Edizzjoni Provviżorja
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
3 ta’ Settembru 2020 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 168, 178, 220 u 226 – Prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità – Dritt għat-tnaqqis tal-VAT – Rifjut – Kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ kunsinna ta’ oġġetti – Frodi – Provi – Sanzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv”
Fil-Kawża C-610/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura
Vikingo Fővállalkozó Kft.
vs
Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u Zs. Teleki, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 168(a), tal-Artikolu 178(a), tal-punt 1 tal-Artikolu 220 u tal-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), moqrija flimkien mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Vikingo Fővállalkozó Kft. (iktar ’il quddiem “Vikingo”) u Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) dwar id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa fir-rigward ta’ żewġ fatturi relatati mal-akkwist ta’ magni.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Fid-dawl tad-dati tal-fatti tal-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li hija l-verżjoni tad-Direttiva 2006/112, kif tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1), applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, li tapplika ratione temporis għal xi wħud minn dawn il-fatti. Madankollu, l-emendi magħmula minn din id-direttiva ma humiex rilevanti direttament għal din il-kawża.
4 Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112:
“‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”
5 L-Artikolu 168 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:
“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:
(a) il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;
[...]”
6 L-Artikolu 178 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:
“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) għall-finijiet ta’ tnaqqis skond l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, hi għandha jkollha fattura imħejjija skond l-Artikoli 220 sa 236 u l-Artikoli 238, 239 u 240;
[...]”
7 L-Artikolu 220 tal-istess direttiva jipprevedi li:
“Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li, fir-rigward ta’ dan li ġej, tinħareġ fattura, jew minnha nfisha jew mill-klijent tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza:
(1) provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li hi tkun għamlet lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna ġuridika li mhix taxxabbli;
[...]”
8 L-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112 jelenka l-uniċi dettalji li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari previsti minnha, għandhom jitniżżlu obbligatorjament, għall-finijiet tal-VAT, fuq il-fatturi maħruġa skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 220 u 221 ta’ din id-direttiva.
9 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tal-imsemmija direttiva:
“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”
Id-dritt Ungeriż
10 L-Artikolu 27 tal-általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. törvény (il-Liġi Nru CXXVII tal-2007 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Meta oġġett ikun is-suġġett ta’ diversi istanzi ta’ bejgħ suċċessivi b’tali mod li jintbagħat jew jiġi ttrasportat direttament mill-fornitur inizjali lejn l-akkwirent finali indikat bħala d-destinatarju, l-Artikolu 26 għandu japplika esklużivament għal kunsinna waħda tal-oġġett.”
11 L-Artikolu 26 ta’ din il-liġi jistabbilixxi li:
“Meta l-ispedizzjoni jew it-trasport isir mill-fornitur, mill-akkwirent jew, f’isem wieħed jew l-ieħor, minn terz, il-post tal-kunsinna tal-oġġett għandu jkun dak fejn jinsab l-oġġett fil-mument tal-ispedizzjoni jew tat-tluq tat-trasport li jindika lill-akkwirent bħala d-destinatarju.”
12 Skont l-Artikolu 119(1) tal-imsemmija liġi:
“Sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa jitnissel meta jeħtieġ li tiġi stabbilita t-taxxa dovuta li tikkorrispondi għat-taxxa tal-input ikkalkolata (Artikolu 120).”
13 L-Artikolu 120(a) tal-istess liġi jipprevedi li:
“Sakemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati, jew operati mill-persuna taxxabbli – u f’din il-kwalità – sabiex jitwettqu kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi taxxabbli, din għandha tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandha tħallas:
a) it-taxxa li ġiet iffatturata lilha minn persuna taxxabbli oħra – inkluża kull persuna jew entità suġġetta għal taxxa ssemplifikata fuq il-kumpanniji – waqt l-akkwist ta’ oġġetti jew l-użu ta’ servizzi;
[...]”
