Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
2 ta’ Lulju 2020 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Provvista ta’ servizzi –Artikolu 135(1)(l) – Eżenzjoni mill-VAT – Kiri ta’ proprjetajiet immobbli – Kunċett ta’ ‘proprjetajiet immobbli’ – Esklużjoni – Artikolu 47 – Post fejn jitwettqu tranżazzjonijiet taxxabbli – Forniment tas-servizzi relatati ma’ proprjetà immobbli – Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 – Artikoli 13b u 31a – Armarji – Servizzi ta’ hosting fiċ-ċentru ta’ data”
Fil-Kawża C-215/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura mressqa minn
Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö
fil-preżenza ta':
A Oy,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla, u C. Lycourgos, Imħallef,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u I. Koskinen, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), kif ukoll tal-Artikoli 13b u 31a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011, tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112 (ĠU 2011, L 77, p. 1), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1042/2013, tas-7 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 284, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (is-Servizz tal-Amministrazzjoni Fiskali Inkarigat li Jiddefendi d-Drittijiet tad-Destinatarji tad-Dħul Fiskali, il-Finlandja), dwar id-determinazzjoni tal-post tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatata ma’ servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data pprovduti minn A Oy.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva dwar il-VAT
3 It-Titolu V tad-Direttiva tal-VAT, dwar il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, jinkludi l-Kapitolu 3, intitolat “Post tal-forniment tas-servizzi”. It-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Regoli Ġenerali”, tinkludi l-Artikoli 44 u 45 ta’ din id-direttiva.
4 L-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment”
5 It-Taqsima 3 tal-Kapitolu 3 tad-Direttiva tal-VAT, intitolat “Dispożizzjonijiet partikolari”, jinkludi l-Artikoli 46 sa 59a ta’ din id-direttiva.
6 L-Artikolu 47 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Forniment tas-servizzi relatati ma’ proprjetà immobbli”, jipprovdi:
“Il-post tal-forniment tas-servizzi relatati mal-proprjetà immobbli, inklużi s-servizzi ta’ esperti, u l-aġenti immobbiljari, il-forniment ta’ alloġġ fis-settur tal-lukandi jew f’setturi b’funzjoni simili, bħal kampijiet għall-btala jew siti żviluppati għall-użu bħala kampeġġi, l-għoti ta’ drittijiet sabiex tintuża proprjetà immobbli u s-servizzi għat-tħejjija u l-koordinazzjoni tax-xogħol ta’ kostruzzjoni, bħalma huma s-servizzi ta’ arkitetti u ta’ ditti li jfornu sorveljanza fuq il-post, għandu jkun il-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli.”
7 Taħt il-Kapitolu 3, intitolat “Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn”, tat-Titolu IX tad-Direttiva tal-VAT, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Eżenzjonijiet”, l-Artikolu 135(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
[...]
l) l-kiri ta' proprjetà immobbli.
[...]”
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni
8 L-Artikolu 13b, li jinsab fit-Taqsima 1, intitolat “Kunċetti”, tal-Kapitolu V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, intitolat “Il-Post tat-Transazzjonijiet Taxxabbli” jipprovdi:
“Għall-applikazzjoni tad-Direttiva [tal-VAT], dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala “proprjetà immobbli”:
[...]
c) kwalunkwe element li jkun ġie installat u jagħmel parti integrali minn binja jew minn struttura u li mingħajru l-binja jew l-istruttura ma jkunux kompluti, bħal bibien, twieqi, soqfa, turġien u lifts;
d) Kwalunkwe ħaġa, tagħmir jew magna installati b’mod permanenti f’binja jew fi struttura li ma tkunx tista’ tiġi mċaqilqa mingħajr ma l-binja jew l-istruttura jinqerdu jew isirilhom tibdil.”
9 It-Taqsima 4 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Il-lok tal-forniment tas-servizzi (Artikoli 43 sa 59 tad-Direttiva [tal-VAT]”, tinkludi subtaqsima 6a, hija stess intitolata “Forniment ta’ servizzi relatati ma’ proprjetà immobbli”, li taħtha jinsab l-Artikolu 31a ta’ dan ir-regolament, li huwa fformulat kif ġej:
“1. Is-servizzi marbutin ma’ proprjetà immobbli, kif imsemmi fl-Artikolu 47 tad-Direttiva [tal-VAT], għandhom jinkludu biss dawk is-servizzi li jkollhom biżżejjed konnessjoni diretta ma’ dik il-proprjetà. Is-servizzi għandhom jitqiesu bħala li jkollhom biżżejjed konnessjoni diretta ma’ proprjetà immobbli fil-każijiet li ġejjin:
a) fejn ikunu dderivati minn proprjetà immobbli u dik il-proprjetà tkun tifforma element kostitwenti tas-servizz u tkun ċentrali u essenzjali għas-servizzi pprovduti;
b) fejn dawn jingħataw lil proprjetà immobbli, jew ikunu maħsubin għaliha, u jkollhom bħala objettiv tagħhom bdil legali jew fiżiku ta’ dik il-proprjetà.
