Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Frar 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(a) – Artikolu 9(1) – Artikolu 13(1) – Artikolu 14(1) u 2(a) – Kunċett ta’ ‘kunsinna ta’ oġġetti’ – Konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà b’effett tal-liġi – Komun li jiġbor it-tariffi fir-rigward tal-konverżjoni – Kunċett ta’ ‘kumpens’ –Kunċett ta’ ‘persuna taxxabbli li taġixxi inkwantu tali’ – Eċċezzjoni – Organi rregolati mid-dritt pubbliku li jwettqu attivitajiet jew tranżazzjonijiet inkwantu awtoritajiet pubbliċi”

Fil-Kawża C-604/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

Gmina Wroclaw

vs

Dyrektor Krajowej informacji Skarbowej,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gmina Wrocław, minn E. Mroczko u minn T. Straszkiewicz, radcowie prawni,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u M. Siekierzyńska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a), tal-Artikolu 9(1), tal-Artikolu 13(1) kif ukoll tal-Artikolu 14(1) u (2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Gmina Wrocław (il-komun ta’ Wrocław, il-Polonja) u d-Dyrektor Krajowej informacji Skarbowej (id-Direttur tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Informazzjoni dwar it-Taxxa, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tat-Taxxa”) dwar l-avviż fiskali indirizzat lilu dwar l-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq it-tariffi, li tħallsu lilu minħabba l-konverżjoni minn dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetajiet immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma suġġetti għall-VAT il-kunsinni ta’ oġġetti, imwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi inkwantu tali.

4        L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5        L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat fit-termini li ġejjini:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

[...]”

6        L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“1.      ‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.

2.      Flimkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil–paragrafu 1, kull waħda minn dawn li ġejjin għandha tiġi kkunisdrata bħala provvista ta' merkanzija:

a)      it-trasferiment, b'ordni ta' jew f'isem awtorità pubblika jew skond il-liġi, tad-dritt ta' proprjetà bi ħlas ta' kumpens;

[...]”

 Id-dritt Pollakk

 Il-Kodiċi Ċivili Pollakk

7        L-Artikolu 232(1) tal-Ustawa z dnia 23 kwietnia 1964 r. - Kodeks cywilny (il-Liġi tat-23 ta’ April 1964 dwar il-Kodiċi Ċivili) (Dz. U. Tal-1964, Nru 16, intestatura 93), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi:

“L-artijiet li jikkostitwixxu l-proprjetà tal-Istat u li jinsabu fil-limiti amministrattivi tal-ibliet, l-artijiet tal-Istat li jinsabu barra minn dawn il-limiti, iżda inkorporati fil-pjan ta’ ġestjoni tat-territorju tal-belt u allokati għat-twettiq tal-għanijiet ekonomiċi tiegħu u l-artijiet li jikkostitwixxu l-proprjetà ta’ awtoritajiet lokali jew tal-assoċjazzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu konċessi b’użufrutt perpetwu lil persuni fiżiċi u lil persuni ġuridiċi.”

8        L-Artikolu 233 tal-Kodiċi Ċivili huwa fformulat kif ġej:

“Fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u mir-regoli tal-ħajja soċjali kif ukoll permezz ta’ kuntratt ta’ użufrutt perpetwu ta’ art tal-Istat jew ta’ art ta’ awtorità lokali jew ta’ assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet lokali, l-użufruttwarju jista’ jgawdi l-art bl-esklużjoni ta’ kull persuna oħra. Fl-istess limiti, l-użufruttwarju perpetwu jista’ jiddisponi mid-dritt tiegħu.”

9        L-Artikolu 234 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment tal-proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli japplikaw mutatis mutandis għall-għoti ta’ użufrutt perpetwu fuq art li tappartjeni lill-Istat, lil awtorità lokali jew lil assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet lokali.”

10      Skont l-Artikolu 236(1) tal-imsemmi Kodiċi Ċivili:

“L-użufrutt perpetwu ta’ art li tappartjeni lill-Istat, lil awtorità lokali jew lil assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet lokali għandu jingħata għal perijodu ta’ 99 sena. F’każijiet eċċezzjonali, meta l-għan ekonomiku tal-użufrutt perpetwu ma jeħtieġx li l-art tingħata għal perijodu ta’ 99 sena, il-perijodu jista’ jkun iqsar, iżda għandu jkun ta’ mill-inqas 40 sena.”

11      L-Artikolu 238 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

L-użufruttwarju perpetwu jħallas tariffa annwali matul it-tul tad-dritt tiegħu.”

