Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Rikors għal annullament – Direttiva (UE) 2018/957 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema – Kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg – Remunerazzjoni – Tul tal-kollokament – Determinazzjoni tal-bażi legali – Artikoli 53 u 62 TFUE – Emenda ta’ direttiva eżistenti – Artikolu 9 TFUE – Użu ħażin ta’ poter – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Neċessità – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Portata tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi – Trasport bit-triq – Artikolu 58 TFUE – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Kamp ta’ applikazzjoni – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva”

Fil-Kawża C-620/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2018,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, G. Tornyai u minn M. M. Tátrai, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Martínez Iglesias, L. Visaggio u minn A. Tamás, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier, A.-L. Desjonquères, C. Mosser u minn R. Coesme, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn K. Bulterman, C. Schillemans u minn J. Langer, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Havas, M. Kellerbauer, B.-R. Killmann u minn A. Szmytkowska, bħala aġenti,

intervenjenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn A. Norberg, M. Bencze u minn E. Ambrosini, sussegwentement minn A. Norberg, E. Ambrosini, A. Sikora-Kalėda u minn Zs. Bodnár, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier, A.-L. Desjonquères, C. Mosser u minn R. Coesme, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn K. Bulterman, C. Schillemans u minn J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn C. Meyer-Seitz, H. Shev u minn H. Eklinder, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Havas, M. Kellerbauer, B.-R. Killmann u minn A. Szmytkowska, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.-C. Bonichot, M. Vilaras (Relatur), E. Regan, M. Ilešič u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, P. G. Xuereb u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Mejju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, l-Ungerija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, tannulla d-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU 2018, L 173, p. 16, u r-rettifika fil-ĠU 2019, L 91, p. 77) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva kkontestata”) u, sussidjarjament, tannulla diversi dispożizzjonijiet tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 It-Trattat FUE

2        L-Artikolu 9 TFUE huwa fformulat kif ġej:

“Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.”

3        L-Artikolu 53 TFUE jistipula:

“1.      Bl-għan li jkun eħfef għall-persuni li jridu jibdew u ikomplu attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom joħorġu direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali kif ukoll għall-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-bidu u t-tkomplija ta’ l-attivitajiet ta’ dawk li jaħdmu għal rashom.

2.      Fil-każ tal-professjonijiet mediċi, dawk relatati magħhom u dawk farmaċewtiċi, it-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet tiddependi mill-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom fid-diversi Stati Membri.”

4        Skont l-Artikolu 58(1) TFUE:

“Il-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-intestatura dwar it-trasport.”

5        L-Artikolu 62 TFUE jistabbilixxi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 51 sa 54, inklużi, għandhom japplikaw għal ħwejjeġ regolati b’ dan il-Kapitolu.”

6        L-Artikolu 153 TFUE jipprevedi li:

“1.      Bl-għan li jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 151, l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri f’dawn l-oqsma:

a)      it-titjib in partikolari ta’ l-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-siġurtà tal-ħaddiema;

b)      il-kondizzjonijiet tax-xogħol;

c)      is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema;

d)      il-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ li jintemmilhom il-kuntratt ta’ l-impjieg;

e)      l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema;

f)      ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva ta’ l-interessi tal-ħaddiema u s-sidien, inkluża it-tmexxija konġunta, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5;

[...]

2.      Għal dan l-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

a)      jistgħu jadottaw miżuri intiżi sabiex iħajjru koperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta’ inizjattivi mmirati sabiex jameljoraw l-għarfien, jiżviluppaw skambji ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiċi, jippromwovu affronti innovattivi u jivvalutaw l-esperjenzi, b’esklużjoni ta’ kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ l-Istati Membri;

b)      jistgħu jadottaw fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i), permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, għandhom jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u tal-Kumitat tar-Reġjuni..

Fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1 c), d), f) u g), il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, b’ mod unanimu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitati msemmija.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew, jista’ jiddeċiedi li l-proċedura leġislattiva ordinarja tkun applikabbli għall-paragrafu l d), f) u g).

[...]

5.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu la japplikaw għall-pagi, la għad-dritt ta’ assoċjazzjoni, la għad-dritt ta’ l-istrike u lanqas għad dritt li jiġi mpost lock out.”

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-ħaddiema kkollokati

 Id-Direttiva 96/71/KE

7        Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5, Vol. 2, p. 431; u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66) ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 57(2) u tal-Artikolu 66 KE (li saru l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 TFUE rispettivament).

8        Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva 96/71 kellha l-għan li tiggarantixxi lill-ħaddiema kkollokati fit-territorju tal-Istati Membri l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg li jikkonċernaw l-oqsma li hija kienet tkopri li, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu twettaq ix-xogħol, kienu rregolati minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi u/jew minn ftehim kollettiv jew minn sentenzi ta’ arbitraġġ iddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.

9        Fost l-oqsma kkonċernati mid-Direttiva 96/71 kien hemm, fl-Artikolu 3(1)(c) tagħha, dawk relatati mar-rati minimi ta’ ħlas, inklużi dawk miżjuda għas-sahra.

 Id-Direttiva kkontestata

10      Id-Direttiva kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 53(1) TFUE u tal-Artikolu 62 TFUE.

11      Il-premessi 1, 4, 6 u 9 sa 11 tad-Direttiva kkontestata jiddikjaraw:

“(1)      Il-libertà ta’ moviment għall-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma prinċipji fundamentali tas-suq intern imnaqqxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dawk il-prinċipji huma żviluppati aktar mill-Unjoni u huma mmirati biex jiggarantixxu kondizzjonijiet ekwi għan-negozji u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema.

[...]

(4)      Aktar minn għoxrin sena wara l-adozzjoni tagħha, sar neċessarju li jiġi vvalutat jekk id-Direttiva 96/71[...] għadhiex tilħaq bilanċ ġust bejn il-ħtieġa tal-promozzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi, min-naħa l-waħda, u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati [kkollokati], min-naħa l-oħra. Sabiex jiġi żgurat li r-regoli jiġu applikati b’mod uniformi u biex ikun hemm konverġenza soċjali ġenwina, flimkien mar-reviżjoni tad-Direttiva 96/71[...], jenħtieġ li tingħata prijorità lill-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU 2014, L. 159, p. 11)].

[...]

(6)      Il-prinċipju tat-trattament ugwali u l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità ġew mnaqqxa fil-liġi tal-Unjoni sa mit-Trattati fundaturi. Il-prinċipju ta’ paga ugwali ġie implimentat permezz tal-liġi sekondarja mhux biss bejn in-nisa u l-irġiel, iżda wkoll bejn ħaddiema b’kuntratti b’terminu fiss u ħaddiema permanenti komparabbli, bejn ħaddiema part-time u dawk full-time u bejn ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u ħaddiema komparabbli tal-impriża utenti. Dawk il-prinċipji jinkludu l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe miżura li tiddiskrimina direttament jew indirettament għal raġunijiet ta’ nazzjonalità. Fl-applikazzjoni ta’ dawk il-prinċipji, għandha tittieħed inkonsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

[...]

(9)      L-istazzjonar [il-kollokament] huwa ta’ natura temporanja. Il-ħaddiema stazzjonati normalment jirritornaw lejn l-Istat Membru li minnu ġew stazzjonati wara li jkunu lestew ix-xogħol li għalih kienu ġew stazzjonati. Madankollu, minħabba d-durata twila ta’ xi stazzjonamenti u b’rikonoxximent tar-rabta bejn is-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti u l-ħaddiema stazzjonati għal tali perijodi twal, fejn l-istazzjonament idum għal perijodi itwal minn 12-il xahar jenħtieġ li l-Istati Membri ospitanti jiżguraw li impriżi li jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju tagħhom jiggarantixxu lil dawk il-ħaddiema sett addizzjonali ta’ termini u kondizzjonijiet tal-impjieg li jkunu applikabbli b’mod obbligatorju għall-ħaddiema fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol. Dak il-perijodu jenħtieġ li jiġi estiż fejn il-fornitur tas-servizz jippreżenta notifika motivata.

(10)      Huwa neċessarju li tiġi żgurata protezzjoni akbar tal-ħaddiema biex tkun salvagwardata l-libertà li jiġu pprovduti, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll dak fit-tul, servizzi fuq bażi ġusta, b’mod partikolari billi jiġi evitat l-abbuż tad-drittijiet garantiti mit-Trattati. Madankollu, ir-regoli li jiżguraw tali protezzjoni għall-ħaddiema ma jistgħux jaffettwaw id-dritt ta’ dawk impriżi li jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li jinvokaw il-libertà li jipprovdu servizzi, inkluż f’każijiet fejn stazzjonament jaqbeż it-12-il xahar jew, fejn applikabbli, it-18-il xahar. Kwalunkwe dispożizzjoni applikabbli għal ħaddiema stazzjonati fil-kuntest ta’ stazzjonament li jaqbeż it-12-il xahar jew, fejn applikabbli, it-18-il xahar għandha b’hekk tkun kompatibbli ma’ dik il-libertà. Skont każistika stabbilita, restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi huma permissibbli biss jekk ikunu ġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u jekk ikunu proporzjonati u neċessarji.

(11)      Fejn stazzjonament jaqbeż it-12-il xahar jew, fejn applikabbli, it-18-il xahar, is-sett addizzjonali ta’ termini u kondizzjonijiet tal-impjieg li għandu jiġi ggarantit mill-impriża li tistazzjona ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jenħtieġ li jkopri wkoll ħaddiema li jkunu stazzjonati biex jissostitwixxu ħaddiema stazzjonati oħra li jwettqu l-istess xogħol fl-istess post, biex jiġi żgurat li tali sostituzzjonijiet ma jintużawx biex jiġu evitati r-regoli altrimenti applikabbli.”

12      Il-premessi 16 sa 19 ta’ din id-direttiva huma fformulati kif ġej:

“(16)      F’suq intern tassew integrat u kompetittiv, l-impriżi jikkompetu abbażi ta’ fatturi bħall-produttività, l-effiċjenza, u l-edukazzjoni u l-livell ta’ ħiliet tal-forza tax-xogħol, kif ukoll il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tagħhom u l-grad tal-innovazzjoni tagħhom.

