Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
17 ta’ Marzu 2021 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 43 u 44 – Post tal-provvista tas-servizzi pprovduti lil persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali – Post tal-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ investimenti rċevuti minn organizzazzjoni ta’ karità għal attività professjonali mhux ekonomika minn fornituri stabbiliti barra mill-Unjoni”
Fil-Kawża C-459/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura
The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs
vs
Wellcome Trust Ltd,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Wellcome Trust Ltd, minn F. Mitchell, barrister, u, kif ukoll minn P. Nathwani, C. Millard u H. Grantham, solicitors,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, bħala aġent, assistita minn E. Mitrophanous, barrister,
– għall-Irlanda, minn M. Browne, J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn N. Travers, SC,
– għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u A. Armenia, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs (l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u tad-Dwana, ir-Renju Unit) u Wellcome Trust Ltd (iktar ’il quddiem “WTL”) dwar ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa fir-rigward ta’ servizzi li ġew ipprovduti minn ġestjonarji tal-investiment stabbiliti barra mill-Unjoni.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2008/8
3 Il-premessa 4 tad-Direttiva 2008/8 tipprovdi:
“Għall-forniment tas-servizzi lil persuni taxxabbli, ir-regola ġenerali rigward il-post tal-forniment tas-servizzi għandha tkun ibbażata fuq il-post fejn huwa stabbilit ir-riċevitur, aktar milli fejn huwa stabbilit il-fornitur. Għall-finijiet tar-regoli li jiddeterminaw il-post tal-forniment tas-servizzi u li jiġu minimizzati l-piżijiet fuq in-negozju, il-persuni taxxabbli li għandhom ukoll attivitajiet mhux taxxabbli għandhom ikunu ttrattati bħala taxxabbli għas-servizzi kollha mogħtijin lilhom. Bl-istess mod, persuni ġuridiċi mhux taxxabbli li huma identifikati għall-finijiet tal-VAT għandhom jitqiesu bħala persuni taxxabbli. Dawn id-dispożizzjonijiet, skond regoli normali, m’għandhomx jestendu għall-fornimenti ta’ servizzi riċevuti minn persuna taxxabbli għall-użu personali tagħha jew dak tal-persunal tagħha.”
Id-Direttiva dwar il-VAT
4 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:
“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
[…]
(ċ) il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[…]”
5 L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, li jinsab taħt it-Titolu III tagħha, intitolat “Persuni taxxabbli”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”
6 It-Titolu V tal-imsemmija direttiva, dwar il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, jinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 3, intitolat “Post ta’ provvista ta’ servizzi”, huwa stess maqsum fi tliet taqsimiet.
7 It-Taqsima 1, intitolata “Definizzjoijiet”, tinkludi artikolu wieħed, l-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar il-VAT, li huwa fformulat kif ġej:
“Għall-fini li jiġu applikati r-regoli li jikkonċernaw il-post tal-forniment tas-servizzi:
(1) persuna taxxabbli li twettaq ukoll attivitajiet jew transazzjonijiet li m’humiex ikkunsidrati bħala forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi skond l-Artikolu 2(1) għandha titqies bħala persuna taxxabbli fir-rigward tas-servizzi kollha fornuti lilha;
(2) persuna ġuridika mhux taxxabbli li hi identifikata għall-finijiet tal-VAT għandha titqies bħala persuna taxxabbli.”
8 It-Taqsima 2, intitolata “Regoli ġenerali”, tinkludi l-Artikoli 44 u 45 ta’ din id-direttiva.
9 L-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment.”
10 L-Artikolu 45 tal-istess direttiva jiddisponi:
“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti minn stabbiliment fiss tal-fornitur li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn huwa stabbilixxa n-negozju tiegħu, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-fornitur għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn jirrisjedi normalment.”
11 It-Taqsima 3, intitolata “Dispożizzjonijiet partikolari”, tinkludi l-Artikoli 46 sa 59a tad-Direttiva dwar il-VAT, li jipprevedu sensiela ta’ rabtiet speċifiċi.