 Il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Proprjetajiet Immobbli

12      L-Artikolu 12a(1) tal-ustawa o gospodarce nieruchomościami (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Proprjetajiet Immobbli), tal-21 ta’ Awwissu 1997 (Dz. U. de 2018, intestatura 2204), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Proprjetajiet Immobbli”), jipprovdi:

“L-ammonti dovuti għall-ġestjoni tal-proprjetajiet immobbli li jaqgħu taħt id-dritt privat u li jinġabru mill-Istat, irrappreżentat mis-sindku fl-eżerċizzju tal-missjonijiet tiegħu ta’ amministrazzjoni pubblika jew mill-Ministru għall-Kostruzzjoni, għall-Ippjanar, għall-Urbaniżmu u għall-Akkomodazzjoni jistgħu jiġu mifdija totalment jew parzjalment, jew il-ħlas tagħhom jista’ jiġi ddifferit jew jingħata bin-nifs.”

13      L-Artikolu 27 tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Proprjetajiet Immobbli huwa fformulat kif ġej:

“Il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, jew l-għoti ta’ użufrutt perpetwu fuq art, għandu jkun is-suġġett ta’ kuntratt konkluż fil-forma ta’ att notarili. L-għoti ta’ użufrutt perpetwu fuq art u t-trasferiment ta’ dan id-dritt permezz ta’ kuntratt għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet.”

14      L-Artikolu 32(1) u (2) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      Art mogħtija f’użufrutt perpetwu tista’ tinbiegħ biss lill-użufruttwarju perpetwu [...]

2.      Fil-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ tal-art, id-dritt ta’ użufrutt perpetwu kkostitwit preċedentement jintemm ipso iure [...]”

15      L-Artikolu 69 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-prezz tal-art mibjugħa lill-użufruttwarju perpetwu jinkludi ammont ugwali għall-valur tal-użufrutt perpetwu fuq dan il-beni fil-jum tal-bejgħ.”

16      L-Artikolu 71(1) tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“L-ewwel tariffa u tariffa annwali huma dovuti għall-għoti ta’ użufrutt perpetwu fuq art.”

17      Skont l-Artikolu 72(1) tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Proprjetajiet Immobbli, it-tariffi dovuti fir-rigward tal-użufrutt perpetwu huma kkalkolati bħala perċentwali tal-prezz tal-art, liema prezz huwa, fir-rigward tiegħu, iddeterminat, skont l-Artikolu 67(1) ta’ din il-liġi, skont il-valur tal-art. Il-punt 4 tal-Artikolu 72(3) ta’ din il-liġi jippreċiża li, fil-każ ta’ proprjetà immobbli ttrasferita għal finijiet ta’ abitazzjoni, ir-rata tat-tariffa annwali dovuta fir-rigward tal-użufrutt perpetwu tammonta għal 1 % tal-prezz tal-art.

 Il-Liġi dwar il-VAT

18      Il-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal-2004, Nru 54, intestatura 535, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprovdi:

“Huma suġġetti għat-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi [...]: il-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi, imwettqa bi ħlas, fit-territorju nazzjonali.”

19      L-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“Il-kunsinna ta’ oġġetti, li hemm riferiment għaliha fil-punt 1 tal-Artikolu 5(1), tkopri t-trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi minn oġġetti bħala proprjetarju, inkluż:

1)      it-trasferiment, skont rekwiżitorja magħmula mill-awtorità pubblika jew minn entità li taġixxi f’isem din l-awtorità, jew it-trasferiment, skont il-liġi, tal-proprjetà ta’ oġġetti permezz ta’ ħlas ta’ kumpens;

[...]

6)      l-għoti ta’ użufrutt perpetwu fuq artijiet.”

 Il-Liġi dwar il-Konverżjoni

20      L-Artikolu 1(1) tal-ustawa o przekształceniu prawa użytkowania wieczystego gruntów zabudowanych na cele mieszkaniowe w prawo własności tych gruntów (il-Liġi dwar il-Konverżjoni tad-Dritt ta’ Użufrutt Perpetwu fuq l-Artijiet Mibnija għal Finijiet ta’ Abitazzjoni għad-Dritt għall-Proprjetà fuq dawn l-Artijiet), tal-20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal-2018, intestatura 1716, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Konverżjoni”), jipprovdi:

“Fl-1 ta’ Jannar 2019, id-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq l-artijiet mibnija għal finijiet ta’ abitazzjoni huwa mibdul fid-dritt għall-proprjetà fuq dawn l-artijiet.”