14 L-Artikolu 127(1)(a) tal-Liġi Nru CXXVII tal-2007 jippreċiża li:
“L-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis huwa suġġett għall-kundizzjoni sostantiva li l-persuna taxxabbli jkollha personalment:
a) fil-każ imsemmi fl-Artikolu 120(a), fattura f’isimha li tistabbilixxi t-twettiq tat-tranżazzjoni;
[...]”
15 L-Artikolu 1 tas-számvitelről szóló 2000. évi C. törvény (il-Liġi Nru C tal-2000 dwar il-Kontabbiltà, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kontabbiltà”) huwa fformulat kif ġej:
“Din il-liġi tiddetermina l-obbligi fil-qasam tal-kontabbiltà u tal-għoti ta’ rendikont tal-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, il-prinċipji li għandhom jiġu osservati fir-rigward taż-żamma tal-kotba u tal-preparazzjoni tal-kontijiet, ir-regoli bbażati fuq l-imsemmija prinċipji u l-kundizzjonijiet relatati mal-obbligi ta’ żvelar, ta’ pubblikazzjoni u ta’ verifika.”
16 L-Artikolu 15(3) ta’ din il-liġi jipprevedi li:
“It-tranżazzjonijiet inklużi fil-kontabbiltà u fil-kontijiet annwali għandhom jeżistu fir-realtà, għandhom ikunu jistgħu jiġu pprovati u għandhom ikunu jistgħu jiġu kkonstatati minn terzi. L-evalwazzjoni tagħhom għandha tkun konformi mal-prinċipji ta’ evalwazzjoni previsti minn din il-liġi u mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni relatati magħhom (“prinċipju ta’ realtà”).”
17 L-Artikolu 166(1) u (2) tal-imsemmija liġi jistabbilixxi li:
“1. Jikkostitwixxi ‘dokument ta’ sostenn kontabilistiku’ kull dokument imħejji jew ippreparat minn operatur ekonomiku, jew stabbilit jew ippreparat minn persuna fiżika jew minn operatur ekonomiku ieħor li jkollu relazzjoni kummerċjali jew relazzjoni oħra miegħu (fattura, kuntratt, dikjarazzjoni, ċertifikat ta’ stabbiliment ta’ kreditu, estratt mill-kont bankarju, dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari, u dokumenti paragunabbli oħra), u li jservi ta’ sostenn għall-kontabbiltà (dikjarazzjoni) ta’ tranżazzjoni ekonomika.
2. L-informazzjoni li tinsab f’dokument ta’ sostenn kontabilistiku għandha tkun, fil-aspett formali u sostantiv, plawżibbli, affidabbli u korretta. Il-prinċipju ta’ ċarezza għandu jirregola r-redazzjoni tiegħu.”
18 L-Artikolu 2 tal-adózás rendjéről szóló 2003. évi XCII. törvény (il-Liġi Nru XCII tal-2003 li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali”) jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Id-drittijiet eżerċitati fir-relazzjonijiet ġuridiċi li jirrigwardaw it-tassazzjoni għandhom jiġu eżerċitati skont l-użu intenzjonat tagħhom. Fl-applikazzjoni tal-liġijiet fiskali, ma jistax jiġi kklassifikat bħala eżerċizzju ta’ drittijiet skont l-użu intenzjonat tagħhom il-konklużjoni ta’ kuntratti jew it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet oħra li l-għan tagħhom huwa li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tal-liġijiet fiskali.”
19 Skont l-Artikolu 97(4) u (6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali:
“4. Matul l-ispezzjoni, l-awtorità tat-taxxa għandha taċċerta l-fatti rilevanti tal-każ u tipprova l-konstatazzjonijiet tagħha, sakemm l-oneru tal-prova ma jitpoġġiex fuq il-persuna taxxabbli bil-liġi.
[...]
