Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
9 ta’ Ottubru 2019 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 11A(1)(a) – Valur taxxabbli – Sussidju marbut direttament mal-prezz – Regolament (KE) Nru 2200/96 – Artikolu 11(1) u Artikolu 15 – Organizzazzjoni ta’ produtturi agrikoli li kkostitwixxiet fond operazzjonali – Kunsinni li saru mill-organizzazzjoni ta’ produtturi lill-membri tagħha inkambju ta’ ħlasijiet li ma jkoprux it-totalità tal-prezz tax-xiri – Finanzjament addizzjonali mħallas mill-fond operazzjonali”
Fil-Kawżi magħquda C-573/18 u C-574/18,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-13 ta’ Ġunju 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Settembru 2018, fil-proċeduri
C GmbH & Co. KG (C-573/18),
C-eG (C-574/18)
vs
Finanzamt Z,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, M. Ilešič u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u S. Eisenberg, sussegwentement minn S. Eisenberg, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u R. Pethke, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(A)(1)(a) kif ukoll tal-Artikoli 20 u 27 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, C GmbH & Co. KG u C-eG, u, min-naħa l-oħra, Finanzamt Z (l-Amministrazzjoni Fiskali Z, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Fiskali”) dwar avviżi marbuta mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55) jipprovdi:
“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘organizzazzjoni ta’ produtturi’ tfisser kull entità legali:
a) li hija ffurmata fuq l-inizjattiva proprja ta’ dawk li jkabbru fil-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin stabbiliti fl-Artikolu 1(2):
i) frott u ħaxix;
[...]
ċ) ir-regoli ta’ l-assoċjazzjoni li jeħtieġu l-membri produtturi, b’mod partikolari, illi:
[...]
3) iqiegħdu fis-suq il-produzzjoni kollha kkonċernata permezz ta’ l-organizzazzjoni ta’ produtturi.
[...]
5) li jħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji previsti fir-regoli ta’ l-assoċjazzjoni għall-istabbiliment u r-riforniment tal-fond operazzjonali previst fl-Artikolu 15;
[...]”
4 L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2200/96 jipprovdi:
“Assistenza finanzjarja mill-Komunità għandha tingħata skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jistabbilixxu fond ta’ operazzjoni.
Dan il-fond għandu jkun mantenut minn kontribuzzjonijiet finanzjarji mposti fuq il-produtturi membri fuq il-bażi tal-kwantitajiet jew valur tal-frott u ħaxix attwalment imqiegħda fis-suq u mill-assistenza finanzjarja li għaliha jirreferi l-ewwel subparagrafu.”
5 L-Artikolu 11A(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“L-ammont taxxabbli għandu jkun:
a) fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi barra dawk msemmija f’(b), (ċ) u (d) isfel, dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti;
[...]”
6 L-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“It-tnaqqis inizzjali għandu jkun aġġustat b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri b’mod partikolari:
a) fejn it-tnaqqis jkun ogħla jew inqas minn dak li għalih l-persuna taxxabbli hi ntitolata;
[...]”
7 L-Artikolu 27 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“1. Il-Kunsill, jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunwe’ Stat Membru biex jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, biex tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tat-taxxa jew biex iżommu ċertu tipi ta’ evażjoni tat-taxxa jew evitar. Miżuri intiżi biex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tat-taxxa, ħlief għal ħaġa negliġibbli, tista’ ma taffettwax l-ammont ta’ taxxa dovuta fl-istadju finali tat-taxxa.
[...]
5. Dawk l-Istati Membri li applikaw fl-1 ta’ Jannar 1977 miżuri speċjali tat-tip msemmija fil-paragrafu 1 fuq jistgħu iżommuhom dejjem jekk jinnotifikaw lill-Kummissjoni bihom qabel l-1 ta’ Jannar 1978 u jipprovdu li fejn it-tali derogi huma maħsuba biex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tat-taxxa huma jikkonformaw mal-ħtieġa stabbilita fil-paragrafu 1 fuq.”
Id-dritt Ġermaniż
8 L-Artikolu 1(1) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UstG”), jistabbilixxi:
“It-tranżazzjonijiet segwenti għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:
1. il-kunsinni u provvisti oħra mwettqa bi ħlas ġewwa l-pajjiż minn imprenditur fil-kuntest tal-impriża tiegħu. [...]