21      Il-punt 3 tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar il-Konverżjoni huwa fformulat kif ġej:

“L-attestazzjoni li tikkonstata l-konverżjoni (iktar ’il quddiem l-“attestazzjoni”), li tinħareġ [...] mis-sindku kompetenti (il-burgomastru, President tal-belt), mill-kunsill distrettwali jew mill-kunsill provinċjali - meta l-artijiet jappartjenu lil awtorità lokali – tikkostitwixxi l-bażi tar-reġistrazzjoni tad-dritt għall-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet.”

22      Il-punt 1 tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandhom jistabbilixxu l-attestazzjoni ex officio, f’terminu li ma jaqbiżx tnax-il xahar mill-jum tal-konverżjoni. Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, l-attestazzjoni tikkonferma l-konverżjoni u ssemmi l-obbligu li titħallas tariffa annwali ta’ konverżjoni kif ukoll l-ammont ta’ din it-tariffa u l-mument meta din tkun dovuta.

23      L-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-qorti għandha tirreġistra ex officio l-proprjetà tal-artijiet u d-dritt għall-pagament fir-reġistri tal-artijiet.”

24      L-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-proprjetarju l-ġdid jista’ jikkontesta l-informazzjoni li tidher fuq l-attestazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tal-istess liġi. It-talba mressqa skont din il-proċedura twassal sabiex deċiżjoni amministrattiva tiffissa l-ammont u t-terminu għall-ħlas tat-tariffa ta’ konverżjoni.

25      L-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar il-Konverżjoni jipprovdi:

“1.      Skont il-konverżjoni, il-proprjetarju l-ġdid tal-art iħallas it-tariffa lill-proprjetarju attwali tal-art.

2.      L-ammont tat-tariffa għandu jkun ugwali għall-ammont tat-tariffa annwali dovuta abbażi tal-użufrutt perpetwu fil-jum tal-konverżjoni.

[...]

6.      It-tariffa hija dovuta matul perijodu ta’ 20 sena, mill-jum tal-konverżjoni.

7.      Il-proprjetarju tal-art jista’, f’kull mument tal-perijodu li matulu huwa obbligat iħallas it-tariffa, jinforma bil-miktub lill-korp kompetenti bl-intenzjoni tiegħu li jħallas il-bilanċ f’daqqa (tariffa unika). L-ammont tat-tariffa unika jikkorrispondi għat-tariffa tas-sena li matulha tiġi espressa l-intenzjoni li titħallas tariffa unika, immultiplikata bin-numru ta’ snin li jkun għad fadal sal-iskadenza tal-perijodu [ta’ 20 sena].”

26      Skont l-Artikolu 12(2) ta’ din il-liġi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12a tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Proprjetajiet Immobbli japplikaw mutatis mutandis għat-tariffi u għat-tariffi uniċi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      Il-komun ta’ Wrocław huwa awtorità lokali rreġistrata bħala suġġetta għall-VAT li kienet proprjetarja ta’ proprjetajiet immobbli suġġetti għal użufrutt perpetwu fis-sens tad-dritt Pollakk.

28      Skont dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili, l-użufrutt perpetwu jikkonsisti fl-għoti tal-użu ta’ art, li l-proprjetarju tagħha huwa l-Istat, awtorità lokali jew assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet lokali, lil utent, l-użufruttwarju perpetwu, li jista’ jgawdi l-art u jiddisponi mid-dritt tiegħu bl-esklużjoni ta’ kull persuna oħra. L-użufruttwarji perpetwi jistgħu jkunu persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi. Fil-kuntest ta’ użufrutt perpetwu, l-artijiet huma fil-prinċipju mogħtija lill-użufruttwarju għal perijodu ta’ 99 sena li, f’każijiet eċċezzjonali, jista’ jitnaqqas, iżda ma jistax ikun inqas minn 40 sena. L-użufruttwarju perpetwu jħallas lill-proprjetarju tal-art tariffa annwali bħala korrispettiv tal-użufrutt perpetwu u matul it-tul tiegħu.

29      B’mod konformi mal-Artikolu 72(1) tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Proprjetajiet Immobbli, it-tariffi dovuti abbażi tal-użufrutt perpetwu huma kkalkolati bħala perċentwali tal-prezz tal-art ikkonċernata, li huwa ddeterminat, skont l-Artikolu 67(1) ta’ din il-liġi, skont il-valur ta’ din l-art. Il-punt 4 tal-Artikolu 72(3) ta’ din il-liġi jipprovdi li, fil-każ ta’ proprjetà immobbli ttrasferita għal finijiet ta’ abitazzjoni, ir-rata tat-tariffa annwali dovuta fir-rigward tal-użufrutt perpetwu tammonta għal 1 % tal-prezz tal-art inkwistjoni.

