saru definittivi u li jipprovdu li l-imsemmija fornituri kienu wettqu frodi tal-VAT.
23 Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari tieħu inkunsiderazzjoni proċeduri kriminali, proċedura amministrattiva fiskali preċedenti u deċiżjonijiet amministrattivi li l-fornituri u Glencore kienu s-suġġett tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju, konformement mal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, sabiex tipprovdilha xi kjarifiki dwar il-proċedura jew il-proċeduri kriminali inkwistjoni u tindikalha jekk ġewx mitmuma permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ qorti kriminali li saru definittivi. B’risposta għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju indikat li hija ma kellhiex informazzjoni dwar tmiem il-proċeduri kriminali permezz ta’ sentenza dwar il-mertu li jikkonċernaw il-fornituri ta’ Glencore u kkomunikatilha erba’ deċiżjonijiet amministrattivi fiskali definittivi, li għalihom uħud minn dawn il-fornituri kienu s-suġġett.
24 Fis-seduta, ġie ppreċiżat minn Glencore u mill-Gvern Ungeriż li ż-żewġ proċeduri kriminali li jirrigwardaw il-frodi inkwistjoni kienu għadhom pendenti meta l-amministrazzjoni tat-taxxa kkonsultat id-dokumenti ta’ dawn il-proċeduri u adottat iż-żewġ deċiżjonijiet amministrattivi kkontestati minn Glencore fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, dawn il-proċeduri ma kinux għadhom intemmu permezz ta’ deċiżjoni mogħtija dwar il-merti minn qorti kriminali. Minn dan isegwi li l-kawża preżenti ma tqajjem ebda kwistjoni relatata mal-awtorità ta’ res judicata.
25 Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki, għandu jitqies li, permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva VAT, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi ta’ Stat Membru li permezz tagħha, waqt verifika tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT eżerċitat minn persuna taxxabbli, l-amministrazzjoni tat-taxxa hija marbuta mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi, diġà mwettqa minnha fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi relatati, li saru fil-konfront ta’ fornituri ta’ din il-persuna taxxabbli, li fuqhom huma bbażati deċiżjonijiet li saru definittivi u li jikkonstataw frodi tal-VAT li saret minn dawn il-fornituri.
26 Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, l-amministrazzjoni tat-taxxa tqis li l-fatt li hija marbuta mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi li jinsabu f’dawn id-deċiżjonijiet li saru definittivi, jeżentaha milli tipproduċi mill-ġdid il-provi tal-frodi fil-proċedura li fiha l-persuna taxxabbli hija s-suġġett. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi partikolarment jekk id-Direttiva VAT u l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jipprekludux prassi tal-amministrazzjoni tat-taxxa li tikkonsisti, bħal fil-kawża prinċipali, f’li ma tagħtix lil din il-persuna taxxabbli aċċess għall-fajl relattiv għal proċeduri relatati u, b’mod partikolari, għad-dokumenti kollha li fuqhom huma bbażati dawn il-konstatazzjonijiet, għall-proċessi verbal stabbiliti u għad-deċiżjonijiet adottati u f’li tikkomunikalha indirettament, taħt forma sommarja, parti biss minn dawn l-elementi li hija għażlet skont kriterji li huma tagħha stess u li fuqhom ma jista’ jsir ebda stħarriġ.
27 F’dan ir-rigward, matul is-seduta ġie ppreċiżat li, sabiex jiġi pprovat l-involviment ta’ Glencore f’din il-frodi, l-amministrazzjoni tat-taxxa bbażat ruħha fuq provi miġbura fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali pendenti, proċeduri amministrattivi mibdija kontra fornituri ta’ Glencore u l-proċedura amministrattiva li tagħha din tal-aħħar kienet is-suġġett.