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni
12 Il-premessa 19 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2011, L 77, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”), tipprovdi:
“Għandu jiġi ċċarat li meta s-servizzi fornuti lil persuna taxxabbli jkunu intenzjonati għal bżonnijiet privati, inkluż użu mill-persunal tal-klijent, dik il-persuna taxxabbli m’għandiex titqies li qed taġixxi fil-kapaċità tagħha ta’ persuna taxxabbli. Sabiex jiġi determinat jekk il-klijent hux jaġixxi bħala persuna taxxabbli jew le, l-għoti tan-numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT lill-fornitur għandu jkun biżżejjed biex tiġi determinata din il-kwalità jekk il-fornitur ikollu informazzjoni differenti. Għandu jiġi żgurat ukoll li servizz uniku akkwistat kemm għan-negozju kif ukoll għal raġunijiet personali wkoll jiġi ntaxxat biss f’post wieħed.”
13 Il-Kapitolu V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, intitolat “Il-post tat-transazzjonijiet taxxabbli”, jinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima 4, intitolata “Il-lok tal-forniment tas-servizzi (Artikoli 43 sa 59 tad-Direttiva [dwar il-VAT])”, hija stess maqsuma fi ħdax-il subtaqsima.
14 Is-subtaqsima 2, intitolata “Il-kapaċità tal-klijent”, tinkludi artikolu wieħed, l-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li huwa fformulat kif ġej:
“Għall-fini tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-lok tal-forniment tas-servizzi previsti fl-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva [dwar il-VAT], persuna taxxabbli, jew persuna legali mhux taxxabbli li titqies bħala persuna taxxabbli, li tirċievi servizzi esklużivament għall-użu personali tagħha inkluż għal dak tal-persunal tagħha, hija kkunsidrata bħala persuna mhux taxxabbli.
Ħlief jekk ikollu informazzjoni kuntrarja, bħal informazzjoni dwar in-natura tas-servizzi pprovduti, il-fornitur jista’ jikkunsidra s-servizzi huma ddestinati għall-attività ekonomika tal-klijent jekk, għal dik it-transazzjoni, il-klijent ikun infurmah bin-numru individwali tiegħu ta’ identifikazzjoni għall-VAT.
Meta l-istess servizz ikun maħsub kemm għal użu privat, inkluż użu mill-persunal tal-klijent, kif ukoll għal użu tan-negozju, il-forniment ta’ dan is-servizz jiddependi esklużivament mill-Artikolu 44 tad-Direttiva [dwar il-VAT], dment li ma tkun teżisti ebda prattika abbużiva.”
Id-dritt tar-Renju Unit
15 Ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi ġew implimentati fid-dritt tar-Renju Unit permezz tal-Artikolu 7A tal-Value Added Tax Act 1994 (il-Liġi tal-1994 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) li huwa fformulat kif ġej:
“Post tal-provvista tas-servizzi
(1) Din it-taqsima tapplika sabiex jiġi ddeterminat, għall-finijiet ta’ dan l-Att, il-pajjiż li fih jiġu pprovduti s-servizzi.
(2) Provvista ta’ servizz għandha titqies li seħħet –
(a) f’każ fejn il-persuna li lilha ġew ipprovduti s-servizzi hija imprenditur rilevanti, fil-pajjiż fejn jinsab id-destinatarju tas-servizz, u
(b) inkella, fil-pajjiż fejn ikun jappartjeni l-fornitur.