30      Skont il-punt 1 tal-Artikolu 5(1) u l-punt 6 tal-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar il-VAT, l-għoti ta’ użufrutt perpetwu fuq artijiet jikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti u, għaldaqstant, it-tariffi annwali mħallsa mill-użufruttwarju kellhom ikunu suġġetti għall-VAT.

31      Skont il-Liġi dwar il-Konverżjoni, fl-1 ta’ Jannar 2019, id-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq l-artijiet mibnija għal finijiet ta’ abitazzjoni huwa kkonvertit fid-dritt sħiħ għall-proprjetà fuq dawn l-artijiet.

32      B’mod konformi mal-Artikolu 7 tal-Liġi dwar il-Konverżjoni, l-użufruttwarji perpetwi, li jkunu saru proprjetarji, għandhom iħallsu lill-awtorità pubblika li kienet proprjetarja tal-art inkwistjoni tariffa ta’ konverżjoni. Din it-tariffa hija dovuta fil-31 ta’ Marzu ta’ kull sena matul perijodu ta’ 20 sena, li jibda jiddekorri mill-jum tal-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq il-proprjetà immobbli kkonċernata għal dritt sħiħ għall-proprjetà. Dan l-artikolu jippreċiża li l-ammont tal-imsemmija tariffa huwa ugwali għall-ammont tat-tariffa annwali dovuta abbażi tal-użufrutt perpetwu fil-jum ta’ din il-konverżjoni. Barra minn hekk, il-proprjetarju l-ġdid jista’, f’kull mument tal-perijodu li matulu huwa obbligat iħallas it-tariffa ta’ konverżjoni, jinforma bil-miktub lill-korp kompetenti bl-intenzjoni tiegħu li jħallas il-bilanċ f’daqqa.

33      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-Konverżjoni jipprovdi li l-proprjetarju tal-art il-ġdid jista’ jikkontesta l-ammont tat-tariffa ta’ konverżjoni u t-tul tal-perijodu li matulu din it-tariffa hija dovuta, billi jippreżenta applikazzjoni quddiem il-korp kompetenti. L-applikazzjoni ppreżentata skont din il-proċedura twassal sabiex deċiżjoni amministrattiva tiffissa l-ammont u t-terminu għall-ħlas tat-tariffa ta’ konverżjoni.

34      Fil-5 ta’ Jannar 2019, il-komun ta’ Wrocław talab lill-Awtorità tat-Taxxa toħroġ deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-VAT għat-tariffi dovuti lilu skont il-Liġi dwar il-Konverżjoni.

35      Dan il-komun isostni li t-tariffi mħallsa mill-proprjetarji l-ġodda tal-artijiet skont din il-liġi ma humiex suġġetti għall-VAT.

36      Għall-kuntrarju, l-Awtorità tat-Taxxa tqis, fid-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem tagħha tal-15 ta’ Jannar 2019, li t-tariffi dovuti lill-komun ta’ Wrocław skont il-Liġi dwar il-Konverżjoni huma suġġetti għall-VAT inkwantu bilanċ tal-ammont dovut skont il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq l-artijiet inkwistjoni u minħabba li, meta jiġbor dawn it-tariffi, dan il-komun jaġixxi fil-kwalità ta’ persuna suġġetta għall-VAT u mhux fil-kwalità ta’ awtorità pubblika.

37      Il-komun ta’ Wrocław ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja).

38      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kwistjoni jekk il-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għad-dritt sħiħ għall-proprjetà, li seħħet skont il-Liġi dwar il-Konverżjoni mingħajr ma l-partijiet kienu esprimew ir-rieda li titwettaq din il-konverżjoni, għandhiex titqies bħala tranżazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, jiġifieri bħala trasferiment, bi ħlas ta’ kumpens, tal-proprjetà ta’ beni skont il-liġi. Din il-qorti tistaqsi, b’mod iktar partikolari, jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha, it-tariffa ta’ konverżjoni tistax titqies bħala “kumpens”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan huwa l-każ fil-kawża mressqa quddiemha u li, għaldaqstant, il-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.

39      Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tindika li, għalkemm, madankollu, ma kienx possibbli li jitqies li din hija kunsinna ta’ oġġetti fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, wieħed ikollu għalhekk jistaqsi dwar il-klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni legali fil-kawża prinċipali inkwantu kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.