6. Meta din tistabbilixxi l-fatti, l-awtorità tat-taxxa għandha l-obbligu li tirriċerka wkoll il-fatti favur il-persuna taxxabbli. Fatt jew ċirkustanza mhux ipprovati ma jistgħux – ħlief fil-proċedura ta’ stima – jiġu evalwati b’mod sfavorevoli fir-rigward tal-persuna taxxabbli.”
20 L-Artikolu 170(1) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li:
“Fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ ħlas tat-taxxa, għandha titħallas multa fiskali. L-ammont tal-multa għandu jkun ekwivalenti, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjoni kuntrarja f’din il-liġi, għal 50 % tal-ammont mhux imħallas. L-ammont tal-multa għandu jkun ekwivalenti għal 200 % tal-ammont mhux imħallas jekk id-differenza meta mqabbla mal-ammont li għandu jitħallas tkun marbuta ma’ ħabi tad-dħul, jew mal-falsifikazzjoni jew mal-qerda ta’ provi, ta’ kotba tal-kontijiet jew ta’ reġistrazzjonijiet. Multa fiskali għandha tiġi imposta wkoll mill-awtoritajiet tat-taxxa meta l-persuna taxxabbli tippreżenta, mingħajr ma jkollha dritt, talba għal għajnuna jew għal rimbors tat-taxxa jew dikjarazzjoni dwar assi, għajnuna jew rimbors u meta l-amministrazzjoni tikkonstata n-nuqqas ta’ dritt f’dan is-sens tal-persuna taxxabbli qabel l-għoti. Il-bażi tal-multa għandha tkun ugwali f’dan il-każ għall-ammont mitlub indebitament.”
21 L-Artikolu 171(1) u (2) tal-istess kodiċi huwa fformulat kif ġej:
“1. Ir-rata tal-multa tista’ titnaqqas, u saħansitra l-multa tista’ titneħħa, jew ex officio, jew fuq talba, f’każ ta’ ċirkustanzi li jimmeritaw li jitqiesu bħala eċċezzjonali u li jippermettu li jiġi konkluż li l-persuni taxxabbli, jew ir-rappreżentant, l-impjegat, il-membru jew il-mandatarju tagħha li wassal għad-dejn fiskali, aġixxa bil-kura li setgħet tkun mistennija mingħandu fis-sitwazzjoni partikolari. It-tnaqqis tal-multa għandu jiġi ffissat billi jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-portata tad-dejn fiskali, iċ-ċirkustanzi tat-tnissil tiegħu, il-gravità u l-frekwenza tal-aġir illegali tal-persuna taxxabbli (azzjoni jew ommissjoni).
Il-multa ma għandhiex titnaqqas, la ex officio u lanqas fuq talba, meta d-dejn fiskali jkun marbut ma’ ħabi ta’ dħul, mal-falsifikazzjoni jew mal-qerda ta’ provi, ta’ kontijiet jew ta’ reġistri.
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22 Vikingo, li l-attività prinċipali tagħha hija l-kummerċ bl-ingrossa ta’ ħlewwiet u ta’ ħelu, ikkonkludiet, fl-20 ta’ Marzu 2012, ma’ Freest Kft., kuntratt li jirrigwarda l-kunsinna ta’ għaxar magni għall-ippakkjar u magna għall-mili li kellha ssir qabel l-20 ta’ Diċembru 2012. Dan il-kuntratt kien jipprevedi l-possibbiltà li jintużaw sottokuntratturi. Fil-21 ta’ Mejju 2012, Vikingo kkonkludiet kuntratt ġdid ma’ Freest dwar il-provvista ta’ sitt magni għall-ippakkjar u magna għall-ippakkjar f’boroż li kellhom jiġu kkunsinnati fit-30 ta’ Marzu 2013. Dawn il-magni, skont l-istipulazzjonijiet taż-żewġ kuntratti, ġew akkwistati minn Freest mingħand kumpannija oħra li kienet hija stess xtrathom mingħand kumpannija oħra. Vikingo eżerċitat id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fir-rigward taż-żewġ fatturi maħruġa minn Freest.