28 Filwaqt li tesponi, barra minn hekk, li ma hijiex awtorizzata teżamina l-legalità ta’ deċiżjonijiet preċedenti mogħtija wara spezzjonijiet li jikkonċernaw persuni taxxabbli oħrajn, u b’mod partikolari, tivverifika jekk il-provi li fuqhom huma bbażati dawn id-deċiżjonijiet inkisbu legalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C-419/14, EU:C:2015:832), dwar il-kwistjoni jekk ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq jeħtiġux li l-qorti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa li tipproċedi għal aġġustament tal-VAT hijiex awtorizzata tivverifika li l-provi li ġejjin minn proċedura amministrattiva relatata inkisbu f’konformità mad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u li l-konstatazzjonijiet li huma bbażati fuqhom ma jiksrux dawn id-drittijiet.
29 Sa fejn, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tiegħu, il-Gvern Ungeriż ta interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u spjegazzjoni tal-prassi tal-amministrazzjoni tat-taxxa, li tikkonċerna kemm il-produzzjoni ta’ provi, il-portata tal-aċċess għall-fajl u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, li huma differenti minn dawk esposti mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li tivverifika jew li timmina l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula minn qorti nazzjonali, peress li din l-interpretazzjoni taqa’ esklużivament taħt il-kompetenza ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, meta tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali, tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun tressqet quddiemha mill-imsemmija qorti (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C-69/14, EU:C:2015:662, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Bl-istess mod, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li wasslu għat-tilwima u li tislet minnhom il-konsegwenzi għas-sentenza li hija tkun mitluba tagħti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn din il-qorti tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih isiru d-domandi preliminari, kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C-44/17, EU:C:2018:415, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Barra minn hekk, lanqas ma huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u lanqas li tinterpreta dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali (sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2012, Ascafor u Asidac, C-484/10, EU:C:2012:113, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme, C-203/14, EU:C:2015:664, punt 43). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità sabiex tiddeċiedi l-kawża li hija adita biha (sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2012, Ascafor u Asidac, C-484/10, EU:C:2012:113, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C-560/15, EU:C:2017:593, punt 35).
32 Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva VAT, mill-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u mill-Artikolu 47 tal-Karta rigward il-produzzjoni tal-provi, il-portata tal-aċċess tal-persuna taxxabbli għall-fajl u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali.
Fuq l-amministrazzjoni tal-provi fir-rigward tad-Direttiva VAT u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża
33 Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu l-VAT dovuta jew diġà mħallsa fuq oġġetti mixtrija jew servizzi riċevuti u użati għall-bżonnijiet tal-operazzjonijiet li huma ntaxxati, huwa prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament, id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq tad-Direttiva VAT jagħmel parti integrali tal-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax, bħala prinċipju, jiġi limitat (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punti 25 u 26; tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult, C-101/16, EU:C:2017:775, punti 35 u 36, kif ukoll tal-21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C-533/16, EU:C:2018:204, punti 37 u 39).
34 B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan, il-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-abbuż potenzjali hija għan irrikonoxxut u inkoraġġut mid-Direttiva VAT u l-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-individwi ma jistgħux, b’mod frawdolenti jew abbużiv, jinvokaw normi tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali li jirrifjutaw id-dritt għal tnaqqis jekk jintwera, fid-dawl ta’ fatturi oġġettivi, li dan id-dritt ikun qiegħed jiġi invokat għal għanijiet frawdolenti jew abbużivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punti 35 sa 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Astone, C-332/15, EU:C:2016:614, punt 50).
35 Jekk dan ikun il-każ meta evażjoni fiskali titwettaq mill-persuna taxxabbli nnifisha, dan ikun il-każ ukoll meta persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist tagħha, hija kienet qed tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT. Għaldaqstant, il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli biss jekk jiġi stabbilit, abbażi ta’ fatturi oġġettivi, li din il-persuna taxxabbli, li lilha l-merkanzija jew is-servizzi li abbażi tagħhom ġie invokat id-dritt għal tnaqqis ġew ikkunsinnati jew ipprovduti, kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist ta’ din il-merkanzija jew ta’ dawn is-servizzi, hija kienet qed tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT imwettqa mill-fornitur jew minn operatur ieħor li jaġixxi upstream jew downstream fil-katina ta’ dawn il-kunsinni jew ta’ dawn il-provvisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punti 38 sa 40, kif ukoll tat-13 ta’ Frar 2014, Maks Pen, C-18/13, EU:C:2014:69, punti 27 u 28).
