Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Jannar 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ), Artikolu 24(1) u Artikolu 25(a) – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Remunerazzjonijiet għall-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku – Artikolu 28 – Soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur – Ġbir ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet mingħand l-utent finali f’isimha stess jew għan-nom tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur”

Fil-Kawża C-501/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

UCMR – ADA Asociaţia pentru Drepturi de Autor a Compozitorilor

vs

Asociatia culturala Suflet de Român“, irrappreżentata mil-likwidatur tagħha, Pro Management Insolv IPURL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Wahl, F. Biltgen u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-UCMR – ADA Asociaţi pentru Drepturi de Autor a Compozitorilor, minn A. Achim,

–        għall-Gvern Rumen, inizjalment minn C.-R. Canţăr, R. Haţieganu u A. Rotăreanu, sussegwentement minn E. Gane, A. Rotăreanu u R. Haţieganu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u A. Armenia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1), tal-Artikolu 25(a) u tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/88/UE tas-7 ta’ Diċembru 2010 (ĠU 2010, L 326, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-UCMR – ADA Asociația pentru Drepturi de Autor a Compozitorilor (l-UCMR – ADA Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Awtur tal-Kompożituri, iktar ’il quddiem l-“UCMR – ADA”), u l-Asociația Culturală „Suflet de Român (l-Assoċjazzjoni Kulturali “Ruħ Rumena”, iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni”), attwalment fi stralċ, dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ pagament ta’ ħlasijiet, dovuti mill-assoċjazzjoni lill-UCMR – ADA għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali fil-kuntest ta’ spettaklu organizzat mill-assoċjazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[...]

ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

4        L-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

5        Skont l-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva:

“Provvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti, inter alia, f’waħda mit-Transazzjonijiet li ġejjin:

a)      l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli kemm jekk hija u kemm jekk mhix soġġetta għal att li jistabbilixxi titolu;

[...]”

6        L-Artikolu 28 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.”

 Id-dritt Rumen

 Il-Kodiċi tat-Taxxa

7        L-Artikolu 126, intitolat “Tranżazzjonijiet taxxabbli”, tal-legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxa), tat-22 ta’ Diċembru 2003 (M. Of, parti I, Nru 927/23 Diċembru 2003), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet tal-VAT, huma taxxabbli fir-Rumanija t-tranżazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

a)      it-tranżazzjonijiet li, fis-sens tal-Artikoli 128 sa 130, jikkostitwixxu jew huma meqjusa bħala provvista ta’ merkanzija jew ta’ servizzi, li jaqgħu taħt il-VAT, magħmula bi ħlas; [...]”

8        L-Artikolu 129 tal-Kodiċi tat-Taxxa, intitolat “Provvista ta’ servizzi”, jipprovdi:

“1.      ‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ merkanzija, kif iddefinita fl-Artikolu 128.

2.      Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.

3.      Il-provvisti ta’ servizzi jinkludu tranżazzjonijiet bħal:

[...]

b)      l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli kemm jekk hija u kemm jekk ma hijiex suġġetta għal att li jikkostitwixxi titolu, b’mod partikolari: it-trasferiment u/jew iċ-ċessjoni tad-drittijiet tal-awtur, privattivi, liċenzji, trade marks u drittijiet simili oħra;

[...]

e)      servizzi ta’ intermedjazzjoni mwettqa minn persuni li jaġixxu f’isem u għan-nom ta’ persuni oħra, meta dawn jintervjenu fil-kuntest ta’ kunsinna ta’ merkanzija jew provvista ta’ servizzi.

[...]”

 Il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur

9        L-Artikolu 13 tal-legea nr. 8/1996 privind dreptul de autor și drepturile conexe (il-Liġi Nru 8/1996 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Konnessi), tal-14 ta’ Marzu 1996 (M. Of, parti I, Nru 60/26 Marzu 1996), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur”), huwa fformulat kif ġej:

“L-użu ta’ xogħol joħloq, għall-awtur, drittijiet patrimonjali distinti u esklużivi li jippermettulu jawtorizza jew jipprojbixxi:

[...]

f)      il-komunikazzjoni diretta jew indiretta tax-xogħol lill-pubbliku, bi kwalunkwe mezz, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tiegħu lill-pubbliku, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jkollu aċċess għalih minn post u f’ħin magħżul individwalment minnu;

[...]”