(17)      Huwa fil-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu regoli dwar ir-remunerazzjoni f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali. L-Istati Membri u s-sħab soċjali biss għandhom il-kompitu li jiffissaw il-pagi. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex ma jiġux imminati s-sistemi nazzjonali tal-iffissar tal-pagi jew il-libertà tal-partijiet involuti.

(18)      Meta jitqabblu r-remunerazzjoni mħallsa lil ħaddiem stazzjonat u r-remunerazzjoni dovuta skont il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, jenħtieġ li jittieħed kont tal-ammont gross tar-remunerazzjoni. Jenħtieġ li jiġu mqabbla l-ammonti grossi totali tar-remunerazzjoni, u mhux l-elementi kostitwenti individwali tar-remunerazzjoni li huma magħmula obbligatorji kif previst b’din din id-Direttiva. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u biex l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti jiġu assistiti fit-twettiq ta’ verifiki u kontrolli, huwa neċessarju li l-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni jkunu jistgħu jiġu identifikati f’dettall suffiċjenti skont il-liġi u’jew il-prattika nazzjonali tal-Istat Membru li minnu ġie stazzjonat il-ħaddiem. Sakemm l-allowances speċifiċi għall-istazzjonament ma jikkonċernawx spejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonament, bħall-ispejjeż tal-ivjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ, jenħtieġ li dawn jitqiesu bħala parti mir-remunerazzjoni u jenħtieġ li jitqiesu għall-finijiet tat-tqabbil tal-ammont grossi totali tar-remunerazzjoni.

(19)      L-allowances speċifiċi għall-istazzjonament spiss jaqdu diversi skopijiet. Sakemm l-iskop tagħhom huwa r-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minħabba l-istazzjonament, bħal spejjeż tal-ivjaġġar, l-ikel jew l-alloġġ, jenħtieġ li dawn ma jiġux ikkunsidrati bħala parti mir-remunerazzjoni. Huwa f’idejn l-Istati Membri, f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali tagħhom, li jistabbilixxu regoli dwar ir-rimborż ta’ tali spejjeż. Min iħaddem jenħtieġ li jirrimborża lill-ħaddiema stazzjonati għal tali spejjeż f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg.”

13      Skont il-premessa 24 tal-imsemmija direttiva:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas ibbilanċjat fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati, li huwa nondiskriminatorju, trasparenti u proporzjonat filwaqt li jirrispetta d-diversità tar-relazzjonijiet industrijali nazzjonali. Din id-Direttiva ma tipprevjenix l-applikazzjoni ta’ termini u ta’ kondizzjonijiet tax-xogħol li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema stazzjonati.”

14      L-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva kkontestata jdaħħal il-paragrafi 1 u 1a fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71:

“1.      [Id-Direttiva 96/71] għandha tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema stazzjonati matul l-istazzjonar tagħhom fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi jiġu stipulati dispożizzjonijiet obbligatorji rigward il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema li għandhom jiġu rrispettati.

1a.      [Id-Direttiva 96/71] ma għandha bl-ebda mod taffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, inkluż id-dritt jew il-libertà tal-istrajk jew li jittieħdu azzjonijiet oħra koperti bis-sistemi speċifiċi ta’ relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri, f’konformità mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali. Lanqas ma taffettwa d-dritt tan-negozjar, il-konklużjoni u l-infurzar ta’ ftehimiet kollettivi, jew li tittieħed azzjoni kollettiva f’konformità mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali.”

15      L-Artikolu 1(2)(a) tad-direttiva kkontestata jemenda l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, iżid il-punti (h) u (i) f’dan is-subparagrafu u jdaħħal it-tielet subparagrafu f’dan l-Artikolu 3(1) kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw, irrispettivament minn liema liġi tkun tapplika għar-relazzjonijiet tal-impjieg, li impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu, abbażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament, lill-ħaddiema li jkunu stazzjonati fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg li jkopru l-kwistjonijiet li ġejjin li jkunu stipulati fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol:

–        skont dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, u/jew

–        skont ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ li jkunu ġew iddikjarati applikabbli universalment jew li japplikaw mod ieħor f’konformità mal-paragrafu 8:

[...]

(c)      ir-remunerazzjoni, inkluż ir-rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali tal-irtirar supplementari;

[...]

(h)      il-kondizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tal-ħaddiema fejn ipprovduti minn min iħaddem lil ħaddiema li jkunu l-bogħod mill-post tax-xogħol regolari tagħhom;

(i)      allowances jew rimborż ta’ spejjeż biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ vjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ għal ħaddiema l-bogħod mid-dar għal raġunijiet professjonali.

[...]

Għall-finijiet [tad-Direttiva 96/71], il-kunċett ta’ remunerazzjoni għandu jiġi ddeterminat mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem u jfisser l-elementi kostitwenti kollha tar-remunerazzjoni magħmula obbligatorji permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, ftehimiet kollettivi jew sentenza ta’ arbitraġġ nazzjonali li, f’dak l-Istat Membru, tkun ġiet iddikjarata universalment applikabbli jew tapplika mod ieħor f’konformità mal-paragrafu 8.”

16      L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva kkontestata jdaħħal il-paragrafu 1a fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, li huwa fformulat kif ġej:

“Fejn id-durata effettiva tal-stazzjonar taqbeż it-12-il xahar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, irrispettivament minn liema liġi tapplika għar-relazzjonijiet tal-impjieg, li impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu, abbażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament, lill-ħaddiema stazzjonati li jkunu fit-territorju tagħhom, flimkien mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli kollha tal-impjieg li jkunu stipulati fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol:

–        skont dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, u/jew

–        skont ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ li jkunu ġew iddikjarati applikabbli universalment jew li japplikaw mod ieħor skont il-paragrafu 8.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)      il-proċeduri, il-formalitajiet u l-kondizzjonijiet tal-konklużjoni u t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg, inkluż klawżoli ta’ nonkompetizzjoni;

(b)      skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali tal-irtirar supplementari.

Fejn il-fornitur ta’ servizz jippreżenta notifika motivata, l-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz għandu jestendi l-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għal 18-il xahar.

Fejn impriża kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) tissostitwixxi ħaddiem stazzjonat b’ħaddiem stazzjonat ieħor li jwettaq l-istess xogħol fl-istess post, id-durata tal-istazzjonament, għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, għandha tkun id-durata kumulattiva tal-perijodi ta’ stazzjonament tal-ħaddiema stazzjonati individwali kkonċernati.

Il-kunċett ta’ ‘l-istess xogħol fl-istess post' imsemmi fir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi ddeterminat filwaqt li jittieħed kont fost l-oħrajn tan-natura tas-servizz li għandu jiġi pprovdut, ix-xogħol li għandu jitwettaq u l-indirizz(i) tal-post tax-xogħol.”

17      Skont l-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva kkontestata, l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 huwa redatt kif ġej:

“Il-paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx jipprevjenu l-applikazzjoni ta’ termini u kondizzjonijiet ta’ impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

L-allowances speċifiċi għall-istazzjonament għandhom jitqiesu bħala parti mir-remunerazzjoni, sakemm ma jitħallsux bħala rimborż ta’ spejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonament, bħal spejjeż tal-ivvjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ. Min iħaddem jenħtieġ li, mingħajr preġudizzju għall-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jirrimborża lill-ħaddiema stazzjonat għal tali spejjeż f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg.

Fejn it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli għar-relazzjoni tal-impjieg ma jiddeterminawx jekk u, fil-każ li iva liema, elementi tal-allowance speċifika għall-istazzjonament jitħallsux bħala rimborż ta’ spejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonament jew li humiex parti mir-remunerazzjoni, allura l-allowance sħiħa għandha titqies li tkun tħallset bħala rimborż ta’ spejjeż effettivament.”

18      L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva kkontestata jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għas-settur tat-trasport bit-triq mid-data tal-applikazzjoni ta’ att leġislattiv li jemenda d-Direttiva 2006/22/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU 2006, L 102, p. 35)] fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ infurzar u li jistabbilixxi regoli speċifiċi fir-rigward tad-Direttiva 96/71[...] u d-Direttiva 2014/67[...] għall-istazzjonar tax-xufiera fil-qasam tat-trasport bit-triq.”

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali

19      Il-premessa 40 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6 u rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ‘Ruma I'”), tiddikjara:

“Għandha tiġi evitata sitwazzjoni fejn ir-regoli tal-konflitt tal-liġijiet ikunu dispersi bejn diversi strumenti u fejn ikun hemm differenzi bejn dawk ir-regoli. Madankollu dan ir-Regolament m’għandux jeskludi l-possibbiltà ta’ inklużjoni ta’ regoli tal-konflitt tal-liġijiet relatati ma’ l-obbligazzjonijiet kuntrattwali f’dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari.

Dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ strumenti oħra li jistipulaw dispożizzjonijiet imfassla sabiex jikkontribwixxu għall-funzjonament korrett tas-suq intern sa fejn dawn ma jkunux jistgħu jiġu applikati b’mod konġunt mal-liġi indikata mir-regoli ta’ dan ir-Regolament. [...]”

20      L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kuntratti individwali ta’ impjieg”, jipprovdi:

“1.      Kuntratt individwali ta’ impjieg għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skond l-Artikolu 3. Madankollu, tali għażla ma tistax twassal li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz ta’ dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt individwali ta’ l-impjieg ma ntgħażlitx mill-partijiet, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-impjegat abitwalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-pajjiż li fih ix-xogħol abitwalment jitwettaq m’għandux jitqies li nbidel jekk il-persuna tiġi impjegata temporanjament f’pajjiż ieħor.

[...]”

21      L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi [tal-Unjoni]”, jipprevedi:

“Bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 7, dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi [tal-Unjoni] li, fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari, jistipulaw regoli tal-konflitt tal-liġijiet relatati ma’ obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22      L-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament:

–        tannulla d-dispożizzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-direttiva kkontestata, li tistabbilixxi t-test tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) il-ġdid u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) il-ġdid tad-Direttiva 96/71;

–        tannulla l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva kkontestata, li jistabbilixxi t-test tal-Artikolu 3(1a) il-ġdid tad-Direttiva 96/71.