36 Peress li r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis huwa eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali li jikkostitwixxi dan id-dritt, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet tat-taxxa li jistabbilixxu, suffiċjentement fid-dritt, il-fatturi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni invokata sabiex fuqha jiġi bbażat id-dritt għal tnaqqis kienet involuta f’tali frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Maks Pen, C-18/13, EU:C:2014:69, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Peress li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli dwar il-modalitajiet tal-produzzjoni tal-provi fil-qasam tal-frodi tal-VAT, dawn il-fatturi oġġettivi għandhom jiġu stabbiliti mill-amministrazzjoni tat-taxxa konformement mar-regoli tal-provi previsti fid-dritt nazzjonali. Madankollu, dawn ir-regoli ma għandhomx jippreġudikaw l-effettività tad-dritt tal-Unjoni u għandhom jirrispettaw id-drittijiet iggarantiti minn dan id-dritt, speċjalment mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C-419/14, EU:C:2015:832, punti 65 sa 67).
38 Huwa b’dan il-mod u taħt dawn il-kundizzjonijiet li, fis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C-419/14, EU:C:2015:832), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 68 tagħha, li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li amministrazzjoni fiskali tista’, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ prattika abbużiva fil-qasam tal-VAT, tuża provi miksuba fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali paralleli li għadhom ma ntemmux u li jikkonċernaw il-persuna taxxabbli. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali evalwazzjoni tapplika wkoll għall-użu ta’ provi, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ frodi tal-VAT, li nkisbu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li għadhom ma ntemmux u li jikkonċernaw il-persuna taxxabbli jew miġbura matul proċeduri amministrattivi relatati, bħal fil-kawża prinċipali, li l-persuna taxxabbli ma kinitx parti għalihom.
39 Fost id-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jinsab ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża li, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika ladarba l-amministrazzjoni jkolla l-intenzjoni tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju. Skont dan il-prinċipju, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħhom għandhom jingħataw l-opportunità li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-informazzjoni li l-amministrazzjoni tkun ser tibbaża ruħha fuqha. Dan l-obbligu huwa impost fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta jieħdu miżuri li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C-349/07, EU:C:2008:746, punti 36 sa 38, u tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou, C-276/12, EU:C:2013:678, punt 38).
40 Dan il-prinċipju ġenerali japplika, għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom Stat Membru, sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligu, li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jadotta l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha xierqa sabiex jiżgura l-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu u li jiġġieled kontra l-frodi, jissuġġetta lil persuni taxxabbli għal proċedura ta’ spezzjoni tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Ispas, C-298/16, EU:C:2017:843, punt 27).
41 Id-dritt għal smigħ, li jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tressaq, b’mod utli u effettiv, il-fehmiet tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha, jagħmel parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizza, ir-regola li tipprovdi li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu jingħata l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma din tittieħed hija intiża sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-informazzjoni rilevanti kollha. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata, l-imsemmija regola hija intiża b’mod partikolari sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tikkoreġi żball jew tissottometti elementi marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħha li jsostnu s-sens li fih id-deċiżjoni għandha tittieħed, jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut speċifiku (sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C-166/13, EU:C:2014:2336, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
42 Id-dritt għal smigħ jimplika wkoll li l-amministrazzjoni għandha tagħti l-attenzjoni kollha dovuta lill-osservazzjonijiet sottomessi b’dan il-mod mill-persuna kkonċernata filwaqt li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u tagħti motivazzjoni ddettaljata għad-deċiżjoni tagħha, peress li l-obbligu li timmotiva deċiżjoni b’mod suffiċjentement speċifiku u konkret sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet għalfejn it-talba tagħha qed tiġi rrifjutat jikkostitwixxi, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C-166/13, EU:C:2014:2336, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta, iżda jista’ jkollu restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dan jissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxix, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Ispas, C-298/16, EU:C:2017:843, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ ineżami, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C-166/13, EU:C:2014:2336, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li ċ-ċertezza legali hija fost in-numru ta’ prinċipji ġenerali rrikonoxxuti fid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, b’mod partikolari, li n-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva, miksuba mal-iskadenza ta’ termini raġonevoli li fihom jista’ jitressaq rikors jew billi jiġu eżawriti r-rimedji ġuridiċi, tikkontribwixxi għall-imsemmija ċertezza, u li dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li korp ikun, bħala prinċipju, obbligat li jmur lura fuq deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet tali natura definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C-453/00, EU:C:2004:17, punt 24; tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C-2/06, EU:C:2008:78, punt 37, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2012, Byankov, C-249/11, EU:C:2012:608, punt 76).
