Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
17 ta’ Ottubru 2019 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Tnaqqis għal kapital ta’ riskju – Sottrazzjoni tal-ammont li jista’ jitnaqqas mill-kumpanniji li għandhom stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor u li jiġġenera dħul eżentat bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Trattament sfavorevoli – Assenza”
Fil-Kawża C-459/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura
Argenta Spaarbank NV
vs
Belgische Staat,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, T. von Danwitz u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Argenta Spaarbank NV, minn B. De Cock u K. Van Duyse, advocaten,
– għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u N. Gossement, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Argenta Spaarbank NV (iktar ’il quddiem “Argenta”) u l-Belgische Staat (État belge) fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju għas-sena taxxabbli 2015.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Belġjan
3 It-tnaqqis għal kapital ta’ riskju ġie introdott fis-sistema applikabbli għat-taxxa fuq id-dħul mill-wet tot invoering van een belastingaftrek voor risicokapitaal (il-Liġi li Tistabbilixxi Tnaqqis Fiskali għall-Kapital ta’ Riskju) tat-22 ta’ Ġunju 2005 (Belgisch Staatsblad, 30 ta’ Ġunju 2005, p. 30077).
4 Mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-liġi jirriżulta li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, li ttaffi d-differenza fit-trattament fiskali bejn il-finanzjament ta’ kumpanniji permezz ta’ kapital misluf, fejn l-interessi rċevuti fuqu fiskalment jistgħu jitnaqqsu fl-intier tagħhom, u l-finanzjament permezz ta’ kapital proprju (kapital ta’ riskju), fejn l-interessi rċevuti fuqu sa dak il-mument kienu taxxabbli fl-intier tagħhom, u li tkabbar ir-ratio ta’ solvenza tal-kumpanniji, fejn l-introduzzjoni tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju tifforma parti mill-għan ġenerali li tittejjeb il-kompetittività tal-ekonomija Belġjana.
5 L-Artikolu 205a tal-Wetboek van de inkomstenbelastingen 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul tal-1992, iktar ’il quddiem il-“WIB 1992”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għas-sena taxxabbli 2015, huwa fformulat kif ġej:
“Għad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli, il-bażi taxxabbli hija sottratta mill-ammont stabbilit konformement mal-Artikolu 205c. Din is-sottrazzjoni hija msejħa ‘tnaqqis għal kapital ta’ riskju’.”
6 Konformement mal-Artikolu 205c(1) tal-WIB 1992, it-tnaqqis għal kapital ta’ riskju huwa daqs il-kapital ta’ riskju, iddeterminat konformement mal-Artikolu 205b tal-WIB 1992, immultiplikat b’rata ffissata fil-paragrafi sussegwenti ta’ dan l-Artikolu 205c.
7 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 205b(1) tal-WIB 1992 jipprovdi li, sabiex jiġi stabbilit it-tnaqqis għal kapital ta’ riskju għal perijodu taxxabbli, il-kapital ta’ riskju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jikkorrispondi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 205b(2) sa (5), għall-ammont ta’ kapital proprju tal-kumpannija fi tmiem il-perijodu taxxabbli preċedenti, iddeterminat konformement mal-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà u skont il-kontijiet annwali kif jirriżultaw mill-bilanċ. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 205b(1) tal-WIB 1992 jipprevedi li l-kapital ta’ riskju ddeterminat b’dan il-mod ikollu ċerti valuri mnaqqsa minnu, filwaqt li l-Artikolu 205b(2) sa (5) tal-WIB 1992 jistabbilixxi l-ipoteżijiet li fihom il-kapital proprju għandu jkun suġġett għal korrezzjonijiet sabiex iservi bħala bażi ta’ kalkolu għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju.
8 Sas-sena taxxabbli 2014, l-Artikolu 205b(2) tal-WIB 1992 kien jiprrevedi li, meta l-kumpannija kellha stabbiliment jew numru ta’ stabbilimenti barra mill-pajjiż li d-dħul minnhom kien eżentat bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, il-kapital ta’ riskju, iddeterminat konformement mal-Artikolu 205b(1) tal-WIB 1992, kien jitnaqqas bid-differenza pożittiva bejn, minn naħa, il-valur kontabbli nett tal-assi tal-istabbilimenti barranin u, min-naħa l-oħra, it-total ta’ passiv li ma jagħmilx parti mill-kapital proprju tal-kumpannija u li huwa imputabbli lil dawn l-istabbilimenti.
