Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

16 ta’ Settembru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 17(2)(a) – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Ħolqien u portata tad-dritt għal tnaqqis – Estensjoni ta’ triq li tappartjeni lil komun – Kontabbiltà tal-ispejjeż iġġenerati mix-xogħlijiet bħala parti mill-ispejjeż ġenerali tal-persuna taxxabbli – Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli – Kunsinna mingħajr ħlas – Kunsinna li għandha tiġi ttrattata bħala kunsinna mwettqa bi ħlas – Artikolu 5(6)”

Fil-Kawża C-528/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

Mitteldeutsche Hartstein-Industrie AG

vs

Finanzamt Y,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Mitteldeutsche Hartstein-Industrie AG, minn O.-G. Lippross, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u L. Mantl, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(6) u tal-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar 'il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mitteldeutsche Hartstein-Industrie AG u l-Finanzamt Y (l-Uffiċċju tat-Taxxa Y, il-Ġermanja) dwar rifjut ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input imħallsa għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ triq li tappartjeni lil komun.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva huma suġġetti għall-[VAT] “il-provvista ta’ oġġetti u s-servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.”

4        L-Artikolu 5(6) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas, jew b’mod iktar ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha, fejn il-[VAT] fuq l-oġġetti in kwistjoni jew il-partijiet komponenti tagħhom kienet deduċibbli setgħet titnaqqas kollha jew parti minnha, għandhom jitqiesu bħala provvisti bi ħlas. Iżda applikazzjonijet biex jingħataw kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir għall-iskopijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli m’għandhomx ikunu hekk meqjusa.”

5        L-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas:

a)      l-użu ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozzju tiegħu fejn il-[VAT] fuq dawn l-oġġetti hija deduċibbli kollha jew parti minnha;

b)      il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet barra dawk tan-negozju tiegħu.

Stati Membri jistgħu jidderogaw mid-disposizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu, iżda li din id-deroga ma twassalx għal distorzjoni tal-kompetizzjoni.”

6        L-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a)      [il-VAT] dovuta jew mħallsa fir-rigard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra.”

 Id-dritt Ġermaniż

7        L-Artikolu 1 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ, iktar ’il quddiem l-“UStG”), intitolat “Tranżazzjonijiet taxxabbli”, jipprevedi:

“It-tranżazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-[VAT]:

1)      Il-kunsinni u servizzi oħra mwettqa bi ħlas ġewwa l-pajjiż minn imprenditur fil-kuntest tal-impriża tiegħu.

[...]”

8        Skont l-Artikolu 3 tal-UStG:

“1)      Il-kunsinni ta’ imprenditur huma l-provvisti li permezz tagħhom dan tal-aħħar jew terz awtorizzat minnu jagħti lil xerrej jew lil terz f’ismu d-dritt li jiddisponi minn beni f’ismu stess (trasferiment tas-setgħa ta’ dispożizzjoni).

[...]

1b)      Dawn l-applikazzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ttrattati bħala provvista bi ħlas:

1.      L-użu minn imprenditur ta’ oġġett tal-impriża tiegħu għal skopijiet oħra minbarra dawk tal-impriża tiegħu;

2.      it-trasferiment mingħajr ħlas ta’ oġġett minn imprenditur lill-persunal tiegħu għall-użu privat tiegħu, ħlief fil-każ ta’ rigali żgħar;

3.      kull trasferiment ieħor mingħajr ħlas ta’ oġġett minbarra rigali ta’ valur żgħir u kampjuni għall-iskopijiet tal-impriża.

L-oġġett jew il-partijiet komponenti tiegħu jridu jagħtu lok għal tnaqqis sħiħ jew parzjali.”

9        L-Artikolu 15 tal-UStG, intitolat “Tnaqqis”, jipprovdi:

“(1)      L-imprenditur jista’ jnaqqas l-ammonti li ġejjin:

1.      it-taxxa legalment dovuta fuq kunsinni u provvisti oħra mwettqa minn imprenditur ieħor għall-finijiet tal-impriża tiegħu.

[...]

(2)      Hija eskluża mid-dritt għal tnaqqis it-taxxa relatata mal-kunsinni, mal-importazzjoni u mal-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti jew ma’ kull provvista oħra li l-imprenditur juża għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

1.      it-tranżazzjonijiet li huma eżentati;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Mitteldeutsche Hartstein-Industrie, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kumpannija holding ta’ ġestjoni. Hija tifforma entità fiskali mas-sussidjarji tagħha A GmbH u B GmbH.