46 Għal dak li jirrigwarda regola, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 1(3a) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, li skont il-qorti tar-rinviju premezz tagħha l-amministrazzjoni tat-taxxa hija marbuta bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi li twettqu minnha fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi relatati mibdija kontra fornituri tal-persuna taxxabbli, li għalihom konsegwentement din tal-aħħar ma kinitx parti, jidher li hija ta’ natura li, bħalma sostna l-Gvern Ungeriż u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, tiggarantixxi ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza bejn il-persuni taxxabbli, inkwantu tobbliga lil din l-amministrazzjoni tkun konsistenti billi tagħti lill-istess fatti klassifikazzjonijiet ġuridiċi identiċi. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, għall-applikazzjoni ta’ tali regola.
47 Madankollu, dan ma japplikax jekk, bis-saħħa ta’ din ir-regola u minħabba n-natura definittiva tad-deċiżjonijiet meħuda wara dawn il-proċeduri amministrattivi relatati, l-amministrazzjoni tat-taxxa tiġi eżenta milli tgħarraf lill-persuna taxxabbli bil-provi, inklużi dawk li ġejjin minn dawn il-proċeduri, li abbażi tagħhom hija jkollha l-intenzjoni tieħu deċiżjoni u din il-persuna taxxabbli hija għaldaqstant imċaħħda mid-dritt li tikkontesta b’mod utli, matul il-proċedura li tagħha tkun is-suġġett, dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt u dawn il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi.
48 Fil-fatt, minn naħa, tali applikazzjoni tal-imsemmija regola, li tirriżulta fl-għoti ta’ awtorità lil deċiżjoni amministrattiva, li tikkonstata l-eżistenza ta’ frodi, fir-rigward ta’ persuna taxxabbli li ma kinitx parti fil-proċedura li wasslet għal din il-konstatazzjoni, tmur kontra l-obbligu li għandha l-amministrazzjoni tat-taxxa, imfakkra fil-punt 36 tas-sentenza preżenti, li tistabbilixxi suffiċjentement fid-dritt il-fatturi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni invokata sabiex fuqha tibbaża d-dritt għal tnaqqis kienet involuta fi frodi, peress li dan l-obbligu jippreżumi li din l-amministrazzjoni tipproduċi, fil-proċedura li tagħha hija s-suġġett il-persuna taxxabbli, il-prova tal-eżistenza tal-frodi li fiha hija akkużata li pparteċipat b’mod passiv.
49 Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ tat-taxxa, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistax jiġġustifika tali restrizzjoni tad-drittijiet tad-difiża, li l-kontenut tiegħu huwa mfakkar fil-punti 39 u 41 tas-sentenza preżenti, liema restrizzjoni tikkostitwixxi, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess ta’ dawn id-drittijiet. Fil-fatt, hija ċċaħħad lill-persuna taxxabbli, li lilha hija timmira li tirrifjuta l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, mill-possibbiltà li tressaq b’mod utli u effettiv, matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li hija sfavorevoli għall-interessi tagħha, il-fehmiet tagħha dwar il-provi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża ruħha. Hija tbiddel il-possibbiltà li l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod utli l-elementi kollha rilevanti u li l-persuna kkonċernata tikkoreġi, jekk ikun il-każ, żball. Fl-aħħar nett, hija teżenta lill-amministrazzjoni mid-dmir tagħha li tagħti l-attenzjoni kollha dovuta lill-osservazzjonijiet sottomessi mill-persuna kkonċernata, filwaqt li teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ ineżami u tagħti motivazzjoni ddettaljata għad-deċiżjoni tagħha.