[…]
(4) Għall-finijiet ta’ dan l-Att, persuna hija imprenditur rilevanti fir-rigward ta’ provvista ta’ servizzi jekk il-persuna –
(a) tkun persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 9 tad-[Direttiva dwar il-VAT],
(b) tkun irreġistrata skont dan l-Att,
(c) tkun identifikata għall-finijiet tal-VAT skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minbarra r-Renju Unit, jew
(d) hija rreġistrata skont Att ta’ Tynwald għall-finijiet ta’ kull taxxa imposta minn jew skont Att ta’ Tynwald li tikkorrispondi [għall-VAT],
u li s-servizzi huma rċevuti mill-persuna għal finijiet li ma humiex esklużivament privati.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 WTL hija l-unika trustee ta’ trust ta’ karità, il-Wellcome Trust, li tagħmel għotjiet għal riċerka medika. WTL tirċievi dħul minn investimenti u teżerċita wkoll ċertu numru ta’ attivitajiet żgħar, fosthom il-bejgħ, ir-restawr u l-kiri ta’ proprjetajiet immobbli li għalihom hija rreġistrata għall-VAT. Id-dħul minn investimenti, li jikkostitwixxi l-parti l-kbira tal-finanzjament tal-għotjiet ipprovduti, joriġina prinċipalment minn investimenti barra mill-pajjiż li għalihom is-servizzi ta’ ġestjonarji, stabbiliti kemm fl-Unjoni kif ukoll barra mill-Unjoni, huma pprovduti lil WTL.
17 Fis-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1996, Wellcome Trust (C-155/94, EU:C:1996:243), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), dispożizzjoni li sussegwentement saret l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, ma jinkludix attività li tikkonsisti fix-xiri u fil-bejgħ ta’ azzjonijiet u titoli oħra minn trustee fil-kuntest tal-ġestjoni tal-beni ta’ trust ta’ karità. Konsegwentement, WTL ġiet irrifjutata l-irkupru tat-taxxa tal-input imħallsa fuq l-ispejjeż kollha sostnuti relatati tal-portafoll tagħha barra mill-Unjoni.
18 Skont l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità), ir-Renju Unit), il-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit li, l-ewwel nett, WTL hija persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikoli 2 u 9 tad-Direttiva dwar il-VAT, li, sussegwentement, l-attività li tikkonsisti fix-xiri u fil-bejgħ ta’ azzjonijiet u ta’ titoli oħra minn WTL fil-kuntest tal-ġestjoni tal-beni tal-Wellcome Trust baqgħet l-istess meta mqabbla ma’ dik eżaminata fl-imsemmija sentenza, u li, fl-aħħar nett, din l-attività mhux ekonomika hija attività professjonali, mhux attività privata.
19 L-imsemmija qorti tispeċifika wkoll li WTL użat is-servizzi akkwistati mingħand fornituri stabbiliti barra mill-Unjoni esklużivament għall-attività professjonali tagħha u li ma użatx dawn is-servizzi għall-provvista ta’ servizzi taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, WTL għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-istatus ta’ karità tat-trust u hija pprojbita milli twettaq attività kummerċjali.
20 Mill-2010, WTL ħallset il-VAT fuq is-servizzi li ġew ipprovduti lilha minn ġestjonarji tal-investiment stabbiliti barra mill-Unjoni, konformement mal-mekkaniżmu tar-reverse charge previst fl-Artikolu 196 tad-Direttiva dwar il-VAT, billi assumiet li l-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi kien ir-Renju Unit.
21 Bejn April 2016 u Ġunju 2017, WTL ressqet talbiet għal rimbors, minħabba li, mill-perspettiva tagħha, hija kienet ħallset ammont wisq għoli ta’ taxxi tal-output fir-rigward tal-imsemmija servizzi. Essenzjalment, WTL sostniet li, kieku kienet persuna taxxabbli skont l-Artikoli 2 u 9 tad-Direttiva dwar il-VAT, hija ma kinitx tkun persuna taxxabbli “li taġixxi bħala tali”, fis-sens tal-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva.
22 Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Ottubru 2018, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit) laqgħet l-argumenti ta’ WTL. Wara li rrilevat li ma kienx neċessarju li l-provvisti ta’ servizzi jaqgħu jew taħt l-Artikolu 44 jew taħt l-Artikolu 45 tad-Direttiva dwar il-VAT, din il-qorti kkonstatat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li ttrasponew l-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, li identifikaw ir-Renju Unit bħala l-“post tal-provvista ta’ servizzi” għall-persuni taxxabbli li jaġixxu fil-kwalità professjonali, ma humiex konformi mal-imsemmi Artikolu 44.