–        tannulla l-Artikolu 1(2)(c) tad-Deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni kkontestata, et;

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

23      Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

24      Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Ungerija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża fl-Awla Manja.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 2019, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 2019, ir-Renju tal-Isvezja ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

27      Insostenn tar-rikors tagħha, l-Ungerija tqajjem ħames motivi bbażati, fuq l-għażla ta’ bażi legali żbaljata għall-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, fuq il-ksur tal-Artikolu 153(5) TFUE u fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter, fuq ksur tal-Artikolu 56 TFUE, fuq ksur ta’ dan l-artikolu sa fejn id-Direttiva kkontestata teskludi l-implimentazzjoni effettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq ksur tar-Regolament “Ruma I” kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva, rispettivament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-għażla ta’ bażi legali żbaljata għall-finijiet tal-adozzjoni tad-direttiva kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

28      L-Ungerija ssostni li, billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ħax inkunsiderazzjoni l-bażi legali korretta għall-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata. Permezz tal-għan u l-kontenut tagħha, din id-direttiva hija intiża esklużivament jew prinċipalment biex tipproteġi lill-ħaddiema u ma hijiex intiża biex telimina ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

29      L-Ungerija tqis, f’dan ir-rigward, li l-bażi legali relatata mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi la testendi għall-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u lanqas għall-atti li jistgħu jiġu adottati f’dan il-qasam, li huma msemmija fl-Artikolu 153 TFUE.

30      Issa, l-għan fundamentali tad-Direttiva kkontestata huwa li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema, b’mod partikolari permezz tal-estensjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet tal-ħaddiema għal dawk li jipprovdu servizzi transkonfinali fil-kuntest ta’ kollokament. Dawn jibbenefikaw mir-remunerazzjoni kollha prevista mid-dritt tal-Istat Membru ospitanti.

31      Madankollu, fid-dawl tal-effett protezzjonist tagħha, id-Direttiva kkontestata tmur kontra l-għanijiet ta’ żieda fil-kompetittività tal-Unjoni kif ukoll tal-koeżjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

32      Barra minn hekk, l-Ungerija tirrileva li l-Kunsill ma speċifikax liema kienu d-dispożizzjonijiet imperattivi ta’ din id-direttiva li kienu jippermettu li tiġi msaħħa realment il-libertà li jiġu pprovduti servizzi permezz tal-protezzjoni tal-ħaddiema u l-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali.

33      Għaldaqstant, mill-eżami tal-kontenut tal-imsemmija direttiva l-Ungerija tiddeduċi li din ma tinkludix elementi ta’ natura li jiġġustifikaw l-għażla tal-bażi legali adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

34      Hija tikkunsidra li l-istess japplika kieku l-kontenut u l-għanijiet tad-direttiva kkontestata kellhom jiġu eżaminati flimkien mal-att li hija temenda peress li din id-direttiva ddefinixxiet l-għan tad-Direttiva 96/71 b’tali mod li dan jirrigwarda esklużivament il-garanzija tal-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati.

35      Hija tal-fehma li l-ħtieġa li l-emendi jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom u li jiġi eżaminat att leġiżlattiv kollu kemm hu ma timplikax li l-bażi legali tal-att li jemenda għandha tiġi stabbilita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni esklużivament l-għanijiet u l-kontenut tal-att emendat.

36      Minn dan l-Ungerija tikkonkludi li l-bażi legali għandha tiġi ddeterminata, qabel kollox, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-att li jemenda u li l-Artikolu 153(2)(b) TFUE seta’ kkostitwixxa bażi legali xierqa peress li d-Direttiva kkontestata tilleġiżla fuq kwistjonijiet li jaqgħu b’mod iktar speċifiku taħt din id-dispożizzjoni milli taħt l-Artikoli 53 u 62 TFUE.

37      Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argument tal-Ungerija.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Preliminarjament, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fejn fosthom jinsabu l-iskop u l-kontenut ta’ dan l-att. Jekk l-eżami tal-att ikkonċernat juri li dan għandu żewġ skopijiet jew li għandu komponenti doppja u jekk wieħed minn dawn ikun identifikabbli bħala ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun biss sekondarju, dan l-att għandu jiġi bbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik mitluba mill-iskop jew mill-komponent ewlieni jew predominanti (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-482/17, EU:C:2019:1035, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Għandu jiġi rrilevat ukoll li sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali xierqa jista’ jittieħed inkunsiderazzjon l-kuntest ġuridiku li fih taqa’ leġiżlazzjoni ġdida, b’mod partikolari sa fejn tali kuntest jista’ jipprovdi kjarifika dwar l-għan li din il-leġiżlazzjoni tixtieq tilħaq (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-482/17, EU:C:2019:1035, punt 32).

40      Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda leġiżlazzjoni li, bħad-direttiva kkontestata, temenda leġiżlazzjoni eżistenti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-bażi legali tagħha, il-leġiżlazzjoni eżistenti li hija temenda u, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tagħha (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-482/17, EU:C:2019:1035, punt 42).

41      Barra minn hekk, meta att leġiżlattiv ikun diġà kkoordina l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’qasam partikolari ta’ azzjoni tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jadatta dan l-att għal kull bidla fiċ-ċirkustanzi jew għal kull żvilupp ta’ għarfien fid-dawl tal-kompitu tiegħu li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi ġenerali rrikonoxxuti mit-Trattat FUE u li jieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet trażversali tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 9 ta’ dan it-Trattat, li fosthom hemm ir-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg kif ukoll il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C-201/15, EU:C:2016:972, punt 78).

42      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jwettaq b’mod korrett il-kompitu tiegħu li jiżgura l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi ġenerali u ta’ dawn l-għanijiet trażversali tal-Unjoni rrikonoxxuti mit-Trattat biss jekk ikun possibbli għalih li jadatta l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni għal tali emendi jew żviluppi (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-482/17, EU:C:2019:1035, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li ladarba fit-Trattati jkun hemm dispożizzjoni iktar speċifika li tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali tal-att inkwistjoni, dan għandu jkun ibbażat fuq din id-dispożizzjoni (sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-48/14, EU:C:2015:91, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      It-tielet nett, mill-qari flimkien tal-Artikolu 53(1) u tal-Artikolu 62 TFUE jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa kompetenti biex jadotta direttivi intiżi, b’mod partikolari, għall-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar l-aċċess għall-attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi u l-eżerċizzju tagħhom, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dawn l-attivitajiet u l-eżerċizzju tagħhom.

45      Għaldaqstant dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lil-leġiżlatur tal-Unjoni jikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistgħu, bid-diskrepanza tagħhom stess, jostakolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-Istati Membri.

46      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott minn dan li billi jikkoordina tali leġiżlazzjonijiet il-leġiżlatur tal-Unjoni ma għandux ukoll jiżgura l-osservanza tal-interess ġenerali, imfittex mid-diversi Stati Membri, u tal-għanijiet, stabbiliti fl-Artikolu 9 TFUE, li l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha tagħha, li fosthom jinsabu r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

47      Għaldaqstant, ladarba l-kundizzjonijiet għall-użu tal-Artikolu 53(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 62 TFUE, bħala bażi legali jiġu ssodisfatti l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi pprojbit milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li jkun ħa inkunsiderazzjoni wkoll tali rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-233/94, EU:C:1997:231, punt 17, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Minn dan isegwi li l-miżuri ta’ koordinazzjoni adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 53(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 62 TFUE, għandhom mhux biss ikollhom l-għan li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi iżda wkoll li jiżguraw, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni ta’ interessi fundamentali oħrajn li din il-libertà tista’ taffettwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, peress li d-Direttiva kkontestata temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71 jew tinserixxi dispożizzjonijiet ġodda fiha, din l-aħħar direttiva tagħmel parti mill-kuntest ġuridiku tad-Direttiva kkontestata, kif juru, b’mod partikolari, il-premessi 1 u 4 tagħha li jiddikjaraw, għall-ewwel waħda, li l-Unjoni ssaħħaħ il-prinċipji fundamentali tas-suq intern li huma l-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li huma intiżi li jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi għall-impriżi u l-osservanza tad-drittijiet tal-ħaddiema u, għat-tieni waħda, li iktar minn għoxrin sena wara l-adozzjoni tagħha, huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk id-Direttiva 96/71 għadhiex tistabbilixxi bilanċ ġust bejn, minn naħa, in-neċessità li tippromwovi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li tiżgura kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema kkollokati.

50      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan tagħha, id-Direttiva kkontestata, ikkunsidrata flimkien mad-direttiva li hija temenda, hija intiża sabiex tistabbilixxi bilanċ bejn żewġ interessi, jiġifieri, minn naħa, li tiggarantixxi lill-impriżi tal-Istati Membri kollha l-possibbiltà li jipprovdu servizzi fi ħdan is-suq intern billi jiġu kkollokati ħaddiema tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti lejn l-Istat Membru fejn huma jeżegwixxu s-servizzi tagħhom u, min-naħa l-oħra, li tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema kkollokati.

51      Għal dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprova, billi adotta d-Direttiva kkontestata, jiżgura l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fuq bażi ekwa, jiġifieri f’kuntest leġiżlattiv li jiggarantixxi kompetizzjoni li ma tkunx ibbażata fuq l-applikazzjoni, fl-istess Stat Membru, ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg ta’ livell sostanzjalment differenti skont jekk il-persuna li timpjega tkunx stabbilita jew le f’dan l-Istat Membru, filwaqt li offra protezzjoni ikbar lill-ħaddiema kkollokati, peress li din il-protezzjoni tikkostitwixxi, barra minn hekk, kif turi l-premessa 10 ta’ din id-direttiva, il-mezz li bih “tkun salvagwardata l-libertà li jiġu pprovduti [...] servizzi fuq bażi ġusta”.

52      Għal dan il-għan, l-imsemmija direttiva hija intiża li tirrendi l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema kkollokati l-iktar qrib possibbli għal dawk tal-ħaddiema impjegati minn impriżi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u sabiex b’hekk tiżgura protezzjoni ikbar tal-ħaddiema kkollokati f’dan l-Istat Membru.