11      Wara d-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni Reġjonali li tawtorizza l-ftuħ mill-ġdid u l-operat ta’ barriera tal-ġebla tal-franka (iktar ’il quddiem il-“barriera tal-ġebla tal-franka”), A GmbH ġiet awtorizzata, permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2001, topera din il-barriera bl-iżvilupp tal-aċċess għaliha permezz ta’ triq miftuħa għall-pubbliku u li tappartjeni lill-komun li fit-territorju tiegħu tinsab l-imsemmija barriera (iktar ’il quddiem it-“triq komunali inkwistjoni”). Din id-deċiżjoni ġiet emendata matul l-2005, sabiex jiġi ppreċiżat li l-permess għall-operat tal-istess barriera kien jiskadi jekk l-estensjoni ta’ din it-triq ma tkunx tlestiet fil-31 ta’ Diċembru 2006.

12      Sa fejn l-estrazzjoni tal-ġebla tal-franka kienet teħtieġ l-imsemmija estensjoni, ftehim relatat ma’ din tal-aħħar ġie konkluż bejn il-komun ikkonċernat u l-predeċessur fid-dritt ta’ A GmbH, li permezz tiegħu dan il-komun intrabat, minn naħa, li jikkonċepixxi u jwettaq l-estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, fil-każ li din tal-aħħar tinżamm miftuħa għall-pubbliku, li jqegħedha għad-dispożizzjoni tal-predeċessur fid-dritt ta’ A GmbH mingħajr restrizzjoni. Bħala korrispettiv, kien previst li din tal-aħħar kellha tbati l-ispejjeż kollha marbuta mal-estensjoni tal-imsemmija triq. Matul is-sena 2006, A GmbH inkarigat lil B GmbH sabiex twettaq, bħala kuntrattur, din l-estensjoni konformement mal-ftehim konkluż mal-imsemmi komun. Wara li tlestew ix-xogħlijiet, is-sezzjoni tat-triq intużat mit-trakkijiet ta’ A GmbH, sa minn Diċembru 2006, kif ukoll minn vetturi oħra.

13      Fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT għas-sena 2006, l-ispejjeż sostnuti minn A GmbH għax-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iżda din tal-aħħar naqqset, bħala taxxa tal-input imħallsa, l-ammonti ta’ VAT imħallsa fuq is-servizzi tal-input irċevuti minn B GmbH.

14      Wara verifika, l-Amministrazzjoni Fiskali Y qieset li, billi bniet l-estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ipprovdiet lill-komun ikkonċernat xogħol mingħajr ħlas, suġġett għall-VAT skont il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1b) tal-UStG u fl-1 ta’ Marzu 2012 hija ħarġet avviż ta’ rettifika ta’ taxxa għas-sena 2006, li żied il-valur taxxabbli tal-VAT bir-rata ta’ 16 %.

15      Filwaqt li l-ilment imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda, il-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hessen, il-Ġermanja) laqgħet parzjalment ir-rikors ippreżentat minnha kontra din id-deċiżjoni. Hija qieset li l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1b) tal-UStG ma kinux issodisfatti sabiex ix-xogħlijiet imwettqa fit-triq komunali inkwistjoni jiġu ntaxxati. Għall-kuntrarju, hija kkunsidrat li l-VAT relatata mat-tranżazzjonijiet tal-input u direttament marbuta ma’ dawn ix-xogħlijiet ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), l-impriża li, fil-mument li hija tirċievi servizzi tal-input, tipprevedi li tassenjahom esklużivament u direttament mingħajr ħlas, fis-sens tal-Artikolu 3(1b) tal-UStG, ma għandhiex id-dritt li tnaqqas il-VAT relatata ma’ dawn is-servizzi.

16      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hessen).

17      Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont id-dritt nazzjonali, dan ir-rikors ma huwiex fondat, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhiex dritt għat-tnaqqis tal-VAT inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, it-tnaqqis tal-VAT huwa eskluż, peress li s-servizzi tal-input irċevuti minn B GmbH ġew allokati għat-twettiq ta’ kunsinna mingħajr ħlas lill-komun ikkonċernat. Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ din l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

18      Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ titlob tnaqqis tal-VAT imħallsa għas-servizzi tal-input irċevuti, skont is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2015, Sveda (C-126/14, EU:C:2015:712), u tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments (C-132/16, EU:C:2017:683).