2. Il-paragrafu 1 għandu jkopri, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:
[...]
h) il-leasing jew il-kiri ta’ proprjetà immobbli minbarra dik koperta mill-punt (c) tal-paragrafu 3, inkluża l-ħażna ta’ prodotti li għalihom tkun assenjata parti speċifika tal-proprjetà għall-użu esklużiv tal-klijent;
[...]
3. Il-paragrafu 1 ma għandux ikopri dawn li ġejjin:
[...]
b) il-ħażna ta’ merkanzija fi proprjetà immobbli jekk l-ebda parti speċifika mill-proprjetà immobbli ma tkun assenjata għall-użu esklużiv tal-klijent;
[...]”
Id-dritt Finlandiż
10 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1tal-Arvonlisäverolaki (1501/1993) (il-Liġi 1501/1993 dwar it-Txxa fuq il-Valur Miżjud), tat-30 ta’ Diċembru 1993, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l- “AVL”, jipprevedi:
“It-taxxa fuq il-valur miżjud tinġabar favur l-Istat skont il-modalitajiet iddefiniti f’din il-liġi:
1) għal kull bejgħ ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi magħmula fil-Finlandja fil-kuntest ta’ attività kummerċjali”.
[...]”
11 Skont l-Artikolu 27 ta’ din il-liġi:
“Il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli kif ukoll il-leasing, il-kiri, is-servitujiet jew kwalunkwe trasferiment ieħor tad-dritt li jista’ jkun marbut ma’ proprjetà immobbli huma eżenti mit-taxxa.
Kull bejgħ ta’ elettriku, gass, sħana, ilma u oġġetti oħra tal-istess tip magħmul fil-kuntest tat-trasferiment ta’ dritt ta’ użu ta’ proprjetà immobbli stess mhux intaxxata huwa wkoll eżentat mit-taxxa.”
12 L-Artikolu 28 tal-imsemmija liġi jipprovdi:
‘‘proprjetà’ tfisser kwalunkwe proprjetà immobbli kif iddefinita fl-Artikolu 13b tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni].”
13 Skont l-Artikolu 65 tal-AVL:
“Ħlief kif ipprovdut mod ieħor iktar ’il quddiem, il-post ta’ servizz ipprovdut lil professjonist li jaġixxi bħala tali hija l-Finlandja meta din tiġi pprovduta lill-istabbiliment fiss tal-klijent, li huwa stess jinsab f’dan il-pajjiż. Il-post ta’ tali provvista ta’ servizz, meta din ma tkunx ipprovduta lill-istabbiliment permanenti, huwa l-Finlandja meta s-sede tal-attività ekonomika tal-klijent tkun tinsab f’dan il-pajjiż.”
14 L-Artikolu 67 ta’ din il-liġi jistabbilixxi:
“Il-post tal-provvista ta’ servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli huwa l-Finlandja meta l-proprjetà immobbli inkwistjoni tkun tinsab f’dan il-pajjiż.
Huma kkunsidrati bħala “provvista ta’ servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli” b’mod partikolari s-servizzi ta’ esperti u ta’ aġenti ta’ proprjetà immobbli, is-servizzi ta’ akkomodazzjoni tal-lukandi, l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ proprjetà immobbli, kif ukoll is-servizzi ta’ kostruzzjoni.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 A Oy, kumpannija rregolata mid-dritt Finlandiż, hija operatur ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni mingħajr fili, li l-attività tagħha tinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet u ta’ infrastrutturi ta’ netwerks.
16 Din il-kumpannija toffri, b’mod partikolari, servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data lil operaturi stabbiliti fil-Finlandja u fi Stati Membri oħra li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika u li jużaw is-servers tagħhom stess sabiex jipprovdu konnessjonijiet elettroniċi lill-klijenti tagħhom. Is-servers jinżammu f’postijiet mgħammra b’konnessjonijiet elettroniċi neċessarji, li fihom l-umdità u s-sħana huma rregolati b’mod preċiż sabiex jippermettu l-użu ta’ dawn is-servers b’mod konformi mal-użu intenzjonat tagħhom f’ambjent refriġerat.