9 L-Artikolu 205d tal-WIB 1992 kien jipprovdi li, fl-assenza ta’ profitti għal perijodu taxxabbli li għalih it-tnaqqis għal kapital ta’ riskju jista’ jitnaqqas, l-eżenzjoni li ma tingħatax għal dan il-perijodu taxxabbli kienet titmexxa ’l quddiem suċċessivament fuq il-profitt tas-seba’ snin sussegwenti. Wara l-adozzjoni tal-wet houdende fiscale en financiële bepalingen (il-Liġi li Tipprovdi Dispożizzjonijiet Fiskali u Finanzjarji) tat-13 ta’ Diċembru 2012 (Belgisch Staatsblad, 20 ta’ Diċembru 2012), din it-tmexxija ’l quddiem sussegwenti ma saritx iktar possibbli mis-sena taxxabbli 2013.
10 Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013, Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447), li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, għall-kalkolu ta’ tnaqqis mogħti lil kumpannija suġġetta kollha kemm hi għat-taxxa fi Stat Membru, il-valur nett tal-assi ta’ stabbiliment permanenti li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor ma jittiħidx inkunsiderazzjoni meta l-profitti tal-imsemmi stabbiliment permanenti ma jkunux taxxabbli fl-ewwel Stat Membru bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, filwaqt li l-assi imputati lil stabbiliment permanenti li jkun jinsab fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward.
11 Permezz tal-wet houdende diverse fiscale en financiële bepalingen (il-Liġi li Tipprovdi Numru ta’ Dispożizzjonijiet Fiskali u Finanzjarji) tal-21 ta’ Diċembru 2013 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Diċembru 2013), l-Artikolu 205b(2) u (3) tal-WIB 1992 ġie mħassar u ġie introdott Artikolu 205d ġdid fil-WIB 1992, fis-seħħ mis-sena taxxabbli 2014 (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat”).
12 L-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, huwa fformulat kif ġej:
“Meta l-kumpannija jkollha, fi Stat Membru ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea, stabbiliment jew numru ta’ stabbilimenti permanenti, proprjetà immobbli jew drittijiet relatati ma’ tali proprjetajiet, li ma jagħmlux parti minn stabbiliment permanenti li d-dħul tiegħu huwa eżentat bis-saħħa ta’ konvenzjonijiet għall-ħelsien mit-taxxa doppja, it-tnaqqis, iddeterminat konformement mal-Artikolu 205a, huwa sottratt mill-iżgħar ammont taż-żewġ ammonti li ġejjin:
1° l-ammont iddeterminat konformement mas-subparagrafu 3;
2° ir-riżultat pożittiv iġġenerat minn dawn l-istabbilimenti permanenti, dawn il-proprjetajiet immobbli u dawn id-drittijiet relatati ma’ tali proprjetajiet iddeterminat konformement ma’ dan il-Kodiċi.
[...]
L-ammont imsemmi fis-subparagrafi 1 u 2 huwa ddeterminat billi tiġi mmultiplikata r-rata msemmija fl-Artikolu 205c bid-differenza pożittiva ddeterminata fi tmiem il-perijodu taxxabbli preċedenti, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 205b(2) sa (5), bejn, minn naħa, il-valur kontabbli nett tal-assi ta’ dawn l-istabbilimenti permanenti barranin, proprjetajiet immobbli jew drittijiet, imsemmija rispettivament fis-subparagrafu 1 u fis-subparagrafu 2, bl-eċċezzjoni tal-azzjonijiet, ishma u holdings imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 205b(1), u, min-naħa l-oħra, it-total tal-passiv li ma jagħmilx parti mill-kapital proprju tal-kumpannija u li huwa imputabbli lil dawn l-istabbilimenti permanenti, proprjetajiet immobbli jew drittijiet, imsemmija rispettivament fis-subparagrafu 1 jew fis-subparagrafu 2.”