40      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’dan il-każ, il-komun ta’ Wrocław jaġixxix inkwantu persuna suġġetta għall-VAT, kif tiddikjara l-Awtorità tat-Taxxa, jew, jekk ikun il-każ, jekk l-eċċezzjoni għall-issuġġettar għall-VAT, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, tapplikax għal dan il-komun. Din il-qorti tqis li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-imsemmi komun jeżerċita attività bħala organu pubbliku u, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Konverżjoni, iwettaq, essenzjalment, unikament kompiti ta’ tip amministrattiv. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà stess, min-naħa l-oħra, isseħħ unikament skont il-liġi, mingħajr il-possibbiltà li jiġu nnegozjati l-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ din il-konverżjoni u lanqas il-kundizzjonijiet għall-ħlas tat-tariffi dovuti fir-rigward tagħha u li l-komun ta’ Wrocław ma jista’ jieħu ebda azzjoni li tista’ jkollha effett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae, ratione materiae, jew ekonomiku tal-imsemmija konverżjoni.

41      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin:

“1)      Il-konverżjoni ta’ użufrutt perpetwu fuq beni immobbli għal dritt ta’ proprjetà li seħħet [...] abbażi tal-liġi tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) [tad-Direttiva dwar il-VAT], moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) [ta’ din id-direttiva]?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-konverżjoni ta’ użufrutt perpetwu fuq beni immobbli għal dritt ta’ proprjetà li seħħet abbażi tal-liġi tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 14(1) [tad-Direttiva dwar il-VAT] moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) [ta’ din id-direttiva]?

3)      Meta jitħallas tariffi abbażi tal-konverżjoni ta’ użufrutt perpetwu fuq beni immobbli għal dritt ta’ proprjetà, [...] Gmina (komun) ikun qiegħed jaġixxi bħala persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 9(1) [tad-Direttiva dwar il-VAT] moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 jew bħala awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 13 tal-[imsemmija direttiva]?”

 Fuq il-proċedura mħaffa

42      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni għal din il-kawża tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti sostniet li n-nuqqas ta’ ċertezza legali dwar il-modalitajiet tal-impożizzjoni tat-tariffi dovuti fir-rigward tal-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà jikkostitwixxi preġudizzju għaċ-ċertezza baġitarja u jista’ jippreġudika d-diversi ċittadini Pollakki kkonċernati.

43      Mill-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża titlob li din tiġi ttrattata f’qasir żmien, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissottometti rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

44      F’dan il-każ, fl-10 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukata Ġenerali, li jiċħad it-talba tal-qorti nazzjonali msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

45      Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt li r-raġunijiet invokati mill-qorti tar-rinviju ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura kienu ssodisfatti fil-kuntest ta’ din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Addis, C-517/17, EU:C:2020:579, punt 42).

46      Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li la sempliċi interessi ekonomiċi, irrispettivament minn kemm ikunu importanti u leġittimi (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Settembru 2015, Leonmobili u Leone, C-353/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:552, punt 8), u lanqas ir-riskju ta’ telf ekonomiku jew in-natura ekonomikament sensittiva tal-kawża prinċipali (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 2014, E., C-436/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:95, punt 27) ma huma ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ urġenza fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

47      Barra minn hekk, in-numru sinjifikattiv ta’ kawżi li l-proċedura tagħhom hija sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari lanqas ma jista’, inkwantu tali, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2012, P, C-6/12, mhux ippubblikat, EU:C:2012:135, punt 8; tal-31 ta’ Marzu 2014, Indėlių ir investicijų draudimas et Nemaniūnas, C-671/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:225, punt 10, u tat-28 ta’ Novembru 2017, Di Girolamo, C-472/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:932, punt 15).

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

48      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tal-ħlas ta’ tariffa tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-punt (a) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jew, sussidjarjament, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

49      Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva dwar il-VAT tistabbilixxi sistema komuni ta’ VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għalhekk, b’mod konformi mal-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva, huma suġġetti għall-VAT il-kunsinni ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi inkwantu tali.

51      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti” bħala t-trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi minn proprjetà tanġibbli bħala proprjetarju.

52      F’dan ir-rigward, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti”, previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, ma jirreferix għat-trasferiment ta’ proprjetà fil-forom previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jinkludi kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ proprjetà tanġibbli minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra li tiddisponi minnu fil-fatt bħallikieku kienet il-proprjetarja ta’ dan l-oġġett (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Vega International Car Transport and Logistic, C-235/18, EU:C:2019:412, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Barra minn hekk, l-Artikolu 14(2)(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li, minbarra t-tranżazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, huwa kkunsidrat bħala kunsinna ta’ oġġetti t-trasferiment, bi ħlas ta’ kumpens, tal-proprjetà ta’ oġġett skont rekwiżitorja magħmula mill-awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi.