23 Wara kontroll a posteriori tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT, l-awtorità tat-taxxa tal-ewwel grad wettqet aġġustament fl-ammont ta’ 8 020 000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 23 290) għat-tieni u għar-raba’ trimestru tal-2012 u ta’ HUF 13 257 000 (madwar EUR 38 844) għall-ewwel trimestru tal-2013, fejn parti minn dawn is-somom tikkorrispondi għall-ammont tal-VAT irkuprat illegalment u l-oħra għall-ammont tal-VAT mhux imħallas. Barra minn hekk, din l-awtorità imponiet fuq Vikingo multa fiskali u applikat penali għal dewmien.
24 Insostenn tad-deċiżjonijiet tagħha, din l-awtorità tat-taxxa qieset, billi bbażat ruħha fuq konstatazzjonijiet imwettqa waqt kontrolli konnessi kif ukoll fuq id-dikjarazzjonijiet tad-diretturi tal-kumpanniji involuti fil-katina ta’ kunsinni, li l-magni kienu ġew akkwistati fir-realtà mingħand persuna mhux magħrufa, b’tali mod li dawn it-tranżazzjonijiet la kienu twettqu bejn il-persuni identifikati fuq il-fatturi u lanqas bil-mod indikat fuqhom.
25 L-awtorità tat-taxxa tat-tieni grad ikkonfermat waħda minn dawn id-deċiżjonijiet u biddlet l-oħra billi mmodifikat l-ammont tal-VAT mhux imħallas kif ukoll l-ammonti tal-multa fiskali u tal-interessi moratorji.
26 Vikingo ppreżentat rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju li, permezz ta’ żewġ sentenzi, biddlithom. Din il-qorti osservat b’mod partikolari, fir-rigward tad-dritt għal tnaqqis, li Vikingo kienet ippreżentat il-fatturi inkwistjoni kif ukoll id-dokumenti li jattestaw l-istabbiliment u l-ħlas tagħhom, u qieset bħala fatt mhux ikkontestat il-kunsinna tal-magni li hija s-suġġett taż-żewġ kuntratti. Barra minn hekk, hija qieset li l-awtorità tat-taxxa kienet ibbażat ruħha fuq elementi irrilevanti bħal, b’mod partikolari, l-assenza ta’ riżorsi materjali u umani tal-impriżi li jinsabu upstream fil-katina ta’ kunsinni u l-fatt li d-diretturi interrogati ma setgħux jiftakru dwar it-tranżazzjonijiet inkwistjoni.
27 Il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) annullat dawn iż-żewġ sentenzi u bagħtet lura l-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija qieset li l-awtorità tat-taxxa kellha, billi teżamina r-realtà ta’ kull kuntratt u l-intenzjoni eventwali li tiġi evaża t-taxxa, twettaq eżami tal-katina ta’ kunsinni kollha u tal-influwenza tal-elementi tagħha fuq xulxin. Hija qieset li din l-amministrazzjoni kienet għalhekk aġixxiet b’mod korrett billi ġabret il-provi li jikkonċernaw l-atturi kollha ta’ din il-katina u li l-qorti tal-ewwel istanza kienet wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 127(1) tal-Liġi dwar il-Kontabbiltà u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ fattura korretta, filwaqt li d-dritt għal tnaqqis jippresupponi li teżisti tranżazzjoni ekonomika ġenwina.