Il-Konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja konkluża bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
13 L-Artikolu 7(1) sa (3) tal-Verdrag tussen het Koninkrijk België en het Koninkrijk der Nederlanden tot het vermijden van dubbele belasting en tot het voorkomen van het ontgaan van belasting inzake belastingen naar het inkomen en naar het vermogen (il-Konvenzjoni bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi Intiż għall-Ħelsien mit-Taxxa Doppja u għall-Prevenzjoni tal-Evażjoni Fiskali fil-Qasam tat-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Patrimonju) tal-5 ta’ Ġunju 2001 (Belgisch Staatsblad, 20 ta’ Diċembru 2002, p. 57534, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Belġjana-Olandiża”) jistipula:
“1. Il-profitti ta’ impriża fi Stat kontraenti jistgħu jiġu ntaxxati biss f’dan l-Istat, sakemm l-impriża ma teżerċitax l-attività tagħha fl-Istat kontraenti l-ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti li jkun jinsab hemmhekk. Jekk l-impriża teżerċita l-attività tagħha b’dan il-mod, il-profitti tal-impriża għandhom jiġu ntaxxati fl-Istat l-ieħor iżda biss sa fejn dawn ikunu imputabbli lil dan l-istabbiliment permanenti.
2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, meta impriża ta’ Stat kontraenti teżerċita l-attività tagħha fl-Istat kontraenti l-ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti li jkun jinsab hemmhekk, għandhom jiġu imputati lil dan l-istabbiliment permanenti, f’kull Stat kontraenti, il-profitti li huwa seta’ jagħmel li kieku kien impriża separata li teżerċita attivitajiet identiċi jew analogi taħt l-istess kundizzjonijiet jew taħt kundizzjonijiet analogi u li topera b’mod indipendenti għalkollox mill-impriża li tagħha hija stabbiliment permanenti.
3. Biex jiġu ddeterminati l-profitti ta’ stabbilimenti permanenti, jistgħu jitnaqqsu l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet ta’ dan l-istabbiliment permanenti, inklużi l-ispejjeż eżekuttivi u l-ispejjeż amministrattivi ġenerali hekk inkorsi, sew jekk fl-Istat li fih ikun hemm dan l-istabbiliment permanenti sew jekk xi mkien ieħor”.
14 L-Artikolu 23(1) tal-Konvenzjoni Belġjana-Olandiża jipprevedi:
“Fir-rigward tal-Belġju, il-ħelsien mit-taxxa doppja jsir b’dan il-mod:
a) Meta resident Belġjan jirċievi dħul, li ma jkunx dividendi, interessi jew dħul previsti fl-Artikolu 12(5), jew ikollu assi li huma taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, il-Belġju jeżenta mit-taxxa dan id-dħul jew dan il-patrimonju, iżda huwa jista’, sabiex jikkalkola l-ammont tat-taxxa tiegħu fuq il-kumplament tad-dħul l-ieħor jew tal-patrimonju ta’ dan ir-resident, japplika l-istess rata daqslikieku d-dħul jew l-assi inkwistjoni ma kinux eżenti.
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
15 Argenta, kumpannija stabbilita fil-Belġju, hija suġġetta għat-taxxa Belġjana fuq il-kumpanniji.
16 Matul il-perijodu taxxabbli mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem is-“sena taxxabbli 2015”), Argenta eżerċitat parti mill-attivitajiet tagħha permezz ta’ stabbiliment permanenti li kien jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi, li d-dħul tiegħu kien eżentat fil-Belġju taħt l-Artikolu 7(1) sa (3) u l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni Belġjana-Olandiża.
17 Fid-dikjarazzjoni tagħha dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji għas-sena taxxabbli 2015, Argenta, billi applikat l-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, wettqet id-deduzzjoni tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju tal-parti ta’ tnaqqis li hija kkalkolata fuq il-kapital proprju tal-istabbiliment permanenti tagħha.
18 Il-kontribuzzjoni għat-taxxa fuq il-kumpanniji għas-sena taxxabbli 2015 ġiet iddikjarata eżekuttiva fit-12 ta’ Novembru 2015 u l-avviż ta’ taxxa ġie nnotifikat fis-16 ta’ Novembru 2015.