19      Fir-rigward tat-tieni u t-tielet domanda preliminari, hija tenfasizza li dawn huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-każ li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun tista’ tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa, id-dritt għal tnaqqis jistax jiġi kkumpensat b’dejn tal-VAT relatat ma’ kunsinna bi ħlas jew ma’ provvista simili għal kunsinna bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva sabiex, b’mod partikolari, jiġi evitat, skont l-għan ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, konsum finali, mhux intaxxat, mill-komun.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      F’ċirkustanzi bħal dawk tal-proċedura fil-kawża prinċipali li fiha persuna taxxabbli, fuq istruzzjonijiet ta’ belt twettaq proġett ta’ bini fuq triq muniċipali, din il-persuna taxxabbli, li kienet kisbet servizzi minn persuni taxxabbli oħra relatati mal-bini ta’ triq li ġiet ittrasferita lill-komun, ikollha dritt għal tnaqqis previst fl-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva [...]?

2)      Jekk l-ewwel domanda tiġi risposta fl-affermattiv: f’ċirkustanzi bħal dawk tal-proċedura fil-kawża prinċipali li fiha persuna taxxabbli, fuq istruzzjonijiet ta’ belt twettaq proġett ta’ bini fuq triq muniċipali, ikun hemm kunsinna ta’ beni bi ħlas fis-sens li awtorizzazzjoni ta’ operat ta’ barriera tal-ġebel hija l-korrispettiv għall-kunsinna ta’ triq?

3)      Jekk it-tieni domanda tiġi risposta fin-negattiv: f’ċirkustanzi bħal dawk tal-proċedura fil-kawża prinċipali li fiha persuna taxxabbli, fuq istruzzjonijiet ta’ belt twettaq proġett ta’ bini fuq triq muniċipali, it-trasferiment mingħajr ħlas lill-komun tat-triq miftuħa għall-pubbliku huwa assimilat ma’ kunsinna ta’ beni mingħajr ħlas sont l-Artikolu 5(6) [tas-Sitt Direttiva], minkejja li t-trasferiment isir għal skopijiet tal-impriża, sabiex jiġi evitat konsum finali mhux intaxxat mill-komun?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa għax-xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ triq komunali mwettqa għal komun.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, ħassret is-Sitt Direttiva mingħajr ma għamlet bidliet sostantivi meta mqabbla magħha. Minn dan isegwi li, peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva għandhom portata essenzjalment identika għal dawk tad-Direttiva 2006/112, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din l-aħħar direttiva hija wkoll applikabbli għas-Sitt Direttiva (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair, C-249/17, EU:C:2018:834, punt 14).

23      Fir-rigward tad-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, dan id-dritt jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax, bħala prinċipju, jiġi limitat. Dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat immedjatament fir-rigward tat-taxxi kollha imposti fuq it-tranżazzjonijiet preċedenti mwettqa (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Is-sistema tat-tnaqqis hija intiża, fil-fatt, sabiex ittaffi kompletament lill-imprenditur il-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Is-sistema komuni tal-VAT għalhekk tiżgura n-newtralità fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għan jew mir-riżultat tagħhom, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu fihom innifishom, bħala prinċipju, suġġetti għall-VAT (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Mill-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li, sa fejn il-persuna taxxabbli, li taġixxi bħala tali fil-mument meta takkwista oġġett jew tikseb servizz, tuża dan l-oġġett jew dan is-servizz għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha, din hija awtorizzata li tnaqqas il-VAT dovuta jew imħallsa għall-imsemmi oġġett jew għall-imsemmi servizz (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari tal-input u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis bħala prinċipju hija neċessarja sabiex dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input jiġi rrikonoxxut fil-konfront tal-persuna taxxabbli u sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ dan id-dritt. Id-dritt għal tnaqqis tal-VAT li kienet imposta fuq l-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi jippreżupponi li l-ispejjeż magħmula fl-akkwist ta’ dawn huma parti mill-elementi kostituttivi tal-prezz tat-tranżazzjonijiet intaxxati bħala taxxa tal-output li huma eliġibbli għal tnaqqis (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Madankollu dritt għal tnaqqis huwa aċċettat ukoll favur il-persuna taxxabbli, anki fl-assenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni tal-input partikolari u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis, meta l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ din tal-aħħar u jkunu, bħala tali, elementi li jikkostitwixxu l-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi li din il-persuna tipprovdi. Dawn l-ispejjeż għandhom, fil-fatt, rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika kollha tal-persuna taxxabbli (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Minn dan jirriżulta li l-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis hija ddeterminata skont it-tranżazzjonijiet tal-output li magħhom it-tranżazzjonijiet tal-input huma konnessi. Għalhekk, dan id-dritt jeżisti fil-każ fejn it-tranżazzjoni tal-input suġġetta għall-VAT ikollha rabta diretta u immedjata ma’ tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output li tagħti lok għal dritt għal tnaqqis. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk l-ispejjeż magħmula għall-ksib tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-input jagħmlux parti mill-ispejjeż ġenerali marbuta mal-attività ekonomika kollha tal-persuna taxxabbli. Fiż-żewġ każijiet, l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata tippreżupponi li l-ispiża tas-servizzi tal-input ipprovduti hija inkluża rispettivament fil-prezz tat-tranżazzjonijiet partikolari tal-output jew fil-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, SKF, C-29/08, EU:C:2009:665, punt 60).