50 Konsegwentement, għalkemm id-Direttiva VAT u l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jipprekludux, bħala prinċipju, tali regola, dan isir bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni tagħha ma teżentax lill-amministrazzjoni tat-taxxa milli tgħarraf lill-persuna taxxabbli bil-provi, inklużi dawk ġejjin minn proċeduri relatati mibdija kontra l-fornituri tagħha, li abbażi tagħhom hija jkollha l-intenzjoni tieħu deċiżjoni, u li din il-persuna taxxabbli ma tkunx għaldaqstant imċaħħda mid-dritt li tikkontesta, b’mod utli, matul il-proċedura li tagħha hija tkun is-suġġett, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi mwettqa minn din l-amministrazzjoni fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri relatati.
Fuq il-portata tal-aċċess tal-persuna taxxabbli għall-fajl fid-dawl tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża
51 Ir-rekwiżit, imfakkar fil-punti 39 u 41 tas-sentenza preżenti, li wieħed ikun jista’ jressaq b’mod utli l-fehmiet tiegħu dwar provi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha, jippreżumi li d-destinatarji tagħha jingħata l-opportunità li jsir jaf b’dawn il-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Ispas, C-298/16, EU:C:2017:843, punt 31). Il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu għaldaqstant bħala korollarju d-dritt għal aċċess għall-fajl (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, punt 68).
52 Peress li d-destinatarji ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu jkun ingħata l-opportunità li jressaq il-fehmiet tiegħu qabel ma din id-deċiżjoni tittieħed, sabiex, b’mod partikolari, l-awtorità kompetenti titqiegħed f’pożizzjoni li tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod utli l-elementi kollha rilevanti u li, jekk ikun il-każ, dan id-destinatarju jkun jista’ jikkoreġi żball u jsostni b’mod utli tali elementi relattivi għas-sitwazzjoni personali tiegħu, l-aċċess għall-fajl għandu jkun awtorizzat matul il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, ksur tad-dritt għal aċċess għall-fajl imwettaq matul il-proċedura amministrattiva ma jiġix irregolarizzat mis-sempliċi fatt li l-aċċess għall-fajl ikun sar possibbli matul il-proċedura ġudizzjarja li tikkonċerna eventwali rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, EU:C:1999:357, punt 78; tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582, punt 318, kif ukoll tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, punt 104).
53 Minn dan jirriżulta li, f’proċedura amministrattiva tat-taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni kollha tal-fajl li fuqha l-amministrazzjoni tat-taxxa jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Għaldaqstant, meta l-amministrazzjoni tat-taxxa jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq provi miksuba, bħal fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u proċeduri amministrattivi relatati mibdija kontra l-fornituri tagħhha, din il-persuna taxxabbli għandu jkollha aċċess għal dawn il-provi.
54 Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerai fil-punt 59 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jkun permess ukoll li l-persuna taxxabbli jkollha aċċess għad-dokumenti li ma jservux direttament sabiex tiġi bbażata fuqhom id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa, iżda jistgħu jintużaw għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari għall-provi li jistgħu jiskaġunaw li din l-amministrazzjoni setgħet ġabret (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et, C-358/16, EU:C:2018:715, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
55 Madankollu, peress li, hekk kif tfakkar fil-punt 43 tas-sentenza preżenti, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta, iżda jista’ jinkludi restrizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li f’proċedura ta’ stħarriġ tat-taxxa, tali restrizzjonijiet, stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jistgħu jkunu intiżi, fost oħrajn, sabiex jipproteġu l-ħtiġijiet ta’ kunfidenzjalità jew ta’ sigriet professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Ispas, C-298/16, EU:C:2017:843, punt 36), kif ukoll, hekk kif sostna l-Gvern Ungeriż, il-ħajja privata ta’ terzi, l-informazzjoni personali li tikkonċernahom jew l-effettività tal-azzjoni ta’ infurzar, li l-aċċess għal ċerta informazzjoni jew għal ċerti dokumenti jista’ jippreġudikahom.
