Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
8 ta Ottubru 2020 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 135(1)(a) – Eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni – Provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ fond ta’ pensjoni lil fiduċjarju mill-amministraturi ta’ investimenti – Esklużjoni ta’ kwalunkwe kumpens għal riskju – Skema professjonali ta’ pensjoni – Prassi fiskali nazzjonali – Eżerċizzju ta’ attività ta’ assigurazzjoni – Entitajiet li huma awtorizzati – Entitajiet li ma għandhomx tali awtorizzazzjoni – Kunċett ta’ ‘tranżazzjoniiet ta’ assigurazzjoni’”
Fil-Kawża C-235/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales (Civil Division)) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura
United Biscuits (Pensions Trustees) Limited,
United Biscuits Pension Investments Limited
vs
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President ta’ Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan, u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal United Biscuits Pension Investments Limited u United Biscuits (Pensions Trustees) Limited, minn D. Scorey, QC, C. Millard, solicitor, u M. Jones, barrister,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, bħala aġent, assistita minn T. Ward, QC, u A. Macnab, barrister,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u A. Armenia, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika ĠU 2007, L 335, p. 60).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn United Biscuits (Pension Trustees) Ltd (iktar ’il quddiem “United Biscuits Pension”) u United Biscuits Pension Investments Ltd (iktar ’il quddiem “UB”) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs (l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali tar-Renju Unit), dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ fond ta’ pensjoni.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-regoli dwar il-VAT
3 Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, għandha tkun suġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.
4 L-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tat-Titolu IX, intitolat “Eżenzjonijiet” tagħha, jipprevedi:
“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli”.
5 L-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn”, tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
a) [tranżazzjonijiet ta’] assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;
[...]”
6 Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 13(B)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
Ir-regoli dwar l-assigurazzjoni
7 L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 79/267/KEE tal-5 ta’ Marzu 1979 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-aċċess għall-attività tal-assigurazzjoni diretta tal-ħajja, u mal-eżerċizzju tagħha (ĠU 1979, L 63, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 2002/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2002 (ĠU 2002, L 77, p. 11) (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja”), fl-Artikolu 1 tagħha kienet tipprevedi:
“Din id-Direttiva tikkonċerna l-bidu u l-insegwiment ta’ l-attività għal rashom ta’ assigurazzjoni diretta segwiti minn intrapriżi li huma stabbiliti fi Stat Membru jew li jixtiequ jiġu stabbiliti hemmhekk fil-forma ta’ l-attivitajiet definiti hawn taħt:
1. l-assigurazzjonijiet li ġejjin meta huma fuq bażi kontrattwali:
a) assigurazzjoni [...]; ;
b) annwitajiet;
c) assigurazzjoni supplimentari segwiti minn intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja [...]; ;
d) it-tip ta’ assigurazzjoni li teżisti fl-Irlanda u fir-Renju Unit magħrufa bħala assigurazzjoni permanenti tas-saħħa mhux soġġetta għal kanċellament;
2. it-tranżazzjonijiet li ġejjin, meta huma fuq bażi kontrattwali, sa fejn huma soġġetti għal sorveljanza mill-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għas-sorveljanza ta’ assigurazzjoni privata:
[...]
c) amministrazzjoni ta’ gruppi ta’ fondi ta’ pensjoni, jiġifieri tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għall-intrapriża kkonċernata fl-amministrazzjoni ta’ l-investimenti, u b’mod partikolari l-assi li jirrappreżentaw ir-riżervi ta’ korpi li jeffettwaw pagamenti fuq mewt jew soppravivenza jew fil-każ ta’ skontinwità jew waqfien ta’ attività;
d) it-tranżazzjonijiet imsemmija f’(ċ) meta huma akkumpanjati b’assigurazzjoni li tkopri jew il-konservazzjoni ta’ kapital jew pagament ta’ interess minimu;
[...]
