Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
20 ta’ Novembru 2019 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 13A(1)(f) – Eżenzjonijiet – Provvista ta’ servizzi minn gruppi awtonomi ta’ persuni – Servizzi pprovduti lill-membri u lill-persuni li ma humiex membri”
Fil-Kawża C-400/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura
Infohos
vs
L-Istat Belġjan
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur), T. von Danwitz, C. Vajda, u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– Għal Infohos, minn F. Soetaert, advocaat,
– għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u P. Cottin kif ukoll minn C. Pochet, bħala aġenti,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u R. Campos Laires kif ukoll minn P. Barros da Costa u J. Marques, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u W. Roels, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Infohos u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) dwar aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għas-snin 2002 sa 2004.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Is-Sitt Direttiva tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata mis-Sitt Direttiva.
4 Id-disa’ u l-ħdax-il premessa tas-Sitt Direttiva jipprovdu:
“Billi l-bażi taxxabbli għandha tkun armonizzata biex l-applikazzjoni tar-rata tal-Komunità għal operazzjonijiet taxxabbli twassal għal riżultati komparabbli fl-Istati Membri kollha.
[...]
Billi għandha ssir lista komuni ta' eżenzjonijiet sabiex ir-riżorsi tal-Komunitajiet infushom ikunu jistgħu jinġabru b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha”.
5 L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva kien jipprevedi:
“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:
1. il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[...]”
6 L-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Eżenzjonijet fit-territorju tal-pajjiż”, kien jipprovdi:
“A. Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku
1. Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:
[...]
f) servizzi fornuti minn grupp ta’ persuni indipendenti [awtonomi] li l-attivitajiet tagħhom huma eżenti minn jew m’humiex soġġetti għat-taxxa tal-valur miżjud, għall-iskopijiet li jagħtu lill-membri tagħhom is-servizzi neċessarji direttament għall-eżerċizzju ta’ l-attività tagħhom, fejn dawn il-gruppi kemm jitolbu mill-membri tagħhom ħlas lura eżatt tas-sehem tagħhom ta’ l-ispejjeż konġunti, dejjem jekk t-tali eżenzjoni mhux probabbli li twassal għal tfixkil ta’ kompetizzjoni;
[...]”
7 L-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva jikkorrispondi għall-Artikolu 131 u għall-Artikolu 132 (1) (f) tad-Direttiva 2006/112.
Id-dritt Belġjan
8 L-Artikolu 44(2)(1a) tal-Kodiċi tal-VAT, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi li huma eżentati mill-VAT “il-provvista ta’ servizzi pprovduti lill-membri tagħhom mill-gruppi awtonomi ta’ persuni li jeżerċitaw attività eżentata minn dan l-artikolu jew fir-rigward ta’ liema ma għandhomx il-kwalità ta’ persuna taxxabbli, meta dawn is-servizzi huma direttament neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din l-attività, u li l-gruppi jillimitaw ruħhom li jitolbu mill-membri tagħhom ir-rimbors eżatt tas-sehem li jaqa’ fuq kull wieħed minnhom fl-ispejjeż konġunti, bil-kundizzjoni li din l-eżenzjoni ma tkunx tista’ tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni; ir-Re jirregola l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni”.
9 L-Artikolu 2 tal-koninklijk besluit nr. 43 met betrekking tot de vrijstelling op het stuk van de belasting over de toegevoegde waarde ten aanzien van de door zelfstandige groeperingen van personen aan hun leden verleende diensten (id-Digriet Irjali Nru 43 dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi pprovduti lill-membri tagħhom mill-gruppi awtonomi ta’ persuni), tal-5 ta’ Lulju 1991 (Belgisch Staatsblad, tas-6 ta’ Awwissu 1991, p. 17215), kien jipprevedi:
“Il-provvisti ta’ servizzi, ipprovduti lill-membri tagħhom stess minn gruppi awtonomi ta’ persuni previsti mill-Artikolu 1, huma eżentati mit-taxxa bil-kundizzjoni li:
1 l-attivitajiet tal-grupp jikkonsistu esklużivament fl-għoti ta’ provvisti ta’ servizzi direttament lill-membri tiegħu stess, u li dawn kollha jwettqu attività eżenti bis-saħħa tal-Artikolu 44 tal-Kodiċi jew li għaliha ma humiex persuni taxxabbli”.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 Infohos hija assoċjazzjoni speċjalizzata fl-informatika tal-isptarijiet. Hija tipprovdi, minn naħa, provvista ta’ servizzi ta’ informatika tal-isptar lill-isptarijiet li huma affiljati magħha bħala membri u, min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ servizzi lil persuni li ma humiex membri.