10      It-Titolu III ta’ din il-liġi huwa intitolat “Amministrazzjoni u difiża tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati”. Il-Kapitolu I tagħha, dwar l-“[a]mministrazzjoni tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur u tad-drittijiet relatati”, fih tliet taqsimiet. L-Artikoli 123 sa 1234 huma inklużi fit-Taqsima I, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali;

[…]”

11      Skont l-Artikolu 123 tal-imsemmija liġi:

“1.      Id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet li huma rrikonoxxuti lilhom bis-saħħa ta’ din il-liġi, personalment jew, abbażi ta’ mandat, permezz tal-intervent tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, bil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi preżenti.

[...]

3.      Id-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati ma jistgħux jittrasferixxu d-drittijiet patrimonjali rrikonoxxuti minn din il-liġi lil soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva.”

12      L-Artikolu 1231 tal-istess liġi jistabbilixxi:

“1.      L-amministrazzjoni kollettiva hija obbligatorja għall-eżerċizzju tad-drittijiet li ġejjin:

[...]

(e)      id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku [...]

[...]

2.      Għall-kategoriji ta’ drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jirrappreżentaw ukoll lid-detenturi ta’ drittijiet li ma jkunux tawhom mandat.”

13      L-Artikolu 125(2) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, inkluż fit-Taqsima II, intitolata “Soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati”, jipprovdi:

“[I]s-soċjetajiet [għall-amministrazzjoni kollettiva] għandhom jiġu stabbiliti direttament mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u għandhom jaġixxu fil-limiti tal-mandat mogħti lilhom u fuq il-bażi tal-istatut adottat skont il-proċedura prevista mil-liġi.”

14      L-Artikolu 1291 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Meta l-amministrazzjoni kollettiva tkun obbligatorja, jekk detentur [tad-drittijiet tal-awtur] ma jkun affiljat ma’ ebda soċjetà, il-kompetenza għandha taqa’ f’idejn is-soċjetà tas-settur li jkollha l-ikbar numru ta’ membri. Id-detenturi ta’ drittijiet mhux irrappreżentati jistgħu jitolbu s-somom dovuti lilhom fi żmien tliet snin mid-data tan-notifika. Wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, is-somom mhux imqassma jew mhux mitluba għandhom jintużaw skont id-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż ta’ amministrazzjoni.”

15      Fi ħdan it-Titolu III, Kapitolu I, tal-imsemmija liġi, it-Taqsima III, intitolata “Funzjonament tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva”, tinkludi l-Artikoli 130 sa 135.

16      L-Artikolu 130(1) tal-istess liġi jipprevedi:

“Is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva għandhom l-obbligu:

“a)      li jagħtu awtorizzazzjonijiet mhux esklużivi lill-utenti li jagħmlu talba f’dan is-sens qabel ma jagħmlu użu mir-repertorju protett, bi ħlas, permezz ta’ liċenzja mhux esklużiva, li ssir bil-miktub;

b)      li jfasslu metodoloġiji għas-setturi ta’ attività tagħhom, li jinkludu d-drittijiet patrimonjali xierqa, li għandhom jiġu nnegozjati mal-utenti għall-ħlas tal-imsemmija drittijiet fil-każ ta’ xogħlijiet fejn il-mod ta’ użu tagħhom jagħmilha impossibbli li tingħata awtorizzazzjoni individwali mid-detenturi tad-drittijiet;

[...]

e)      li jirċievu s-somom dovuti mill-utenti u li jqassmuhom bejn id-detenturi tad-drittijiet [...]

[...]”