53      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontenut tagħha, id-direttiva kkontestata hija intiża, b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet ikkritikati mill-Ungerija, għal teħid inkunsiderazzjoni ikbar tal-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati, dejjem bil-għan li jiġi żgurat l-eżerċizzju ekwu tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Istat Membru ospitanti.

54      F’dan is-sens, l-ewwel nett, l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jemenda l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 96/71, billi jinkludi, minn naħa, paragrafu 1 li jdaħħal fl-għan tagħha l-garanzija tal-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati matul il-kollokament tagħhom u, min-naħa l-oħra, paragrafu 1a li jispeċifika li d-Direttiva 96/71 ma tippreġudika b’ebda mod l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni.

55      It-tieni nett, l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva kkontestata jagħmel bidliet fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, billi jirreferi għall-ugwaljanza fit-trattament bħala bażi għall-garanzija li għandha tingħata lill-ħaddiema kkollokati fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg. Huwa jestendi l-lista tas-suġġetti kkonċernati minn din il-garanzija, minn naħa, għall-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni tal-ħaddiema meta l-persuna li timpjega toffri akkomodazzjoni lill-ħaddiema li ma humiex residenti fil-post tax-xogħol abitwali tagħhom u, min-naħa l-oħra, għall-allowances u għar-rimbors tal-ispejjeż sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni kif ukoll tal-ikel tal-ħaddiema li jinsabu ’l bogħod mir-residenza tagħhom għal raġunijiet professjonali. Barra minn hekk, fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, kif emendata bid-Direttiva kkontestata (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/71 emendata”), il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” jissostitwixxi dak ta’ “rati minimi ta’ ħlas”.

56      It-tielet nett, id-Direttiva kkontestata toħloq gradazzjoni fl-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-Istat Membru ospitanti, billi timponi, permezz tal-inklużjoni tal-Artikolu 3(1a) fid-Direttiva 96/71, applikazzjoni ta’ kważi dawn il-kundizzjonijiet kollha meta t-tul effettiv ta’ kollokament ikun, bħala regola ġenerali, ta’ iktar minn tnax-il xahar.

57      Minn dak li ntqal jirriżulta li, bil-kontra tal-argument żviluppat mill-Ungerija, id-Direttiva kkontestata hija tali li ssaħħaħ il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fuq bażi ekwa, li huwa l-għan prinċipali tagħha, sa fejn tiżgura li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema kkollokati jkunu l-iktar qrib possibbli għal dawk tal-ħaddiema impjegati minn impriżi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti filwaqt li dawn il-ħaddiema kkollokati jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg f’dan l-Istat Membru iktar protettivi minn dawk previsti mid-Direttiva 96/71.

58      Fit-tielet lok, għalkemm id-Direttiva 96/71 tirreferi, fil-premessa 1 tagħha, għall-abolizzjoni bejn l-Istati Membri tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi, hija tippreċiża, fil-premessa 5 tagħha, li l-ħtieġa li tiġi promossa l-provvista ta’ servizzi transnazzjonali għandha sseħħ fil-kuntest ta’ kompetizzjoni leali u ta’ miżuri li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema.

59      Huwa f’din il-perspettiva li l-premessi 13 u 14 ta’ din id-direttiva jiddikjaraw il-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri b’mod li jipprevedu “nukleu iebes” ta’ regoli obbligatorji ta’ protezzjoni minima li għandhom jiġu osservati fl-Istat Membru ospitanti mill-persuni li jimpjegaw u li jikkollokaw ħaddiema hemmhekk.

60      Minn dan jirriżulta li, sa mill-adozzjoni tagħha, id-Direttiva 96/71, filwaqt li kellha l-għan li ttejjeb il-libertà li jiġu pprovduti servizzi transnazzjonali, kienet diġà tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li tiġi ggarantita kompetizzjoni li ma tkunx ibbażata fuq l-applikazzjoni, fl-istess Stat Membru, ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg ta’ livell sostanzjalment differenti, skont jekk il-persuna li timpjega hijiex stabbilita jew le f’dan l-Istat Membru, u għalhekk il-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva kien jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-Istat Membru ospitanti li kellhom jiġu ggarantiti lill-ħaddiema kkollokati fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru mill-persuni li jimpjegaw u li jikkollokawhom sabiex iwettqu hemmhekk provvisti ta’ servizzi.

61      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif issemma fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta att leġiżlattiv ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jadatta dan l-att għal kull bidla fiċ-ċirkustanzi jew għal kull żvilupp ta’ għarfien, fid-dawl tal-kompitu tiegħu li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi ġenerali rrikonoxxuti mit-Trattat FUE.

62      Issa, għandu jiġi rrilevat, skont il-kuntest ġuridiku usa’ li fih ġiet adottata d-direttiva kkontestata, li s-suq intern evolva b’mod sinjifikattiv sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/71, fejn fi ħdan din l-evoluzzjoni hemm l-ikbar tkabbir sussegwenti tal-Unjoni, matul is-snin 2004, 2007 u 2013, li kellhom bħala effett li f’dan is-suq jipparteċipaw l-impriżi tal-Istati Membri fejn kienu, b’mod ġenerali, applikabbli kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg differenti minn dawk applikabbli fl-Istati Membri l-oħra.

63      Barra minn hekk, kif irrileva l-Parlament, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-Dokument ta’ Ħidma tagħha SWD(2016) 52 final, tat-8 ta’ Marzu 2016, intitolat “Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71” (iktar’ il quddiem l-“analiżi tal-impatt”), li d-Direttiva 96/71 kienet il-kawża ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ekwi bejn impriżi stabbiliti fi Stat Membru ospitanti u impriżi li jikkollokaw ħaddiema f’dan l-Istat Membru, kif ukoll ta’ segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, minħabba distinzjoni strutturali tar-regoli dwar is-salarji applikabbli għall-ħaddiema rispettivi tagħhom.

64      Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan li kellu jintlaħaq mid-Direttiva 96/71, jiġifieri li tiġi żgurata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi transnazzjonali fi ħdan is-suq intern fil-kuntest ta’ kompetizzjoni leali u li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’, b’teħid inkunisderazzjoni tal-iżvilupp taċ-ċirkustanzi u tal-għarfien enfasizzati fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, jibbaża ruħu, waqt l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, fuq l-istess bażi legali bħal dik użata għall-adozzjoni tal-imsemmija Direttiva 96/71. Fil-fatt, sabiex dan l-għan jintlaħaq bl-aħjar mod f’kuntest li kien inbidel, dan il-leġiżlatur seta’ jqis bħala li huwa neċessarju li jadatta l-bilanċ li fuqu kienet ibbażata d-Direttiva 96/71 billi jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema kkollokati fl-Istat Membru ospitanti b’tali mod li l-kompetizzjoni bejn l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema f’dan l-Istat Membru u l-impriżi stabbiliti fih jiżviluppaw f’kundizzjonijiet iktar ekwi.

65      Għandu jingħad ukoll li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, l-Artikolu 153 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali iktar speċifika, li abbażi tagħha d-Direttiva kkontestata setgħet tiġi adottata. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 153 jirrigwarda biss il-protezzjoni tal-ħaddiema u mhux il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni.

66      Ċertament, l-Artikolu 153(2) TFUE jinkludi żewġ bażijiet legali distinti fid-dispożizzjonijiet (a) u (b) tiegħu. Madankollu, l-ebda waħda minn fosthom ma tista’ sservi bħala bażi għad-Direttiva kkontestata.

67      Fil-fatt, l-Artikolu 153(2)(a) TFUE sempliċement jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam soċjali, li la jikkorrispondi għall-għan tad-Direttiva kkontestata, jiġifieri li tiġi stabbilita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fuq bażi ekwa, u lanqas għall-kontenut tagħha, li jinkludi miżuri ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg.

68      Fir-rigward tal-Artikolu 153(2)(b) TFUE, għalkemm dan jippermetti lill-Unjoni tadotta miżuri ta’ armonizzazzjoni f’ċerti oqsma li jaqgħu taħt il-politika soċjali tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva kkontestata b’ebda mod ma tikkostitwixxi direttiva ta’ armonizzazzjoni, peress li hija sempliċement tirrendi vinkolanti ċerti regoli tal-Istat Membru ospitanti f’każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, filwaqt li tosserva, kif jirriżulta mill-premessa 24 ta’ din id-direttiva, id-diversità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol fil-livell nazzjonali.

69      Konsegwentement, l-Artikolu 153 TFUE ma setax jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Direttiva kkontestata.

70      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 153(5) TFUE u fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter

 L-argumenti tal-partijiet

71      Skont l-Ungerija, id-Direttiva kkontestata tmur kontra l-Artikolu 153(5) TFUE, li jeskludi r-regolamentazzjoni tar-remunerazzjoni tax-xogħol b’salarju mill-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

72      Fil-fatt, hija tal-fehma li, billi emendat il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, id-direttiva kkontestata tiddetermina direttament ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkollokati fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali.

73      F’dan ir-rigward, filwaqt li tibbaża ruħha fuq ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, EU:C:2007:509, punti 40 u 46, kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, EU:C:2008:223, punt 123), hija tirrileva li r-raġuni għall-eċċezzjoni dwar ir-remunerazzjonijiet stabbilita fl-Artikolu 153(5) TFUE hija dovuta għall-fatt li l-iffissar tal-livell tar-remunerazzjonijiet jaqa’ taħt l-awtonomija kuntrattwali tal-imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali kif ukoll taħt il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

74      Id-Direttiva kkontestata timponi l-applikazzjoni ta’ regoli vinkolanti skont il-leġiżlazzjoni jew il-prattiki nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti għal dak li jikkonċerna t-totalità, bl-eċċezzjoni tal-iskemi komplementari ta’ rtirar professjonali, tal-kundizzjonijiet tal-impjieg marbuta mar-remunerazzjoni, li jinkludi d-determinazzjoni tal-ammont tagħha. Din id-direttiva timplika għalhekk indħil dirett tad-dritt tal-Unjoni fid-determinazzjoni tar-remunerazzjonijiet.

75      L-Ungerija tikkonkludi li l-għażla ta’ bażi legali mhux xierqa hija mezz biex jinħeba l-użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Unjoni meta adottat id-Direttiva kkontestata.