28 Il-qorti tar-rinviju tesponi li, minkejja li huwa stabbilit li l-magni li huma s-suġġett tal-kuntratti inkwistjoni bdew jitħaddmu fl-istabbiliment ta’ Vikingo, l-awtorità tat-taxxa qieset li l-fatturi korrispondenti, mhux ikkritikati fir-rigward tal-forma tagħhom, u d-dokumenti l-oħra prodotti ma kinux juru li t-tranżazzjonijiet ekonomiċi msemmija fuq dawn il-fatturi kienu twettqu, peress li l-kontenut tagħhom ġiet ikkontestata permezz ta’ dikjarazzjonijiet, dwar il-kunsinna u l-oriġini tal-magni, tal-emittent tal-fatturi u tad-diretturi tal-impriżi li jinsabu upstream minnu fil-katina, b’tali mod li l-imsemmija fatturi ma kinux plawżibbli għal dak li jirrigwarda l-kontenut tagħhom, minkejja l-fatt li kull wieħed mid-diretturi ammetta li l-kunsinna u t-tħaddim tal-magni kienu fil-fatt seħħew. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-miżuri li kellhom raġonevolment jintalbu min-naħa tal-akkwirent, l-awtorità tat-taxxa ma qisitx biżżejjed il-fatt li Vikingo kienet ikkonsultat, qabel ma kkonkludiet il-kuntratti, is-silta mir-reġistru tal-kumpanniji li tikkonċerna l-parti kokontraenti tagħha u kienet talbet kampjun tal-firma, u lanqas il-fatt li d-direttur ta’ Freest kien mar fl-istabbiliment.
29 Hija tesponi li ċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali huma analogi għal dawk tal-kawżi li taw lok għas-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid (C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373), kif ukoll għad-digrieti tas-16 ta’ Mejju 2013, Hardimpex (C-444/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:318), u tal-10 ta’ Novembru 2016, Signum Alfa Sped (C-446/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:869). Minkejja r-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza u f’dawn id-digrieti, għad hemm kontradizzjonijiet fl-interpretazzjoni tad-dritt mogħtija mill-awtorità tat-taxxa u mill-qrati nazzjonali. L-awtorità tat-taxxa tkompli tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis għar-raġuni li l-kontenut tal-fatturi ma huwiex plawżibbli u billi tqis awtomatikament dan il-fatt bħala frodi li l-persuna taxxabbli kellha neċessarjament tkun taf biha.
30 Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-Kúria (il-Qorti Suprema), fid-digrieti li bagħtu lura l-kawżi quddiemha, qieset li d-digriet tad-10 ta’ Novembru 2016, Signum Alfa Sped (C-446/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:869), li fuqu hija bbażat ruħha fis-sentenzi annullati, ma jibdilx il-kriterji tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-evalwazzjoni tad-dritt għal tnaqqis u tatha l-istruzzjoni, konformement mar-regoli ta’ proċedura ċivili applikabbli, li tosserva l-kriterji stabbiliti minnha f’avviż tas-26 ta’ Settembru 2016 għal dak li jirrigwarda kemm l-istabbiliment tal-fatti oġġettivi li huma rilevanti għar-rikonoxximent ta’ dritt għal tnaqqis kif ukoll l-evalwazzjoni tal-provi, billi eżiġiet li hija tikkonforma ruħha mar-regoli dwar il-katini ta’ kunsinni u mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kontabbiltà. Skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Kúria (il-Qorti Suprema), l-awtorità tat-taxxa aġixxiet b’mod korrett billi ġabret provi dwar l-atturi kollha ta’ din il-katina u eżaminat, b’osservanza ta’ dawn ir-regoli u ta’ din il-liġi, il-kwistjoni dwar jekk Vikingo kinitx taf li kienet qiegħda tipparteċipa fi frodi fiskali.
31 Għaldaqstant, fil-fehma tagħha tqum mill-ġdid il-kwistjoni dwar jekk il-prattika tal-awtorità tat-taxxa u l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kúria (il-Qorti Suprema) fl-avviż tagħha jmorrux kontra l-għan tad-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112 u jekk din l-interpretazzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 178(a) ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività.
32 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-konformità, mal-Artikoli 220 u 226 tad-Direttiva 2006/112, tal-prattika tal-awtorità tat-taxxa li tissuġġetta d-dritt għal tnaqqis għall-kundizzjonijiet li l-fattura tistabbilixxi t-twettiq tat-tranżazzjoni u li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kontabbiltà jiġu osservati, u li jitqies li fattura regolari fil-forma ma hijiex suffiċjenti.