56 Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, fi proċedura amminisrattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jimponix obbligu ġenerali fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa li tipprovdi aċċess komplut għall-fajl li hija għandha, iżda jeżiġi li l-persuna taxxabbli jkollha l-possibbiltà li tingħata, fuq talba tagħha, l-informazzjoni u d-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv u meħudin inkunsiderazzjoni minn din l-amministrazzjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha, sakemm l-għan ta’ interess ġenerali ma jkunx jiġġustifika li l-aċċess għall-imsemmija informazzjoni u għall-imsemmija dokumenti jkun ristrett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Ispas, C-298/16, EU:C:2017:843, punti 32 u 39). F’dan il-każ tal-aħħar, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa l-obbligu tal-amministrazzjoni tat-taxxa li teżamina jekk aċċess parzjali huwiex possibbli.
57 Isegwi li, meta l-amministrazzjoni tat-taxxa jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq provi miksuba, bħal fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u ta’ proċeduri amministrattivi relatati kontra l-fornituri tal-persuna taxxabbli, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeħtieġ li din tal-aħħar jista’ jkollha aċċess, waqt il-proċeduri li tagħhom tkun is-suġġett, għal dawn il-provi kollha u għal dawk li jistgħu jkunu utli għad-difiża tagħha, sakemm għanijiet ta’ interess ġenerali ma jkunux jiġġustifikaw li dan l-aċċess jiġi ristrett.
58 Prassi tal-amministrazzjoni tat-taxxa li tikkonsisti f’li l-persuna taxxabbli kkonċernata ma tingħata ebda aċċess għal dawn il-provi, u b’mod partikolari, għad-dokumenti li fuqhom huma bbażati l-konstatazzjonijiet imwettqa, għall-proċessi verbali stabbiliti u għad-deċiżjonijiet adottati wara l-proċeduri amministrattivi relatati, u f’li tiġi kkomunikata lilha b’mod indirett, taħt forma ta’ sommarju, parti biss minn dawn il-provi li hija tkun għażlet skont kriterji tagħha stess u li fuqhom hija ma tista’ tagħmel ebda stħarriġ, ma tissodisfax dan ir-rekwiżit.
Fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta
59 Peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq jeħtiġux li l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa li tipproċedi għal aġġustament tal-VAT hijiex awtorizzata tivverifika li l-provi li ġejjin minn proċedura amministrattiva relatata inkisbu f’konformità mad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u li l-konstatazzjonijiet li huma bbażati fuqhom ma jiksrux dawn id-drittijiet, għandu jitfakkar li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta huma intiżi li japplikaw f’tali sitwazzjoni, peress li aġġustament tal-VAT wara l-konstatazzjoni ta’ frodi, bħal dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punti 19 u 27, kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C-419/14, EU:C:2015:832, punt 67).
60 Skont l-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. Kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li jkollha smigħ xieraq.
61 Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali tal-partijiet, li jagħmel parti integrali mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-persuni taxxabbli jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, inkwantu huwa korollarju, bħal b’mod partikolari l-prinċipju ta’ kontradittorju, tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq, jimplika l-obbligu li kull parti tingħata l-possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-każ tagħha, inkluż il-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ sostanzjali meta mqabbla mal-avversarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C-169/14, EU:C:2014:2099, punt 49, u tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C-682/15, EU:C:2017:373, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
62 Dan il-prinċipju għandu l-għan li jiżgura l-ekwilibriju proċedurali bejn il-partijiet f’kawża, billi jiggarantixxi l-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ dawn il-partijiet f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-regoli li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi u t-trattazzjonijiet quddiem il-qorti kif ukoll id-drittijiet għal azzjoni legali ta’ dawn il-partijiet (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones u germanophone et, C-543/14, EU:C:2016:605, punt 41). Sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti relatati mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom għarfien u jkollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-89/08 P, EU:C:2009:742, punt 56).