[...]”
9 Skont l-Artikolu 3 tal-UStG:
“(1) Il-kunsinni ta’ imprenditur huma l-provvisti li permezz tagħhom dan tal-aħħar jew terz awtorizzat minnu jagħti lil xerrej jew lil terz f’ismu d-dritt li jiddisponi minn beni f’ismu stess (trasferiment tas-setgħa ta’ disponiment).
[...]
(12) Ikun hemm skambju meta l-korrispettiv ta’ kunsinna jikkonsisti f’kunsinna. Tranżazzjoni tkun ekwiparabbli għal skambju meta l-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi jikkonsisti f’kunsinna jew provvista oħra.”
10 L-Artikolu 10 tal-UStG jipprovdi:
“(1) Fir-rigward ta’ kunsinni u ta’ provvisti oħra (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1)(1)) [...], id-dħul mill-bejgħ għandu jiġi ddeterminat skont il-korrispettiv. Il-korrispettiv huwa kkostitwit minn dak kollu li jsostni l-benefiċjarju tal-provvista sabiex jikseb din tal-aħħar, bl-esklużjoni madankollu tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ. Huwa inkluż ukoll mal-korrispettiv dak li persuna għajr il-benefiċjarju tħallas lill-imprenditur għall-provvista [...]
(2) [...] Fil-kuntest tal-iskambju (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(12)) [u] ta’ tranżazzjonijiet ekwiparabbli għal skambju (it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(12)) [...], il-valur ta’ kull tranżazzjoni jikkostitwixxi l-korrispettiv tat-tranżazzjoni l-oħra. It-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ma tagħmilx parti mill-korrispettiv.
[...]
(4) Id-dħul mill-bejgħ huwa kkalkolat:
1. fil-każ ta’ trasferiment ta’ beni [...] skont il-prezz tal-akkwist flimkien mal-ispejjeż anċillari tal-beni jew tal-oġġett tal-istess tip, jew, fl-assenza tal-prezz tal-akkwist, skont l-ispejjeż tal-kost, fil-mument li titwettaq it-tranżazzjoni;
[...]
It-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ma għandhiex tiġi inkluża fl-ammont taxxabbli.
(5) Il-paragrafu 4 għandu japplika mutatis mutandis:
1. għal kunsinni u provvisti oħra mwettqa minn assoċjazzjonijiet ta’ persuni fis-sens tal-Artikolu 1(1)(1) sa (5) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, iktar ’il quddiem il-“KStG”), minn assoċjazzjonijiet ta’ persuni li ma għandhomx personalità ġuridika kif ukoll minn komunitajiet fil-kuntest tal-impriża tagħhom favur l-azzjonisti, sieħba, membri u soċji tagħhom jew partijiet relatati magħhom kif ukoll minn imprendituri individwali favur partijiet relatati magħhom.
2. [...]
meta l-ammont taxxabbli fis-sens tal-paragrafu 4 ikun ogħla mill-korrispettiv fis-sens tal-paragrafu 1.”
11 L-Artikolu 1(1) tal-KStG jipprovdi:
“Huma kompletament suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-kumpanniji, assoċjazzjonijiet ta’ persuni u assi patrimonjali li ċ-ċentru amministrattiv jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom ikun stabbilit fit-territorju nazzjonali:
[...]
5. assoċjazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika, istituzzjonijiet, fondazzjonijiet u kapital ieħor b’għan speċifiku li huwa rregolat mid-dritt privat;
[...]”
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
12 Ir-rikorrenti fil-Kawża C-573/18 hija kumpannija bil-forma ġuridika “GmbH & Co. KG”. Din il-kumpannija qiegħda tikkontesta avviżi ta’ taxxa rettifikattivi maħruġa għas-snin 2005 u 2006.
13 Ir-rikorrenti fil-Kawża C-574/18 hija kumpannija bil-forma ġuridika “eingetragene Genossenschaft” jew “eG”, jiġifieri kooperattiva rreġistrata, aventi kawża ta’ kooperattiva oħra rreġistrata. Din il-kooperattiva qiegħda tikkontesta avviżi ta’ taxxa rettifikattivi maħruġa għas-snin 2002 u 2003.