33 Hija tistaqsi wkoll dwar il-konformità ta’ din il-prattika mal-prinċipji ta’ newtralità, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tar-rekwiżiti relatati mal-fatti li għandhom jiġu stabbiliti u l-provi li għandhom jiġu prodotti. Filwaqt li tammetti li frodi tista’ tippresupponi eżami tal-fatti rilevanti li jikkonċernaw il-parteċipanti fil-katina li jkunu jinsabu upstream mill-persuna taxxabbli, hija għandha dubji dwar il-prattika tal-awtorità tat-taxxa li tikkonsisti f’li tibni mill-ġdid il-katina ta’ tranżazzjonijiet kollha u li tqis, jekk hija tkun tal-parir li din ma tkunx razzjonali fuq livell ekonomiku jew jekk tranżazzjoni ma tkunx iġġustifikata jew debitament stabbilita, li teżisti irregolarità li għandha twassal għal rifjut tad-dritt għal tnaqqis, irrispettivament minn jekk il-persuna taxxabbli kinitx taf jew kellhiex tkun taf b’din iċ-ċirkustanza.
34 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta d-dritt għal tnaqqis jiġi rrifjutat, l-impożizzjoni ta’ multa fiskali ffissata għal 200 % tal-ammont tad-differenza tal-VAT hija, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, proporzjonata.
35 Fl-aħħar nett, hija tistaqsi, fid-dawl ta’ prattika ġudizzjarja nazzjonali li jidhrilha li ma tosservax l-għanijiet tad-Direttiva 2006/112, dwar l-effikaċja tar-rimedji ġudizzjarji, billi tosserva li ma huwiex possibbli għaliha li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi kollha.
36 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Huma konformi mal-Artikoli 168(a) u 178(a) tad-[Direttiva 2006/112], flimkien mal-[punt 1 tal-Artikolu 220 u mal-Artikolu 226] tal-istess direttiva, u mal-prinċipju ta’ effettività, interpretazzjoni ġuridika nazzjonali u prattika nazzjonali skont liema, meta jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti sostantivi tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa, ma huwiex biżżejjed li wieħed sempliċement ikollu fattura li l-kontenut tagħha jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 226 tal-imsemmija direttiva, iżda li l-persuna taxxabbli, sabiex teżerċita leġittimament id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa abbażi tal-fattura inkwistjoni, għandha, barra minn hekk, ikollha provi dokumentali addizzjonali li mhux biss għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/112, iżda wkoll jissodisfaw il-prinċipji tar-regoli nazzjonali dwar il-kontabbiltà u d-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam ta’ dokumenti ta’ sostenn, u skont liema kull wieħed mill-membri tal-katina għandu jiftakar u jiddikjara bl-istess mod kull dettall tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi li jattestaw dawn id-dokumenti ta’ sostenn?
2) Huma konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 dwar [it-tnaqqis tal-VAT] u mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività, interpretazzjoni ġuridika nazzjonali u prattika nazzjonali skont liema, fil-każ ta’ tranżazzjoni f’katina, indipendentement minn kwalunkwe ċirkustanza oħra, għas-sempliċi fatt li t-tranżazzjoni tkun ta’ dan it-tip, jiġi impost fuq kull wieħed mill-membri tal-katina l-obbligu li jivverifikaw l-elementi tat-tranżazzjoni ekonomika magħmula minnhom u r-rekwiżit li jisiltu minn din il-verifika konsegwenzi rigward il-persuna taxxabbli li tinsab fit-tarf l-ieħor tal-katina, kif ukoll li l-persuna taxxabbli jitneħħielha d-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] għar-raġuni li l-istabbiliment tal-katina, minkejja li ma huwiex ipprojbit mid-dritt nazzjonali, ma kienx iġġustifikat [raġonevolment] minn perspettiva ekonomika? F’dan il-kuntest, fil-każ ta’ tranżazzjoni f’katina, fir-rigward tal-eżami taċ-ċirkustanzi oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tad-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT], meta jiġu ddeterminati u evalwati n-natura rilevanti u s-saħħa probatorja tal-provi li huwa bbażat fuqhom ir-rifjut tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, jistgħu jiġu applikati biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 u tad-dritt nazzjonali dwar it-tnaqqis tat-taxxa bħal regoli sostantivi li jispeċifikaw il-fatti rilevanti dwar id-determinazzjoni tal-qafas fattwali, jew għandhom jiġu applikati wkoll bħala regoli speċjali d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kontabbiltà tal-Istat Membru inkwistjoni?