17 Is-servizzi ta’ akkomodazzjoni f’ċentru ta’ data proposti minn A Oy jinkludu l-provvista ta’ armarji mgħammra b’bieb li jissakkar, l-elettriku kif ukoll servizzi intiżi sabiex jiġi żgurat li s-servers jintużaw f’kundizzjonijiet ottimali, bħall-monitoraġġ tat-temperatura u tal-umdità, it-tkessiħ, is-sorveljanza tal-interruzzjonijiet tal-provvista tal-elettriku, tad-ditekters tad-duħħan sabiex jidentifikaw nirien possibbli ġewwa l-armarji kif ukoll kontroll ta’ aċċess elettroniku. Barra minn hekk, din il-kumpannija tiżgura l-ġestjoni tat-tindif ġenerali kif ukoll it-tibdil tal-bozoz tad-dawl elettriċi.
18 L-armarji huma intiżi għall-pjanċa f’immobbli mikrija minn A Oy. Sussegwentement l-utenti jqiegħdu t-tagħmir tagħhom, li huma stess huma kkonfinati għal dawn l-armarji u jistgħu jiġu kkollokati fi ftit minuti.
19 Il-klijenti ma għandhomx iċ-ċavetta tal-armarju li fih jkunu installaw is-server tagħhom, iżda jistgħu jiksbuha, wara verifika tal-identità tagħhom, mingħand servizz ta’ għassa disponibbli f’kull mument. A Oy ma għandhiex id-dritt li taċċedi għall-armarju tal-klijent tagħha.
20 A Oy ressqet quddiem l-amministrazzjoni fiskali talba għal deċiżjoni preliminari dwar is-sistema tal-VAT applikabbli għal dawn is-servizzi.
21 Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2017, din l-amministrazzjoni kkunsidrat, fir-rigward tal-perijodu bejn is-27 ta’ Frar 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2018, li s-servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data pprovduti minn A Oy ma kinux jaqgħu taħt ir-regola ġenerali dwar il-post tal-provvista ta’ servizzi, prevista fl-Artikolu 65 tal-AVL, iżda kellhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 67 tal-AVL, li l-post tagħha huwa ddefinit bħala l-post fejn tinsab din il-proprjetà immobbli. Fil-fatt, skont l-amministrazzjoni fiskali, il-kiri tal-bini tekniku meħtieġ għall-akkomodazzjoni tas-servers tal-klijenti jikkostitwixxi l-provvista ta’ servizzi prinċipali tal-grupp ta’ servizzi pprovduti minn A Oy, peress li dan huwa ċentrali u essenzjali għalihom. Dan is-servizz għandu għalhekk jiġi analizzat bħala t-trasferiment ta’ dritt ta’ użu ta’ proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 27 tal-AVL.
22 Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2017, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), adita minn A Oy, annullat din id-deċiżjoni. Din il-qorti kkunsidrat li s-servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data pprovduti minnha ma setgħux jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 67 tal-AVL, u, għaldaqstant, jaqgħu taħt ir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 65 ta’ din il-liġi. Hija kkonstatat, f’dan ir-rigward, li, anki jekk l-armarji intiżi sabiex jilqgħu s-servers huma ffissati fuq l-art, dawn jistgħu jiġu mċaqalqa mingħajr qerda jew modifika tal-immobbli jew tal-bini, fis-sens tal-Artikolu 13b(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Għalhekk, dawn l-armarji ma jikkostitwixxux beni immobbli, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-klijent ma jirċevix parti miċ-ċentru ta’ data, meqjus bħala immobbli, iżda għandu biss il-possibbiltà li juża l-imsemmija armarji mqiegħda f’dan iċ-ċentru ta’ data f’kundizzjonijiet ottimali. A Oy b’hekk tipprovdi lill-klijenti tagħha grupp ta’ servizzi dwar l-akkomodazzjoni tas-servers tagħhom, li l-provvista prinċipali tagħha tikkonsisti f’li toffri lil dawn tal-aħħar l-aħjar ambjent possibbli għall-funzjonament ta’ dawn is-servers.
23 Id-Dipartiment tal-Amministrazzjoni Fiskali Responsabbli għad-Difiża tad-Drittijiet tad-Destinatarji tad-Dħul Fiskali ppreżenta appell kontra din is-sentenza quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja).