29      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa sabiex jitwettqu x-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni għandux jiġi rrikonoxxut lil persuna taxxabbli bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu għalhekk jiġi ddefinit jekk teżistix rabta diretta u immedjata bejn, minn naħa, dawn ix-xogħlijiet ta’ estensjoni u, min-naħa l-oħra, tranżazzjoni tal-output intaxxata mwettqa minnha jew l-attività ekonomika tagħha.

30      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tar-rabta diretta li taqa’ fuq l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u fuq il-qrati nazzjonali, dawn għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom seħħew it-tranżazzjonijiet inkwistjoni u jieħdu inkunsiderazzjoni biss it-tranżazzjonijiet li huma oġġettivament marbuta mal-attività taxxabbli tal-persuna taxxabbli. L-eżistenza ta’ tali rabta għandha għalhekk tiġi evalwata fid-dawl tal-kontenut oġġettiv tat-tranżazzjoni inkwistjoni (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Issa, minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, mingħajr ix-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni, l-operat tal-barriera tal-ġebla tal-franka kien ikun impossibbli kemm fil-prattika kif ukoll minn perspettiva legali. Fil-fatt, l-estensjoni tal-imsemmija triq ippermettiet l-adattament ta’ din tal-aħħar għat-traffiku tat-trakkijiet iġġenerat mill-operat tal-barriera u, bis-saħħa tal-emenda li saret, matul is-sena 2005, għad-deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2001 li tawtorizza l-operat ta’ din il-barriera bl-iżvilupp tal-aċċess bit-triq komunali inkwistjoni, il-permess għall-operat tal-imsemmija barriera kellu jiskadi jekk dawn ix-xogħlijiet ta’ estensjoni ma kinux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2006.

32      Minn dan isegwi li x-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni kienu indispensabbli sabiex il-proġett ta’ operat tal-barriera tal-ġebla tal-franka jkun jista’ jiġi kkonkretizzat, u li, fin-nuqqas ta’ tali xogħlijiet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħetx teżerċita l-attività ekonomika tagħha.

33      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju indikat li l-ispiża tas-servizzi tal-input irċevuti, marbuta max-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni, tagħmel parti mill-elementi tal-ispiża tat-tranżazzjonijiet tal-output imwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

34      Tali ċirkustanzi jistgħu juru l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn ix-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni u l-attività ekonomika kollha marbuta mal-operat tal-barriera tal-ġebla tal-franka.

35      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li din it-triq komunali hija miftuħa mingħajr ħlas għall-pubbliku.

36      Fil-fatt, huwa ċertament minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta oġġetti jew servizzi akkwistati minn persuna taxxabbli jintużaw għall-bżonnijiet ta’ tranżazzjonijiet eżentati jew li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, la jkun hemm il-ġbir tat-taxxa tal-output u lanqas tnaqqis tat-taxxa tal-input. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ każijiet, ir-rabta diretta u immedjata bejn l-ispejjeż tal-input sostnuti u l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa sussegwentement mill-persuna taxxabbli hija miksura (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Sveda, C-126/14, EU:C:2015:712, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Madankollu, il-fatt li l-pubbliku jista’ jgħaddi mingħajr ħlas fit-triq komunali inkwistjoni huwa irrilevanti. Fil-fatt, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li x-xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ din it-triq ma twettqux għall-bżonnijiet tal-komun ikkonċernat jew tat-traffiku pubbliku, iżda sabiex it-triq komunali inkwistjoni tiġi adattata għat-traffiku tat-trakkijiet iġġenerat mill-operat tal-barriera tal-ġebla tal-franka mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, din it-triq, sussegwentement, intużat kemm minn dawn it-trakkijiet kif ukoll minn vetturi oħra. Fi kwalunkwe każ, l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni jistgħu jintrabtu, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, mal-attività ekonomika tagħha bħala persuna taxxabbli, b’tali mod li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, dawn l-ispejjeż ma humiex marbuta ma’ attivitajiet eżentati jew li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