17      L-Artikolu 1311(1) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, li jikkompleta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 130(1)(b) jipprovdi:

“Il-metodoloġija għandha tiġi nnegozjata mis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva flimkien mar-rappreżentanti [ta’ ċerti assoċjazzjonijiet u ta’ ċerti soċjetajiet ta’ utenti], b’osservanza tal-kriterji prinċipali li ġejjin:

a)      il-kategorija tad-detenturi tad-drittijiet, membri jew mhux membri, u s-settur li fih isiru n-negozjati;

[...]

d)      il-proporzjon tal-użu tar-repertorju amministrat mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva;

[...]

f)      id-dħul miksub mill-utenti permezz tal-eżerċizzju tal-attività li tagħmel użu mir-repertorju li huwa s-suġġett tan-negozjati.

[...]”

18      L-Artikolu 134 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      L-eżerċizzju tal-amministrazzjoni kollettiva prevista mill-mandat bl-ebda mod ma jillimita d-drittijiet patrimonjali tad-detenturi.

2.      L-amministrazzjoni kollettiva għandha tiġi eżerċitata skont ir-regoli li ġejjin:

a)      id-deċiżjonijiet dwar il-metodi u r-regoli għall-ġbir tar-remunerazzjonijiet u tal-ammonti l-oħra mingħand l-utenti u t-tqassim ta’ dawn l-ammonti bejn id-detenturi tad-drittijiet, kif ukoll dawk li jirrigwardaw aspetti oħra iktar importanti tal-amministrazzjoni kollettiva, għandhom jiġu stabbiliti mill-membri fil-kuntest tal-laqgħa ġenerali, skont l-istatut;

b)      il-kummissjoni dovuta mid-detenturi tad-drittijiet li huma membri ta’ organizzazzjoni ta’ amministrazzjoni kollettiva sabiex ikopru l-ispejjeż tal-funzjonament ta’ din tal-aħħar [...] u l-kummissjoni dovuta lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li hija l-unika entità reċipjenti [...] ma jistgħux jirrappreżentaw, flimkien, iktar minn 15 % tal-ammonti rċevuti kull sena;

c)      fl-assenza ta’ deċiżjoni espliċita tal-laqgħa ġenerali, l-ammonti rċevuti minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva ma jistgħux jintużaw għal finijiet komuni għajr it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż effettivi marbuta mal-ġbir tal-ammonti dovuti u mat-tqassim tagħhom bejn il-membri; il-laqgħa ġenerali tista’ tiddeċiedi li massimu ta’ 15 % tal-ammonti rċevuti jistgħu jintużaw għal finijiet komuni u biss fil-limiti tas-settur tal-attività;

d)      l-ammonti rċevuti minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva għandhom jitqassmu individwalment bejn id-detenturi tad-drittijiet pro rata għall-użu tar-repertorju ta’ kull wieħed minnhom, sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data li fiha jkunu nġabru; id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jitolbu l-ħlas tal-ammonti rċevuti fuq bażi nominali jew li t-tqassim tagħhom ma jkunx jeħtieġ il-preżentazzjoni ta’ dokumenti speċifiċi fi żmien 30 jum mid-data li fiha jkunu ġew irċevuti;

e)      il-kummissjoni dovuta mid-detenturi tad-drittijiet għandha tinġabar fuq l-ammonti dovuti lil kull wieħed minnhom wara kalkolu tat-tqassim individwali;

[...]

3.      Il-ħlasijiet magħmula lis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva ma humiex u ma jistgħux jiġu assimilati ma’ dħul ta’ dawn tal-aħħar.

4.      Fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, skont din il-liġi, ma jistgħux jiġu ttrasferiti jew ċeduti, lis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, jew l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      L-UCMR – ADA hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur fuq ix-xogħlijiet mużikali li ġiet innominata mill-Oficiul Român pentru Drepturile de Autor (l-Uffiċċju Rumen tad-Drittijiet tal-Awtur) bħala l-unika entità li tirċievi, fir-Rumanija, id-drittijiet patrimonjali tal-awtur fuq il-komunikazzjoni, lill-pubbliku, ta’ tali xogħlijiet fil-kuntest ta’ kunċerti, ta’ spettakli jew anki ta’ avvenimenti artistiċi.