24 Fid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-armarji pprovduti minn A Oy fil-kuntest tas-servizzi ta’ akkomodazzjoni f’ċentru ta’ data li hija toffri għandhomx jitqiesu bħala proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 13b tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Jekk dan ma kienx il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn is-servizzi għandhomx jitqiesu li huma konnessi ma’ proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-VAT, li l-post tal-provvista tagħha huwa l-post fejn tinsab din il-proprjetà immobbli. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ din l-aħħar domanda, l-imsemmija qorti tqis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 31a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li jippreċiża l-limiti tal-kunċett ta’ “servizzi konnessi ma’ proprjetà immobbli”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 47.
25 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikoli 13b u 31a tar- [Regolament ta’ Implimentazzjoni] għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-servizzi ta’ ċentru tad-data bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kummerċjant jipprovdi lill-klijenti tiegħu armarji li jinsabu fiċ-ċentru tad-data intiżi għat-tqegħid ta’ servers tal-klijenti, inklużi servizzi anċillari, għandhom jitqiesu bħala kiri ta’ proprjetà immobbli?
2) Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 47 tad-Direttiva [tal-VAT] u l-Artikolu 31a tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni] għandhom madankollu jiġu interpretati fis-sens li servizz ta’ ċentru tad-data bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jitqies bħala servizz konness ma’ proprjetà immobbli u l-post tal-eżekuzzjoni tiegħu huwa l-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
26 Għandu jiġi osservat li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-VAT fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna t-trattament fiskali ta’ provvista ta’ servizzi li din il-qorti tikklassifika hija stess bħala “servizzi ta’ akkomodazzjoni f’ċentru ta’ data”.
27 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn is-servizzi jinkludu diversi elementi li jikkonsistu, kif ġie rrilevat fil-punti 16 sa 18 ta’ din is-sentenza, minn naħa, f’tqegħid għad-dispożizzjoni mill-fornitur ta’ dawn is-servizzi ta’ armarji mgħammra b’bieb li jista’ jissakkar, li fihom il-klijenti ta’ dan il-fornitur jistgħu jinstallaw is-servers tagħhom, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-provvista lil dawn tal-aħħar tal-elettriku u ta’ diversi servizzi intiżi sabiex jiġi żgurat l-użu ta’ dawn is-servers f’kundizzjonijiet ottimali, fir-rigward b’mod partikolari l-umdità u t-temperatura.
28 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tranżazzjoni tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi u ta’ atti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom din isseħħ sabiex jiġi ddeterminat jekk din it-tranżazzjoni tagħtix lok, għall-finijiet tal-VAT, għal żewġ provvisti jew iktar distinti jew għal provvista unika (sentenza tas-4 ta’ Settembru 2019, KPC Herning, C-71/18, EU:C:2019:660, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Provvista għandha titqies bħala unika, b’mod partikolari, meta provvista waħda jew iktar jikkostitwixxu provvista prinċipali u meta l-provvista jew il-provvisti l-oħra jikkostitwixxu provvista anċillari waħda jew iktar li għalihom tapplika l-istess sistema fiskali li tapplika għall-provvista prinċipali. B’mod partikolari, provvista għandha titqies li hija anċillari għall-provvista prinċipali meta għall-klijenti hija ma tikkostitwixxix għan fiha nnifisha iżda mezz sabiex jitgawda aħjar is-servizz prinċipali tal-fornitur (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2019, KPC Herning, C-71/18, EU:C:2019:660, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju, b’mod partikolari mill-kliem stess tad-domandi magħmula, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li l-elementi differenti tal-provvista ta’ servizzi ta’ hosting fiċ-ċentru ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali jifformaw provvista unika li fil-kuntest tagħha t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-armarji jikkostitwixxi l-provvista prinċipali, peress li l-provvista tal-elettriku u tas-servizzi intiżi sabiex jiġi żgurat l-użu ta’ dawn is-servers f’kundizzjonijiet ottimali hija kkunsidrata bħala anċillari għal din il-provvista prinċipali.
31 Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis, C-66/19, EU:C:2020:242, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Huwa għalhekk abbażi tal-premessa hekk stabbilita mill-qorti tar-rinviju, li tipprovdi li l-provvista ta’ servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi provvista unika li fil-kuntest tagħha t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ armarji huwa l-provvista prinċipali, li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula minn din il-qorti.