23 L-Amministrazzjoni tat-Taxxa u tad-Dwana appellat quddiem il-qorti tar-rinviju.
24 Quddiem din l-qorti, din l-awtorità sostniet li, minn naħa, l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT japplika abbażi kemm tal-formulazzjoni u tal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tad-dispożizzjonijiet relatati magħha u, min-naħa l-oħra, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, post tal-provvista ta’ servizzi għandu jkun identifikabbli. Issa, peress li, f’dan il-każ, ma huwiex allegat li l-provvisti ta’ servizzi jaqgħu taħt l-Artikolu 45 tad-Direttiva dwar il-VAT jew li tapplika xi waħda mir-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 46 sa 59a ta’ din id-direttiva, isegwi li għandu japplika l-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva.
25 Skont WTL, peress li huwa stabbilit li hija ma hijiex “persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, meta hija teżerċita l-attivitajiet ta’ investimenti tagħha, lanqas ma tista’ tkun persuna taxxabbli “li taġixxi bħala tali”, fis-sens tal-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva.
26 Il-qorti tar-rinviju tindika li s-soluzzjoni tat-tilwima tiddependi mill-post li għandu jiġi adottat bħala l-post tal-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ investimenti li WTL irċeviet mingħand il-fornituri stabbiliti barra mill-Unjoni. Issa, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit il-post ta’ dawn il-provvisti ta’ servizzi, għandu jiġi stabbilit jekk WTL għandhiex titqies li hija persuna taxxabbli “li taġixxi bħala tali”, fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT.
27 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità)) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 44 tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli għandha titqies bħala ‘persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali’ fejn il-persuna taxxabbli li teżerċita attività mhux ekonomika li tikkonsisti fix-xiri u l-bejgħ ta’ ishma u titoli oħra fil-ġestjoni tal-beni ta’ trust ta’ karità, tikseb, esklużivament għall-finijiet ta’ tali attività, il-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ investimenti minn persuna stabbilita barra mill-[Unjoni]?
2) Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u l-Artikoli 46 sa 49 tad-[Direttiva dwar il-VAT] ma japplikawx, l-Artikolu 45 [ta’ din id-direttiva] japplika għall-provvisti ta’ servizzi jew beni jew la l-Artikolu 44 u lanqas l-Artikolu 45 [tal-imsemmija direttiva] ma japplikaw għall-provvisti ta’ servizzi?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
28 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn persuna taxxabbli li teżerċita attività mhux ekonomika f’kapaċità professjonali takkwista servizzi għall-bżonnijiet ta’ din l-attività mhux ekonomika, dawn is-servizzi għandhom jitqiesu li huma pprovduti lil din il-persuna taxxabbli “li taġixxi bħala tali”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.
29 Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss l-aspett tas-sistema komuni tal-VAT relatat mad-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi. F’dan ir-rigward, minn dan l-Artikolu 44 jirriżulta li l-post tal-provvista ta’ servizzi pprovduti lil persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali huwa, bħala prinċipju, il-post fejn din il-persuna taxxabbli stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha.
30 Għandu jiġi osservat li l-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, li l-persuna taxxabbli għandha taġixxi bħala tali, tinsab ukoll fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.
31 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, persuna taxxabbli taġixxi bħala tali meta taġixxi għall-bżonnijiet tal-attività ekonomika tagħha, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Bakcsi, C-415/98, EU:C:2001:136, punti 24 u 29, kif ukoll tat-22 ta’ Marzu 2012, Klub, C-153/11, EU:C:2012:163, punt 40).
32 Issa, fir-rigward tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fix-xiri u fil-bejgħ ta’ azzjonijiet u ta’ titoli oħra minn WTL, bħala trustee, fil-kuntest tal-ġestjoni tal-beni tat-trust ta’ karità tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “attività ekonomika”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, ma kienx jinkludi attività ta’ din in-natura (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1996, Wellcome Trust, C-155/94, EU:C:1996:243, punt 41).