19 Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, il-kontribuzzjoni għat-taxxa fuq il-kumpanniji ġiet ikkalkolata kif ġej. Qabel kollox, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, l-ammont tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat mal-istabbiliment permanenti Olandiż ta’ Argenta ġie kkalkolat u jikkorrispondi għal ammont ta’ EUR 1 970 290.89. Sussegwentement, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, l-ammont tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat mal-istabbiliment permanenti Olandiż, jiġifieri ammont ta’ EUR 1 970 290.89, ġie pparagunat mar-riżultat ta’ dan l-istabbiliment permanenti li kien pożittiv u kien jammonta għal EUR 149 185 743.91. Finalment, it-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat mal-istabbiliment permanenti Olandiż, jiġifieri ammont ta’ EUR 1 970 290.89, ġie ssuġġettat fl-intier tiegħu għat-tnaqqis totali għal kapital ta’ riskju peress li r-riżultat pożittiv tal-istabbiliment permanenti Olandiż kien ogħla mit-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat ma’ dan l-istabbiliment.
20 Fit-12 ta’ Mejju 2016, Argenta ressqet ilment kontra din il-kontribuzzjoni bbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, mal-Artikolu 49 TFUE. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2016.
21 Fis-17 ta’ Marzu 2017, Argenta ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.
22 Il-qorti tar-rinviju tosserva li ma hemmx qbil bejn il-partijiet dwar il-konformità, b’mod partikolari, tal-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, mal-Artikolu 49 TFUE kif ukoll mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013, Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447).
23 Il-qorti tar-rinviju tindika li t-tnaqqis għal kapital ta’ riskju, hekk kif ikkalkolat skont il-modalitajiet iddikjarati fl-Artikoli 205b u 205c tal-WIB 1992, jiġi sottratt mill-parti tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju li hija kkalkolata fuq il-kapital proprju tal-istabbilimenti permanenti li jinsabu fi Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u li huma eżentati permezz ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja. Din is-sottrazzjoni hija limitata għall-profitt magħmul f’dan l-istabbiliment permanenti. L-assi proprji huma ffissati għall-valur kontabbli nett tal-assi sottratt mit-total tal-passiv li ma jagħmilx parti mill-kapital proprju tal-kumpannija u li huma imputabbli għal dawn l-istabbilimenti permanenti, hekk kif inhu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat.
24 Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, kuntrarjament għas-sena taxxabbli 2008, li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013, Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447), fl-assenza ta’ profitt jew ta’ profitt suffiċjenti, f’sena taxxabbli, li jippermetti li jsir it-tnaqqis għal kapital ta’ riskju, ma jkunx iktar possibbli li dawn jitmexxew ’il quddiem fuq is-snin taxxabbli ulterjuri.
25 Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li s-sottrazzjoni tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju, prevista fl-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, ma tapplikax għall-istabbilimenti permanenti li jinsabu fil-Belġju u li l-leġiżlazzjoni Belġjana lanqas ma tipprevedi sottrazzjoni analoga għall-istabbilimenti Belġjani.
26 Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-portata tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju hija iktar ristretta meta kumpannija jkollha stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor taż-ŻEE, b’mod partikolari meta l-profitt tal-istabbiliment ikun ogħla mit-tnaqqis għal kapital ta’ riskju li jkun ġie imputat lilu, milli meta dan l-istabbiliment permanenti jkun jinsab fil-Belġju. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mal-Artikolu 49 TFUE.
27 F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-profitt ta’ stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor huwa ogħla mit-tnaqqis għal kapital ta’ riskju kkalkolat fuq il-kapital proprju imputat lil dan l-istabbiliment, id-dispożittiv il-ġdid ikollu effett kważi identiku għal dak li kien applikabbli għas-sena taxxabbli 2008, meqjus kuntrarju għall-Artikolu 49 TFUE. Madankollu, l-assi tal-istabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tnaqqis, minn tal-inqas inizjalment, filwaqt li l-limitazzjoni tad-dritt ta’ tnaqqis għal kapital ta’ riskju fir-rigward tal-kapital proprju ta’ tali stabbiliment permanenti, li d-dħul tiegħu huwa eżentat bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, tibqa’ ristretta għall-ammont tal-profitt ta’ dan l-istabbiliment.