Fuq l-ewwel domanda
33 Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li trid tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2020, Caisse d’assurance retraite et de la santé au travail d’Alsace-Moselle, C-769/18, EU:C:2020:203, punt 39).
34 Għalhekk, f’dan il-każ, anki jekk, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju llimitat l-ewwel domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 13b u 31a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li jiddefinixxu, rispettivament, il-kunċetti ta’ “proprjetà immobbli” u ta’ “servizzi konnessi ma’ proprjetà immobbli” għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda hija intiża, fir-realtà, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT, li jipprovdi l-eżenzjoni mill-kiri ta’ proprjetà immobbli, huwiex applikabbli għas-servizzi ta’ hosting fiċ-ċentru ta’ data pprovduti mill-fornitur inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni hija ċċitata fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni bħala regola tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-kawża prinċipali u l-kiri ta’ proprjetajiet immobbli huwa msemmi fl-Artikolu 31a(2)(h) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li huwa espressament imsemmi fl-imsemmija domanda.
35 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data li fil-kuntest tagħhom il-fornitur ta’ dawn is-servizzi jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu, sabiex huma jinstallaw hemmhekk is-servers tagħhom, armarji u jipprovdilhom oġġetti u servizzi anċillari, bħall-elettriku u diversi servizzi intiżi sabiex jiżguraw l-użu ta’ dawn is-servers f’kundizzjonijiet ottimali, jikkostitwixxu servizzi ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli li jaqgħu taħt l-eżenzjoni tal-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni.
36 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT, it-tranżazzjonijiet ta’ kiri ta’ proprjetajiet immobbli huma eżentati mill-VAT.
37 L-eżenzjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva tal-VAT jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni u għandhom, għaldaqstant, jingħataw definizzjoni uniformi fuq il-livell tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2019, Winterhoff u Eisenbeis, C-4/18 u C-5/18, EU:C:2019:860, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
38 Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, inkluż il-kunċett ta’ “kiri ta’ proprjetà immobbli”, għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li eżenzjoni tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ġenerali li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-19 ta’ Diċembru 2018, Mailat, C-17/18, EU:C:2018:1038, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tkun konformi mal-għanijiet segwiti mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Għalhekk, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effetti tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2019, Winterhoff u Eisenbeis, C-4/18 u C-5/18, EU:C:2019:860, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
40 Il-kunċett ta’ “kiri ta’ proprjetà immobbli”, imsemmi fl-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT, ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala d-dritt mogħti mill-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli lill-kerrej, għal remunerazzjoni u għal żmien miftiehem, li jokkupa din il-proprjetà bħallikieku kien il-proprjetarju tagħha u li teskludi kull persuna oħra mill-benefiċċju ta’ tali dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Sequeira Mesquita, C-278/18, EU:C:2019:160, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija spjegata mill-fatt li l-kiri ta’ proprjetà immobbli, filwaqt li huwa attività ekonomika, normalment jikkostitwixxi attività relattivament passiva, li ma tiġġenerax valur miżjud sinjifikattiv. Tali attività għandha għalhekk tagħmel distinzjoni bejn attivitajiet oħra li jew għandhom natura industrijali u kummerċjali, jew għandhom għan li huwa kkaratterizzat aħjar mill-eżekuzzjoni ta’ provvista milli bis-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ oġġett, bħad-dritt li tintuża korsa tal-golf, dak li jintuża pont permezz tal-ħlas ta’ dritt ta’ pedaġġ jew inkella d-dritt li jiġu installati distributuri tas-sigaretti fi stabbiliment kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza talt28 ta’ Frar 2019, Sequeira Mesquita, C-278/18, EU:C:2019:160, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Minn dan jirriżulta li n-natura passiva tal-kiri ta’ proprjetà immobbli, li tiġġustifika l-eżenzjoni mill-VAT ta’ tali tranżazzjoni skont l-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT, hija marbuta man-natura tat-tranżazzjoni nnifisha u mhux mal-mod kif il-kerrej juża l-proprjetà kkonċernata (sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Sequeira Mesquita, C-278/18, EU:C:2019:160, punt 20).
43 Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija eskluża mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni attività li timplika mhux biss tqegħid għad-dispożizzjoni passiva ta’ proprjetà immobbli, iżda wkoll ċertu numru ta’ attivitajiet kummerċjali, bħal superviżjoni, ġestjoni u manutenzjoni kostanti min-naħa tal-proprjetarju kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet oħra, b’tali mod li, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari ħafna, il-kiri ta’ din il-proprjetà ma tistax tikkostitwixxi provvista predominanti (sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Sequeira Mesquita, C-278/18, EU:C:2019:160, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandu jiġi ddeterminat jekk is-servizzi ta’ akkomodazzjoni f’ċentru ta’ data bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT.
