Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
27 ta’ Frar 2020 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Trasferiment tas-sede ta’ ġestjoni effettiva ta’ kumpannija fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-kostituzzjoni tagħha – Trasferiment ta’ residenza fiskali lejn dan l-Istat Membru l-ieħor – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix li jiġi invokat it-telf ta’ taxxa mġarrab fl-Istat Membru ta’ kostituzzjoni qabel it-trasferiment tas-sede”
Fil-Kawża C-405/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura
AURES Holdings a.s.
vs
Odvolací finanční ředitelství,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby u K. Jürimäe (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal AURES Holdings a.s., minn M. Olík, advokát,
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn J. Möller, R. Kanitz u T. Henze, sussegwentement minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,
– għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u C. Mosser, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, H. S. Gijzen u L. Noort, bħala aġenti,
– għall-Gvern Svediż, minn C. Meyer-Seitz, A. Falk, H. Shev, J. Lundberg u H. Eklinder, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, inizjalment minn R. Fadoju u F. Shibli, sussegwentement minn dan tal-aħħar, bħala aġenti, assistiti minn B. McGurk u D. Yates kif ukoll minn L. Ruxandu, barristers,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Salyková u N. Gossement kif ukoll minn H. Støvlbæk u L. Malferrari, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 52 u 54 TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AURES Holdings a.s. u l-Odvolací finanční ředitelství (id-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi, ir-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Appell”) rigward ir-rifjut tiegħu li jippermetti lil din il-kumpannija li tnaqqas telf ta’ taxxa li hija ġarrbet fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Ċeka.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 34 taz-zákon č. 586/1992 Sb., o daních z příjmи (il-Liġi Nru 586/1992 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul”), intitolat “Elementi li jistgħu jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“It-telf ta’ taxxa li jkun ġie mġarrab u stabbilit skont is-sena ta’ tassazzjoni preċedenti jew parti minnha jista’ jitnaqqas mill-bażi taxxabbli, u dan mhux iktar tard matul il-ħames snin ta’ tassazzjoni immedjatament konsekuttivi għall-perijodu li għalih it-telf ikun ġie stabbilit. [...]”
4 Skont l-Artikolu 38n(1) u (2) ta’ din il-liġi intitolat “Telf ta’ taxxa”:
“(1) Jekk l-infiq (spejjeż) aġġustat konformement mal-Artikolu 23 ikun ogħla mid-dħul aġġustat konformement mal-istess artikolu, id-differenza kkonstatata tikkorrispondi għal telf ta’ taxxa.
(2) It-trattament tat-telf ta’ taxxa jixbah dak tat-taxxa. Madankollu, it-telf ta’ taxxa mġarrab u stabbilit fir-rigward ta’ kumpannija taxxabbli xolta mingħajr stralċ ma jiġix ittrasferit lis-suċċessur legali tagħha, ħlief għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23a(5)(b) u fl-Artikolu 23c(8)(b). It-telf ta’ taxxa huwa stabbilit mill-amministrazzjonai fiskali. It-tnaqqis ta’ telf ta’ taxxa jsegwi mutatis mutandis l-istess proċedura bħaż-żieda ta’ taxxa. Iż-żieda ta’ telf ta’ taxxa ssegwi mutatis mutandis l-istess proċedura bħat-tnaqqis fiskali. L-ammont tat-telf ta’ taxxa huwa arrotondat għall-unità ogħla.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
5 AURES Holdings, li qabel kienet AAA Auto International a.s., issuċċediet lil AAA Auto Group NV (iktar ’il quddiem, flimkien, “Aures”), kumpannija kkostitwita skont id-dritt Olandiż, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha u s-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha kienu jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi, u dan kien jagħmilha residenti fiskali Olandiża.
6 Għas-sena finanzjarja 2007, Aures ġarrbet, fil-Pajjiżi l-Baxxi, telf fl-ammont ta’ EUR 2 792 187, li ġie stabbilit mill-amministrazzjoni fiskali Olandiża skont il-leġiżlazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat Membru.