14 Matul is-snin inkwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu bejjiegħa bl-ingrossa tal-frott u tal-ħaxix. Fil-kwalità tagħhom ta’ “organizzazzjoni ta’ produtturi”, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96, huma kienu jbigħu prodotti kkultivati minn produtturi li kienu membri tal-organizzazzjoni tagħhom.
15 Konformement mal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu joperaw fond operazzjonali kull waħda. Dan il-fond huwa patrimonju speċjali rregolat mid-dritt privat fis-sens tal-Artikolu 1(1)(5) tal-KStG, u huwa ffinanzjat nofs mill-kontribuzzjonijiet tal-produtturi membri tal-organizzazzjoni u nofs mill-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea. Ir-riżorsi tal-imsemmi fond jippermettu li jiġu ffinanzjati investimenti f’holdings individwali tal-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi.
16 Għal dan il-għan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu jikkonkludu ma’ diversi produtturi membri tal-organizzazzjoni kuntratti ta’ akkwist u ta’ użu ta’ beni ta’ investiment. L-ordnijiet tal-beni li kienu s-suġġett ta’ dawn il-kuntratti kienu jsiru minn dawn tal-aħħar direttament mingħand il-fornituri preċedenti. Dawn il-fornituri kienu jindirizzaw il-fatturi lilhom.
17 Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-Kawża C-573/18 kienet tiffattura lill-produtturi kkonċernati, skont il-każ, 50 % jew 75 % tal-ispejjeż tal-akkwist tagħha flimkien mal-VAT, filwaqt li l-ispejjeż li kien jifdal kienu ffinanzjati mill-fond operazzjonali. Ir-rikorrenti fil-Kawża C-574/18 kienet tiffattura lill-produtturi kkonċernati 50 % tal-ispejjeż tal-akkwist tagħha flimkien mal-VAT, filwaqt li l-ispejjeż li kien jifdal kienu ffinanzjati mill-fond operazzjonali.
18 Matul perijodu partikolari tal-użu tal-beni akkwistati, il-produtturi kienu marbuta jikkunsinnaw il-prodotti tagħhom lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom u jħallsu kontribuzzjoni għall-bejgħ tal-prodotti tagħhom, imsejħa “kontribuzzjoni finanzjarja” fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2200/96. Fil-każ tar-rikorrenti fil-Kawża C-573/18, din il-kontribuzzjoni finanzjarja kienet tammonta għal 1.75 % tal-prezz tal-bejgħ tal-prodotti u, fil-każ tar-rikorrenti fil-Kawża C-574/18, għal 3 % tal-prezz tal-bejgħ tal-prodotti. Dawn il-kontribuzzjonijiet kienu ffinanzjati mill-fondi operazzjonali.
19 Wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ ingaġġ previst mill-kuntratti ta’ akkwist u ta’ użu tal-beni ta’ investiment, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu jittrasferixxu d-drittijiet ta’ koproprjetà tagħhom lill-produtturi fir-rigward tal-beni miksuba mingħajr korrispettiv.
20 Matul is-snin inkwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali naqqsu integralment il-VAT tal-input imħallsa abbażi tal-fatturi tal-fornituri u applikaw il-VAT tal-output biss fuq l-ammonti ffatturati lill-produtturi. Huma ma qisux l-ammonti mħallsa minn fondi operazzjonali bħala korrispettiv għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-beni inkwistjoni lill-produtturi, sa fejn dawn kienu joriġinaw mill-għajnuna finanzjarja.
21 Wara li sar kontroll fiskali tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, l-Amministrazzjoni Fiskali qieset, fl-avviżi ta’ taxxa rettifikattivi għas-snin inkwistjoni, li mill-mument tal-akkwist tal-beni, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu taw lid-diversi produtturi setgħa ta’ disponiment fir-rigward tagħhom u b’hekk issoktaw bil-kunsinna. L-Amministrazzjoni Fiskali qieset li, bħala sussidju ġenwin, l-għajnuna finanzjarja li ġejja mill-fondi operazzjonali ma kinitx taxxabbli u, konsegwentement, applikat fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-output imwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-ammont taxxabbli minimu previst fl-Artikolu 10(5)(1) tal-UStG, moqri flimkien ma’ dan l-Artikolu 10(4) u qieset li l-prezz tax-xiri kien ikkostitwit mill-ammonti netti mħallsa lill-fornituri preċedenti.