20      Fis-16 ta’ Novembru 2012 l-assoċjazzjoni organizzat spettaklu li matulu ġew eżegwiti xogħlijiet mużikali quddiem pubbliku. Għal dan l-għan, din kienet kisbet mingħand l-UCMR – ADA liċenzja mhux esklużiva, permezz ta’ pagament ta’ ħlasijiet, għall-komunikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet lill-pubbliku.

21      Peress li l-assoċjazzjoni ħallset biss parti mill-ħlasijiet mitluba mill-UCMR — ADA, din tal-aħħar kellha tressaq kawża. Minkejja li sew il-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll il-qorti tal-appell iddeċidew li s-somma sħiħa tal-ħlasijiet mitluba kienet dovuta mill-assoċjazzjoni, din il-qorti tal-aħħar qieset li t-tranżazzjoni tal-ġbir tal-ħlasijiet mill-UCMR — ADA ma kinitx suġġetta għall-VAT u naqqset is-somma imposta fuq l-assoċjazzjoni bl-ammont ta’ din it-taxxa.

22      Fl-appell ta’ kassazzjoni tagħha ppreżentat quddiem l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), l-UCMR — ADA ssostni li l-qorti tal-appell kisret il-Kodiċi tat-Taxxa kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, sa fejn id-deċiżjoni tagħha għandha l-effett li ġġiegħel lill-UCMR -ADA tbati, u mhux lill-assoċjazzjoni, l-oneru tal-VAT filwaqt li l-ewwel waħda ma hijiex l-utent finali tax-xogħlijiet inkwistjoni.

23      Peress li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, hija tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk it-tranżazzjoni li permezz tagħha d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet mużikali jawtorizzaw l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet mill-organizzaturi ta’ spettakli tistax tiġi kklassifikata bħala “provvista ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, minkejja li taf li, fil-kawża prinċipali, dawn huma drittijiet patrimonjali differenti u kategoriji differenti ta’ detenturi meta mqabbla ma’ dawk inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP (C-37/16, EU:C:2017:22), hija tistaqsi jekk ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza jistax japplika mutatis mutandis f’dan il-każ.

24      Fil-każ li l-imsemmija tranżazzjoni għandha titqies li hija provvista ta’ servizzi bi ħlas, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, u dan billi tirreferi għas-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Henfling et (C-464/10, EU:C:2011:489), jekk, meta tirċievi ħlasijiet mingħand l-utenti, soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva taġixxix fil-kwalità ta’ persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT. Jekk ikun il-każ, hija tixtieq tkun taf il-konsegwenzi ta’ dan f’dak li jirrigwarda l-obbligu li jinħarġu fatturi li jinkludu l-VAT, kemm fir-rigward ta’ din is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva kif ukoll fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-proprjetarji ta’ drittijiet fuq ix-xogħolijiet mużikali jwettqu provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 25(a) tad-Direttiva [tal-VAT], favur l-organizzaturi ta’ spettakli li mingħandhom is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jirċievu f’isimhom stess, iżda għan-nom ta’ dawn il-proprjetarji, ħlasijiet għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet mużikali, abbażi ta’ awtorizzazzjoni (liċenzja mhux esklużiva)?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, meta jirċievu ħlasijiet mingħand organizzaturi ta’ spettakli għad-dritt ta’ komunikazzjoni tax-xogħolijiet mużikali lill-pubbliku, jaġixxu fil-kwalità tagħhom ta’ persuni taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT u huma marbuta li jipprovdu fatturi li jinkludu l-VAT lill-organizzaturi ta’ spettakli inkwistjoni? L-awturi u l-proprjetarji l-oħra ta’ drittijiet tal-awtur fuq xogħolijiet mużikali huma min-naħa tagħhom marbuta, meta jiġu ddistribwiti lilhom il-ħlasijiet, li jipprovdu fatturi li jinkludu l-VAT lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26      Is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li ż-żamma tagħha kienet inizjalment iffissata għas-27 ta’ Mejju 2020, ġiet annullata minħabba l-kriżi sanitarja, u d-domandi li kienu saru għal tweġiba orali ġew ittrasformati f’mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub. Il-partijiet wieġbu għal dawn id-domandi fit-termini stabbiliti.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 25(a) tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li detentur ta’ drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet mużikali jwettaqx provvista ta’ servizzi bi ħlas għall-benefiċċju ta’ organizzatur ta’ spettakli, li huwa l-utent finali, meta dan tal-aħħar jikseb il-liċenzja mhux esklużiva li tawtorizzah jikkomunika dawn ix-xogħlijiet lill-pubbliku permezz tal-pagament ta’ ħlasijiet irċevuti minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva innominata, li taġixxi f’isimha stess iżda għan-nom ta’ dan id-detentur ta’ drittijiet tal-awtur.