28 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 49 [TFUE] jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tistabbilixxi li, għall-kalkolu tal-profitt taxxabbli tagħha, kumpannija li hija suġġetta għat-taxxa b’mod sħiħ fil-Belġju u li għandha, fi Stat Membru ieħor, stabbiliment permanenti li l-profitti minnu huma totalment eżentati fil-Belġju bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja bejn il-Belġju u l-Istat Membru l-ieħor:
– it-tnaqqis tal-kapital f’riskju [ta’ riskju] għandu jitnaqqas [jiġi sottratt] minn ammont ta’ tnaqqis għal kapital f’riskju kkalkolat fuq id-differenza pożittiva bejn, minn naħa, il-valur kontabbli net ta’ elementi tal-attiv tal-istabbiliment permanenti u, min-naħa l-oħra, it-total tal-elementi tal-passiv li ma jifformawx parti mill-kapitali proprji tal-kumpannija u li huma attribwibbli lill-istabbiliment permanenti u
– l-imsemmi tnaqqis [sottrazzjoni] ma għandux jiġi applikat meta l-ammont tat-tnaqqis [sottrazzjoni] ikun inqas mill-profitt ta’ dan l-istabbiliment permanenti,
filwaqt li m’għandu jsir l-ebda tnaqqis [sottrazzjoni] mit-tnaqqis għall-kapital f’riskju jekk din id-differenza pożittiva tkun tista’ tiġi attribwita lil stabbiliment permanenti li jinsab fil-Belġju?”
Fuq id-domanda preliminari
29 Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Gvern Belġjan jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domanda preliminari sa fejn, essenzjalment, din allegatament ma tikkorrispondix mal-kontenut tal-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat.
30 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala prinċipju marbuta li tibbaża lilha nnifisha fuq il-kriterji li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Naftiliaki Etaireia Thasou u Amaltheia I Naftiki Etaireia, C-128/10 u C-129/10, EU:C:2011:163, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
31 Fil-motivi tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju wettqet l-interpretazzjoni tal-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, u kkonstatat li bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni t-tnaqqis għal kapital ta’ riskju hekk kif ikkalkolat skont il-modalitajiet iffissati fl-Artikoli 205b u 205c tal-WIB 1992 jiġi sottratt mill-parti tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju li hija kkalkolata fuq il-kapital proprju ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor u li l-profitti tiegħu huma eżentati permezz ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, filwaqt li din is-sottrazzjoni hija limitata għall-profitti magħmula f’dan l-istabbiliment permanenti. Barra minn hekk, hija kkonstatat li s-sottrazzjoni tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju prevista fl-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, ma tapplikax fil-każijiet fejn l-istabbiliment permanenti jinsab fil-Belġju.
32 Għaldaqstant huwa mill-premessi li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju li hemm lok li tinftiehem id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u li tingħata risposta għaliha.
33 Konsegwentement jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li permezz tad-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha, għall-kalkolu ta’ tnaqqis mogħti lil kumpannija suġġetta kollha kemm hi għat-taxxa fi Stat Membru u li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor li d-dħul tiegħu huwa eżentat fl-ewwel Stat Membru bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, il-valur nett tal-assi ta’ tali stabbiliment jittieħed inkunsiderazzjoni, inizjalment, fil-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju mogħti lill-kumpannija residenti, iżda, sussegwentement, l-ammont tat-tnaqqis jiġi sottratt mill-iżgħar ammont mill-ammonti li ġejjin, jiġifieri, mill-parti tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju li tkun relatata mal-istabbiliment permanenti jew mir-riżultat pożittiv iġġenerat minn dan l-istabbiliment permanenti, filwaqt li tali sottrazzjoni ma tiġix applikata fil-każ ta’ stabbiliment permanenti li jkun jinsab fil-Belġju.
34 Il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 49 TFUE jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni, tinkludi, bis-saħħa tal-Artikolu 54 TFUE, għall-kumpanniji kkostitwiti konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fi ħdan l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stati Membri oħra permezz ta’ sussidjarja, fergħa jew aġenzija (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 15).