22 Il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja), ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kontra l-imsemmija avviżi ta’ taxxa rettifikattivi. Madankollu, minkejja li din il-qorti kkonfermat il-konklużjoni tal-Amministrazzjoni Fiskali, hija waslet għal dan ir-riżultat abbażi tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-UStG. Hija qieset li l-ħlasijiet li jirriżultaw mill-fondi operazzjonali kellhom jitqiesu bħala korrispettiv miksub minn terz.
23 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) fil-kuntest tar-rikorsi għal reviżjoni li huma ppreżentaw quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja).
24 Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-prinċipju li, li kieku l-avviżi ta’ taxxa rettifikattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu evalwati esklużivament fir-rigward tad-dritt Ġermaniż, dawn ikunu legali. Madankollu, hija tistaqsi jekk ir-regoli tad-dritt nazzjonali humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.
25 F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis, minn naħa, li l-kunsinni ta’ beni mwettqa minn organizzazzjoni ta’ produtturi lill-membri tagħha jistgħu jiġu kklassifikati bħala skambju b’kumpens finanzjarju, peress li l-membri jimpenjaw ruħhom, minbarra fir-rigward ta’ ħlas proporzjonali, li jikkunsinnaw il-prodotti tagħhom lill-organizzazzjoni ta’ produtturi. Hija tqis, min-naħa l-oħra, li l-ħlasijiet li jirriżultaw mill-fondi operazzjonali jistgħu jitqiesu bħala sussidju direttament marbut mal-prezz tat-tranżazzjoni li għandu jiġi inkluż fil-valur taxxabbli.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C-573/18 u C-574/18:
“1) F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn organizzazzjoni ta’ produtturi skont l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 2200/96] tipprovdi beni lill-produtturi li huma membri tagħha u tirċievi ħlas mill-produtturi li ma jkoprix il-prezz tax-xiri,
a) għandha tiġi preżunta l-eżistenza ta’ skambju ta’ flus minħabba li, bħala korrispettiv tat-tranżazzjoni, il-produtturi impenjaw ruħhom kuntrattwalment li jipprovdu lill-organizzazzjoni ta’ produtturi frott u ħxejjex għat-tul tal-perijodu ta’ assenjazzjoni, b’mod li l-ammont taxxabbli tat-tranżazzjoni jkun dak tal-prezz tax-xiri imħallas mill-organizzazzjoni ta’ produtturi lill-fornituri fi stadji li jippreċedu l-investimenti?
b) l-ammont attwalment imħallas mill-fond operattiv lill-organizzazzjoni ta’ produtturi għat-tranżazzjoni inkwistjoni huwa kollu kemm hu “[sussidju marbut] direttament mal-prezz tat-tali provvisti” fis-sens tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva [...], b’mod li l-ammont taxxabbli jinkludi wkoll għajnuna finanzjarja skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, li ngħatat lill-fond operattiv taħt programm operattiv?
2) Fil-każ li, abbażi tar-risposta għall-ewwel domanda, l-ammont taxxabbli jkun jinkludi biss il-ħlasijiet magħmula mill-produtturi iżda mhux l-obbligu tal-kunsinna u l-għajnuna finanzjarja: fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda, l-Artikolu 11A(1)(a) [tas-Sitt Direttiva] jipprekludi miżura nazzjonali speċifika bbażata fuq l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, bħall-Artikolu 10(5)(1) tal-Umsatzsteuergesetz, li tgħid li l-ammont taxxabbli tat-tranżazzjoni huwa l-prezz tax-xiri għall-investimenti mħallas lill-fornituri fi stadji preċedenti, minħabba li l-produtturi huma partijiet relatati?
3) Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: dan japplika wkoll jekk il-produtturi għandhom dritt għal tnaqqis sħiħ tat-taxxa tal-input peress li l-investimenti huma suġġetti għall-aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input (Artikolu 20 [tas-Sitt Direttiva])?”