38      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-portata tad-dritt għal tnaqqis, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ix-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni humiex limitati, jew le, għal dak li kien neċessarju sabiex jiġi żgurat l-operat tal-barriera tal-ġebla tal-franka mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ix-xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ din it-triq kienu limitati għal dak li kien neċessarju għal dan il-għan, id-dritt għal tnaqqis għandu jiġi rrikonoxxut għall-ispejjeż kollha li jirriżultaw minn dawn ix-xogħlijiet. Għall-kuntrarju, jekk l-imsemmija xogħlijiet eċċedew dak li kien neċessarju sabiex jiġi żgurat l-operat ta’ din il-barriera, l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn l-imsemmija xogħlijiet u l-attività ekonomika tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija parzjalment miksura, b’tali mod li d-dritt għal tnaqqis għandu jiġi rrikonoxxut biss għall-VAT tal-input imħallsa imposta fuq il-parti tal-ispejjeż sostnuti għax-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni li kienet oġġettivament neċessarja sabiex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun tista’ teżerċita l-attività ekonomika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punti 37 sa 39).

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa għax-xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ triq komunali mwettqa għall-benefiċċju ta’ komun, meta din it-triq hija użata kemm minn din il-persuna taxxabbli fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha kif ukoll mill-pubbliku, sa fejn dawn ix-xogħlijiet ta’ estensjoni ma eċċedewx dak li kien neċessarju sabiex l-imsemmija persuna taxxabbli tkun tista’ teżerċita l-attività ekonomika tagħha u sa fejn l-ispiża tagħhom hija inkluża fil-prezz tat-tranżazzjonijiet tal-output imwettqa mill-istess persuna taxxabbli.

 Fuq it-tieni domanda

40      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, is-Sitt Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-permess għall-operat ta’ barriera mogħti unilateralment minn amministrazzjoni ta’ Stat Membru jikkostitwixxix il-korrispettiv miksub minn persuna taxxabbli li wettqet, mingħajr korrispettiv fi flus, xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ triq komunali, b’tali mod li dawn ix-xogħlijiet jikkostitwixxu tranżazzjoni bi ħlas, fis-sens ta’ din id-direttiva.

41      Il-qorti tar-rinviju indikat li, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ma kienx ċert li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali wettqet kunsinna bi ħlas favur il-komun ikkonċernat. Madankollu, hija tiddubita wkoll dwar il-possibbiltà li x-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni jiġu kklassifikati bħala kunsinna mingħajr ħlas. Għalhekk, hija tirrileva li l-permess għall-operat tal-barriera tal-ġebla tal-franka maħruġ mill-amministrazzjoni reġjonali jista’ jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ dawn ix-xogħlijiet, b’tali mod li l-imsemmija xogħlijiet għandhom jiġu kklassifikati bħala servizz bi ħlas, li jagħti dritt għal tnaqqis, iżda jimplika wkoll l-obbligu li titħallas il-VAT marbuta max-xogħlijiet ta’ estensjoni tal-imsemmija triq komunali.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT il-kunsinni ta’ oġġetti u s-servizzi mwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