11 Fil-5 ta’ Settembru 2000, hija kkonkludiet ftehim ta’ kooperazzjoni mal-kumpannija IHC-Group NV, sabiex tiżviluppa flimkien, iżda fuq ordni ta’ Infohos, is-softwer ta’ applikazzjoni ġdid jew innovattiv għall-isptarijiet li huma affiljati magħha bħala membri.
12 Infohos ma ddikjaratx ruħha bħala persuna taxxabbli għall-VAT minħabba li hija qieset li ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala tali skont l-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-VAT jew li, tal-inqas, hija setgħet tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 44(2)(1a) ta’ dan il-kodiċi.
13 Wara stħarriġ li sar fil-20 ta’ April 2005 mill-amministrazzjoni fiskali, din tal-aħħar ikkunsidrat li s-servizzi li kienu jipprovdu lil xulxin Infohos u IHC-Group kellhom jiġu suġġetti għall-VAT. Barra minn hekk, skont l-amministrazzjoni fiskali, it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli fir-rigward ta’ persuni li ma humiex membri kellu bħala konsegwenza li t-tranżazzjonijiet imwettqa għall-membri ta’ Infohos kellhom ukoll ikunu suġġetti għall-VAT, peress li Infohos ma tistax tibbenefika iktar mill-eżenzjoni għas-servizzi pprovduti lill-membri tagħha skont l-Artikolu 44(2)(1a) tal-Kodiċi tal-VAT.
14 Fit-13 ta’ Diċembru 2005, l-amministrazzjoni fiskali ppreparat proċess verbal li jikkonstata dan il-ksur u, sussegwentement, ħarġet restrizzjoni, li ġiet iddikjarata eżekuttiva.
15 Fit-22 ta’ Mejju 2007, permezz ta’ talba kontradittorja mressqa quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg Brugge (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Bruges, il-Belġju), Infohos talbet lil din il-qorti tiddikjara din it-talba ammissibbli u fondata u, għaldaqstant, tissospendi l-eżekuzzjoni tar-restrizzjoni maħruġa mill-amministrazzjoni fiskali, tiddeċiedi li s-somom mitluba ma kinux dovuti, u, sussidjarjament, li tordna l-maħfra tal-multi imposti jew, tal-inqas, li tnaqqas sostanzjalment, li tordna r-rimbors tas-somom kollha li kienu ġew irċevuti abbażi ta’ din ir-restrizzjoni, flimkien mal-interessi moratorji, kif ukoll tikkundanna lill-Istat Belġjan għall-ispejjeż.
16 Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Frar 2009, ir-rechtbank van eerste aanleg Brugge (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Bruges) iddeċidiet li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 44(2)(1a) tal-Kodiċi tal-VAT ma kinux issodisfatti u li Infohos kienet responsabbli għall-ħlas tal-VAT għas-servizzi kollha pprovduti kemm lill-membri tagħha kif ukoll lil dawk li ma humiex membri.
17 Infohos appellat minn din is-sentenza quddiem il-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent, il-Belġju).
18 Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, din il-qorti ddeċidiet li Infohos ma setgħetx tipprevalixxi ruħha mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 44(2)(1a) tal-Kodiċi tal-VAT, taħt piena ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li Infohos, bħala persuna taxxabbli mħallta fis-sens tal-Artikolu 46 tal-Kodiċi tal-VAT, kienet korretta meta ressqet kawża għal ħlas lura kontra l-Istat Belġjan.
19 L-amministrazzjoni fiskali għalhekk għamlet appell fil-kassazzjoni quddiem il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju).
20 Permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2014, din il-qorti annullat is-sentenza tal-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent) minħabba li kien kontradittorju li jiġi deċiż, minn naħa, li Infohos ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 44(2)(1a) tal-Kodiċi tal-VAT u li għalhekk kellha tiġi kkunsidrata bħala li għandha l-istatus ta’ persuna taxxabbli totali u, min-naħa l-oħra, li hija setgħet ġustament tinvoka l-istatus ta’ persuna taxxabbli mħallta.
21 Il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni) rreferiet il-kawża quddiem il-Hof van Beroep Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju).
22 Permezz ta’ sentenza tat-20 ta’ Settembru 2016, din l-aħħar qorti ddeċidiet li Infohos ma setgħetx tinvoka l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 44(2)(1a) tal-Kodiċi tal-VAT peress li kienet tipprovdi wkoll provvisti ta’ servizzi lil persuni li ma humiex membri.