35 Minkejja li, skont il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu wkoll li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2013, Argenta Spaarbank, C-350/11, EU:C:2013:447, punt 20, kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll meta kumpannija stabbilita fi Stat Membru topera fi Stat Membru ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium, C-414/06, EU:C:2008:278, punt 20; tal-4 ta’ Lulju 2013, Argenta Spaarbank, C-350/11, EU:C:2013:447, punt 21; kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 17).
37 It-tnaqqis għal kapital ta’ riskju mogħti lil kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju jikkostitwixxi benefiċċju fiskali li għandu bħala effett li jnaqqas ir-rata effettiva ta’ taxxa fuq il-kumpanniji li jkollha tħallas tali kumpannija fl-imsemmi Stat Membru.
38 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dan il-kuntest, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-assi ta’ stabbiliment permanenti għall-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju ta’ kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju jikkostitwixxi wkoll benefiċċju fiskali, ġaladarba tali teħid inkunsiderazzjoni jikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-rata effettiva tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha tħallas tali kumpannija fl-imsemmi Stat Membru (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013, Argenta Spaarbank, C-350/11, EU:C:2013:447, punt 24).
39 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, tipprevedi għaldaqstant li l-valur nett tal-assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tiegħu huwa eżentat fl-Istat Membru tal-kumpannija residenti bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, jittieħed inkunsiderazzjoni, inizjalment, fil-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju mogħti lill-kumpannija residenti.
40 Għaldaqstant ma tistax tiġi kkonstatata differenza fit-trattament fuq dan il-punt bejn kumpannija li għandha stabbiliment permanenti fil-Belġju u kumpannija li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tiegħu huwa eżentat fil-Belġju bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, sa fejn kemm l-assi imputati lill-istabbiliment permanenti li jinsab fil-Belġju kif ukoll dawk imputati lill-istabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju globali mogħti lill-kumpannija residenti.
41 Madankollu, sussegwentement, l-ammont tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju globali huwa sottratt mill-iżgħar ammont mill-ammonti li ġejjin, jiġifieri, mill-parti tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju li tirrigwarda stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tiegħu huwa eżentat fil-Belġju bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, jew mir-riżultat pożittiv iġġenerat minn dan l-istabbiliment permanenti, filwaqt li, fir-rigward tal-istabbilimenti permanenti li jinsabu fil-Belġju, tali sottrazzjoni tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju ma hijiex prevista.
42 Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq, fuq dan il-punt, differenza fit-trattament bejn kumpannija li għandha stabbiliment permanenti fil-Belġju u kumpannija li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor li d-dħul tiegħu huwa eżentat fil-Belġju bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja.
43 Għalhekk jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk tali differenza fit-trattament tikkostitwixxix trattament żvantaġġuż li jista’ jiddisswadi lil kumpannija Belġjana milli teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju tal-Belġju u jekk tikkostitwixxix, konsegwentement, restrizzjoni li bħala prinċipju hija pprojbita mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE relatati mal-libertà ta’ stabbiliment.
44 Hekk kif jirriżulta mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tal-Artikolu 205d tal-WIB 1992, kif emendat, tista’ tagħti lok għal tliet ipoteżijiet differenti.
45 L-ewwel nett, f’sitwazzjoni fejn l-istabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tiegħu huwa eżentat fil-Belġju bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, ma ġġenerax riżultat pożittiv, it-tnaqqis għal kapital ta’ riskju globali mogħti lill-kumpannija residenti, li huwa kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur nett tal-assi tal-imsemmi stabbiliment permanenti, ma huwiex sottratt. Il-bażi taxxabbli tal-kumpannija residenti hija għaldaqstant sottratta mill-ammont sħiħ tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju, inkluża l-parti tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatata mal-imsemmi stabbiliment permanenti.
46 Konsegwentement, f’din l-ewwel ipoteżi, il-kumpannija li għandha stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tiegħu huwa eżentat fil-Belġju bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, ma ġġarrabx, suġġett għal verifiki mill-qorti tar-rinviju, trattament inqas vantaġġuż minn kumpannija residenti li għandha stabbiliment permanenti residenti.