54      Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jiddefinixxi b’mod ġenerali l-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti”, mill-interpretazzjoni letterali tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jista’ jiġi dedott, b’mod partikolari mill-espressjoni “[f]limkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil–paragrafu 1”, li dan il-paragrafu 2 jirreferi għal tranżazzjonijiet oħra li, filwaqt li huma kklassifikati bħala “kunsinni ta’ oġġetti”, għandhom karatteristiċi distinti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, id-definizzjoni tat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14(2)(a) tal-imsemmija direttiva ma tagħmel ebda riferiment għal “dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli” kif inkwistjoni fl-Artikolu 14(1) tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 35). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT jirreferi, b’mod espliċitu, għat-trasferiment tal-proprjetà ta’ dan l-oġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 40).

55      Għalhekk, mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jikkostitwixxi, fir-rigward tad-definizzjoni ġenerali stabbilita fil-paragrafu 1 tiegħu, lex specialis, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha huma ta’ natura awtonoma fil-konfront ta’ dawk ta’ dan il-paragrafu 1 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 36).

56      Għalhekk, il-klassifikazzjoni bħala “kunsinna ta’ oġġetti” fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, teħtieġ li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, għandu jkun hemm trasferiment tad-dritt għall-proprjetà. Sussegwentement, dan it-trasferiment għandu jseħħ skont rekwiżitorja magħmula mill-awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi. Fl-aħħar nett, għandu jitħallas kumpens (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 37).

57      F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li ma huwiex ikkontestat li l-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà, li wassal għat-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà tal-komun ta’ Wrocław lill-ex użufruttwarji perpetwi, għandha tiġi kklassifikata bħala trasferiment tad-dritt għall-proprjetà, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT. Barra minn hekk, huwa paċifiku li din il-konverżjoni seħħet skont il-liġi.

58      F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għad-dritt sħiħ għall-proprjetà saritx bi ħlas ta’ kumpens, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-espressjoni “ħlas ta’ kumpens” skont din id-dispożizzjoni, għandha tingħata, fl-assenza ta’ kull riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, definizzjoni awtonoma u uniformi, adatta għad-dritt tal-Unjoni, li b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni n-natura ta’ lex specialis tal-imsemmija dispożizzjoni, hekk kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, il-kontenut ta’ din l-espressjoni ma jistax jiddependi mis-sens u mill-portata li din għandha fid-drittijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

59      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex ikun hemm “ħlas ta’ kumpens”, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, huwa irrilevanti, b’kunsiderazzjoni tan-natura ta’ lex specialis ta’ din id-dispożizzjoni, li tali ħlas jissodisfa l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ kunsinna ta’ oġġett imwettqa “bi ħlas”, imsemmi fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 44).

60      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT tirreferi għall-“ħlas” ta’ kumpens, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi kundizzjonijiet li jikkonċernaw in-natura jew l-ammont ta’ dan il-kumpens.

61      Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjoni relatata mal-ħlas ta’ kumpens hijiex issodisfatta, hemm lok biss li jiġi stabbilit li l-kumpens inkwistjoni huwa direttament marbut mat-trasferiment tal-proprjetà u li l-ħlas tiegħu kien effettiv, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 45).

62      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu li titħallas it-tariffa ta’ konverżjoni jirriżulta mit-termini tal-liġi fil-jum meta ssir il-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà u li l-ammont ta’ din it-tariffa huwa ugwali għall-ammont tat-tariffa annwali dovuta abbażi tal-użufrutt perpetwu fil-jum ta’ din il-konverżjoni, peress li l-imsemmija tariffa kienet dovuta għal perijodu ta’ 20 sena. Skont l-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, it-tariffi annwali dovuti abbażi tal-użufrutt perpetwu huma, min-naħa tagħhom, ikkalkolati bħala perċentwali tal-prezz tal-art. It-tariffi ta’ konverżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, għalhekk, direttament marbuta mat-trasferiment tal-proprjetà, peress li l-ħlas effettiv tagħhom għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel u t-tieni domanda għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tal-ħlas ta’ tariffa tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Dwar it-tielet domanda preliminari

64      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva dwar il-VAT għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, waqt konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tal-ħlas ta’ tariffa, komun jaġixxi bħala persuna taxxabbli, fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jew bħala awtorità pubblika, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva.

65      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett, għandu jiġi evalwat jekk il-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà permezz tal-ħlas ta’ tariffa tikkostitwixxix attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.