7 Fl-1 ta’ Jannar 2008, Aures ħolqot, fir-Repubblika Ċeka, fergħa, li tikkostitwixxi, skont id-dritt Ċek, stabbiliment permanenti ta’ din il-kumpannija mingħajr personalità ġuridika proprja u li l-attività tagħha hija taxxabbli f’dan l-Istat Membru.
8 Fl-1 ta’ Jannar 2009, Aures ittrasferixxiet is-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn ir-Repubblika Ċeka u, b’mod iktar speċifiku, fl-indirizz tal-imsemmija fergħa. Minħabba dan it-trasferiment, Aures ittrasferixxiet ukoll ir-residenza fiskali tagħha mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn ir-Repubblika Ċeka, b’effett minn din l-istess data. Issa, hija teżerċita l-attivitajiet kollha tagħha permezz ta’ din l-istess fergħa.
9 Min-naħa l-oħra, Aures żammet l-uffiċċju rreġistrat tagħha u r-reġistrazzjoni tagħha fir-Reġistru tal-Kummerċ f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi). Għalhekk, hija tibqa’ rregolata, fir-rigward tar-relazzjonijiet interni tagħha, mid-dritt Olandiż.
10 Fid-dawl ta’ dan it-trasferiment tas-sede ta’ ġestjoni effettiva u, b’hekk, ta’ residenza fiskali, Aures talbet lill-amministrazzjoni fiskali Ċeka li tkun tista’ tnaqqas mill-bażi taxxabbli fuq il-kumpanniji li hija kellha tħallas għas-sena finanzjarja 2012 it-telf li hija kienet ġarrbet fil-Pajjiżi l-Baxxi għas-sena finanzjarja 2007.
11 Fi tmiem ta’ proċedura ta’ kjarifika u ta’ regolazzjoni, miftuħa fid-19 ta’ Marzu 2014, l-amministrazzjoni fiskali Ċeka kkunsidrat li dan it-telf ma setax jiġi invokat bħala element li jitnaqqas mill-bażi taxxabbli skont l-Artikolu 38n tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul. Skont din l-amministrazzjoni, Aures hija, bħala residenti fiskali Ċeka, taxxabbli abbażi tad-dħul dinji tagħha konformement mal-leġiżlazzjoni fiskali Ċeka. Madankollu, mill-bażi taxxabbli hija tista’ tnaqqas biss telf li joriġina minn attività ekonomika fir-Repubblika Ċeka u li kien ġie stabbilit konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, peress li din il-liġi ma tirregolax it-tnaqqis ta’ telf ta’ taxxa f’każ ta’ bidla ta’ residenza fiskali u ma tippermettix it-trasferiment ta’ tali telf minn Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Ċeka.
12 Għaldaqstant, l-amministrazzjoni fiskali Ċeka, f’avviż ta’ taxxa tal-11 ta’ Settembru 2014, stabbilixxiet it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn Aures għas-sena finanzjarja 2012 mingħajr ma naqset it-telf imġarrab għas-sena finanzjarja 2007 mill-bażi ta’ din it-taxxa.
13 Aures ressqet ilment kontra dan l-avviż ta’ taxxa, li ġie miċħud mid-Direttorat tal-Appell, u sussegwentement rikors quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), fejn ġie wkoll miċħud.
14 L-amministrazzjoni fiskali Ċeka, id-Direttorat tal-Appell u l-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga), minn naħa, irrilevaw li la l-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u lanqas il-ftehim konkluż, fit-22 ta’ Novembru 1974, bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kienu intiżi sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja u l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-patrimonju, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-31 ta’ Mejju 2013, u lanqas ma kienu jippermettu t-trasferiment transkonfinali ta’ telf ta’ taxxa fil-każ ta’ trasferiment tas-sede ta’ ġestjoni effettiva ta’ kumpannija, ħlief f’ipoteżijiet speċifiċi li ma humiex rilevanti f’dan il-każ. Id-dispożizzjonijiet ġenerali li jinsabu fl-Artikoli 34 u 38n ta’ din il-liġi ma jippermettux li jitnaqqas telf li ma ġiex stabbilit konformement mal-leġiżlazzjoni Ċeka.