3. Tranżazzjonijiet li jiddependu mit-tul tal-ħajja tal-bniedem li huma ddefiniti jew previsti mil-leġislazzjoni dwar l-assigurazzjoni soċjali, meta huma pprattikati jew amministrati f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minn impiżi ta’ assigurazzjoni għar-riskju proprju”.
8 Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva:
“Kull Stat Membru għandu jagħmel l-aċċess għall-attivitajiet koperti minn din id-Direttiva fuq it-territorju tiegħu dipendenti fuq awtorizzazzjoni amministrattiva.
[...]”
9 L-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja kien jipprovdi:
“L-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal klassi partikolari ta’ assigurazzjoni kif elenkat fl-Anness I. Għandha tkopri l-klassi intiera, sakemm l-applikant ma jkunx mixtieq ikopri biss ftit mir-riskji li jappartjenu għal dik il-klassi
[...]”
10 L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“L-Istat Membru lokali għandu jeħtieġ li kull intrapriża ta’ l-assigurazzjoni li għaliha hija mfittxa awtorizzazzjoni:
[...]
b) tillimita l-miri tagħha għan-negozju previst f’din id-direttiva u tranżazzjonijiet li jirriżultaw direttament minn hemm, bl-esklużjoni tan-negozju kummerċjali kollu l-ieħor.”
11 L-Anness tal-istess direttiva kien fih lista intitolata “Klassijiet tal-assigurazzjoni”, li kien isemmi, fil-punt VII tiegħu, “t-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ fondi kollettivi ta’ rtirar, msemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) u (d)”.
12 L-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU 2002, L 345, p. 1). L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/83/KE jirriproduċi d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja. L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/83 jirriproduċi l-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja. L-Anness I tad-Direttiva 2002/83 kien intitolat “Klassijiet tal-Assigurazzjoni” u fil-punt VII tiegħu kien isemmi “Amministrazzjoni ta’ fondi ta’ grupp ta’ pensjoni, msemmija fl-Artikolu 2(2)(ċ) u (d)”.
13 Id-Direttiva 2002/83 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1 u r-Rettifika fil-ĠU L 316, p. 107) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Solvibbiltà II”). L-Artikolu 2(3) ta’ din tal-aħħar jirriproduċi l-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, f’termini essenzjalment identiċi.
14 L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva Solvibbiltà II, intitolat “Il-prinċipju tal-awtorizzazzjoni”, jipprovdi:
“Il-bidu tan-negozju ta’ assigurazzjoni diretta jew rijassigurazzjoni kopert minn din id-Direttiva għandu jkun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel”.
15 L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva Solvibbiltà II huwa fformulat kif ġej:
“Suġġett għall-Artikolu 14, awtorizzazzjoni għandha tingħata għal klassi partikolari ta’ assigurazzjoni diretta kif elenkat fil-Parti A fl-Anness I jew fl-Anness II. Għandha tkopri l-klassi intiera, sakemm l-applikant ma jkunx mixtieq ikopri biss ftit mir-riskji li jappartjenu għal dik il-klassi”.
16 L-Anness II tad-Direttiva Solvibbiltà II, intitolat “Il-klassijiet ta’ assikurazzjoni tal-ħajja”, isemmi, fil-punt VII tiegħu, “Amministrazzjoni ta’ fondi ta’ grupp ta’ pensjoni, imsemmija fil-punt (b)(iii) u (iv) tal-Artikolu 2(3)”.
Id-dritt tar-Renju Unit
17 Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni Brittanika dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-kumpannji ta’ assigurazzjoni, il-provvisti ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ fondi ta’ pensjoni, inklużi dawk relatati ma’ sistemi professjonali ta’ pensjoni b’benefiċċji ddefiniti, jaqgħu fi klassi ta’ “assigurazzjoni” meta jkunu eżegwiti mid-detenturi ta’ awtorizzazzjoni ta’ assiguratur skont l-Insurance Companies Act (il-Liġi dwar il-Kumpanniji ta’ Assigurazzjoni) (iktar ’il quddiem l-“assiguraturi”).