45 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu armarji, li fihom dawn jistgħu jinstallaw jew jiżguraw l-installazzjoni mill-fornitur tas-servers tagħhom, u li dan tal-aħħar jipprovdilhom ukoll, b’mod anċillari, l-elettriku kif ukoll diversi servizzi intiżi sabiex jiżguraw l-użu, jew anki l-manutenzjoni, ta’ dawn is-servers f’kundizzjonijiet ottimali. Jidher ukoll li l-klijenti jistgħu jaċċedu għall-armarju li ġie allokat lilhom biss wara li jkunu kisbu ċ-ċwievet korrispondenti mingħand terz fuq preżentazzjoni ta’ dokument ta’ identità għall-finijiet ta’ kontroll.
46 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-fornitur tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li jillimita ruħu li jagħmel it-tqegħid għad-dispożizzjoni passiva ta’ superfiċji jew ta’ post lill-klijenti tiegħu billi jiggarantilhom id-dritt li jokkupawh bħallikieku kienu proprjetarji u li jeskludi għalhekk lil kull persuna oħra mill-benefiċċju ta’ tali dritt. B’mod partikolari, xejn ma jindika li l-klijenti ta’ dan il-fornitur għandhom id-dritt li jikkontrollaw jew li jirrestrinġu l-aċċess tal-parti tal-proprjetà immobbli li fiha jkunu ġew installati l-armarji.
47 Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-armarji jistgħux huma stess jitqiesu bħala proprjetajiet immobbli li huma s-suġġett ta’ kiri, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13b tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li għandu l-għan li jippreċiża l-kunċett ta’ “proprjetà immobbli” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, jipprevedi, b’mod partikolari, fil-punti (ċ) u (d) tiegħu, li dan il-kunċett jinkludi, rispettivament “kwalunkwe element li jkun ġie installat u jagħmel parti integrali minn binja jew minn struttura u li mingħajru l-binja jew l-istruttura ma jkunux kompluti, bħal bibien, twieqi, soqfa, turġien u lifts”, kif ukoll “kwalunkwe ħaġa, tagħmir jew magna installati b’mod permanenti f’binja jew fi struttura li ma tkunx tista’ tiġi mċaqilqa mingħajr ma l-binja jew l-istruttura jinqerdu jew isirilhom tibdil”.
48 Issa, f’dan il-każ, jidher li, minn naħa, l-armarji bl-ebda mod ma jagħmlu parti integrali mill-proprjetà immobbli li fiha huma installati, peress li dan tal-aħħar ma jitqiesx, fl-assenza tagħhom, bħala strutturalment “inkomplet”, u, min-naħa l-oħra, peress li dawn l-armarji huma sempliċement użati fl-art u jistgħu għalhekk jiġu mċaqalqa mingħajr qerda jew modifika tal-immobbli, lanqas ma huma installati “b’mod permanenti”. Minn dan isegwi li tali armarji ma jidhrux li jistgħu jiġu kklassifikati bħala proprjetajiet immobbli li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kiri eżenti mill-VAT skont l-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT, fatt li għandu jiġi vverifikat minn din il-qorti.
49 Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data li fil-kuntest tagħhom il-fornitur ta’ dawn is-servizzi jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu, sabiex huma jinstallaw hemmhekk is-servers tagħhom, armarji u jipprovdilhom oġġetti u servizzi anċillari, bħalma huma l-elettriku u diversi servizzi intiżi sabiex jiżguraw l-użu ta’ dawn is-servers f’kundizzjonijiet ottimali, ma jikkostitwixxux servizzi ta’ kiri ta’ proprejtajiet immobbli li jaqa’ taħt l-eżenzjoni tal-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni, peress li, hija l-qorti tar-rinviju li tivverifika, minn naħa, jekk dan il-fornitur ma jqegħedx għad-dispożizzjoni b’mod passiv ta’ superfiċji jew ta’ post lill-klijenti tiegħu billi jiggarantilhom id-dritt li jokkupawh bħallikieku kienu proprjetarji u, minn naħa l-oħra, l-armarji ma humiex parti integrali tal-proprjetà li fiha huma installati, lanqas ma huma installati “b’mod permanenti”.