43      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bi ħlas fil-qasam tal-VAT tippreżupponi biss l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi u korrispettiv realment irċevut mill-persuna taxxabbli. Tali rabta diretta hija stabbilita meta jkun hemm relazzjoni legali bejn il-prestatarju u l-benefiċjarju li fil-kuntest tagħha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-prestatarju tkun il-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2019, UniCredit Leasing, C-242/18, EU:C:2019:558, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-korrispettiv ta’ kunsinna ta’ oġġetti jista’ jikkonsisti fi provvista ta’ servizzi u jikkostitwixxi l-valur taxxabbli, fis-sens tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, bil-kundizzjoni madankollu li teżisti rabta diretta bejn il-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi u li l-valur ta’ din tal-aħħar jista’ jiġi espress fi flus. L-istess japplika meta provvista ta’ servizzi ssir inkambju għal provvista ta’ servizzi oħra, sakemm dawn l-istess kundizzjonijiet huma ssodisfatti (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Serebryannay vek, C-283/12, EU:C:2013:599, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kuntratti ta’ skambju, li fihom il-korrispettiv huwa bħala definizzjoni in natura, u t-tranżazzjonijiet li għalihom il-korrispettiv huwa monetarju huma, mill-perspettiva ekonomika u kummerċjali, żewġ sitwazzjonijiet identiċi (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Serebryannay vek, C-283/12, EU:C:2013:599, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li bejn il-komun ikkonċernat u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali teżisti relazzjoni ġuridika. Għalhekk, permezz tal-ftehim ta’ kostruzzjoni tat-triq komunali inkwistjoni, minn naħa, dan il-komun kien intrabat li jikkonċepixxi u li jwettaq l-estensjoni ta’ din it-triq u li jqiegħed għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mingħajr restrizzjoni, l-estensjoni tat-triq f’każ ta’ żviluppi eventwali tal-barriera tal-ġebla tal-franka inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet intrabtet li tbati l-ispejjeż kollha marbuta ma’ din l-estensjoni, mingħajr ma dan il-ftehim jipprevedi obbligu ta’ ħlas min-naħa tal-imsemmi komun.

47      Madankollu, tali ftehim ma jistax jikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku li fil-kuntest tiegħu jiġu skambjati servizzi reċiproċi, jiġifieri l-estensjoni tat-triq muniċipali u l-għoti tal-permess għall-operat tal-barriera tal-ġebla tal-franka.

48      Fil-fatt, l-ewwel nett, minn perspettiva organika, ix-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettqu fuq triq li tappartjeni lil komun, filwaqt li l-permess għall-operat tal-barriera tal-ġebla tal-franka nħareġ mill-amministrazzjoni reġjonali.

49      It-tieni nett, id-deċiżjoni li jingħata l-permess għall-operat ta’ din il-barriera hija deċiżjoni unilaterali tal-amministrazzjoni reġjonali tas-16 ta’ Frar 2001. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li att unilaterali ta’ awtorità pubblika ma jistax, bħala prinċipju, jistabbilixxi relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati servizzi reċiproċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Posnania Investment, C-36/16, EU:C:2017:361, punti 31 sa 35).

50      It-tielet nett, huwa paċifiku li x-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni ma taw lok għall-ħlas ta’ ebda korrispettiv fi flus.

51      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-korrispettiv ta’ kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi jista’ jkun korrispettiv fi flus jew in natura. Madankollu, sa fejn, skont id-deċiżjoni unilaterali tal-amministrazzjoni reġjonali li tawtorizza l-operat tal-barriera tal-ġebla tal-franka, tali awtorizzazzjoni kienet tiskadi jekk ix-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq muniċipali ma kinux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2006, dawn ix-xogħlijiet ma humiex il-korrispettiv tad-dritt ta’ operat ta’ din il-barriera, iżda l-kundizzjoni sine qua non għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

52      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma tistax tiġi stabbilita rabta diretta bejn l-għoti tax-xogħlijiet għall-estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni lill-komun ikkonċernat u l-għoti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tal-permess għall-operat tal-barriera tal-ġebla tal-franka, peress li dan il-permess ma jistax jitqies li huwa l-korrispettiv għax-xogħlijiet għall-estensjoni ta’ din it-triq.

53      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments (C-132/16, EU:C:2017:683), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa għal provvista ta’ servizzi li kienet tikkonsisti fil-kostruzzjoni jew fit-titjib ta’ proprjetà immobbli li kienet tappartjeni lil terz, fil-każ fejn dawn is-servizzi kienu użati kemm minn din il-persuna taxxabbli kif ukoll minn dan it-terz fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, minkejja li l-imsemmi terz kien jibbenefika mingħajr ħlas mir-riżultat tal-imsemmija servizzi.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li s-Sitt Direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-permess għall-operat ta’ barriera mogħti unilateralment minn amministrazzjoni ta’ Stat Membru ma jikkostitwixxix il-korrispettiv miksub minn persuna taxxabbli li wettqet, mingħajr korrispettiv fi flus, xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ triq li tappartjeni lil komun, b’tali mod li dawn ix-xogħlijiet ma jikkostitwixxux tranżazzjoni mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tielet domanda

55      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ triq komunali miftuħa għall-pubbliku, imwettqa, mingħajr ħlas, minn persuna taxxabbli għall-benefiċċju ta’ komun, jikkostitwixxu tranżazzjoni li għandha tiġi assimilata ma’ kunsinna ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

56      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tibbaża ruħha fuq il-kriterji li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Naftiliaki Etaireia Thasou u Amaltheia I Naftiki Etaireia, C-128/10C-129/10, EU:C:2011:163, punt 40).