63 Fis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C-419/14, EU:C:2015:832), li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, provi miksuba fil-kuntest ta’ proċedura kriminali pendenti, mingħajr l-għarfien tal-persuna taxxabbli, permezz ta’ interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet u konfiska ta’ posta elettronika li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta, u tal-użu tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, irrilevat, fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-qorti li twettaq l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk il-provi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni nkisbux u ntużawx bi ksur tad-drittijiet iggarantiti mill-imsemmi dritt u, speċjalment, mill-Karta.
64 Fil-punt 88 ta’ din is-sentenza il-Qorti tal-Ġustizzja rrelevat li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt jekk il-qorti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali li twettaq aġġustament tal-VAT hija awtorizzata tistħarreġ jekk dawn il-provi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni, inkisbux f’dawn il-proċeduri kriminali konformement mad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jew mill-inqas tista’ tiżgura ruħha, abbażi ta’ stħarriġ li diġà twettaq minn qorti kriminali fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja, li l-imsemmija provi nkisbu konformement ma’ dan id-dritt.
65 L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġi wkoll li l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa li tipproċedi għal aġġustament tal-VAT tkun awtorizzata tivverifika jekk il-provi miġbura matul proċedura amministrattiva relatata, li fiha l-persuna taxxabbli ma kinitx parti, u li ntużaw sabiex fuqhom tiġi bbażata din id-deċiżjoni, ma ntużawx bi ksur tad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, speċjalment, mill-Karta. Dan huwa wkoll il-każ meta, bħal fil-kawża prinċipali, dawn il-provi jkunu l-bażi ta’ deċiżjonijiet amministrattivi meħuda fir-rigward ta’ persuni taxxabbli oħra li saru definittivi.
66 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, bħalma jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dikjarazzjonijiet u l-konstatazzjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi ma jistgħux jorbtu lill-qrati.
67 B’mod iktar ġenerali, din il-qorti għandha tkun f’pożizzjoni li tivverifika, fil-kuntest ta’ trattazzjonijiet, il-legalità tal-kisba u tal-użu tal-provi miġbura matul proċeduri amministrattivi relatati mibdija kontra persuni taxxabbli oħrajn kif ukoll il-konstatazzjonijiet imwettqa fid-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda wara dawn il-proċeduri, li huma deċiżivi għall-eżitu tal-kawża. Fil-fatt, l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u l-prinċipju ta’ kontradittorju ma jkunux osservati jekk l-amministrazzjoni tat-taxxa, minħabba li tkun marbuta mid-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ persuni taxxabbli oħra u li jkunu saru definittivi, ma tkunx obbligata tipproduċi dawn il-provi quddiemha, jekk il-persuna taxxabbli ma tkunx tista’ tarahom, jekk il-partijiet ma jkunux jistgħu jitrattaw dwar kemm l-imsemmija provi kif ukoll dawn il-konstatazzjonijiet u jekk l-imsemmija qorti ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikunu bbażati dawn id-deċiżjonijiet u li jkunu deċiżivi għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha tkun adita.
68 Jekk l-imsemmija qorti ma tkunx awtorizzata twettaq din il-verifika u jekk, għaldaqstant, id-dritt għal azzjoni ġudizzjarja ma jkunx effettiv, il-provi miġbura matul proċeduri amministrattivi relatati u l-konstatazzjonijiet imwettqa fid-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda fir-rigward ta’ persuni taxxabbli oħra wara dawn il-proċeduri għandhom ikunu injorati u d-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq dawn il-provi u fuq dawn il-konstatazzjonijiet, għandha tiġi annullata jekk, minħabba f’dan il-fatt, hija tispiċċa mingħajr bażi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C-419/14, EU:C:2015:832, punt 89).