28      Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, huma suġġetti għall-VAT il-provvisti ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

29      Skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti għandha titqies li hija provvista ta’ servizzi. L-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-VAT jelenka, b’mod indikattiv, tliet tranżazzjonijiet differenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “provvisti ta’ servizzi”, fosthom dik elenkata fl-imsemmi Artikolu 25(a), li tikkonsisti fl-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli.

30      Qabel il-kwistjoni dwar jekk provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tikkonsisti f’assenzjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi evalwat jekk tali tranżazzjoni saritx bi ħlas. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, sabiex taqa’ fl-ambitu ta’ din tal-aħħar tali provvista ta’ servizzi għandha titwettaq, fi kwalunkwe każ, bi ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP, C-37/16, EU:C:2017:22, punt 24).

31      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li provvista ta’ servizzi titwettaq bi ħlas, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT, u għaldaqstant hija taxxabbli, biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju tkun teżisti relazzjoni ġuridika li matulha jkun hemm skambju ta’ provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju. Dan huwa l-każ meta tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut, billi s-somom imħallsin ikunu jikkostitwixxu l-korrispettiv effettiv għal servizz individwabbli pprovdut fil-kuntest ta’ tali relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP, C-37/16, EU:C:2017:22, punti 25 u 26, kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2020, Vodafone Portugal, C-43/19, EU:C:2020:465, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali tistabbilixxi amministrazzjoni kollettiva obbligatorja għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku, b’mod partikolari waqt spettakli. Din l-amministrazzjoni kollettiva timplika, b’mod partikolari, li hija biss soċjetà waħda għall-amministrazzjoni kollettiva nnominata li għandha l-obbligu li tagħti lill-utenti, bħal organizzaturi ta’ spettakli, li jagħmlu talba għaliha, liċenzja mhux esklużiva għall-komunikazzjoni tax-xogħol inkwistjoni lill-pubbliku. Billi tirċievi l-ħlasijiet dovuti lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur bħala korrispettiv għal din l-awtorizzazzjoni, din is-soċjetà taġixxi f’isimha stess, iżda għan-nom ta’ dawn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn tal-aħħar humiex membri jew le tal-imsemmija soċjetà.

33      Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jipprovdi servizzi bi ħlas lill-organizzatur ta’ spettakli, minkejja l-intervent tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.

34      Fil-fatt, l-ewwel nett, f’tali każ, teżisti relazzjoni ġuridika li matulha jkun hemm skambju ta’ provvisti reċiproċi sa fejn, billi jawtorizza l-komunikazzjoni ta’ xogħol mużikali lill-pubbliku, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan ix-xogħol japprova l-użu ta’ dak ix-xogħol minn utent. Min-naħa tiegħu, dan l-utent iforni provvista fil-konfront lil dan id-detentur billi jwettaq l-obbligu tiegħu li jħallas it-tariffa għall-użu tax-xogħol mitlub lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva. Din tal-aħħar taġixxi għan-nom tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

35      Il-fatt li l-użu mix-xogħol protett jiġi awtorizzat fuq talba espressa tal-utent, li, min-naħa tiegħu, iħallas ir-remunerazzjoni dovuta, ikkonferma, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, mhux biss l-eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika li matulha jkun hemm skambju ta’ provvisti reċiproċi bejn il-fornitur-detentur u l-benefiċjarju-utent, iżda fl-istess ħin jippermetti li tiġi kkonstatata rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv effettiv irċevut.