18 L-assiguraturi kienu, barra minn hekk, suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet amministrattivi kompetenti għas-sorveljanza tal-assigurazzjonijiet privati. Il-provvisti ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ fondi ta’ pensjoni setgħu wkoll jiġu offruti minn operaturi awtorizzati taħt leġiżlazzjonijiet oħra (iktar ’il quddiem in-“nonassiguraturi”).
19 Fir-rigward tal-VAT marbuta ma’ dawn il-provvisti ta’ servizzi, mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul il-perijodu kkonċernat, l-amministrazzjoni fiskali tar-Renju Unit applikat regoli differenti skont jekk is-servizzi kinux ipprovduti minn assiguraturi jew minn nonassiguraturi. Qabel l-1 ta’ Jannar 2005, din id-differenza fit-trattament kienet tirriżulta minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi li kienu jillimitaw il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni biss għall-fornituri li kellhom awtorizzazzjoni bħala assiguraturi. Wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ f’dik id-data, l-amministrazzjoni fiskali kienet, skont il-qorti tar-rinviju, kompliet tillimita l-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ fondi ta’ pensjoni pprovduti minn assiguraturi, minkejja li din il-limitazzjoni ma kinitx għadha konformi mal-liġi.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
20 United Biscuits Pension hija l-fiduċjarju ta’ skema professjonali ta’ pensjoni stabbilita għall-impjegati ta’ United Biscuits (UK) Ltd. UB hija l-fiduċjarju antik ta’ fond kollettiv ta’ investimenti li fih kien investit l-attiv ta’ din is-sistema għall-perijodu li jkopri s-snin 1989 sal-2006.
21 Il-fiduċjarji suċċessivi tal-imsemmi fond irrikorrew għas-servizzi ta’ amministraturi. Dawn tal-aħħar kienu kemm assiguraturi kif ukoll nonassiguraturi.
22 Fost is-servizzi pprovduti, dawk iffatturati minn nonassiguraturi ma setgħux, skont ir-regoli jew il-prattiki fis-seħħ fir-Renju Unit, jiġu eżentati mill-VAT, ħaġa li lmentaw dwarha United Biscuits Pension u UB.
23 Dawn tal-aħħar, bħala fiduċjarji, b’mod partikolari, tal-fond ta’ pensjoni, talbu mingħajr suċċess lill-amministrazzjoni fiskali tar-Renju Unit ir-rimbors tal-VAT inkwistjoni, u sussegwentement adixxew lill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità, ir-Renju Unit).
24 Din tal-aħħar, permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Novembru 2017, ċaħdet ir-rikors tagħhom billi bbażat ruħha fuq l-assenza ta’ eżenzjoni fid-dritt nazzjonali għall-perijodu inkwistjoni.
25 Adita bl-appell minn din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix li tiġi eżentata mill-VAT il-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ fondi ta’ pensjoni.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Il-provvisti tas-servizzi tat-tmexxija tal-fondi tal-pensjoni kif ipprovduti [lir-rikorrenti] minn (a) assiguraturi u/jew (b) nonassiguraturi ta’ “transazzjonijet ta’ assigurazzjoni” huma skont it-tifsira tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT [li qabel kien l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva]?”
Fuq id-domanda preliminari
27 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-perijodu ta’ tassazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie sussegwentement kopert mis-Sitt Direttiva u mid-Direttiva 2006/112, sa fejn l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 huwa identiku għall-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva, huwa possibbli li r-risposta għad-domanda preliminari tingħata biss abbażi tal-iktar bażi reċenti ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, fis-seħħ fid-data ta’ din is-sentenza.
28 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li servizzi ta’ ġestjoni ta’ investimenti pprovduti taħt skema professjonali ta’ rtirar, bl-esklużjoni ta’ kull kumpens għal riskju, jistgħux jiġu kklassifikati bħala “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, jaqgħu taħt l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-imsemmija dispożizzjoni favur tali tranżazzjonijiet.