Fuq it-tieni domanda
50 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-VAT u l-Artikolu 31a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data li fil-kuntest tagħhom il-fornitur ta’ dawn is-servizzi jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu, sabiex jinstallaw hemmhekk is-servers tagħhom, armarji u jipprovdilhom oġġetti u servizzi anċillari, bħall-elettriku u diversi servizzi intiżi li jiżguraw l-użu ta’ dawn is-servers f’kundizzjonijiet ottimali, jikkostitwixxu servizzi li jorbtu ma’ proprjetà immobbli, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
51 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva tal-VAT jinkludu regola ġenerali għad-determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi, filwaqt li l-Artikoli 46 sa 59a ta’ din id-direttiva jipprevedu sensiela ta’ rabtiet speċifiċi (sentenza tas-13 ta’ Marzu 2019, Srf konsulterna, C-647/17, EU:C:2019:195, punt 20).
52 L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha huwa li jiġu evitati, minn naħa, kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ dħul (sentenzi tat-30 ta’ April 2015, SMK, C-97/14, EU:C:2015:290, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 Għalhekk, billi jistabbilixxu l-post ta’ rabta fiskali ta’ provvista ta’ servizzi u billi jiddefinixxu l-kompetenzi tal-Istati Membri, l-imsemmija dispożizzjonijiet huma intiżi li jistabbilixxu tqassim razzjonali tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-VAT, billi jiddeterminaw b’mod uniformi l-post ta’ tassazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2015, SMK, C-97/14, EU:C:2015:290, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma teżistix preċedenza tal-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva tal-VAT fuq l-Artikoli 46 sa 59a tagħha. F’kull sitwazzjoni, tqum il-kwistjoni dwar jekk din tikkorrispondix ma’ wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikoli 46 sa 59a ta’ din id-direttiva. Huwa fin-nuqqas li l-imsemmija sitwazzjoni taqa’ taħt l-Artikoli 44 u 45 tagħha (sentenza tal-13 ta’ Marzu 2019, Srf konsulterna, C-647/17, EU:C:2019:195, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 Minn dan isegwi li l-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-VAT ma għandux jitqies bħala eċċezzjoni għal regola ġenerali li għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, A u B, C-453/15, EU:C:2016:933, punt 19; tat-13 ta’ Marzu 2019, Srf konsulterna, C-647/17, EU:C:2019:195, punt 22, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2019, Geelen, C-568/17, EU:C:2019:388, punt 25).
56 F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk provvista ta’ servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex titqies li hija marbuta ma’ proprjetà immobbli, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’liema każ il-post ta’ din il-provvista jkun il-post fejn tinsab din il-proprjetà immobbli.
57 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li, għalkemm is-servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data ma humiex inklużi fost in-numru ta’ servizzi elenkati fl-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-VAT, din il-lista ma għandhiex, kif jirriżulta mill-kliem “inkluż” preċedenti, natura eżawrjenti.
58 Madankollu, kif irrilevat ġustament mill-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, is-servizzi msemmija espliċitament f’din id-dispożizzjoni juru b’mod ċar li huma biss is-servizzi li għandhom rabta suffiċjentement diretta ma’ proprjetà immobbli li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.
59 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex provvista ta’ servizzi titqies li hija marbuta ma’ proprjetà immobbli, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, din il-provvista għandha tkun marbuta ma’ proprjetà immobbli espressament determinata u jkollha bħala suġġett il-proprjetà immobbli nnifisha. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta proprjetà immobbli espressament stabbilita għandha titqies li hija element kostituttiv ta’ provvista ta’ servizzi, peress li tikkostitwixxi element ċentrali u indispensabbli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland, C-155/12, EU:C:2013:434, punti 34 u 35).
60 Din il-ġurisprudenza ġiet, essenzjalment, ikkodifikata fl-Artikolu 31a(1)(a) u (b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li jipprovdi li s-servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-VAT, jinkludu biss is-servizzi li għandhom rabta suffiċjentement diretta ma’ proprjetà immobbli, li huwa l-każ, minn naħa, meta dawn is-servizzi jirriżultaw minn proprjetà immobbli, li l-imsemmija proprjetà immobbli hija element kostituttiv tas-servizz u li huwa ċentrali u essenzjali għas-servizzi pprovduti, kif ukoll, min-naħa l-oħra, meta dawn is-servizzi jkunu pprovduti jew intiżi għal proprjetà immobbli u għandhom bħala għan li jemendaw l-istatus legali jew il-karatteristiċi fiżiċi tal-imsemmija proprjetà. Issa, kif jirriżulta espliċitament mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 31a(2)(h) u tal-Artikolu 31a(3)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-kiri ta’ immobbli bil-għan tal-ħażna ta’ beni ma jistax jitqies li jikkostitwixxi servizz marbut ma’ proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-imsemmija direttiva, jekk ebda parti speċifika tal-proprjetà immobbli ma hija użata għall-użu esklużiv tal-kerrej.