57      F’dan il-każ, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tibbaża t-tielet domanda tagħha fuq il-premessa li, skont l-Artikolu 3(4) tal-UStG, ix-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni jikkostitwixxu kunsinna ta’ xogħol lill-komun ikkonċernat, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għalhekk għamlet użu mill-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 5(5) tas-Sitt Direttiva, li tassimila l-kunsinna ta’ ċerti xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ma’ kunsinna ta’ oġġetti.

58      Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta tali premessa. Madankollu, sa fejn, minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li, billi wettqet ix-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni, hija wettqet provvista ta’ servizzi, b’tali mod li l-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva ma huwiex applikabbli, u, min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(6) u dik tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva, dwar, rispettivament, il-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi, għandhom differenzi kbar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, skont id-dritt Ġermaniż, ix-xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ din it-triq jikkostitwixxu kunsinna ta’ xogħol.

59      Fir-rigward tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuna taxxabbli li tuża oġġett għall-użu privat tagħha jew għall-użu mill-persunal tagħha, minn naħa, u l-konsumatur finali li jikseb oġġett tal-istess tip, min-naħa l-oħra (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Posnania Investment, C-36/16, EU:C:2017:361, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, it-tassazzjoni tal-użu msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva hija intiża sabiex teskludi sitwazzjonijiet ta’ konsum finali mhux intaxxat (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, EMI Group, C-581/08, EU:C:2010:559, punt 18).

60      Għal dan il-għan, l-imsemmija dispożizzjoni tassimila ċerti tranżazzjonijiet, li għalihom ebda korrispettiv reali ma huwa rċevut mill-persuna taxxabbli, ma’ kunsinni ta’ oġġetti magħmula bi ħlas, suġġetti għall-VAT (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, BCR Leasing IFN, C-438/13, EU:C:2014:2093, punt 23).

61      B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva jassimila ma’ kunsinna ta’ beni mwettqa bi ħlas l-użu, minn persuna taxxabbli, ta’ oġġett tal-impriża tiegħu għall-bżonnijiet privati tiegħu jew għal dawk tal-persunal tiegħu, li jiddisponi minnu mingħajr ħlas jew, b’mod ġenerali, li juża għal finijiet oħra minbarra dawk tal-impriża tiegħu, meta dan l-oġġett jew l-elementi tiegħu jkunu taw lok għal dritt għal tnaqqis sħiħ jew parzjali tal-VAT (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2017, Posnania Investment, C-36/16, EU:C:2017:361, punt 41). Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tassimilax bħala kunsinna ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas l-użu għall-iskopijiet tal-impriża għall-għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir u kampjuni.

62      Għandu jiġi rrilevat ukoll li mir-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda jirriżulta li s-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ix-xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ triq komunali jistgħu jagħtu dritt għal tnaqqis u jiġu kklassifikati bħala trasferiment mingħajr ħlas, b’tali mod li ċerti kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(6) ta’ din id-direttiva huma ssodisfatti.

63      Barra minn hekk, ix-xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ din it-triq ma jikkostitwixxux rigali ta’ valur żgħir jew kampjuni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

64      Fl-aħħar nett, peress li x-xogħlijiet twettqu għall-komun ikkonċernat, huwa paċifiku li l-ipoteżi ta’ konsum għall-bżonnijiet privati jew għal dawk tal-persunal tal-impriża hija eskluża, bl-istess mod kif hija eskluża dik relatata mal-użu tal-oġġett għal skopijiet oħra minbarra dawk tal-impriża, minħabba li dawn ix-xogħlijiet twettqu għall-bżonnijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Dan l-aħħar fatt ma jipprekludix madankollu l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni tagħha stess jirriżulta li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tassimila għal kunsinna magħmula bi ħlas u, għalhekk, suġġetta għall-VAT l-użu, minn persuna taxxabbli, ta’ oġġett tal-impriża tagħha li hija tittrasferixxi mingħajr ħlas, meta dan l-oġġett jagħti lok għal tnaqqis tal-VAT tal-input miġbura, mingħajr ma jkun bħala prinċipju deċiżiv jekk dan it-trasferiment iseħħx jew le għall-bżonnijiet tal-impriża (sentenza tas-27 ta’ April 1999, Kuwapoint, C-48/97, EU:C:1999:203, punt 22).