76      Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argument tal-Ungerija.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77      It-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet li jgħidu, minn naħa, li d-Direttiva kkontestata tmur kontra l-Artikolu 153(5) TFUE, li jeskludi l-leġiżlazzjoni tar-remunerazzjoni tax-xogħol b’salarju mill-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, li bl-adozzjoni ta’ din id-direttiva, dan tal-aħħar wettaq użu ħażin ta’ poter.

78      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, għandu qabel kollox jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 69 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 153 TFUE ma setax jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Direttiva kkontestata.

79      Fil-fatt, din sempliċement tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema, billi tobbliga lill-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fi Stat Membru differenti minn dak li fih huma stabbiliti jagħtu lil dawn tal-aħħar uħud jew kważi l-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol u tal-impjieg previsti mir-regoli mandatorji ta’ dan l-Istat Membru, inklużi dawk li jirrigwardaw ir-remunerazzjonijiet li għandhom jitħallsu lill-ħaddiema kkollokati.

80      Peress li l-Artikolu 153(5) TFUE jipprevedi eċċezzjoni għall-kompetenzi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ewwel paragrafi ta’ dan l-artikolu, li ma jistgħux iservu ta’ bażi legali għad-direttiva kkontestata u għalhekk ma humiex applikabbli, ma jistax jaffettwa l-validità ta’ din id-direttiva.

81      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

82      Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ dan il-motiv, għandu jitfakkar li att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk, fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, ikun jidher li dan ġie adottat esklużivament jew tal-inqas b’mod determinanti, għal skopijiet differenti minn dawk li għalihom tkun ingħatat is-setgħa inkwistjoni jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat FUE bl-għan li jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami (ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-146/13, EU:C:2015:298, punt 56).

83      Skont l-Ungerija, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq użu ħażin ta’ poter billi għażel bażi legali mhux xierqa, jiġifieri l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 TFUE, sabiex jaħbi l-indħil tiegħu fid-determinazzjoni tar-remunerazzjonijiet, bi ksur tal-Artikolu 153(5) TFUE.

84      Issa, mill-eżami tal-ewwel motiv tar-rikors jirriżulta li d-Direttiva kkontestata ġiet, ġustament, adottata fuq il-bażi legali tal-Artikolu 53(1) u tal-Artikolu 62 TFUE, u mill-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv jirriżulta li, għaldaqstant, din id-direttiva ma ġietx adottata bi ksur tal-Artikolu 153(5) TFUE.

85      Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u, magħha, dan il-motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 56 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

86      Permezz tat-tielet motiv tagħha, l-Ungerija ssostni li d-Direttiva kkontestata tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE. Dan it-tielet motiv jinqasam f’ħames partijiet.

87      Fl-ewwel parti, l-Ungerija, filwaqt li tibbaża ruħha fuq id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), issostni li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi timplimenta l-prinċipju fundamentali li kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tal-impjieg applikati skont id-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru ieħor peress li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema kkollokati hija suffiċjentement iggarantita mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini.

88      Issa, l-Ungerija hija tal-opinjoni li d-Direttiva 96/71, qabel ma ġiet emendata bid-Direttiva kkontestata, kienet toffri protezzjoni adegwata għall-ħaddiema kkollokati billi timponi, mill-perspettiva tar-remunerazzjonijiet, il-ħlas tas-salarju minimu tal-Istat Membru ospitanti. Hija tinnota li, billi timponi l-ħlas tar-remunerazzjonijiet previsti minn dan l-Istat Membru, id-Direttiva kkontestata tqiegħed f’dubju l-kapaċità tas-salarju minimu ta’ tali Stat li jiggarantixxi l-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, fi kliem ieħor li jkopri l-għoli tal-ħajja fl-imsemmi Stat.

89      Hija tenfasizza li din l-emenda lanqas ma sservi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda tikkostitwixxi ndħil dirett fir-relazzjonijiet ekonomiċi u teqred il-vantaġġ kompetittiv legali ta’ ċerti Stati Membri identifikabbli sew li fihom il-livell tar-remunerazzjonijiet huwa inqas għoli, peress li b’dan il-mod il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa miżura li għandha bħala effett li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

90      Barra minn hekk, hija tirrileva li l-Kummissjoni, fl-analiżi tal-Impatt, ma kinitx kapaċi tinvoka kwalunkwe data numerika li setgħet turi li l-protezzjoni tal-ħaddiema kienet teħtieġ li tiġi emendata d-Direttiva 96/71 għal dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni applikabbli għall-ħaddiema kkollokati.

91      Fl-aħħar nett, l-Ungerija tagħmel paragun mal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, li tipprovdi li l-livell ta’ protezzjoni offrut lill-ħaddiema kkollokati mill-Istat Membru ta’ oriġini jitqies li huwa xieraq u s-sitwazzjoni tal-ħaddiem ikkollokat hija eżaminata individwalment skont diversi kriterji peress li l-għan huwa li jiġi evitat il-kumulu ta’ drittijiet nazzjonali.

92      Fit-tieni parti, l-Ungerija ssostni li r-regola li tinsab fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 emendata, li tuża l-kunċett ta’ “remunerazzjoni” minflok dak ta’ rati minimi ta’ ħlas, tmur kontra l-għan li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema tal-Istat Membru ospitanti u dawk li huma kkollokati f’dan l-Istat Membru, peress li hija timponi fuq l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li jħallsu, lill-impjegati li huma jikkollokaw fi Stat Membru ieħor, remunerazzjoni stabbilita fid-dawl tal-prattiki ta’ dan l-aħħar Stat, li ma humiex bil-fors applikabbli għall-impriżi ta’ dan l-istess Istat Membru, billi dawn tal-aħħar inġenerali huma marbuta biss bir-rekwizit ta’ salarju minimu. Minn dan jirriżulta li r-rata ta’ paga minima tal-Istat Membru ospitanti hija kkunsidrata bħala li hija suffiċjenti għall-ħaddiema ta’ dan l-Istat Membru iżda mhux għall-ħaddiema kkollokati.

93      L-Ungerija tqis, ukoll, li l-obbligu ta’ rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u tal-ikel, impost fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 emendata, impost fuq l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fi Stat Membru ieħor, imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

94      Fl-aħħar nett, hija tfakkar li l-oqsma tas-sigurtà soċjali u tat-tassazzjoni tal-ħaddiema, li fihom ċerti Stati Membri huma preżunti li għandhom vantaġġ kompetittiv komparattiv, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta ġiet adottata d-Direttiva kkontestata, ma eżaminax jekk id-differenzi eżistenti f’dawn l-oqsma kinux joffru tali vantaġġ.

95      Fit-tielet parti, l-Ungerija ssostni, fl-ewwel lok, li d-Direttiva kkontestata ma hijiex adegwata biex tilħaq l-għan tagħha, jiġifieri li tiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni iktar ekwi bejn il-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri differenti. F’dan ir-rigward, hija tikkontesta kliem il-premessa 16 tagħha li jgħid, essenzjalment, li l-impriżi jikkompetu fuq il-bażi ta’ fatturi oħra minbarra l-ispejjeż, liema fatt ifisser li l-prezz tas-servizz ma għandu ebda rwol fl-għażla tal-konsumatur.

96      Fit-tieni lok, hija tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr eżami ieħor tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkollokati, tiddeduċi mid-data tal-analiżi tal-impatt, li skontha n-numru ta’ ħaddiema kkollokati żdied b’ 44.4 % bejn is-sena 2010 u s-sena 2014, li l-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema ma kinitx xierqa.

97      Fit-tielet lok, l-Ungerija tqis li, fid-dawl tan-natura temporanja ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa fil-kuntest ta’ kollokament ta’ ħaddiema, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li jagħmel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u dik ta’ ħaddiem li jipprovdi temporanjament servizzi fl-Istat Membru ospitanti fil-kuntest ta’ kollokament, sa fejn l-ewwel wieħed jaħdem għan-nom u taħt id-direzzjoni ta’ persuna li timpjega f’dan l-Istat Membru, filwaqt li t-tieni wieħed la huwa verament integrat fis-soċjetà u lanqas fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti.

98      Fir-raba’ parti, l-Ungerija tqis li r-regoli dwar il-kollokament għal żmien twil, previsti fl-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata, jikkostitwixxu restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi jimponu l-applikazzjoni tal-liġi tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti kważi kollha, liema fatt ma huwiex iġġustifikat mill-protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema kkollokati.

99      Hija tirrileva li l-ħaddiema kkollokati għal iktar minn tnax-il xahar, imsemmija fl-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata, ma jinsabux, fir-rigward tal-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-ħaddiema ta’ dan l-Istat Membru.

100    L-iktar l-iktar, l-issikkar tar-rabtiet ta’ impriża li tikkolloka ħaddiema mal-Istat Membru ospitanti tista’ tiġi vverifikata fuq il-livell ekonomiku.

101    Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, ma jistax jiġi preżunt li regola li tagħti benefiċċju lil ħaddiem ikkollokat għal iktar minn tnax-il xahar fi Stat Membru ospitanti mid-dritt applikabbli f’dan l-Istat Membru hija dejjem iktar vantaġġuża għal dan il-ħaddiem. Mill-kumplament ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma tippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod astratt, it-tul jew il-frekwenza li minnha l-provvista ta’ servizz fi Stat Membru ieħor ma tistax tibqa’ titqies li tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi, fis-sens tat-Trattat FUE.

102    Fil-ħames parti, l-Ungerija tqis li, billi għamel applikabbli d-Direttiva 96/71 emendata għas-settur tat-trasport bit-triq b’effett mill-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv speċifiku, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva kkontestata jmur kontra l-Artikolu 58 TFUE, li jipprovdi li l-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu tat-Trattat FUE dwar it-trasport.

103    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argument tal-Ungerija.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Osservazzjonijiet preliminari

104    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tapplika mhux biss għall-miżuri nazzjonali, iżda wkoll għall-miżuri li joħorġu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz, C-97/09, EU:C:2010:632, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Madankollu, u kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital, il-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, sew jekk fir-rigward ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri u sew jekk fir-rigward ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet, għandhom mhux biss l-għan li jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ waħda minn dawn il-libertajiet, iżda huma intiżi wkoll li jiżguraw, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni ta’ interessi fundamentali oħra rrikonoxxuti mill-Unjoni li din il-libertà tista’ taffettwa.