66      Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT timplika l-konstatazzjoni minn qabel tan-natura ekonomika tal-attività kkunsidrata. Għalkemm l-eżistenza ta’ attività ekonomika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva hija stabbilita, għandha għalhekk tiġi eżaminata l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni li tikkonċerna l-organi rregolati mid-dritt pubbliku prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C-276/14, EU:C:2015:635, punt 30; tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 31, u tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 47).

 Fuq in-natura ekonomika tal-attività

67      Il-kunċett ta’ “attività ekonomika” huwa ddefinit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT bħala li jiġbor l-attivitajiet kollha ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizzi u, iktar partikolarment, it-tranżazzjonijiet li jinkludu “(l)-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa”.

68      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sfruttament” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett jirreferi, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità tas-sistema komuni ta’ VAT, għal kull tranżazzjoni, tkun xi tkun il-forma legali tagħha, intiża sabiex jittieħed mill-oġġett inkwistjoni dħul ta’ natura permanenti (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, SPÖ Landesorganisation Kärnten, C-267/08, EU:C:2009:619, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C-263/15, EU:C:2016:392, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      L-analiżi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, filwaqt li turi b’mod ċar il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” tippreċiża wkoll in-natura oġġettiva tagħha, fis-sens li l-attività hija meqjusa minnha nnifisha, indipendentement mill-għanijiet tagħha jew mir-riżultati tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, IO (VAT – Attività ta’ membru ta’ bord ta’ sorveljanza), C-420/18, EU:C:2019:490, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      F’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-komun ta’ Wrocław jiġbor, bħala korrispettiv tal-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà, tariffa, min-naħa tal-ex użufruttwarji perpetwi, li hija dovuta, bħala prinċipju, matul perijodu ta’ 20 sena mill-jum ta’ din il-konverżjoni. Bl-istess mod, fl-ipoteżi fejn din it-tariffa titħallas fil-forma ta’ tariffa unika, din tal-aħħar tikkorrispondi għat-tariffa dovuta għas-sena li matulha l-intenzjoni li titħallas f’daqqa ġiet espressa mmultiplikata bin-numru ta’ snin li jifdal sal-iskadenza tal-perijodu ta’ 20 sena, ikkalkolata mill-jum tal-imsemmija konverżjoni.

71      Tali elementi, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jippermettu li jiġi konkluż li l-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà tippermetti lill-komun ta’ Wrocław li jiġbor permezz tagħha dħul li huwa ta’ natura permanenti u li, b’konsegwenza, din it-tranżazzjoni tikkostitwixxi attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.

72      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li tali konverżjoni sseħħ skont il-liġi u li l-ammont tat-tariffa ta’ konverżjoni jkun ġie stabbilit minn din il-liġi b’kunsiderazzjoni tal-osservanza neċessarja tal-effett utli tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.

73      Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li l-komun ta’ Wrocław ma ħa l-ebda pass attiv għall-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà, peress li din it-tranżazzjoni sseħħ skont il-liġi, ma tistax, fiha nnifisha, twassal għall-konklużjoni li din il-konverżjoni ma taqax fil-kuntest tal-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli bil-għan li jinkiseb minnha dħul ta’ natura permanenti, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.

74      Fil-fatt, ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li jittieħdu passi attivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja sabiex attività relatata mal-ġestjoni ta’ patrimonju immobbli tkun tista’ titqies bħala eżerċitata bil-għan li jinkiseb minnha dħul ta’ natura permanenti u li tista’ għalhekk tiġi kklassifikata bħala “ekonomika” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019 (VAT – Attività ta’ membru ta’ bord ta’ sorveljanza), C-420/18, EU:C:2019:490, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Għandu jingħad ukoll li tali kundizzjoni lanqas ma tkun kompatibbli mal-osservanza neċessarja tal-effett utli tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, li, mid-definizzjoni tiegħu stess, jirreferi għat-trasferiment tal-proprjetà ta’ oġġett li jseħħ wara rekwiżitorja magħmula mill-awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi.