27 B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2018, il-Kawżi C-573/18 u C-574/18 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
28 Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi osservat, preliminarjament li, kif jirriżulta mill-informazzjoni fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-kawżi prinċipali joriġinaw mill-fatt li, fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħhom għas-snin finanzjarji kkonċernati, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma qisux l-ammonti li rċeviet kull waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet f’sussidju min-naħa tal-fondi operazzjonali bħala li jikkostitwixxu korrispettiv għall-kunsinni ta’ beni lill-produtturi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ ssolvi dawn il-kawżi, li jiġi ddeterminat il-valur taxxabbli tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, fid-dawl tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva.
29 Skont din ir-regola, il-valur taxxabbli għall-kunsinna ta’ beni jew għall-provvista ta’ servizz huwa kkostitwit mill-korrispettiv effettivament irċevut mill-persuna taxxabbli min-naħa tax-“xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti” (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Hotel Scandic Gåsabäck, C-412/03, EU:C:2005:47, punt 28).
30 Billi jipprovdi li l-valur taxxabbli għall-finijiet tal-VAT jinkludi, fil-każijiet evokati minnu, is-sussidji mogħtija lill-persuni taxxabbli, l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva huwa intiż li jissuġġetta għall-VAT il-valur kollu tal-beni jew tal-provvisti ta’ servizzi u għalhekk li jevita li l-għoti ta’ sussidju jimplika qligħ inqas mit-taxxa (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-144/02, EU:C:2004:444, punt 26).
31 Konformement mal-kliem tagħha stess, din id-dispożizzjoni tapplika meta s-sussidju jkun direttament marbut mal-prezz tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Sabiex dan ikun il-każ, is-sussidju għandu jingħata speċifikament lill-operatur issussidjat sabiex dan jikkunsinna beni jew jipprovdi servizz partikolari. Huwa biss f’dan il-każ li s-sussidju jista’ jitqies bħala korrispettiv tal-kunsinna ta’ beni jew tal-provvista ta’ servizz u li għaldaqstant ikun taxxabbli (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-144/02, EU:C:2004:444, punti 27 u 28).
32 Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat li x-xerrejja tal-beni jew id-destinatarji tas-servizzi jibbenefikaw mis-sussidju mogħti lill-benefiċjarju tiegħu. Fil-fatt, huwa meħtieġ li l-prezz li għandu jitħallas mix-xerrej jew mid-destinatarju jiġi stabbilit b’tali mod li jonqos proporzjonalment mas-sussidju mogħti lill-bejjiegħ tal-beni jew lill-fornitur tas-servizz, liema sussidju għalhekk jikkostitwixxi fattur li jiddetermina l-prezz mitlub minn dan tal-aħħar. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, oġġettivament, il-fatt li jingħata sussidju lill-bejjiegħ jew lid-destinatarju tas-servizz jippermettix lil dan tal-aħħar ibigħ il-beni jew jipprovdi s-servizz bi prezz inferjuri għal dak li għandu jitlob fin-nuqqas ta’ sussidju (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-144/02, EU:C:2004:444, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Barra minn hekk, il-korrispettiv irrappreżentat mis-sussidju għandu, minn tal-inqas, ikun jista’ jiġi ddeterminat (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-144/02, EU:C:2004:444, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Għalhekk, il-kunċett ta’ “sussidji marbuta direttament mal-prezz” fis-sens tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jinkludi biss is-sussidji li jikkostitwixxu l-korrispettiv totali jew parzjali ta’ tranżazzjoni ta’ kunsinna ta’ beni jew ta’ provvista ta’ servizzi u li jingħataw minn terz lill-bejjiegħ jew lid-destinatarju tas-servizz (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-144/02, EU:C:2004:444, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Minn dan isegwi li l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva huwa intiż li jieħu inkunsiderazzjoni l-korrispettiv imħallas għall-kunsinna ta’ beni jew għall-provvista ta’ servizz b’tali mod li jiġi rifless il-valur reali kollu tal-kunsinna jew tal-provvista. Għal dan il-għan, din id-dispożizzjoni tinkludi fil-valur taxxabbli, bħala korrispettiv, is-sussidji marbuta direttament mal-prezz ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.