23 Infohos ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni) minħabba, b’mod partikolari, li l-kundizzjoni tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-VAT, li kienet tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali Nru 43, li l-grupp awtonomu ta’ persuni seta’ jipprovdi servizzi esklużivament lill-membri tiegħu, ma kinitx inkluża fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva u għalhekk kienet tmur kontra din id-dispożizzjoni.
24 Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen) iddeċidiet li minn interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, u b’mod partikolari mill-kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, li tgħid li l-gruppi awtonomi ta’ persuni sempliċement jitolbu mill-membri tagħhom ir-rimbors eżatt tas-sehem tagħhom fl-ispejjeż konġunti, li hija teskludi li l-provvista ta’ servizzi tiġi pprovduta wkoll minn dawn il-gruppi lil persuni li ma kinux membri tagħhom. Il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen) ikkunsidrat ukoll li, peress li hija ma kinitx tillimita ruħha li tipprovdi servizzi lill-membri tagħha, iżda li hija kienet ipproċediet ukoll għall-kummerċjalizzazzjoni tas-softwer ta’ applikazzjoni mingħand terzi, Infohos ma setgħetx tinvoka l-eżenzjoni fir-rigward tal-attivitajiet kollha tagħha.
25 Il-kontestazzjoni hekk imqajma ma tistax, skont il-qorti tar-rinviju, tiġi solvuta ħlief b’interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 13A(1)(f) [tas-Sitt Direttiva] li sar l-Artikolu 132(1)(f) tad-[Direttiva 2006/112], għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri li mal-eżenzjoni stabbilita minnu tiżdied kundizzjoni ta’ esklużività li għandha bħala effett li grupp awtonomu li jipprovdi wkoll servizzi lil persuni mhux membri jkun suġġett b’mod sħiħ għall-VAT, anki għas-servizzi li jipprovdi lill-membri tiegħu?”
Fuq id-domanda preliminari
27 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT għall-kundizzjoni li l-gruppi awtonomi ta’ persuni jipprovdu servizzi esklużivament lill-membri tagħhom, li għandu bħala effett li tali gruppi li jipprovdu wkoll servizzi lil persuni li ma humiex membri huma kompletament suġġetti għall-VAT, inkluż għas-servizzi li jipprovdu lill-membri tagħhom.
28 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 13(A)(1)(f) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu bil-għan li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi tal-eżenzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni u sabiex jipprevjenu kull frodi, evażjoni u abbuż eventwali, il-provvisti ta’ servizzi mwettqa minn gruppi awtonomi ta’ persuni li jeżerċitaw attività eżentata jew li fir-rigward tagħhom ma għandhomx il-kwalità ta’ persuna taxxabbli, sabiex jagħtu lill-membri tagħhom is-servizzi meħtieġa direttament għall-eżerċizzju ta’ din l-attività, meta dawn il-gruppi kemm jitolbu mill-membri tagħhom ir-rimbors eżatt tas-sehem tagħhom fl-ispejjeż konġunti, sakemm din l-eżenzjoni ma tkunx tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni.
29 F’dan ir-rigward, mid-disa’ u mill-ħdax-il premessa tas-Sitt Direttiva jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża li tarmonizza l-valur taxxabbli tal-VAT u li l-eżenzjonijiet ta’ din it-taxxa jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, għandhom jitqiegħdu fil-kuntest ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mill-imsemmija direttiva (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing, C-407/07, EU:C:2008:713, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li t-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, peress illi dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li jipprevedi li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini għandha tkun konformi mal-għanijiet segwiti mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Għalhekk, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 13 għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effetti tagħhom. L-għan tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex li timponi interpretazzjoni li tagħmel l-eżenzjonijiet previsti kważi inapplikabbli fil-prattika (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing, C-407/07, EU:C:2008:713, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, hekk kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija intiża għall-provvista ta’ servizzi magħmula minn gruppi awtonomi ta’ persuni għall-benefiċċju tal-membri tagħhom. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax minn din il-formulazzjoni li l-provvista ta’ servizzi li tali gruppi jipprovdu favur il-membri tagħhom huma esklużi mill-imsemmija eżenzjoni, meta dawn il-gruppi jipprovdu, barra minn hekk, ukoll servizzi lil persuni li ma humiex membri.