47 It-tieni nett, f’sitwazzjoni fejn l-istabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tiegħu huwa eżentat fil-Belġju bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, iġġenera riżultat pożittiv li huwa inferjuri għall-parti tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat ma’ dan l-istabbiliment permanenti, it-tnaqqis għal kapital ta’ riskju globali kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur nett tal-assi tal-imsemmi stabbiliment permanenti huwa sottratt. Fil-fatt, dan ir-riżultat pożittiv huwa sottratt mit-tnaqqis globali.
48 Tali operazzjoni għandha bħala konsegwenza li l-parti tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju, relatata ma’ dan l-istabbiliment permanenti u li jmur lil hinn mir-riżultat ta’ din tal-aħħar, min-naħa l-oħra tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tnaqqis globali.
49 Konsegwentement, il-bażi taxxabbli tal-kumpannija residenti tiġi sottratta mill-ammont tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat mal-imsemmi stabbiliment permanenti biss sa fejn dan l-ammont jaqbeż ir-riżultat pożittiv ta’ dan tal-aħħar.
50 It-tielet nett, f’sitwazzjoni fejn l-istabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tiegħu huwa eżentat fil-Belġju bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, iġġenera riżultat pożittiv li huwa ogħla mill-parti tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat ma’ dan l-istabbiliment permanenti, it-tnaqqis għal kapital ta’ riskju globali kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur nett tal-assi tal-imsemmi stabbiliment permanenti jiġi sottratt ukoll, billi dan jiġi sottratt mit-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat mal-imsemmi stabbiliment. F’din l-ipoteżi, l-ammont tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat mal-imsemmi stabbiliment permanenti ma jwassal għal ebda tnaqqis tal-bażi taxxabbli tal-kumpannija residenti.
51 Għalhekk, fit-tieni u t-tielet ipoteżijiet deskritti iktar ’il fuq, it-tnaqqis għal kapital ta’ riskju globali huwa sottratt, meta l-kumpannija residenti jkollha stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tiegħu huwa eżentat, il-Belġju bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, bid-differenza tas-sitwazzjonijiet fejn stabbiliment permanenti jkun jinsab fil-Belġju.
52 Jeħtieġ ulterjorment li l-applikazzjoni ta’ tali mekkaniżmu tkun żvantaġġuża għal kumpannija residenti li jkollha stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor b’tali mod li, wara s-sottrazzjoni tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju globali, il-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija tkun ogħla mill-bażi taxxabbli ta’ kumpannija residenti li l-istabbiliment permanenti tagħha jkun jinsab fil-Belġju.
53 F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li, fit-tieni u t-tielet ipoteżijiet iktar ’il fuq, it-tnaqqis għal kapital ta’ riskju globali huwa sottratt u għaldaqstant ma huwiex għalkollox sottratt mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija residenti, b’differenza għas-sitwazzjonijiet fejn l-istabbiliment permanenti jkun jinsab fil-Belġju, jeħtieġ li jiġi osservat li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-bażi taxxabbli tal-kumpannija residenti li għandha stabbiliment permanenti fil-Belġju hija, jekk barra minn hekk il-fatturi kollha l-oħra jibqgħu kostanti, ukoll ogħla minn dik ta’ kumpannija li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tiegħu huwa eżentat fil-Belġju.
54 Fil-fatt, skont dawn l-indikazzjonijiet, il-bażi taxxabbli tal-kumpannija li l-istabbilimenti permanenti tagħha jinsabu fil-Belġju tinkludi r-riżultati ta’ dawn l-istabbilimenti permanenti. Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni fejn ir-Renju tal-Belġju, f’konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, eżenta d-dħul ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, il-bażi taxxabbli tal-kumpannija residenti ma tinkludix tali dħul.
55 B’hekk, fir-rigward tat-tieni ipoteżi deskritta iktar ’il fuq, il-bażi taxxabbli ta’ kumpannija residenti li għandha stabbiliment permanenti fil-Belġju tidher li hija sottratta, lil hinn mill-komponenti tagħha relatata mar-riżultat pożittiv iġġenerat minn dan l-istabbiliment permanenti, biss sa fejn l-ammont tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat ma’ dan l-istabbiliment permanenti jkun ogħla minn dan ir-riżultat. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, jidher għalhekk li, f’din l-ipoteżi, il-bażi taxxabbli ta’ tali kumpannija ma hijiex inqas minn dik ta’ kumpannija residenti li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tiegħu huwa eżentat fil-Belġju.