33 Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ tali attività, WTL ma hijiex “persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.
34 Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni WTL, ma jsegwix neċessarjament li hija lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala “persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva, peress li dan l-artikolu huwa limitat, kif ġie stabbilit fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, sabiex jipprevedi li l-post fejn il-provvista ta’ servizzi huma pprovduti lil persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali huwa ekwivalenti, fil-prinċipju, għas-sede tal-attività ekonomika ta’ din il-persuna taxxabbli.
35 Fil-fatt, għalkemm, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ unità u ta’ koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-kunċetti użati mill-atti adottati fl-istess qasam għandu jkollhom l-istess tifsira, dan ma huwiex il-każ meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun esprima intenzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Landkreis Potsdam-Mittelmark, C-400/15, EU:C:2016:687, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Issa, mill-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti tifsira differenti lill-espressjoni “persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”, fis-sens tal-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, minn dik li hija għandha skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva.
37 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 1 tal-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar il-VAT jiddisponi speċifikament li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-post tal-provvista ta’ servizzi, persuna taxxabbli li twettaq kemm provvista ta’ servizzi taxxabbli, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll attivitajiet “li m’humiex ikkunsidrati bħala forniment taxxabbli ta’ […] servizzi skond [din l-aħħar dispożizzjoni] għandha titqies bħala persuna taxxabbli fir-rigward tas-servizzi kollha fornuti lilha”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ippreveda, f’dan il-punt 1 tal-Artikolu 43, definizzjoni wiesgħa u derogatorja tal-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-post tal-provvista ta’ servizzi.
38 Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-punt 1 tal-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar il-VAT, persuna taxxabbli tista’ taġixxi, bħala tali, fis-sens tal-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, anki meta taġixxi għall-bżonnijiet tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha.
39 Madankollu, interpretazzjoni tal-Artikoli 43 u 44 tad-Direttiva dwar il-VAT ma twassalx għal sitwazzjoni li fiha l-entitajiet li huma suġġetti għaliha, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva, u li lilhom jiġu pprovduti s-servizzi, dejjem jitqiesu li jaġixxu bħala tali.
40 Fil-fatt, għandu jitfakkar li persuna taxxabbli li twettaq tranżazzjoni fi kwalità privata ma taġixxix bħala persuna taxxabbli, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Trgovina Prizma, C-331/14, EU:C:2015:456, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-istruttura tas-sistema komuni tal-VAT, id-distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet mhux ekonomiċi ssegwi kriterji differenti minn dawk li jiddistingwu bejn użu għan-negozju u użu għal skopijiet li ma humiex ta’ negozju, b’mod partikolari privati (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Landkreis Potsdam-Mittelmark, C-400/15, EU:C:2016:687, punt 32).
41 Fid-dawl tan-natura derogatorja tal-kunċett ta’ “persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”, fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-fatt li, għall-finijiet biss tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, persuna taxxabbli li ma taġixxix għall-bżonnijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha għandha titqies li hija persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali ma jistax għaldaqstant iwassal sabiex din il-persuna taxxabbli tibqa’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu meta taġixxi, mhux biss għall-bżonnijiet tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha, iżda, barra minn hekk, f’kapaċità mhux professjonali, b’mod partikolari, għal finijiet privati.
42 Konsegwentement, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi ppreċiżat li l-persuna taxxabbli taġixxi bħala tali għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha, sakemm dawn ikunu eżerċitati f’kapaċità professjonali.
43 Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit li l-attività mhux ekonomika eżerċitata minn WTL, li tikkonsisti fix-xiri u fil-bejgħ ta’ azzjonijiet u ta’ titoli oħra fil-kuntest tal-ġestjoni, bħala trustee, tal-beni tal-Wellcome Trust, hija attività professjonali, u mhux attività privata, u li huwa esklużivament għall-finijiet ta’ din l-attività professjonali li l-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ investimenti hija pprovduta lil WTL minn persuna stabbilita barra mill-Unjoni.