69 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntaq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Direttiva VAT, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni jew prassi ta’ Stat Membru, li tipprovdi li, waqt verifika tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT eżerċitat minn persuna taxxabbli, l-amministrazzjoni tat-taxxa hija marbuta mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt u mill-klassifikazzjonijiet ġuridiċi, diġà mwettqa minnha fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi relatati mibdija kontra fornituri ta’ din il-persuna taxxabbli, li fuqhom huma bbażati deċiżjonijiet li saru definittivi u li jikkonstataw l-eżistenza ta’ frodi tal-VAT imwettqa minn dawn il-fornituri, bil-kundizzjoni li, l-ewwel nett, hija ma teżentax lill-amministrazzjoni tat-taxxa milli tgħarraf lill-persuna taxxabbli bil-provi, inklużi dawk li ġejjin minn dawn il-proċeduri amministrattivi relatati, li abbażi tagħhom hija għandha l-intenzjoni li tieħu deċiżjoni, u li din il-persuna taxxabbli ma tkunx għaldaqstant imċaħħda mid-dritt li timmina b’mod utli, matul il-proċedura li tagħha hija tkun is-suġġett, dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt u dawn il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi, it-tieni nett, li l-imsemmija persuna taxxabbli jkun jista’ jkollha aċċess waqt din il-proċedura għall-provi kollha miġbura matul dawn il-proċeduri amministrattivi relatati jew kwalunkwe proċedura oħra li fuqhom l-imsemmija amministrazzjoni għandha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha jew li jistgħu jintużaw fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, kemm-il darba oġġettivi ta’ interess ġenerali ma jiġġustifikawx ir-restrizzjoni ta’ dan l-aċċess u, it-tielet nett, li l-qorti adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni tkun tista’ tivverifika l-legalità tal-ksib u tal-użu ta’ dawn il-provi kif ukoll il-konstatazzjonijiet imwettqa fid-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda fil-konfront tal-imsemmija fornituri, li huma deċiżivi għall-eżitu tal-kawża.
Fuq l-ispejjeż
70 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni jew prassi ta’ Stat Membru, li tipprovdi li, waqt verifika tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) eżerċitat minn persuna taxxabbli, l-amministrazzjoni tat-taxxa hija marbuta mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt u mill-klassifikazzjonijiet ġuridiċi, diġà mwettqa minnha fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi relatati mibdija kontra fornituri ta’ din il-persuna taxxabbli, li fuqhom huma bbażati deċiżjonijiet li saru definittivi u li jikkonstataw l-eżistenza ta’ frodi tal-VAT imwettqa minn dawn il-fornituri, bil-kundizzjoni li, l-ewwel nett, hija ma teżentax lill-amministrazzjoni tat-taxxa milli tgħarraf lill-persuna taxxabbli bil-provi, inklużi dawk li ġejjin minn dawn il-proċeduri amministrattivi relatati, li abbażi tagħhom hija għandha l-intenzjoni li tieħu deċiżjoni, u li din il-persuna taxxabbli ma tkunx għaldaqstant imċaħħda mid-dritt li timmina b’mod utli, matul il-proċedura li tagħha hija tkun is-suġġett, dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt u dawn il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi, it-tieni nett, li l-imsemmija persuna taxxabbli jkun jista’ jkollha aċċess waqt din il-proċedura għall-provi kollha miġbura matul dawn il-proċeduri amministrattivi relatati jew kwalunkwe proċedura oħra li fuqhom l-imsemmija amministrazzjoni għandha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha jew li jistgħu jintużaw fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, kemm-il darba oġġettivi ta’ interess ġenerali ma jiġġustifikawx ir-restrizzjoni ta’ dan l-aċċess u, it-tielet nett, li l-qorti adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni tkun tista’ tivverifika l-legalità tal-ksib u tal-użu ta’ dawn il-provi kif ukoll il-konstatazzjonijiet imwettqa fid-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda fil-konfront tal-imsemmija fornituri, li huma deċiżivi għall-eżitu tal-kawża.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.