32 Għalhekk, għalkemm, skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmija eżenzjoni tista’ tingħata biss għall-provvista ta’ servizzi pprovduti minn gruppi awtonomi ta’ persuni lill-membri tagħhom, ma jistax jiġi dedott mill-kliem tagħha li din tista’ tiġi applikata biss jekk dawn il-gruppi huma obbligati li jipprovdu servizzi lill-membri tagħhom biss.
33 Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C-197/18, EU:C:2019:824, punt 48).
34 Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 13A ta’ din id-direttiva hija intitolata “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku” u tidher taħt it-Titolu X ta’ din id-direttiva dwar l-eżenzjonijiet. Dan it-titolu jindika li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(f) tal-imsemmija direttiva tirreferi biss għall-gruppi awtonomi ta’ persuni li l-membri tagħhom jeżerċitaw attivitajiet ta’ interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-616/15, EU:C:2017:721, punt 44).
35 Issa, dan il-kuntest ma jurix elementi li minnhom jirriżulta li l-imsemmija eżenzjoni hija limitata biss għall-gruppi awtonomi ta’ persuni li jipprovdu servizzi esklużivament għall-benefiċċju tal-membri tagħhom.
36 Fir-rigward tal-iskop tal-Artikolu 13(A)(1)(f) tas-Sitt Direttiva, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża li tistabbilixxi eżenzjoni mill-VAT sabiex jiġi evitat li l-persuna li toffri ċerti servizzi tkun suġġetta għall-ħlas tal-imsemmija taxxa meta hija kellha tikkollabora ma’ professjonisti oħra permezz ta’ struttura komuni responsabbli għall-attivitajiet neċessarji għat-twettiq tal-imsemmija servizzi (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing, C-407/07, EU:C:2008:713, punt 37).
37 B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(A)(1)(f) tas-Sitt Direttiva, jikkonsisti fl-eżenzjoni mill-VAT ta’ ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal ċerti servizzi kif ukoll il-provvista ta’ ċerti beni, billi jiġu evitati l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-issuġġettar tagħhom għall-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2016, TMD, C-412/15, EU:C:2016:738, punt 30, u tal-21 ta’ Settembru 2017, Aviva, C-605/15, EU:C:2017:718, punt 28).
38 Skont id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva hija sistematikament miċħuda għall-provvista ta’ servizzi pprovduta lil membri tagħhom minn gruppi awtonomi ta’ persuni meta dawn jipprovdu wkoll provvisti ta’ servizzi lil persuni li ma humiex membri, fejn is-servizzi kollha huma suġġetti għall-VAT.
39 Madankollu, jekk grupp awtonomu ta’ persuni, bħalma hija Infohos, tipprovdi wkoll provvisti ta’ servizzi lil persuni mhux membri, xorta jibqa’ l-fatt li l-provvista ta’ servizzi li hija tipprovdi lill-membri tagħha jikkontribwixxu direttament għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ interess pubbliku previsti fl-imsemmija dispożizzjoni. Issa, il-provvista ta’ servizzi pprovduti minn grupp awtonomu ta’ persuni jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, meta dawn jikkontribwixxu direttament għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ interess pubbliku msemmija fl-Artikolu 13(A)(1) tas-Sitt Direttiva.
40 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li jiġi rrifjutat lil grupp awtonomu ta’ persuni, li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, il-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa jipprovdi wkoll servizzi lil persuni li ma humiex membri jkollu bħala effett li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, billi jeskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT servizzi pprovduti minn dan il-grupp lill-membri tiegħu, peress li tali limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ma hijiex ikkonfermata mill-għan ta’ din id-direttiva kif imfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing, C-407/07, EU:C:2008:713, punti 36 u 37).
41 Għalhekk, applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-provvisti ta’ servizzi pprovduti minn grupp awtonomu ta’ persuni favur direttament il-membri tagħha stess, li għandhom jeżerċitaw attività eżentata jew li fir-rigward tagħha ma għandhomx il-kwalità ta’ persuna taxxabbli, hija konformi mal-għan tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, peress li dan l-għan ma jipprekludix tali grupp li jipprovdi servizzi lil persuni li ma humiex membri.
42 Dan premess, huma eżentati, skont l-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, biss il-provvista ta’ servizzi pprovduti lill-membri tal-grupp awtonomu ta’ persuni, peress li dawn is-servizzi jibqgħu pprovduti fil-kuntest tal-għanijiet li għalihom tali grupp ġie stabbilit u għalhekk huma offruti b’mod konformi mas-suġġett ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing, C-407/07, EU:C:2008:713, punt 39). F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-servizzi pprovduti minn Infohos jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva.