3) Huma konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 dwar it-[tnaqqis tal-VAT] u mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività, interpretazzjoni nazzjonali u prattika nazzjonali skont liema l-persuna taxxabbli, li tuża l-merkanzija għan-neċessitajiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha fl-Istat Membru li fih twettaq tali tranżazzjonijiet u li għandha fattura konformement mad- 2006/112, jitneħħielha d-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] għar-raġuni li ma għandhiex għarfien tal-elementi kollha [tat-tranżazzjoni] mwettqa mill-membri tal-katina, jew abbażi ta’ ċirkustanzi relatati mal-membri tal-katina qabel l-emittent [li jinsabu upstream mill-emittent] tal-fattura u li dwarhom il-persuna taxxabbli ma seta’ jkollha ebda influwenza għal raġunijiet ’il barra mill-kontroll tagħha, kif ukoll li d-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] huwa suġġett għar-rekwiżit li l-persuna taxxabbli tissodisfa, fir-rigward tal-miżuri raġonevolment imposti fuqha, obbligu ġenerali ta’ verifika li għandha teżerċita mhux biss qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, iżda wkoll matul u wara l-eżekuzzjoni tiegħu? F’dan il-kuntest, il-persuna taxxabbli hija obbligata tastjeni milli teżerċita d-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] meta, fir-rigward ta’ kwalunkwe element tat-tranżazzjoni ekonomika indikata fuq il-fattura, f’mument qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, jew matul jew wara l-eżekuzzjoni tiegħu, tinnota irregolarità jew issir taf b’ċirkustanza li jkollhom bħala konsegwenza r-rifjut tad-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] skont il-prattika tal-amministrazzjoni fiskali?
4) Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 dwar it-[tnaqqis tal-VAT] u tal-prinċipju ta’ effettività, l-amministrazzjoni fiskali hija obbligata tispeċifika f’xiex tikkonsisti l-frodi fiskali? Huwa xieraq li l-amministrazzjoni fiskali tipproċedi b’tali mod li l-ommissjonijiet u l-irregolaritajiet li ma għandhomx rabta kawżali raġonevoli mad-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] li wettqu l-membri tal-katina jitqiesu bħala prova tal-frodi fiskali għar-raġuni li, peress li dawn l-ommissjonijiet u irregolaritajiet għamlu l-kontenut tal-fattura implawżibbli, il-persuna taxxabbli kienet taf jew missha kienet taf bil-frodi fiskali? Fil-każ li teżisti tali frodi fiskali, din iċ-ċirkustanza tiġġustifika li l-verifika rikjesta mill-persuna taxxabbli għandu jkollha l-portata, id-dettall u l-ambitu msemmija iktar ’il fuq, jew dan l-obbligu jeċċedi r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività?
5) Sanzjoni li tinvolvi r-rifjut tad-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] u li tikkonsisti fl-obbligu li titħallas sanzjoni fiskali ekwivalenti għal 200 % tad-differenza fiskali meta t-Teżor Pubbliku ma sostna ebda telf ta’ dħul marbut direttament mad-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] tal-persuna taxxabbli, hija proporzjonata? Il-fatt li jkun hemm xi waħda miċ-ċirkustanzi li tagħmel riferiment għalihom it-tielet sentenza tal-Artikolu 170(1) [tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali] meta l-persuna taxxabbli tkun għamlet disponibbli għall-amministrazzjoni fiskali d-dokumenti kollha li kienu fil-pussess tagħha u inkludiet fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha l-fatturi maħruġa, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni?