15 Min-naħa l-oħra, dawn l-awtoritajiet u din il-qorti qiesu li, kuntrarjament għall-argumenti ta’ Aures, l-impossibbiltà li jitnaqqas it-telf inkwistjoni ma kinitx tmur kontra l-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fehma tagħhom, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763), tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785), kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2013, A (C-123/11, EU:C:2013:84), invokati minn Aures, kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet oġġettivament differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Filwaqt li rrefera għas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium (C-414/06, EU:C:2008:278), id-Direttorat tal-Appell qies li, fil-kawża prinċipali, kien jeżisti riskju reali ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf ta’ taxxa mġarrab għas-sena finanzjarja 2007.
16 Aures ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka).
17 Quddiem din il-qorti, Aures issostni li t-trasferiment transkonfinali tas-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u li l-impossibbiltà, għaliha, li tnaqqas fir-Repubblika Ċeka t-telf imġarrab għas-sena finanzjarja 2007, telf li hija ma tistax iktar tinvoka fil-Pajjiżi l-Baxxi, tikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata għal din il-libertà.
18 L-imsemmija qorti tenfasizza li l-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ma tippermettix lil kumpannija li, bħal fil-każ ta’ Aures, ittrasferixxiet, fir-Repubblika Ċeka, is-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha minn Stat Membru ieħor, li tinvoka telf ta’ taxxa mġarrab f’dan l-aħħar Stat. Trasferiment ta’ telf ta’ taxxa huwa possibbli biss fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali speċifikament imsemmija minn din il-liġi, li ma humiex rilevanti fil-kawża prinċipali.
19 Sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li għalhekk huwa neċessarju li jiġu indirizzati l-argumenti li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment.
20 F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi stabbilit jekk din il-libertà hijiex applikabbli f’ipoteżi ta’ trasferiment transkonfinali tas-sede ta’ ġestjoni effettiva ta’ kumpannija.
21 Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma tippermettix lil kumpannija li tinvoka, fl-Istat Membru ospitanti, telf imġarrab fl-Istat Membru ta’ oriġini qabel it-trasferiment tas-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha lejn l-Istat Membru ospitanti, hijiex kompatibbli mal-imsemmija libertà. Filwaqt li tirrileva, bħala prinċipju, li l-qasam tat-taxxi diretti ma huwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni u li l-Istati Membri huma sovrani fil-qasam, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din l-istess libertà tfissirx li t-trasferiment ta’ residenza fiskali minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor għandux dejjem ikun newtrali fil-livell fiskali.
22 Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Jista’ l-kunċett ta’ libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE jinftiehem li jkopri trasferiment sempliċi tal-amministrazzjoni ta’ kumpannija minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor?
2) Jekk dan huwa l-każ, liġi nazzjonali li ma tippermettix li entità minn Stat Membru ieħor, meta din tkun qed tittrasferixxi l-post tal-kummerċ jew is-sede ta’ amministrazzjoni lir-Repubblika Ċeka, tinvoka telf għal skop ta’ taxxa sostnut f’dak l-Istat Membru l-ieħor, tmur kontra l-Artikolu 49, l-Artikolu 52 u l-Artikolu 54 TFUE?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
23 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru, li tittrasferixxi s-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor mingħajr ma dan it-trasferiment jaffettwa l-kwalità tagħha bħala kumpannija kkostitwita skont id-dritt tal-ewwel Stat Membru, tistax tinvoka dan l-artikolu sabiex tikkontesta r-rifjut, fl-Istat Membru l-ieħor, tar-riport ta’ telf preċedenti għall-imsemmi trasferiment.
24 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jagħti l-benefiċċju tal-libertà ta’ stabbiliment lill-kumpanniji kkostitwiti konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea.
25 B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru, li tittrasferixxi s-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma dan it-trasferiment ta’ sede jaffettwa l-kwalità tagħha bħala kumpannija tal-ewwel Stat Membru, tista’ tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 49 TFUE għall-finijiet, b’mod partikolari, li tikkontesta l-konsegwenzi fiskali marbuta ma’ dan it-trasferiment fl-Istat Membru ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 33).