44 Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest normattiv li l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT jagħmel parti minnu. Fl-ewwel lok, il-premessa 4 tad-Direttiva 2008/8 tistabbilixxi, b’mod partikolari, li, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi pprovduti lil persuni taxxabbli, ir-regola ġenerali, fir-rigward tal-post tal-provvista, għandha tkun ibbażata fuq il-post fejn id-destinatarju huwa stabbilit, u li l-persuni taxxabbli li jeżerċitaw ukoll attivitajiet mhux taxxabbli għandhom jitqiesu bħala persuni taxxabbli għas-servizzi kollha pprovduti lilhom. Madankollu, mill-aħħar sentenza tal-premessa 4 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jimplimentaw dawn ir-regoli normali ma għandhomx jestendu għall-provvista ta’ servizzi li tibbenefika minnhom persuna taxxabbli għall-bżonnijiet privati tagħha jew tal-persunal tagħha.
45 Fit-tieni lok, skont il-premessa 19 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, “[g]ħandu jiġi ċċarat li meta s-servizzi fornuti lil persuna taxxabbli jkunu intenzjonati għal bżonnijiet privati, inkluż użu mill-persunal tal-klijent, dik il-persuna taxxabbli m’għandiex titqies li qed taġixxi fil-kapaċità tagħha ta’ persuna taxxabbli”. Fl-istess sens, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jiddisponi li “[g]ħall-fini tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-lok tal-forniment tas-servizzi previsti fl-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva [dwar il-VAT], persuna taxxabbli, jew persuna legali mhux taxxabbli li titqies bħala persuna taxxabbli, li tirċievi servizzi esklużivament għall-użu personali tagħha inkluż għal dak tal-persunal tagħha, hija kkunsidrata bħala persuna mhux taxxabbli”.
46 Konsegwentement, għandu jitqies li, fil-każ fejn persuna taxxabbli li teżerċita attività mhux ekonomika takkwista servizzi għall-bżonnijiet ta’ din l-attività mhux ekonomika, dawn is-servizzi huma pprovduti lil din il-persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, bl-eċċezzjoni tas-servizzi li huma intiżi għall-użu privat tal-persuna taxxabbli jew għal dak tal-persunal tagħha.
47 F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ WTL, dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, intiż sabiex jikkontesta tali interpretazzjoni.
48 Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trustee li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ WTL għandu, fid-dawl tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-VAT, jiġi kkunsidrat bħala li sempliċement jamministra portafoll ta’ investimenti bħal investitur privat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1996, Wellcome Trust, C-155/94, EU:C:1996:243, punt 36).
49 Madankollu, mill-fatt li, billi tamministra portafoll ta’ investimenti, WTL twettaq attivitajiet analogi għal dawk li jagħmel investitur privat, ma jistax jirriżulta li WTL teżerċita l-imsemmija attivitajiet f’kapaċità privata.
50 Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, peress li din l-attività mhux ekonomika ta’ WTL ma hijiex attività privata, is-sitwazzjoni tagħha ma hijiex komparabbli ma’ dik tal-persuni li jakkwistaw servizzi biss għall-bżonnijiet privati tagħhom jew tal-persunal tagħhom. B’differenza minn dawn tal-aħħar, WTL, bħala persuna taxxabbli, taqa’ taħt is-sistema komuni tal-VAT.
51 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari hija li l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn persuna taxxabbli li teżerċita attività mhux ekonomika f’kapaċità professjonali takkwista servizzi għall-bżonnijiet ta’ din l-attività mhux ekonomika, dawn is-servizzi għandhom jitqiesu li huma pprovduti lil din il-persuna taxxabbli “li taġixxi bħala tali”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.
Fuq it-tieni domanda
52 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
53 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn persuna taxxabbli li teżerċita attività mhux ekonomika f’kapaċità professjonali takkwista servizzi għall-bżonnijiet ta’ din l-attività mhux ekonomika, dawn is-servizzi għandhom jitqiesu li huma pprovduti lil din il-persuna taxxabbli “li taġixxi bħala tali”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.