61 F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, kif diġà ġie rrilevat, essenzjalment, fil-punti 45, 46 u 48 ta’ din is-sentenza, il-klijenti li jużaw is-servizzi ta’ akkomodazzjoni f’ċentru ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx dritt ta’ użu esklużiv tal-parti tal-proprjetà immobbli li fiha ġew installati l-armarji. Fil-fatt, l-ewwel nett, huma jistgħu jaċċedu għall-armarju li ġiet assenjata lilhom biss wara li jkunu kisbu ċ-ċwievet korrispondenti mingħand terz fuq preżentazzjoni ta’ dokument ta’ identità għall-finijiet ta’ kontroll. It-tieni nett, dawn il-klijenti ma jidhrux li għandhom id-dritt li jikkontrollaw jew li jirrestrinġu l-użu tal-parti kkonċernata tal-imsemmi immobbli. It-tielet nett, dan l-armarju ma jistax jiġi kklassifikat huwa stess bħala proprjetà immobbli.
62 Għalhekk ma jidhirx li l-kundizzjonijiet li fihom is-servers jinżammu jikkorrispondu għal dawk meħtieġa mill-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-VAT u fl-Artikolu 31a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, sabiex is-servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu jistgħu jitqiesu li huma marbuta ma’ proprjetà immobbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
63 Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-VAT u l-Artikolu 31a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data li fil-kuntest tagħhom il-fornitur ta’ dawn is-servizzi jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu, sabiex jinstallaw hemmhekk is-servers tagħhom, armarji u jipprovdilhom oġġetti u servizzi anċillari, bħalma huma l-elettriku u diversi servizzi intiżi sabiex jiżguraw l-użu ta’ dawn is-servers f’kundizzjonijiet ottimali, ma jikkostitwixxux servizzi li jorbtu ma’ proprjetà immobbli, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta dawn il-klijenti ma jgawdux minn, li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, dritt ta’ użu esklużiv tal-parti tal-proprjetà immobbli li fiha huma installati l-armarji.
Fuq l-ispejjeż
64 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 135(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data li fil-kuntest tagħhom il-fornitur ta’ dawn is-servizzi jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu, sabiex huma jinstallaw hemmhekk is-servers tagħhom, armarji u jipprovdilhom oġġetti u servizzi anċillari, bħalma huma l-elettriku u diversi servizzi intiżi sabiex jiżguraw l-użu ta’ dawn is-servers f’kundizzjonijiet ottimali, ma jikkostitwixxux servizzi ta’ kiri ta’ proprejtajiet immobbli li jaqa’ taħt l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud prevista f’din id-dispożizzjoni, peress li, hija l-qorti tar-rinviju li tivverifika, minn naħa, jekk dan il-fornitur ma jqegħedx għad-dispożizzjoni b’mod passiv ta’ superfiċji jew ta’ post lill-klijenti tiegħu billi jiggarantilhom id-dritt li jokkupawh bħallikieku kienu proprjetarji u, minn naħa l-oħra, l-armarji ma humiex parti integrali tal-proprjetà li fiha huma installati, lanqas ma huma installati “b’mod permanenti”.
2) L-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8 u l-Artikolu 31a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1042/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013, għandhom jiġu interpretati fis-sens li servizzi ta’ hosting f’ċentru ta’ data li fil-kuntest tagħhom il-fornitur ta’ dawn is-servizzi jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu, sabiex jinstallaw hemmhekk is-servers tagħhom, armarji u jipprovdilhom oġġetti u servizzi anċillari, bħalma huma l-elettriku u diversi servizzi intiżi sabiex jiżguraw l-użu ta’ dawn is-servers f’kundizzjonijiet ottimali, ma jikkostitwixxux servizzi li jorbtu ma’ proprjetà immobbli, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta dawn il-klijenti ma jgawdux minn, li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, dritt ta’ użu esklużiv tal-parti tal-proprjetà immobbli li fiha huma installati l-armarji.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.