36 Fil-każ ineżami, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-ħlasijiet li joriġinaw mill-fondi operazzjonali tħallsu lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-kunsinna ta’ beni ta’ investiment u bbenefikaw minnhom il-produtturi kkonċernati.
37 Fil-fatt, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali naqqsu l-prezz mitlub mill-produtturi mill-ammont preċiż tas-somom li joriġinaw minn fondi operazzjonali inkambju għall-kunsinna ta’ dawn il-beni. Għalhekk, teżisti rabta diretta bejn il-kunsinna tal-imsemmija beni u l-korrispettiv effettivament irċevut. Bħala korrispettiv għall-kunsinna tal-istess beni, dawn l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi rċevew, minn naħa, ħlas mill-produtturi u, min-naħa l-oħra, ħlas mill-fond operazzjonali kkonċernat minn din il-kunsinna. Għaldaqstant, il-ħlasijiet li joriġinaw mill-fondi operazzjonali jitwettqu esklużivament għall-finijiet tal-kunsinna ta’ dawn il-beni ta’ investiment u jikkostitwixxu għalhekk ħlasijiet marbuta direttament mal-prezz.
38 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ħlasijiet li joriġinaw mill-fondi operazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu “sussidji” li joriġinaw minn “terz”, fis-sens tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, minn naħa, dawn il-fondi jgawdu minn kapaċità ġuridika, kif indikat il-qorti tar-rinviju, u min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata ma tistax tuża l-patrimonju ta’ dawn il-fondi għal finijiet personali, peress li l-imsemmija fondi jintużaw biss għall-finijiet ta’ finanzjament tal-programmi operazzjonali approvati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2200/96.
39 Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, li tinsab fil-punti 35 sa 38 ta’ din is-sentenza, tiggarantixxi ż-żamma tan-newtralità fiskali. Fil-fatt, li kieku produttur jakkwista beni għall-impriża tiegħu direttament mingħand manifattur, mingħajr intervent mill-organizzazzjoni ta’ produtturi li huwa membru tagħha u mingħajr ħlas mill-fond operazzjonali kkostitwit minn din l-organizzazzjoni ta’ produtturi, din il-kunsinna tkun integralment suġġetta għall-VAT. Min-naħa l-oħra, li kieku l-VAT fuq ix-xiri ta’ tali beni titnaqqas proporzjonalment mill-parti ffinanzjata minn dan il-fond operazzjonali, il-produttur li jakkwista beni permezz tal-imsemmija organizzazzjoni ta’ produtturi jkun għalhekk suġġett għal taxxa inferjuri għal dik tal-produttur li jixtri beni ekwivalenti mingħajr l-intervent tagħha. Għalhekk, ikun hemm inugwaljanza fit-trattament li tmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
40 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, fejn “organizzazzjoni ta’ produtturi”, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96, tixtri beni mingħand fornituri preċedenti, tikkunsinna dawn il-beni lill-membri tagħha u tikseb mingħandhom ħlas li ma jkoprix il-prezz tax-xiri, l-ammont li fond operazzjonali, kif previst fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, iħallas lil din l-organizzazzjoni ta’ produtturi għall-kunsinna ta’ dawn il-beni lill-produtturi huwa inkluż mal-korrispettiv ta’ din il-kunsinna u għandu jitqies bħala sussidju marbut direttament mal-prezz ta’ din it-tranżazzjoni, li jitħallas minn terz.
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
41 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.
Fuq l-ispejjeż
42 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, fejn “organizzazzjoni ta’ produtturi”, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex, tixtri beni mingħand fornituri preċedenti, tikkunsinna dawn il-beni lill-membri tagħha u tikseb mingħandhom ħlas li ma jkoprix il-prezz tax-xiri, l-ammont li fond operazzjonali, kif previst fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, iħallas lil din l-organizzazzjoni ta’ produtturi għall-kunsinna ta’ dawn il-beni lill-produtturi huwa inkluż mal-korrispettiv ta’ din il-kunsinna u għandu jitqies bħala sussidju marbut direttament mal-prezz ta’ din it-tranżazzjoni, li jitħallas minn terz.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.