 Fuq l-eżerċizzju tal-attività inkwantu awtorità pubblika

76      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, il-komun ta’ Wrocław għandux jitqies bħala persuna taxxabbli li taġixxi inkwantu tali, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, jew inkella bħala awtorità pubblika, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar, l-ewwel net, li, b’deroga mir-regola ġenerali ta’ ssuġġettar għat-taxxa prevista fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva jeskludi l-komuni mill-kwalità ta’ persuni taxxabbli għal attivitajiet jew għal tranżazzjonijiet ekonomiċi li huma jwettqu bħala awtorità pubblika, sakemm il-fatt li ma jitqisux persuni taxxabbli ma jwassalx għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ta’ ċerta importanza (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C-276/14, EU:C:2015:635, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Bħala deroga mir-regola ġenerali tal-issuġġettar għall-VAT ta’ kull attività ta’ natura ekonomika, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (digriet tad-20 ta’ Marzu 2014, Gmina Wrocław, C-72/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:197, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-kliem stess tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li, sabiex tapplika r-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa, żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament, jiġifieri li l-attivitajiet inkwistjoni għandhom, minn naħa, jiġu eżerċitati minn organu rregolat mid-dritt pubbliku u li, min-naħa l-oħra, dan għandu jaġixxi fil-kwalità ta’ awtorità pubblika. Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, huwa l-mod kif l-attivitajiet jiġu eżerċitati li jippermetti li tiġi stabbilita l-portata tan-nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa ta’ organi pubbliċi. Għalhekk, l-attivitajiet imwettqa bħala awtoritajiet pubbliċi, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma dawk imwettqa mill-organi rregolati mid-dritt pubbliku fil-kuntest tas-sistema legali li hija partikolari għalihom, bl-esklużjoni tal-attivitajiet li huma jeżerċitaw fl-istess kundizzjonijiet legali bħall-operaturi ekonomiċi privati (digriet tal-20 ta’ Marzu 2014, Gmina Wrocław, C-72/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:197, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li s-suġġett jew l-għan tal-attività inkwistjoni huwa f’dan ir-rigward irrilevanti u li l-fatt li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi l-użu ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika jippermetti li jiġi stabbilit li din l-attività hija suġġetta għal sistema rregolata mid-dritt pubbliku (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Fir-rigward speċifikament tal-ewwel miż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT sabiex tapplika r-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa, ma hemm l-ebda dubju li l-komun ta’ Wrocław huwa organu rregolat mid-dritt pubbliku.

81      Madankollu, xorta huwa neċessarju li t-tieni kundizzjoni imposta mill-imsemmija dispożizzjoni tkun issodisfatta, jiġifieri li huma eżentati mill-VAT biss l-attivitajiet imwettqa minn organu rregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi fil-kwalità ta’ awtorità pubblika.

82      Issa, f’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, diversi elementi jidhru li jindikaw li, fil-kuntest tal-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà, il-komun ta’ Wrocław ma jużax prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

83      Barra minn hekk, jidher li l-komun ta’ Wrocław, li jimplimenta miżuri deċiżi mil-leġiżlatur nazzjonali, ma għandux setgħa deċiżjonali f’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ tali konverżjoni u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħha.

84      Jirriżulta li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Konverżjoni, ir-rwol tal-komun ta’ Wrocław essenzjalment jikkonsisti li jivverifika ċ-ċirkustanzi fattwali, li jagħti attestazzjoni li tikkonferma l-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà u li jinforma lill-proprjetarju l-ġdid bl-obbligu li jħallas tariffa ta’ konverżjoni. Hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, din it-tariffa li għandha titħallas mill-ex użufruttwarji perpetwi ma hijiex stabbilita mill-komun ta’ Wrocław, inkwantu awtorità pubblika, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva u skont sistema ta’ dritt pubbliku li hija partikolari għaliha.

85      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għal verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, l-attivitajiet imwettqa mill-komun ta’ Wrocław fil-kuntest tal-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà, filwaqt li huma ta’ natura ekonomika, ma jistgħux jitqiesu li jinkludu l-użu ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

86      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet domanda għandha tiġi risposta li d-Direttiva dwar il-VAT għandha tiġi interpretata fis-sens li, waqt il-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tal-ħlas ta’ tariffa lill-komun proprjetarju tal-beni li jippermettilu li minnha jiġbor dħul ta’ natura permanenti, dan il-komun, bla ħsara għal verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, jaġixxi fil-kwalità ta’ persuna taxxabbli, fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, u mhux inkwantu awtorità pubblika, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tal-ħlas ta’ tariffa tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2)      Id-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li, waqt il-konverżjoni mid-dritt ta’ użufrutt perpetwu fuq proprjetà immobbli għal dritt sħiħ għall-proprjetà prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tal-ħlas ta’ tariffa lill-komun proprjetarju tal-beni li jippermettilu li minnha jiġbor dħul ta’ natura permanenti, dan il-komun, bla ħsara għal verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, jaġixxi fil-kwalità ta’ persuna taxxabbli, fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, u mhux inkwantu awtorità pubblika, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.