65      Bl-istess mod, il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li t-triq komunali inkwistjoni ma tintużax mill-komun ikkonċernat għal finijiet privati, iżda li hija, għall-kuntrarju, miftuħa mingħajr ħlas għat-traffiku pubbliku, ma jipprekludix, bħala prinċipju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-applikazzjoni ta’ oġġett bil-għan ta’ użu għal tali finijiet tirrigwarda, fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni u l-użu mill-persuna taxxabbli, f’dan il-każ ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u mhux minn terz, jiġifieri l-komun ikkonċernat. Issa, ix-xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ din it-triq saru sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u r-riżultat ta’ dawn ix-xogħlijiet, jiġifieri t-triq żviluppata sabiex issostni t-traffiku tat-trakkijiet iġġenerat mill-operat tal-barriera tal-ġebla tal-franka, jintuża qabelxejn għall-bżonnijiet tagħha.

66      Madankollu, peress li l-assenza ta’ ssuġġettar għall-VAT tal-kunsinna, lill-komun ikkonċernat, tax-xogħlijiet ta’ estensjoni tat-triq komunali inkwistjoni mwettqa mingħajr ħlas mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tistax tagħti lok għal sitwazzjoni ta’ konsum finali mhux intaxxat jew għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tali xogħlijiet ma jikkostitwixxux tranżazzjoni li għandha tiġi assimilata ma’ kunsinna ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva.

67      Fil-fatt, anki jekk it-triq komunali inkwistjoni hija miftuħa għat-traffiku pubbliku, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu finali effettiv ta’ din it-triq. Issa, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, minn naħa, ix-xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ din it-triq jibbenefikaw lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u għandhom rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika kollha tagħha, li toħloq tranżazzjonijiet taxxabbli u, min-naħa l-oħra, l-ispiża tas-servizzi tal-input irċevuti u marbuta max-xogħlijiet ta’ estensjoni tal-imsemmija triq jagħmlu parti mill-elementi tal-ispiża tat-tranżazzjonijiet tal-output imwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li xogħlijiet ta’ estensjoni, għall-benefiċċju ta’ komun, ta’ triq komunali miftuħa għall-pubbliku, iżda użata, fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha, mill-persuna taxxabbli li wettqet mingħajr ħlas dawn ix-xogħlijiet kif ukoll mill-pubbliku, ma jikkostitwixxux tranżazzjoni li għandha tiġi assimilata ma’ kunsinna ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa għax-xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ triq komunali mwettqa għall-benefiċċju ta’ komun, meta din it-triq hija użata kemm minn din il-persuna taxxabbli fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha kif ukoll mill-pubbliku, sa fejn dawn ix-xogħlijiet ta’ estensjoni ma eċċedewx dak li kien neċessarju sabiex l-imsemmija persuna taxxabbli tkun tista’ teżerċita l-attività ekonomika tagħha u sa fejn l-ispiża tagħhom hija inkluża fil-prezz tat-tranżazzjonijiet tal-output imwettqa mill-istess persuna taxxabbli.

2)      Is-Sitt Direttiva 77/388, b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-permess għall-operat ta’ barriera mogħti unilateralment minn amministrazzjoni ta’ Stat Membru ma jikkostitwixxix il-korrispettiv miksub minn persuna taxxabbli li wettqet, mingħajr korrispettiv fi flus, xogħlijiet ta’ estensjoni ta’ triq li tappartjeni lil komun, b’tali mod li dawn ix-xogħlijiet ma jikkostitwixxux tranżazzjoni mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-direttiva.

3)      L-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva 77/388 għandu jiġi interpretat fis-sens li xogħlijiet ta’ estensjoni, għall-benefiċċju ta’ komun, ta’ triq komunali miftuħa għall-pubbliku, iżda użata, fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha, mill-persuna taxxabbli li wettqet mingħajr ħlas dawn ix-xogħlijiet kif ukoll mill-pubbliku, ma jikkostitwixxux tranżazzjoni li għandha tiġi assimilata ma’ kunsinna ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.