43 Min-naħa l-oħra, il-provvisti ta’ servizzi pprovduti lil persuni li ma humiex membri ma jistgħux jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni u jibqgħu suġġetti għall-VAT. Fil-fatt, peress li tali provvisti ta’ servizzi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-imsemmija provvisti ta’ servizzi, imwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, għandhom ikunu suġġetti għall-VAT.
44 B’hekk, fid-dawl tal-kliem u l-iskop tiegħu, l-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-provvista ta’ servizzi kkonċernati jiġu offruti esklużivament lill-membri ta’ grupp awtonomu ta’ persuni kkonċernat.
45 Il-Gvern Belġjan isostni li l-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn din il-leġiżlazzjoni hija intiża sabiex tipprevjeni kull distorsjoni tal-kompetizzjoni skont il-kundizzjoni prevista f’din l-istess dispożizzjoni.
46 Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13A(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika sakemm ma tistax tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni.
47 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li hija l-eżenzjoni tal-VAT fiha nnifisha li ma tistax tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u dan f’suq li fih il-kompetizzjoni hija fi kwalunkwe każ affettwata minħabba l-preżenza ta’ attur li jagħti servizzi lill-membri tiegħu u li t-tfittxija għal benefiċċji hija pprojbita. Huwa għalhekk il-fatt li l-provvisti ta’ servizzi mwettqa minn grupp huma eżentati, u mhux il-fatt li dan il-grupp jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li għandu jkun jista’ jikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni sabiex din l-eżenzjoni tkun tista’ tiġi rrifjutata (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen, C-8/01, EU:C:2003:621, punt 58).
48 Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT għandu jiġi rrifjutat jekk ikun hemm riskju reali li l-eżenzjoni waħedha, immedjatament jew fil-futur, tkun tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen, C-8/01, EU:C:2003:621, punt 64).
49 Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni, għal attività partikolari, tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva tistax tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa ċertament possibbli għal-leġiżlatur nazzjonali li jipprevedi regoli li huma faċilment amministrati u kkontrollati mill-awtoritajiet kompetenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-616/15, EU:C:2017:721, punt 65).
50 Madankollu, il-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ma tippermettix li jiġi limitat, b’mod ġenerali, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, C-616/15, EU:C:2017:721, punt 67).
51 Issa, dan huwa preċiżament l-effett tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi preżunzjoni ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tillimita, b’mod ġenerali, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, billi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT jiġu esklużi s-servizzi pprovduti mill-gruppi awtonomi ta’ persuni lill-membri tagħhom meta huma jipprovdu wkoll servizzi lil persuni li ma humiex membri, filwaqt li, hekk kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, dawn is-servizzi tal-aħħar ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni u għandhom għalhekk ikunu suġġetti għall-VAT.
52 Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan isostni li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li tiġi evitata kull frodi, kull evażjoni u kull abbuż eventwali.
53 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm skond il-frażi introduttiva tal-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara u sabiex jimpedixxu kwalunkwe evażjoni, evażjoni jew abbuż possibbli, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jaffettwaw id-definizzjoni tal-kontenut ta’ l-eżenzjonijiet ipprovduti (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 39) Issa, dan huwa preċiżament l-effett tal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jistabbilixxu, fir-rigward tal-gruppi awtonomi ta’ persuni li jipprovdu servizzi anki lil persuni li ma humiex membri, preżunzjoni ġenerali u inkonfutabbli ta’ frodi, ta’ abbuż jew ta’ evażjoni fiskali, mingħajr madankollu ma jidentifikaw preċiżament it-tip ta’ abbuż, ta’ frodi jew ta’ evażjoni fiskali li din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tipprevjeni.
54 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT għall-kundizzjoni li l-gruppi awtonomi ta’ persuni jipprovdu servizzi esklużivament lill-membri tagħhom, li għandu bħala effett li tali gruppi li jipprovdu wkoll servizzi lil persuni li ma humiex membri huma kompletament suġġetti għall-VAT, inkluż għas-servizzi li jipprovdu lill-membri tagħhom.
Fuq l-ispejjeż
55 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
l-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT għall-kundizzjoni li l-gruppi awtonomi ta’ persuni jipprovdu servizzi esklużivament lill-membri tagħhom, li għandu bħala effett li tali gruppi li jipprovdu wkoll servizzi lil persuni li ma humiex membri huma kompletament suġġetti għall-VAT, inkluż għas-servizzi li jipprovdu lill-membri tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.