106    Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, permezz ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni intiżi li jiffaċilitaw il-moviment liberu tas-servizzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-interess ġenerali li għandu jintlaħaq mid-diversi Stati Membri u jadotta livell ta’ protezzjoni ta’ dan l-interess li jidher aċċettabbli fl-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsil, C-233/94, EU:C:1997:231, punt 17).

107    Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex, billi adotta d-Direttiva kkontestata, li jiżgura l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fuq bażi ekwa, jiġifieri f’kuntest leġiżlattiv li jiggarantixxi kompetizzjoni li ma tkunx ibbażata fuq l-applikazzjoni, fl-istess Stat Membru, ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg ta’ livell sostanzjalment differenti skont jekk il-persuna li timpjega hijiex stabbilita f’dan l-Istat Membru jew le, filwaqt li toffri protezzjoni ikbar lill-ħaddiema kkollokati, peress li din il-protezzjoni tikkostitwixxi, barra minn hekk, kif tikkonferma l-premessa 10 ta’ din id-direttiva, il-mezz “sabiex tkun salvagwardata l-libertà li jiġu pprovduti [...] servizzi fuq bażi ġusta”.

108    Fit-tieni lok, il-qorti tal-Unjoni, adita b’rikors għal annullament kontra att leġiżlattiv intiż li jikkoordina l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg, bħad-Direttiva kkontestata, għandha tiżgura ruħha biss, mill-perspettiva tal-legalità interna ta’ dan l-att, li dan ma jiksirx it-Trattati UE u FUE jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li ma huwiex ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter.

109    Issa, kemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huma invokati mill-Ungerija fil-kuntest ta’ dan il-motiv, jagħmlu parti minn dawn il-prinċipji ġenerali.

110    Minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-482/17, EU:C:2019:1035, punt 164 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

111    Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jinkisbu (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-482/17, EU:C:2019:1035, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

112    Għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tat lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu tinvolvi għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali u fejn huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, il-kwistjoni ma hijiex li jsir magħruf jekk miżura adottata f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jridu jilħqu li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-482/17, EU:C:2019:1035, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

113    Issa, ma jistax jiġi kkontestat li l-leġiżlazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, dwar il-kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi taqa’ taħt tali qasam.

114    Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tagħha, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni tad-data bażika (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-482/17, EU:C:2019:1035, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

115    Madankollu, anki fejn għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u jeżamina jekk l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-miżura magħżula humiex tali li jiġġustifikaw konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi. Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji ta’ Sussidjarjetà u Proporzjonalità, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, l-abbozzi ta’ atti leġiżlattivi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi żgurat li kwalunkwe piż fuq l-operaturi ekonomiċi jkun l-inqas wieħed possibbli u jkun proporzjonat għall-għan li għandu jintlaħaq (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-482/17, EU:C:2019:1035, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

116    Barra minn hekk, anki stħarriġ ġudizzjarju ta’ portata limitata jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippreżumi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola. Minn dan jirriżulta li dawn l-istituzzjonijiet għandhom, tal-inqas, ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu u jesponu b’mod ċar u mhux ekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex fuqha jiġu bbażati l-miżuri kkontestati tal-imsemmi att u li fuqha kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-482/17, EU:C:2019:1035, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

117    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati d-diversi partijiet tat-tielet motiv.

–       Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema kkollokati hija suffiċjentement iggarantita

118    Essenzjalment, l-Ungerija tqis li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi timplimenta l-prinċipju fundamentali li skontu kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet ta’ impjieg applikati f’konformità mad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru ieħor, li jiggarantixxi b’mod suffiċjenti l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema kkollokati.

119    Fl-ewwel lok, għalkemm l-Ungerija tirreferi, sabiex issostni l-argument tagħha, għad-Direttiva 2006/123, huwa biżżejjed, fi kwalunkwe każ u skont il-punt 108 ta’ din is-sentenza, li jiġi kkonstatat li l-legalità interna ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl ta’ att ieħor tal-Unjoni tal-istess livell leġiżlattiv sakemm ma jkunx ġie adottat b’applikazzjoni ta’ dan l-aħħar att jew jekk ikun espressament previst, f’wieħed minn dawn iż-żewġ atti, li wieħed minnhom ikun jipprevali fuq l-ieħor. Issa, dan ma huwiex il-każ tad-direttiva kkontestata. Barra minn hekk, kif jippreċiża l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2006/123, din id-“[d]irettiva ma taffettwax il-liġi ta’ l-impjieg, jiġifieri kwalunkwe dispożizzjoni legali jew kuntrattwali dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg [u] tax-xogħol”.

120    Bl-istess mod, fir-rigward tal-parallel magħmul mill-Ungerija mal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-direttiva kkontestata ma ġietx adottata b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u li ebda wieħed minn dawn iż-żewġ atti ma jipprevedi espressament li dan ir-regolament għandu jipprevali fuq din id-direttiva.

121    Fit-tieni lok, l-argument li d-Direttiva 96/71, qabel ma ġiet emendata bid-Direttiva kkontestata, kienet toffri protezzjoni adegwata għall-ħaddiema kkollokati billi timponi, fuq il-livell tar-remunerazzjonijiet, il-ħlas tal-paga minima tal-Istat Membru ospitanti ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni l-legalità ta’ din l-aħħar direttiva.

122    F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies, billi adottaha, li kien neċessarju li tingħata protezzjoni ikbar lill-ħaddiema sabiex tiġi ssalvagwardata l-provvista ta’ servizzi fuq bażi ekwa bejn l-impriżi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u dawk li jikkollokaw ħaddiema f’dan l-Istat.

123    Għal dan il-għan, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 emendata huwa intiż, b’mod iktar speċifiku, li jiżgura protezzjoni ikbar għall-ħaddiema kkollokati, billi jiggarantixxilhom, abbażi tal-ugwaljanza fit-trattament, il-benefiċċju tal-elementi kollha li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni li saret obbligatorja fl-Istat Membru ospitanti, sabiex dawn il-ħaddiema jirċievu remunerazzjoni bbażata fuq l-istess regoli imperattivi bħal dawk applikabbli għall-ħaddiema impjegati mill-impriżi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti.

124    Issa, l-għażla li tingħata tali protezzjoni msaħħa ma tistax, kif issostni l-Ungerija, tqiegħed fid-dubju l-kapaċità tas-salarju minimu tal-Istat Membru ospitanti li jiggarantixxi l-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, iżda, għall-kuntrarju, taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizzata fil-punti 112 u 113 ta’ din is-sentenza.

125    Fit-tielet lok, l-Ungerija ssostni li d-Direttiva kkontestata ma sservix il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda li din ixxejjen il-vantaġġ kompetittiv legali ta’ ċerti Stati Membri f’termini ta’ spejjeż u li b’hekk tikkostitwixxi miżura li għandha bħala effett li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

126    Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 51 u 107 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex, billi adotta d-Direttiva kkontestata, li jiżgura l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fuq bażi ekwa, jiġifieri f’kuntest leġiżlattiv li jiggarantixxi kompetizzjoni li ma tkunx ibbażata fuq l-applikazzjoni, fl-istess Stat Membru, ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg ta’ livell sostanzjalment differenti skont jekk il-persuna li timpjega hijiex stabbilita f’dan l-Istat Membru jew le, filwaqt li toffri protezzjoni ikbar lill-ħaddiema kkollokati, peress li tali protezzjoni tikkostitwixxi, barra minn hekk, bħalma tikkonferma l-premessa 10 ta’ din id-direttiva, il-mezz “biex tkun salvagwardata l-libertà li jiġu pprovduti[...] servizzi fuq bażi ġusta”.

127    Minn dan jirriżulta li, billi tiggarantixxi protezzjoni ikbar lill-ħaddiema kkollokati, id-direttiva kkontestata hija intiża li tiżgura t-twettiq tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni fil-kuntest ta’ kompetizzjoni li ma tiddependix minn differenzi eċċessivi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg applikati, fl-istess Stat Membru, għall-impriżi ta’ Stati Membri differenti.

128    F’dan ir-rigward, sabiex jintlaħaq tali għan, id-Direttiva kkontestata twettaq bilanċ mill-ġdid tal-fatturi li fir-rigward tagħhom l-impriżi stabbiliti fid-diversi Stati Membri jistgħu jikkompetu bejniethom, mingħajr madankollu ma tneħħi l-vantaġġ kompetittiv eventwali li minnu bbenefikaw il-fornituri ta’ servizz ta’ ċerti Stati Membri, peress li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, l-imsemmija direttiva b’ebda mod ma għandha l-effett li telimina kull kompetizzjoni bbażata fuq l-ispejjeż. Hija tipprevedi, fil-fatt, li tiggarantixxi lill-ħaddiema kkollokati l-applikazzjoni ta’ numru ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg fl-Istat Membru ospitanti, fosthom l-elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni li saru vinkolanti f’dan l-Istat. Għaldaqstant, din id-direttiva ma għandhiex effett fuq l-elementi l-oħra ta’ spejjeż ta’ impriżi li jikkolokaw tali ħaddiema, bħall-produttività jew l-effiċjenza ta’ dawn il-ħaddiema, li jissemmew fil-premessa 16 tagħha. Bil-kontra ta’ dak li tallega l-Ungerija, din id-direttiva għaldaqstant ma toħloq ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni.

129    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-direttiva kkontestata hija intiża kemm, skont il-premessa 16 tagħha, sabiex toħloq “suq intern tassew integrat u kompetittiv”, kif ukoll, skont il-premessa 4 tagħha, li toħloq, permezz tal-applikazzjoni uniformi tar-regoli fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg, “konverġenza soċjali ġenwina”.

130    Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

131    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li r-regola li tinsab fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 emendata timponi fuq l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fi Stat Membru ieħor l-obbligu li jħallsuhom remunerazzjoni stabbilita fid-dawl tal-prattiki tiegħu, li ma humiex neċessarjament applikabbli għall-impriżi ta’ dan l-aħħar Stat Membru, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa żbaljat.