29 Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva VAT għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C-40/15, EU:C:2016:172, punt 20).
30 Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, huma kkaratterizzati, b’mod ġeneralment aċċettat u skont ġurisprudenza stabbilita, mill-fatt li l-assiguratur jinkariga ruħu, permezz tal-ħlas minn qabel ta’ primjum, li jipprovdi lill-persuna assigurata, fil-każ ta’ twettiq tar-riskju kopert, is-servizz miftiehem matul il-konklużjoni tal-kuntratt (ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C-40/15, EU:C:2016:172, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika, u dan ġie kkonfermat waqt is-seduta, li s-servizzi pprovduti kuntrattwalment lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu jikkonsistu biss fil-ġestjoni ta’ investimenti f’isimhom, bl-esklużjoni ta’ kull kumpens għal riskju.
32 Huwa paċifiku li tali provvisti ta’ servizzi ma jissodisfawx il-kriterji msemmija fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, peress li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 hija essenzjalment iġġustifikata mid-diffikultà li tiġi ddeterminata l-bażi korretta tal-VAT għall-primjums tal-assigurazzjoni marbuta mal-kopertura tar-riskju.
33 Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ebda kriterju ieħor ta’ rabta mal-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, ma jista’ jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni.
34 Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw il-punt 18 tas-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, EU:C:1999:93), u l-punt 30 tas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia (C-240/99, EU:C:2001:140).
35 Ċertament, dawn il-punti jaffermaw, essenzjalment, li ebda raġuni ma tawtorizza interpretazzjoni differenti tat-terminu “assigurazzjoni” skont jekk jinsabx fid-direttivi dwar l-assigurazzjoni jew f’dawk relatati mal-VAT.
36 Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 sa 75 tal-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, jirriżulta li l-imsemmija punti, moqrija fil-kuntesti speċifiċi għas-sentenzi li jaqgħu fihom, jirreferu, fir-realtà, għal modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-assigurazzjoni, bħal servizzi in natura jew l-eżistenza ta’ intermedjarju bejn l-assiguratur u l-assigurat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja, li rreferiet għat-terminu “assigurazzjoni” b’mod ġenerali u mhux għall-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tas-sistema komuni tal-VAT, ma kellhiex l-intenzjoni li tistabbilixxi rabta neċessarja u intrinsika bejn din tal-aħħar u eventwali kategoriji legali li jinsabu fid-direttivi dwar l-assigurazzjoni. B’hekk, iż-żewġ sentenzi msemmija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirriproduċu u japplikaw il-kriterji stabbiliti fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza mingħajr ma jikkontestawhom jew jikkompletawhom fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni.
37 Barra minn hekk, analiżi preċiża tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttivi ma tistax issostni l-idea li l-benefiċċji ta’ ġestjoni ta’ fondi ta’ pensjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.
38 Fil-fatt, skont il-kliem stess tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, riprodott essenzjalment mid-direttivi li ssostitwixxewha, l-attivitajiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja previsti minn dawn it-testi huma, jew l-“assigurazzjoni” imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jew it-“tranżazzjonijiet” imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi artikolu.
39 Issa, fost dawn it-“tranżazzjonijiet” hemm “it-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ fondi kollettivi ta’ rtirar”.
40 Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm l-“assigurazzjonijiet” imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jikkostitwixxu attivitajiet ta’ assigurazzjoni fis-sens kurrenti tal-kelma, it-“tranżazzjonijiet” huma attivitajiet fil-qrib u strettament marbuta ma’ dawn l-attivitajiet ta’ assigurazzjoni. Dawn huma tranżazzjonijiet inċidentali, li huma koperti mill-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja u l-leġiżlazzjoni li tissostitwixxiha, mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi “assigurazzjonijiet” fis-sens tad-direttivi fil-qasam tal-assigurazzjoni.