36      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħlas imwettaq mill-utent jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni ġuridika. F’dan ir-rigward, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-ammont dovut lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, minkejja li fl-aħħar mill-aħħar jiġi ddeterminat skont il-metodoloġiji stabbiliti mil-liġi nazzjonali, huwa intiż li jħallas is-servizz ipprovdut.

37      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li dan il-ħlas huwa rċevut mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, peress li din tal-aħħar taġixxi għan-nom tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, u lanqas ma hija kkontestata mill-fatt li l-amministrazzjoni kollettiva tal-ħlas tirriżulta minn obbligu ġuridiku, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, jew mill-fatt li s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva taġixxi kemm għall-awturi li jagħmlu parti mill-membri tagħha kif ukoll għal dawk li ma jagħmlux parti minnhom, peress li l-mod ta’ amministrazzjoni tagħha ma jvarjax skont il-kategorija ta’ detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

38      B’hekk, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddistingwi ruħha minn dik li wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP (C-37/16, EU:C:2017:22), b’żewġ modi. Minn naħa, teżisti relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi bejn id-detenturi tad-drittijiet u utent finali tax-xogħol protett. Min-naħa l-oħra, hemm stabbilita rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizz u korrispettiv, fejn il-ħlasijiet li għandhom jitħallsu mill-utent finali jikkostitwixxu l-korrispettiv effettiv għas-servizz individwabbli pprovdut mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 28 sa 30 tal-imsemmija sentenza, li l-ħlasijiet inkwistjoni, dovuti minn ċerti produtturi u importaturi skont il-liġi nazzjonali li kienet tiddetermina wkoll l-ammont tagħhom, kienu intiżi sabiex jiffinanzjaw il-kumpens ġust favur id-detenturi tad-drittijiet inkwistjoni.

39      Peress li huwa stabbilit li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk din taqax taħt il-kunċett ta’ “assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli”, fis-sens tal-Artikolu 25(a) ta’ din id-direttiva, peress li l-lista ta’ provvisti ta’ servizzi msemmija f’dan l-Artikolu 25 hija ta’ natura mhux eżawrjenti.

40      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li detentur ta’ drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet mużikali jwettaq provvista ta’ servizzi bi ħlas għall-benefiċċju ta’ organizzatur ta’ spettakli, li huwa l-utent finali, meta dan ikun awtorizzat, permezz ta’ liċenzja mhux esklużiva, jikkomunika dawn ix-xogħlijiet lill-pubbliku permezz tal-pagament ta’ ħlasijiet irċevuti minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva nnominata, li taġixxi f’isimha stess iżda għan-nom ta’ dan id-detentur ta’ drittijiet tal-awtur.

 Fuq it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, li tirċievi f’isimha stess iżda għan-nom tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet mużikali ħlasijiet dovuti lilhom inkambju għall-awtorizzazzjoni sabiex ix-xogħlijiet protetti tagħhom jiġu kkomunikati lill-pubbliku, taġixxi fil-kwalità ta’ “persuna taxxabbli” fis-sens ta’ dan l-artikolu u għaldaqstant titqies li rċeviet din il-provvista ta’ servizzi mingħand dawn id-detenturi qabel ma tipprovdiha personalment lill-utent finali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, f’tali każ, minn naħa, is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva għandhiex toħroġ fatturi f’isimha stess għall-utent finali li fihom jinsabu l-ħlasijiet rċevuti mingħandu, VAT inkluża, u, min-naħa l-oħra, jekk id-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur humiex, min-naħa tagħhom, obbligati li joħorġu, għall-attenzjoni tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, fatturi li jinkludu l-VAT għas-servizz ipprovdut fir-rigward tal-ħlasijiet irċevuti.

42      Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din id-domanda għandu jitfakkar li, meta persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha stess iżda għan-nom ta’ ħaddieħor, tinvolvi ruħha fi provvista ta’ servizzi, skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT hija għandha titqies li rċeviet u pprovdiet is-servizzi inkwistjoni hija stess.