26 Bl-istess mod, tali kumpannija tista’, f’tali ċirkustanzi, tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 49 TFUE sabiex tikkontesta t-trattament fiskali rriżervat lilha mill-Istat Membru li lejh hija tittrasferixxi s-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha. It-trasferiment transkonfinali ta’ din is-sede jaqa’, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.
27 Fil-fatt, kull interpretazzjoni oħra tmur kontra l-formulazzjoni stess tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment, li b’mod partikolari huma intiżi sabiex jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, C-9/02, EU:C:2004:138, punt 42, kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 16).
28 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel domanda tiġi risposta li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru, li tittrasferixxi s-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor mingħajr ma dan it-trasferiment jaffettwa l-kwalità tagħha bħala kumpannija kkostitwita skont id-dritt tal-ewwel Stat Membru, tista’ tibbaża ruħha fuq dan l-artikolu sabiex tikkontesta r-rifjut, fl-Istat Membru l-ieħor, tar-riport tat-telf preċedenti għall-imsemmi trasferiment.
Fuq it-tieni domanda
29 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi l-possibbiltà għal kumpannija, li tkun ittrasferixxiet is-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha u, b’dan il-mod, ir-residenza fiskali tagħha f’dan l-Istat Membru, li tinvoka telf ta’ taxxa mġarrab, qabel dan it-trasferiment, fi Stat Membru ieħor, li fih hija żżomm l-uffiċċju rreġistrat tagħha.
30 Il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 49 TFUE jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, tinkludi, skont l-Artikolu 54 TFUE, għall-kumpanniji kkostitwiti konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stati Membri oħra permezz ta’ sussidjarja, permezz ta’ fergħa jew permezz ta’ aġenzija.
31 Hekk kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti.
32 Min-naħa l-oħra, it-Trattat ma jiggarantixxix lil kumpannija li taqa’ taħt l-Artikolu 54 TFUE li t-trasferiment tas-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha minn Stat Membru lejn ieħor ikun newtrali fil-qasam tat-tassazzjoni. Fid-dawl tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam, trasferiment bħal dan jista’, skont il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż jew żvantaġġuż għal kumpannija fil-livell tat-tassazzjoni. Għalhekk, il-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru għandu l-obbligu li jistabbilixxi r-regoli fiskali tiegħu skont dawk ta’ Stat Membru ieħor sabiex tiġi ggarantita, fis-sitwazzjonijiet kollha, tassazzjoni li telimina kull diskrepanza li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-possibbiltà offruta mid-dritt ta’ Stat Membru lil kumpannija residenti li tinvoka telf imġarrab f’dan l-Istat Membru matul perijodu ta’ tassazzjoni partikolari, sabiex dan it-telf jitnaqqas mill-profitt taxxabbli magħmul minn tali kumpannija matul perijodi ta’ tassazzjoni sussegwenti, tikkostitwixxi vantaġġ fiskali.
34 Il-fatt li jiġi eskluż mill-benefiċċju ta’ dan il-vantaġġ it-telf li kumpannija, residenti fi Stat Membru, iżda kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor, ġarrbet f’dan l-Istat Membru l-ieħor matul perijodu ta’ tassazzjoni li matulu hija kienet residenti fih, filwaqt li l-imsemmi vantaġġ jingħata lil kumpannija residenti fl-ewwel Stat Membru li fih kienet ġarrbet telf, matul l-istess perijodu, jikkostitwixxi differenza fit-trattament fiskali.
35 Minħabba din id-differenza fit-trattament, kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru tista’ tiġi dissważa milli tittrasferixxi s-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha fi Stat Membru ieħor sabiex teżerċita fih l-attivitajiet ekonomiċi tagħha.
36 Tali differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru għad-dannu tal-kumpanniji li jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment tagħhom tista’ tiġi aċċettata biss jekk tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Nordea Bank Danmark, C-48/13, EU:C:2014:2087, punt 23, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland, C-388/14, EU:C:2015:829, punt 26).