41 B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-assigurazzjoni, iqis benefiċċji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala li ma humiex “assigurazzjoni”.
42 Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata fid-dawl tal-kliem tal-annessi tad-direttivi fil-qasam tal-assigurazzjoni, sa fejn dawn isemmu l-ġestjoni tal-fondi ta’ pensjoni taħt l-attivitajiet ta’ assigurazzjoni.
43 F’dan ir-rigward, huwa minnu li tista’ tirriżulta xi ambigwità mill-fatt li uħud minn dawn l-annessi jużaw it-termini “klassi ta’ assigurazzjoni” jew “klassi ta’ assigurazzjoni tal-ħajja”.
44 Madankollu, din l-ambigwità ma tirreżistix għal analiżi kuntestwali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.
45 Fir-rigward tat-titolu bl-Ingliż tal-Anness tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, għandu jiġi osservat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, li huma biss il-verżjonijiet tiegħu bil-lingwa Daniża u Ingliża li jikklassifikaw fit-titolu tiegħu l-klassijiet tiegħu bħala “klassijiet ta’ assigurazzjoni”, filwaqt li l-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bil-Franċiż, bit-Taljan u bl-Olandiż jirreferu biss għall-“klassijiet” ta’ attività, u b’hekk jagħtu x’jinftiehem li l-“ġestjoni ta’ fondi kollettivi ta’ rtirar”, li tinsab fil-punt VII ta’ dan l-anness, tikkostitwixxi mhux klassi ta’ assigurazzjoni, iżda klassi ta’ attività.
46 Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, EU:C:2005:753, punt 31).
47 F’dan ir-rigward, u dan jgħodd ukoll għat-titolu tal-Anness I tad-Direttiva 2002/83 u tal-Anness II tad-Direttiva Solvibbiltà II, għandu jitfakkar li r-raġuni wara l-klassifikazzjoni magħmula fl-anness ta’ dawn id-direttivi hija li jiġu ddeterminati, b’mod partikolari, l-attivitajiet li huma s-suġġett tal-awtorizzazzjoni obbligatorja prevista minn dawn it-testi għall-aċċess għall-attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru.
48 Din l-awtorizzazzjoni hija meħtieġa, kif jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 1 u 6 tal-Ewwel Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja, li essenzjalment ma nbidlux fid-direttivi sussegwenti, fir-rigward tal-“attivitajiet koperti b’din id-direttiva”.
49 Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 38 et seq ta’ din is-sentenza, dawn l-attivitajiet jikkonsistu kemm f’“assigurazzjoni” kif ukoll fi “tranżazzjonijiet” annessi, li fosthom hemm il-ġestjoni ta’ fondi ta’ pensjoni.
50 Huwa għalhekk koerenti, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-direttivi fil-qasam tal-assigurazzjoni, li l-klassifikazzjoni ta’ attivitajiet stabbilita mill-imsemmija direttivi fl-annessi tagħhom tinkludi l-attivitajiet ta’ assigurazzjoni u ta’ amministrazzjoni ta’ fondi ta’ pensjoni, mingħajr ma din il-klassifikazzjoni tkun tista’ tiġi interpretata bħala li tassimila dawn it-tranżazzjonijiet mal-assigurazzjonijiet.
51 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li servizzi ta’ ġestjoni ta’ investimenti pprovduti taħt skema professjonali ta’ rtirar, bl-esklużjoni ta’ kull kumpens għal riskju, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, ma jistgħux jaqgħu taħt l-eżenzjoni mill-VAT prevista mill-imsemmija dispożizzjoni favur tali tranżazzjonijiet.
Fuq l-ispejjeż
52 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizzi ta’ ġestjoni ta’ investimenti pprovduti taħt skema professjonali ta’ rtirar, bl-esklużjoni ta’ kull kumpens għal riskju, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, ma jistgħux jaqgħu taħt l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) prevista mill-imsemmija dispożizzjoni favur tali tranżazzjonijiet.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.