43      Għalhekk, din id-dispożizzjoni toħloq il-finzjoni legali ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi pprovduti b’mod konsekuttiv. Bis-saħħa ta’ din il-finzjoni, l-operatur li jinvolvi ruħu fi provvista ta’ servizzi u li jikkostitwixxi l-aġent huwa meqjus li, fl-ewwel lok, irċieva s-servizzi inkwistjoni mingħand l-operatur li għan-nom tiegħu jkun qiegħed jaġixxi, li jikkostitwixxi l-prinċipal, qabel ma jipprovdi, sussegwentement, dawn is-servizzi lil klijent huwa stess (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-274/15, EU:C:2017:333, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel nett, li l-amministrazzjoni kollettiva hija obbligatorja għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku, b’mod partikolari waqt spettakli. F’dan il-każ, is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva nnominata tirrappreżenta wkoll id-detenturi tad-drittijiet li ma tawhiex mandat u li għalhekk ma humiex membri ta’ din is-soċjetà. It-tieni nett, id-drittijiet patrimonjali esklużivi tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur li jippermettulhom jagħtu jew jipprojbixxu, b’mod partikolari, il-komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku ma jistgħux jiġu ttrasferiti lis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva. It-tielet nett, skont il-liġi nazzjonali applikabbli, is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva għandha l-obbligu, minn naħa, li tagħti liċenzji mhux esklużivi lill-utenti li jitolbuha u, min-naħa l-oħra, tfassal metodoloġiji, innegozjati mal-utenti, għall-finijiet tal-pagament tal-ħlasijiet xierqa fil-każ ta’ xogħlijiet li l-mod ta’ użu tagħhom jagħmilha impossibbli li tingħata awtorizzazzjoni individwali mid-detenturi ta’ drittijiet. Ir-raba’ nett, fil-każ fejn, skont dawn il-metodoloġiji, ikunu dovuti ħlasijiet lid-detenturi, l-awtorizzazzjoni mogħtija lil utent mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva għandha tkun tinkludi s-somom li din tal-aħħar tirċievi f’isimha stess iżda għan-nom tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur.

45      Minn dawn l-elementi kollha, meħuda flimkien, jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tagħti liċenzji lill-utenti tax-xogħlijiet protetti u billi tirċievi ħlasijiet bħala korrispettiv ta’ dan l-użu f’isimha stess, iżda għan-nom tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tinvolvi ruħha fil-provvista ta’ servizzi mwettqa minn dan id-detentur għall-benefiċċju tal-utent, jiġifieri l-organizzatur ta’ spettakli. Għalhekk, l-imsemmija soċjetà għandha titqies, inizjalment, li rċeviet l-imsemmija provvista ta’ servizzi mingħand l-imsemmija detenturi qabel ma tipprovdiha, sussegwentement, hija stess lill-utenti finali.

46      Konsegwentement, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva għandha titqies li aġixxiet bħala aġent, fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT.

47      Il-fatt li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tirrappreżenta wkoll detenturi ta’ drittijiet tal-awtur li ma tawhiex mandat ma jikkontradixxix din il-konklużjoni peress li la l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni u lanqas il-modalitajiet li bihom titwettaq ma huma differenti meta mqabbla mal-kategorija ta’ detenturi kkonċernata.

48      Fil-fatt, mill-elementi pprovduti kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Rumen jirriżulta li, fis-sistema tal-amministrazzjoni kollettiva obbligatorja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-liġi applikabbli ma tagħmel ebda distinzjoni skont il-kwalità ta’ membru jew ta’ mhux membru ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva fir-rigward tal-għoti tal-liċenzji, tal-ġbir tal-ħlasijiet, tat-tqassim tagħhom kif ukoll tal-kummissjoni dovuta lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.

49      Fir-rigward tat-tieni parti ta’ din id-domanda, dwar il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-fatturazzjoni, għandu jitfakkar li, peress li din id-dispożizzjoni tagħmel parti mit-Titolu IV, intitolat “Transazzjonijiet taxxabbli”, ta’ din id-direttiva, il-provvisti ta’ servizzi pprovduti b’mod konsekuttiv jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. Minn dan jirriżulta li, jekk il-provvista ta’ servizzi li fiha operatur jinvolvi ruħu tkun suġġetta għall-VAT, ir-relazzjoni ġuridika bejn dan l-operatur u l-operatur li għan-nom tiegħu dan ikun qiegħed jaġixxi għandha wkoll tkun suġġetta għall-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Amărăşti Land Investment, C-707/18, EU:C:2019:1136, punt 38).