37 Fir-rigward tal-ewwel ipoteżi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkonsiderazzjoni l-għan li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
38 F’dan il-każ, mid-dokumenti tal-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, billi tipprevedi l-impossibbiltà għal kumpannija li tinvoka, fl-Istat Membru li fih issa hija residenti, it-telf imġarrab matul perijodu ta’ tassazzjoni li fih hija kienet residenti fiskali ta’ Stat Membru ieħor, il-leġiżlazzjoni Ċeka hija intiża, essenzjalment, li tippreżerva t-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u sabiex tipprevjeni r-riskji ta’ tnaqqis doppju tat-telf.
39 Fir-rigward ta’ miżura li ssegwi tali għanijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli kumpannija residenti ta’ Stat Membru li ġarrbet telf fih u kumpannija li ttrasferixxiet is-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha u, għaldaqstant, ir-residenza fiskali tagħha f’dan l-Istat Membru wara li ġarrbet telf matul perijodu ta’ tassazzjoni li matulu hija kienet residenti fiskali ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma kellha ebda preżenza fl-ewwel Stat Membru.
40 Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija li topera tali trasferiment hija suġġetta suċċessivament għall-kompetenza fiskali ta’ żewġ Stati Membri, jiġifieri, minn naħa, l-Istat Membru ta’ oriġini, għall-perijodu ta’ tassazzjoni li matulu rriżulta t-telf, u, min-naħa l-oħra, l-Istat Membru ospitanti, għall-perijodu ta’ tassazzjoni li matulu din il-kumpannija titlob it-tnaqqis ta’ dan it-telf.
41 Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ kompetenza fiskali tal-Istat Membru ospitanti għall-perijodu ta’ tassazzjoni li matulu t-telf inkwistjoni rriżulta, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija, li ttrasferixxiet ir-residenza fiskali tagħha f’dan l-Istat Membru u li fih sussegwentement tinvoka telf li kienet preċedentement ġarrbet fi Stat Membru ieħor, ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ kumpannija li r-riżultati tagħha jaqgħu taħt il-kompetenza fiskali tal-ewwel Stat Membru fir-rigward tal-perijodu ta’ tassazzjoni li matulu din l-aħħar kumpannija ġarrbet telf (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland, C-388/14, EU:C:2015:829, punt 65).
42 Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li kumpannija li tkun ittrasferixxiet ir-residenza fiskali tagħha minn Stat Membru għal ieħor taqa’ suċċessivament taħt il-kompetenza fiskali ta’ żewġ Stati Membri hija ta’ natura li toħloq riskju ikbar ta’ teħid inkunsiderazjoni doppju tat-telf, peress li tali kumpannija tista’ titwassal sabiex tinvoka l-istess telf quddiem awtoritajiet ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri.
43 Fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea madankollu osservaw, essenzjalment, li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock (C-650/16, EU:C:2018:424, punt 38), il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tiddependi min-natura definittiva tat-telf inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
44 Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward tat-telf attribwibbli lil stabbiliment permanenti mhux residenti, li jkun temm kull attività u li t-telf tiegħu ma setax u ma jistax jitnaqqas iżjed mill-profitt taxxabbli tiegħu fl-Istat Membru fejn huwa eżerċita l-attività tiegħu, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija residenti li żżomm tali stabbiliment ma hijiex differenti minn dik ta’ kumpannija residenti li żżomm stabbiliment permanenti residenti, fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni tat-tnaqqis doppju ta’ telf, filwaqt li s-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji ma humiex, bħala prinċipju, paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punti 37 u 38).
45 Madankollu, tali approċċ ma jistax jiġi aċċettat fis-sitwazzjoni ta’ kumpannija li, wara li tkun ittrasferixxiet is-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha u, b’dan il-mod, ir-residenza fiskali tagħha mill-Istat Membru tal-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor, tfittex li fih tnaqqas telf li hija ġarrbet fl-ewwel Stat Membru matul perijodu ta’ tassazzjoni li matulu hija eżerċitat, esklużivament, il-kompetenza fiskali tagħha fir-rigward ta’ din il-kumpannija.
46 Fil-fatt, l-ewwel nett, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 57 tal-konklużjonijiet tagħha, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza ġiet żviluppata f’ċirkustanzi differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
47 Għalhekk, din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-eventwali teħid inkunsiderazzjoni, minn kumpannija residenti, ta’ telf imġarrab minn stabbiliment permanenti mhux residenti tagħha.