132    Fil-fatt, mill-kliem tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 emendata, li jippreċiża l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu, jirriżulta b’mod ċar li l-“kunċett ta’ remunerazzjoni [imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva] għandu jiġi ddeterminat mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem u jfisser l-elementi kostitwenti kollha tar-remunerazzjoni magħmula obbligatorji permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, ftehimiet kollettivi jew sentenza ta’ arbitraġġ nazzjonali li, f’dak l-Istat Membru, tkun ġiet iddikjarata universalment applikabbli jew tapplika mod ieħor f’konformità mal-paragrafu 8.”

133    Għaldaqstant, kemm il-ħaddiema impjegati mill-impriżi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll il-ħaddiema kkollokati f’dan l-Istat Membru huma suġġetti għall-istess regoli fil-qasam tar-remunerazzjoni, jiġifieri dawk li saru vinkolanti fl-imsemmi Stat Membru.

134    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-Ungerija li l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 emendata jmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza, sa fejn jimponi obbligu ta’ rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, ta’ akkomodazzjoni u ta’ ikel lill-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fi Stat Membru ieħor, dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kif sostna l-Kunsill, it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(7) ma għandhiex l-għan li toħloq obbligu ta’ din in-natura. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 19 tad-Direttiva kkontestata kif ukoll mir-riżerva li fiha din is-sentenza b’riferiment għall-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, din is-sentenza sempliċement tipprovdi li tali rimbors, li ma jaqax taħt ir-remunerazzjoni, huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni jew mill-prattiki nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol.

135    Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari li fiha jinsabu l-ħaddiema kkollokati, peress li, sabiex jissodisfaw l-obbligi professjonali tagħhom fir-rigward tal-persuna li timpjegahom, huma obbligati jiċċaqalqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom lejn Stat Membru ieħor. Issa, il-ħaddiema impjegati minn impriża stabbilita f’tali Stat Membru ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni peress li jwettqu l-kompiti tagħhom f’isem din l-impriża f’dan l-istess Stat Membru. Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

136    Konsegwentement, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

137    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-miżuri implimentati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jinkisbu.

138    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kapaċità tad-Direttiva kkontestata li tilħaq l-għan li tiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni iktar ekwi bejn l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti u l-impriżi ta’ dan l-Istat Membru, l-Ungerija tislet konklużjonijiet żbaljati mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva.

139    Minn naħa, din il-premessa tirrifletti għan li għandu jintlaħaq mill-Unjoni, jiġifieri dak li jintlaħaq “suq intern tassew integrat u kompetittiv”, billi l-applikazzjoni uniformi tar-regoli fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg huma intiżi li joħolqu, skont il-premessa 4 tal-imsemmija direttiva, “konverġenza soċjali ġenwina”.

140    Min-naħa l-oħra, din l-istess premessa 16 ma tindikax li kompetizzjoni abbażi tad-differenzi fl-ispejjeż bejn l-impriżi tal-Unjoni la hija possibbli u lanqas mixtieqa. Bil-kontra, billi tenfasizza fatturi bħall-produttività u l-effiċjenza, hija tenfasizza fatturi ta’ produzzjoni li naturalment iwasslu għal tali differenzi fl-ispejjeż.

141    Fir-realtà, fil-każ ta’ provvisti ta’ servizzi transnazzjonali, l-uniċi differenzi fl-ispejjeż bejn l-impriżi tal-Unjoni li huma nnewtralizzati mid-Direttiva kkontestata huma dawk li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg elenkati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 emendata, li huma obbligatorji skont il-leġiżlazzjoni fis-sens wiesa’ tal-Istat Membru ospitanti.

142    Fit-tieni lok, l-Ungerija tikkontesta l-elementi kkunsidrati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex iqis li l-protezzjoni, mid-Direttiva 96/71, tal-ħaddiema kkollokati ma kinitx iktar xierqa.

143    F’dan ir-rigward, l-analiżi tal-impatt uriet, b’mod partikolari, żewġ ċirkustanzi li setgħu raġonevolment iwasslu lil dan il-leġiżlatur biex iqis li l-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” tal-Istat Membru ospitanti, previst fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71, li kellu jiġi ggarantit sabiex jipproteġi l-ħaddiema kkollokati, ma kienx iktar kapaċi jiżgura tali protezzjoni.

144    Minn naħa, il-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” kien qajjem diffikultajiet ta’ interpretazzjoni f’diversi Stati Membri, li rriżulta f’diversi kawżi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li adottat interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett fis-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Sähköalojen ammattiliitto (C-396/13, EU:C:2015:86, punti 38 sa 70), li tinkludi, lil hinn mis-salarju minimu previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti, ċertu numru ta’ elementi. Għaldaqstant, kien ġie deċiż li l-imsemmi kunċett ikopri l-metodu ta’ kalkolu tas-salarju, fis-siegħa jew skont il-kompitu, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni tal-ħaddiema fi gruppi ta’ remunerazzjoni bħal dawk previsti mill-ftehim kollettiv fis-seħħ f’dan l-Istat Membru, allowance ta’ kuljum, allowance għat-traġitt u bonus ta’ vaganzi.

145    B’dan il-mod, seta’ jiġi kkonstatat, fl-analiżi tal-impatt, li l-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas”, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, kien differenti ħafna mill-prattika mifruxa tal-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizz, li tikkonsisti f’li dawn jitħallsu biss il-paga minima prevista mil-leġiżlazzjoni jew mill-ftehimiet kollettivi tal-Istat Membru ospitanti.

146    Min-naħa l-oħra, mill-analiżi tal-impattt jirriżulta li, matul is-sena 2014, kienu tfaċċaw differenzi sinjifikattivi fir-remunerazzjoni, f’diversi Stati Membri ospitanti, bejn il-ħaddiema impjegati minn impriżi stabbiliti f’dawn l-Istati Membri u l-ħaddiema li kienu kkollokati fihom.

147    Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Ungerija li, fid-dawl tan-natura temporanja ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa fil-kuntest ta’ kollokament ta’ ħaddiema, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata jiżguraw lill-ħaddiema kkollokati ugwaljanza fit-trattament mal-ħaddiema impjegati minn impriżi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti, dawn imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema kkollokati.

148    Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, la s-sostituzzjoni tal-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” b’dak ta’ “remunerazzjoni”, fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 emendata, u lanqas l-applikazzjoni għall-ħaddiema kkollokati tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-Istat Membru ospitanti għal dak li jirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, ta’ akkomodazzjoni u ta’ ikel tal-ħaddiema li jkunu ’l bogħod minn djarhom għal raġunijiet professjonali, ma jwasslu sabiex dawn tal-aħħar jitqiegħdu f’sitwazzjoni identika jew analoga għal dik stabbilita mill-Istat Membru ospitanti.

149    Fil-fatt, dawn l-emendi ma jwasslux għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg kollha tal-Istat Membru ospitanti, peress li huma biss uħud minn dawn il-kundizzjonijiet li huma, fi kwalunkwe każ, applikabbli għal dawn il-ħaddiema skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 emendata.

150    Issa, fid-dawl tal-elementi esposti fil-punti 62 u 144 sa 146 ta’ din is-sentenza, l-Ungerija ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi li l-emendi magħmula mid-direttiva kkontestata fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 kienu jmorru lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva kkontestata, jiġifieri li tiġi żgurata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fuq bażi ekwa u li tingħata protezzjoni ikbar lill-ħaddiema kkollokati.

151    Konsegwentement, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ir-raba’ parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq preġudizzju għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kkawżat mis-sistema ta’ kollokament tal-ħaddiema għal perijodu ta’ iktar minn tnax-il xahar

152    L-Ungerija tqis li l-applikazzjoni tal-liġi tax-xogħol kważi kollha tal-Istat Membru ospitanti għall-ħaddiema kkollokati għal perijodu, bħala regola ġenerali, ta’ iktar minn tnax-il xahar la hija ġġustifikata mill-protezzjoni tal-interessi tagħhom, la hija neċessarja u lanqas ma hija proporzjonata.

153    Barra minn hekk, id-Direttiva kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali billi tikkunsidra, minn naħa, li l-ħaddiema kkollokati għal iktar minn tnax-il xahar, imsemmija fl-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-ħaddiema impjegati minn impriżi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u, min-naħa l-oħra, li l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema għal tali perijodu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli mal-impriżi stabbiliti f’dan l-Istat.

154    L-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata jipprovdi li, meta l-ħaddiem jiġi kkollokat għal iktar minn tnax-il xahar fl-Istat Membru ospitanti, jew għal iktar minn tmintax-il xahar jekk il-fornitur ta’ servizzi jissottometti notifika mmotivata f’dan is-sens, dan tal-aħħar għandu jiggarantixxi, abbażi tal-ugwaljanza fit-trattament, minbarra l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg imsemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg kollha applikabbli li huma stabbiliti, f’dan l-Istat, minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi u/jew minn ftehimiet kollettivi jew minn sentenzi ta’ arbitraġġ li jkunu ġew iddikjarati ta’ applikazzjoni ġenerali. Huma biss, minn naħa, il-proċeduri, il-formalitajiet u l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-konklużjoni u tmiem il-kuntratt ta’ xogħol, inklużi l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-iskemi komplementari ta’ irtirar professjonali, li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata.

155    Issa, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, imfakkra fil-punti 112 u 113 ta’ din is-sentenza, huwa mingħajr ma wettaq żball manifest li dan il-leġiżlatur seta’ jikkunsidra li kollokament għal żmien daqshekk twil kellu jkollu bħala konsegwenza li jqarreb b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni personali tal-ħaddiema kkollokati kkonċernati ma’ dik tal-ħaddiema impjegati minn impriżi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti, u kien jiġġustifika li dawn il-ħaddiema kkollokati għal żmien twil jibbenefikaw minn kważi l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg kollha applikabbli f’dan l-aħħar Stat Membru.

156    Tali sistema ta’ kollokament għal żmien twil tidher neċessarja, xierqa u proporzjonata, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ikbar fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg għall-ħaddiema kkollokati għal perijodu twil fi Stat Membru ospitanti filwaqt li tiddistingwi s-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema minn dik tal-ħaddiema li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu jew, b’mod iktar ġenerali, tal-ħaddiema residenti f’dan l-Istat Membru u impjegati minn impriżi stabbiliti hemmhekk.