50      Għalhekk, meta s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, li taġixxi bħala persuna taxxabbli, twettaq, f’isimha stess iżda għan-nom tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, tranżazzjoni li tikkonsisti fl-għoti ta’ liċenzji mhux esklużivi lill-organizzaturi ta’ spettakli għall-finijiet tal-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku, permezz ta’ ħlasijiet, din is-soċjetà twettaq tranżazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, bl-istess mod bħalma d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jipprovdu servizz taxxabbli meta jirċievu ħlasijiet mingħand is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.

51      F’sitwazzjoni bħal din, u għall-finijiet tal-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva taxxabbli hija obbligata toħroġ fattura f’isimha stess lill-utent finali li tistabbilixxi l-ġbir tal-ħlasijiet dovuti mingħandu, flimkien mal-VAT. Sussegwentement, wara li jirċievu l-ħlasijiet ittrasferiti minn din is-soċjetà, id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur huma obbligati, jekk huma persuni taxxabbli, joħorġu fattura indirizzata lill-imsemmija soċjetà li tistabbilixxi l-ħlasijiet rċevuti u l-VAT li għaliha dawn huma suġġetti.

52      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li tirċievi f’isimha stess iżda għan-nom tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet mużikali ħlasijiet dovuti lilhom bħala korrispettiv għall-awtorizzazzjoni sabiex ix-xogħlijiet protetti tagħhom jiġu kkomunikati lill-pubbliku, taġixxi fil-kwalità ta’ “persuna taxxabbli” fis-sens ta’ dan l-artikolu u, għaldaqstant, titqies li rċeviet din il-provvista ta’ servizzi mingħand dawn id-detenturi qabel ma tipprovdiha hija stess lill-utent finali. F’każ bħal dan, din is-soċjetà hija obbligata toħroġ fatturi f’isimha stess lill-utent finali li fihom jidhru l-ħlasijiet kollha rċevuti mingħandu, inkluża l-VAT. Min-naħa tagħhom, id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur huma obbligati li joħorġu għall-attenzjoni tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva fatturi li jinkludu l-VAT għas-servizz ipprovdut għall-ħlasijiet irċevuti.

 Dwar l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/88/UE tas-7 ta’ Diċembru 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li detentur ta’ drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet mużikali jwettaq provvista ta’ servizzi bi ħlas għall-benefiċċju ta’ organizzatur ta’ spettakli, li huwa l-utent finali, meta dan ikun awtorizzat, permezz ta’ liċenzja mhux esklużiva, jikkomunika dawn ix-xogħlijiet lill-pubbliku permezz tal-pagament ta’ ħlasijiet irċevuti minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva nnominata, li taġixxi f’isimha stess iżda għan-nom ta’ dan id-detentur ta’ drittijiet tal-awtur.

2)      L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva 2010/88, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li tirċievi f’isimha stess iżda għan-nom tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet mużikali, ħlasijiet dovuti lilhom bħala korrispettiv għall-awtorizzazzjoni sabiex ix-xogħlijiet protetti tagħhom jiġu kkomunikati lill-pubbliku, taġixxi fil-kwalità ta’ “persuna taxxabbli” fis-sens ta’ dan l-artikolu u, għaldaqstant, titqies li rċeviet din il-provvista ta’ servizzi mingħand dawn id-detenturi qabel ma tipprovdiha hija stess lill-utent finali. F’każ bħal dan, din is-soċjetà hija obbligata toħroġ fatturi f’isimha stess lill-utent finali li fihom jidhru l-ħlasijiet kollha rċevuti mingħandu, inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Min-naħa tagħhom, id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur huma obbligati li joħorġu għall-attenzjoni tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva fatturi li jinkludu l-VAT għas-servizz ipprovdut għall-ħlasijiet irċevuti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.