56 Din l-aħħar kumpannija lanqas ma tidher li hija żvantaġġata fit-tielet ipoteżi deskritta iktar ’il fuq, li fiha r-riżultat pożittiv tal-istabbiliment permanenti huwa ogħla mill-ammont tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat ma’ dan l-istabbiliment. Fil-fatt, fir-rigward ta’ kumpannija residenti li għandha stabbiliment permanenti fil-Belġju, l-effetti ta’ dan it-tnaqqis jidhru li jillimitaw lilhom innifishom għall-komponenti tal-bażi taxxabbli tagħha relatata mar-riżultat pożittiv iġġenerat minn dan l-istabbiliment permanenti, mingħajr madankollu ma titnaqqas il-bażi taxxabbli ta’ din l-aħħar kumpannija, hekk kif tirriżulta mid-dħul miksub minnha. B’hekk, f’din l-aħħar ipoteżi, iċ-ċirkustanza li din il-kumpannija tista’ tipproċedi għal tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat mal-istabbiliment tagħha, filwaqt li kumpannija residenti li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor, li d-dħul tiegħu huwa eżentat fil-Belġju bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, ma tistax tagħmel dan, ma tidhirx li għandha l-effett li l-bażi taxxabbli ta’ din l-aħħar kumpannija hija ogħla minn dik tal-ewwel.
57 Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li, minħabba s-sottrazzjoni tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju globali, kumpannija residenti li l-bażi taxxabbli tagħha ma tinkludix il-profitti magħmula minn stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ma hijiex itrattata b’mod inqas vantaġġuż, fir-rigward tad-dħul taxxabbli fil-Belġju, minn kumpannija residenti li l-bażi taxxabbli tagħha tinkludi l-profitti ta’ stabbiliment permanenti residenti u li fir-rigward tagħha t-tnaqqis għal kapital ta’ riskju ma huwiex sottratt.
58 Għaldaqstant id-differenza fit-trattament introdotta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix trattament żvantaġġuż li jista’ jiddisswadi lil kumpannija Belġjana milli teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru minbarra r-Renju tal-Belġju u konsegwentement ma tikkostitwixxix restrizzjoni li bħala prinċipju hija pprojbita mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE relatati mal-libertà ta’ stabbiliment.
59 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha, għall-kalkolu ta’ tnaqqis mogħti lil kumpannija suġġetta kollha kemm hi għat-taxxa fi Stat Membru u li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor li d-dħul tiegħu huwa eżentat fl-ewwel Stat Membru bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, il-valur nett tal-assi ta’ tali stabbiliment permanenti jittieħed inkunsiderazzjoni, inizjalment, fil-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju mogħti lill-kumpannija residenti, iżda, sussegwentement, l-ammont tat-tnaqqis huwa sottratt mill-iżgħar ammont mill-ammonti li ġejjin, jiġifieri mill-parti tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat mal-istabbiliment permanenti jew mir-riżultat pożittiv iġġenerat minn dan l-istabbiliment permanenti, filwaqt li tali tnaqqis ma huwiex applikat fil-każ ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fil-Belġju.
Fuq l-ispejjeż
60 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha, għall-kalkolu ta’ tnaqqis mogħti lil kumpannija suġġetta kollha kemm hi għat-taxxa fi Stat Membru u li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor li d-dħul tiegħu huwa eżentat fl-ewwel Stat Membru bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, il-valur nett tal-assi ta’ tali stabbiliment permanenti jittieħed inkunsiderazzjoni, inizjalment, fil-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju mogħti lill-kumpannija residenti, iżda, sussegwentement, l-ammont tat-tnaqqis huwa sottratt mill-iżgħar ammont mill-ammonti li ġejjin, jiġifieri mill-parti tat-tnaqqis għal kapital ta’ riskju relatat mal-istabbiliment permanenti jew mir-riżultat pożittiv iġġenerat minn dan l-istabbiliment permanenti, filwaqt li tali tnaqqis ma huwiex applikat fil-każ ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fil-Belġju.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.