157    Konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 58 TFUE

158    L-Ungerija tqis li, billi għamel applikabbli d-Direttiva 96/71 emendata għas-settur tat-trasport bit-triq mill-mument tal-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv speċifiku, l-Artikolu 3(3) tad-direttiva kkontestata jmur kontra l-Artikolu 58 TFUE.

159    Skont l-Artikolu 58 TFUE, il-moviment liberu tas-servizzi, fil-qasam tat-trasport, huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tat-titolu tat-Trattat FUE dwar it-trasport, kompost mill-Artikoli 90 sa 100 TFUE.

160    Minn dan jirriżulta li servizz fil-qasam tat-trasport, fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C-434/15, EU:C:2017:981, punt 48).

161    Issa, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva kkontestata sempliċement jipprevedi li din għandha tapplika għas-settur tat-trasport bit-triq b’effett mid-data ta’ applikazzjoni ta’ att leġiżlattiv li jemenda d-Direttiva 2006/22, li kellha bħala bażi legali l-Artikolu 71(1) KE, li jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet tat-titolu tat-Trattat KE dwar it-trasport u li jikkorrispondi għall-Artikolu 91 TFUE.

162    Għaldaqstant, l-Artikolu 3(3) tad-direttiva kkontestata ma għandux l-għan li jirregola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport u, għaldaqstant, ma jistax ikun kuntrarju għall-Artikolu 58 TFUE.

163    Konsegwentement, il-ħames parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda u, magħha, dan il-motiv kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 56 TFUE sa fejn id-Direttiva kkontestata teskludi l-implimentazzjoni effettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

 L-argumenti tal-partijiet

164    L-Ungerija ssostni li d-Direttiva kkontestata tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE kif ukoll is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C-341/05, EU:C:2007:809) sa fejn hija tipprevedi li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ strajk jew tad-dritt li jittieħdu azzjonijiet kollettivi oħra jista’ jostakola l-implimentazzjoni effettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

165    Fil-fehma tagħha, din hija l-portata tal-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva li jistabbilixxi li d-Direttiva 96/71 b’ebda mod ma tippreġudika, b’mod partikolari, id-dritt li jsir strajk jew li jittieħdu azzjonijiet oħra previsti mis-sistemi ta’ relazzjonijiet tax-xogħol speċifiċi għall-Istati Membri.

166    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argument tal-Ungerija.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

167    Essenzjalment, l-Ungerija tqis li l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva kkontestata jqiegħed inkwistjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta mis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C-341/05, EU:C:2007:809), billi jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE l-eżerċizzju tad-dritt ta’ strajk jew tad-dritt li jittieħdu azzjonijiet kollettivi oħra.

168    Issa, għalkemm din id-dispożizzjoni tindika li d-Direttiva 96/71 emendata “ma għandha bl-ebda mod taffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni”, hija b’ebda mod ma għandha bħala konsegwenza li l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ma jkunx suġġett għad-dritt tal-Unjoni. Bil-kontra, sa fejn tagħmel riferiment għad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, hija timplika li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ azzjoni kollettiva tal-ħaddiema, fil-kuntest ta’ kollokament ta’ ħaddiema suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71 emendata, għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

169    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Ruma I kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva

 L-argumenti tal-partijiet

170    L-Ungerija ssostni li l-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata ma huwiex kompatibbli mar-Regolament “Ruma I”, li huwa intiż li jiggarantixxi l-libertà tal-partijiet fil-kuntratt fir-rigward tal-għażla tal-liġi applikabbli għar-relazzjoni tagħhom, sa fejn dan l-artikolu jipprevedi li, fil-każ ta’ kollokament għal żmien twil, l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti japplikaw imperattivament għall-ħaddiema kkollokati, tkun liema tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol.

171    Issa, ir-Regolament “Ruma I” ma jiħux inkunsiderazzjoni t-tul tax-xogħol imwettaq barra mill-pajjiż sabiex jiddetermina l-liġi applikabbli, iżda jibbaża ruħu biss fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ħaddiem għandux, wara li jwettaq ix-xogħol tiegħu barra mill-pajjiż, jerġa’ lura għax-xogħol tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

172    Barra minn hekk, l-Ungerija tikkunsidra li l-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata ma għandux in-natura ta’ regola ta’ kunflitt tal-liġijiet peress li fih hemm indikat li japplika tkun liema tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol.

173    Hija ssostni wkoll li r-regola li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata, il-perijodi suċċessivi ta’ kollokament ta’ kull wieħed mill-ħaddiema kkollokati huma akkumulati, prevista fir-raba’ subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, ma hijiex kompatibbli mar-Regolament “Ruma I”, li jiddefinixxi l-liġi applikabbli u d-drittijiet individwali għal kull kuntratt ta’ xogħol individwali.

174    Fl-aħħar nett, hija tqis li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, fid-Direttiva kkontestata, jikser il-prinċipji ta’ ċarezza leġiżlattiva u ta’ ċertezza legali, inkwantu dan jirreferi għal-leġiżlazzjoni u/jew għall-prattiki nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti.

175    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argument tal-Ungerija.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

176    Fl-ewwel parti, l-Ungerija ssostni li, minn naħa, l-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata jmur kontra l-Artikolu 8 tar-Regolament “Ruma I” li jistabbilixxi l-awtonomija tal-partijiet sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, ir-regola li l-perijodi suċċessivi ta’ kollokament ta’ kull wieħed mill-ħaddiema kkollokati huma akkumulati ma hijiex kompatibbli ma’ dan ir-regolament. Fit-tieni parti, hija tikkunsidra li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, introdott mid-Direttiva kkontestata, jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva.

177    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8 tar-Regolament “Ruma I” jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, regola ġenerali ta’ kunflitt tal-liġijiet applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol, li tindika l-liġi magħżula mill-partijiet f’tali kuntratt, u jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, fin-nuqqas ta’ tali għażla, il-kuntratt individwali ta’ impjieg ikun irregolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu, u dan il-pajjiż ma jitqiesx li jinbidel meta l-ħaddiem iwettaq ix-xogħol tiegħu temporanjament f’pajjiż ieħor.

178    Madankollu, ir-Regolament “Ruma I” jipprevedi, fl-Artikolu 23 tiegħu, li tista’ ssir deroga mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li huwa jistabbilixxi meta dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxu regoli dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali f’ċerti oqsma, peress li l-premessa 40 ta’ dan ir-regolament tesponi, min-naħa tagħha, li l-imsemmi regolament ma jeskludix il-possibbiltà li jiġu inklużi regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet fil-qasam ta’ obbligi kuntrattwali fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar materji partikolari.

179    Issa, min-natura u mill-kontenut tagħhom, kemm l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 emendata, fir-rigward tal-ħaddiema kkollokati, kif ukoll l-Artikolu 3(1a) ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-ħaddiema kkollokati għal perijodu, b’mod ġenerali, ta’ iktar minn tnax-il xahar, jikkostitwixxu regoli speċjali ta’ kunflitt tal-liġijiet fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament “Ruma I”.

180    Barra minn hekk, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 196 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċess ta’ tfassil tar-Regolament “Ruma I” juri li l-Artikolu 23 tiegħu jkopri r-regola speċjali ta’ kunflitt tal-liġijiet li kienet diġà prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, peress li, fil-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) (COM (2005) 650 final) tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kienet annettiet lista ta’ regoli speċjali ta’ kunflitt tal-liġijiet stabbiliti minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, li fosthom tinsab din id-direttiva.

181    Fl-aħħar nett, l-eżistenza, fl-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 96/71 emendata, ta’ regola intiża li tipprevjeni l-frodi fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ ħaddiem ikkollokat minn ħaddiem ikkollokat ieħor, li jwettaq l-istess kompitu fl-istess post, ma tistax tqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni li tinsab fil-punt 179 ta’ din is-sentenza, peress li, fil-kuntest tar-regola ta’ kunflitt tal-liġijiet stabbilita minn din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jipprevedi regola intiża biex jiġi evitat li l-obbligu li huwa jistabbilixxi jiġi evaż.

182    Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

183    Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni u mill-istruttura tad-Direttiva 96/71 emendata jirriżulta b’mod ċar li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, li jintuża fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tagħha, jirreferi għal-leġiżlazzjonijiet jew għall-prattiki tal-Istati Membri li saru vinkolanti f’dan il-qasam u li, bla ħsara għall-preċiżazzjoni magħmula fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(7) ta’ din id-direttiva, l-imsemmi punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ma jiddefinixxix dak li jkopri dan il-kunċett.

184    F’dan ir-rigward, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 emendata sempliċement jirrileva li dan il-kunċett għandu jiġi ddeterminat mil-liġi u/jew il-prattiki nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi kkollokat il-ħaddiem u jfisser l-elementi kostitwenti kollha tar-remunerazzjoni magħmula vinkolanti permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, jew permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ li, f’dan l-Istat Membru, ikunu ġew iddikjarati applikabbli universalment jew li japplikaw mod ieħor f’konformità mal-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu.

185    Issa, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-premessa 17 tad-Direttiva kkontestata, l-iffissar tar-regoli dwar ir-remunerazzjoni jaqa’, bħala prinċipju, fil-kompetenza tal-Istati Membri, għalkemm f’dan il-kuntest dawn huma obbligati jaġixxu b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

186    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl ukoll tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mfakkra fil-punti 112 u 113 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi kkritikat li mar kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva meta, f’direttiva ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet u tal-prattiki tal-Istati Membri fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg, irrefera għall-kunċett ta’ “remunerazzjoni” hekk kif iddeterminat mil-leġiżlazzjoni jew mill-prattiki nazzjonali tal-Istati Membri.

187    Konsegwentement, it-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda u, magħha, dan il-motiv kollu kemm hu.

188    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet, imressqa sussidjarjament, intiżi għall-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata u li huma bbażati fuq l-istess motivi bħal dawk li jsostnu t-talbiet imressqa b’mod prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

189    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill.

190    Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom bħala intervenjenti fil-kawża.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Ungerija hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.