48 L-imsemmija ġurisprudenza tirrigwarda għalhekk sitwazzjoni kkaratterizzata miċ-ċirkustanza li, matul l-istess perijodu ta’ tassazzjoni, il-kumpannija li tfittex li tnaqqas mill-bażi taxxabbli tagħha t-telf tal-istabbiliment permanenti mhux residenti tagħha u dan l-istess stabbiliment permanenti jinsabu f’żewġ Stati Membri differenti.
49 Issa, mill-espożizzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tal-kronoloġija tal-fatti rilevanti tal-kawża prinċipali jirriżulta li Aures ġarrbet telf fir-rigward tas-sena 2007 fil-Pajjiżi l-Baxxi, matul perijodu ta’ tassazzjoni li matulu kemm l-uffiċċju rreġistrat tagħha kif ukoll is-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha kienu jinsabu f’dan l-Istat Membru u filwaqt li hija ma kintix għadha kellha stabbiliment permanenti fir-Repubblika Ċeka.
50 It-tieni nett, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 73 tal-konklużjonijiet tagħha, traspożizzjoni tas-soluzzjoni applikata fis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock (C-650/16, EU:C:2018:424, punt 38), għall-ipoteżi invokata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza hija wkoll inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ tassazzjoni tal-ħruġ.
51 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet, essenzjalment, li l-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix il-possibbiltà għall-Istat Membru ta’ oriġini ta’ kumpannija, ikkostitwita skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru u li ttrasferixxiet is-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha fi Stat Membru ieħor, li jintaxxa l-qligħ kapitali moħbi relatat ma’ elementi tal-patrimonju ta’ din il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punti 59 u 64).
52 Bl-istess mod, l-Istat Membru li lejh kumpannija tittrasferixxi s-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha ma jistax jiġi obbligat jieħu inkunsiderazzjoni t-telf imġarrab qabel dan it-trasferiment, li jirrigwarda perijodi ta’ tassazzjoni li għalihom dan l-Istat Membru ma kellux kompetenza fiskali fir-rigward ta’ din il-kumpannija.
53 Għaldaqstant, il-kumpanniji residenti li ġarrbu telf fl-imsemmi Stat Membru, minn naħa, u l-kumpanniji li ttrasferixxew ir-residenza fiskali tagħhom lejn dan l-istess Stat Membru u li kienu ġarrbu telf fi Stat Membru ieħor matul perijodu ta’ tassazzjoni li matulu r-residenza fiskali tagħhom kienet tinsab f’dan l-aħħar Stat Membru, min-naħa l-oħra, ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl tal-għanijiet intiżi sabiex jiġi ppreżervat it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u sabiex jiġi evitat it-tnaqqis doppju tat-telf.
54 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tieni domanda tiġi risposta li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi l-possibbiltà għal kumpannija, li ttrasferixxiet is-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha u, b’dan il-mod, ir-residenza fiskali tagħha f’dan l-Istat Membru, li tinvoka telf ta’ taxxa mġarrab, qabel dan it-trasferiment, fi Stat Membru ieħor, li fih hija żżomm l-uffiċċju rreġistrat tagħha.
Fuq l-ispejjeż
55 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru, li tittrasferixxi s-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor mingħajr ma dan it-trasferiment jaffettwa l-kwalità tagħha bħala kumpannija kkostitwita skont id-dritt tal-ewwel Stat Membru, tista’ tibbaża ruħha fuq dan l-artikolu sabiex tikkontesta r-rifjut, fl-Istat Membru l-ieħor, tar-riport tat-telf preċedenti għall-imsemmi trasferiment.
2) L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi l-possibbiltà għal kumpannija, li ttrasferixxiet is-sede ta’ ġestjoni effettiva tagħha u, b’dan il-mod, ir-residenza fiskali tagħha f’dan l-Istat Membru, li tinvoka telf ta’ taxxa mġarrab, qabel dan it-trasferiment, fi Stat Membru ieħor, li fih hija żżomm l-uffiċċju rreġistrat tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.