6) Fil-każ li huwa evidenti mir-risposti mogħtija għad-domandi preliminari magħmula li l-interpretazzjoni tar-regola ġuridika nazzjonali segwita wara l-kawża li tat lok għad-digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, Signum Alfa Sped (C-446/15, EU:C:2016:869) u l-prattika adottata abbażi tal-istess interpretazzjoni ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 dwar it-[tnaqqis tal-VAT], u fid-dawl tal-fatt li l-qorti tal-ewwel istanza ma tistax tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi kollha, jista’ jitqies, abbażi tal-Artikolu 47 tal-[Karta], li d-dritt tal-persuni taxxabbli li jeżerċitaw azzjoni ġudizzjarja ta’ talba għal danni jiggarantilhom id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal qorti imparzjali rrikonoxxut f’dan l-artikolu? F’dan il-kuntest, tista’ tiġi adottata interpretazzjoni li l-għażla tal-forma tad-deċiżjoni mogħtija fil-kawża Signum Alfa Sped [digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, C-446/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:869] tippresupponi li l-kwistjoni kienet diġà rregolata bid-dritt Komunitarju u kienet ġiet ikkjarifikata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li, konsegwentement, it-tweġiba għaliha kienet evidenti, jew pjuttost tfisser li, peress li nbdiet proċedura ġdida, il-kwistjoni ma kinitx ġiet ikkjarifikata kompletament u li, konsegwentement, kien għadu neċessarju li ssir talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja?”
Fuq id-domandi preliminari
37 Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.
38 Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.
Fuq l-ewwel sar-raba’ domanda
39 Permezz tal-ewwel sar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas il-VAT imħallsa għal akkwisti ta’ oġġetti li ġew ikkunsinnati lilha għar-raġuni li l-fatturi relatati ma’ dawn l-akkwisti ma jistgħux jitqiesu li huma affidabbli peress li, l-ewwel nett, il-manifattura ta’ dawn l-oġġetti u l-kunsinna tagħhom ma setgħux, fin-nuqqas tar-riżorsi materjali u umani neċessarji, jitwettqu mill-emittent ta’ dawn il-fatturi u l-imsemmija oġġetti ġew għalhekk akkwistati fir-realtà minn persuna mhux identifikata, it-tieni nett, ir-regoli nazzjonali ta’ kompatibbiltà ma ġewx osservati, it-tielet nett, il-katina ta’ kunsinni li wasslet għall-imsemmija akkwisti ma kinitx ekonomikament iġġustifikata u, ir-raba’ nett, irregolaritajiet ivvizzjaw ċerti tranżazzjonijiet preċedenti li jifformaw parti minn din il-katina ta’ kunsinni.
40 Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu, mill-VAT li huma għandhom iħallsu, il-VAT dovuta jew imħallsa għall-oġġetti akkwistati u għas-servizzi rċevuti minnhom upstream jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT. Kif iddeċidiet repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq. tad-Direttiva 2006/112 jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax, bħala prinċipju, jiġi limitat jekk ir-rekwiżiti jew il-kundizzjonijiet kemm sostantivi kif ukoll formali li għalihom huwa suġġett dan id-dritt huma osservati mill-persuni taxxabbli li jixtiequ jeżerċitawh (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punti 37 u 38; tat-3 ta’ Ottubru 2019, Altic, C-329/18, EU:C:2019:831, punt 27, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C-189/18, EU:C:2019:861, punt 33).
41 Is-sistema ta’ tnaqqis hija intiża li teħles kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, konsegwentement, in-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 39, kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult, C-101/16, EU:C:2017:775, punt 37).
42 Il-kwistjoni dwar jekk il-VAT, dovuta fuq it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ li saru qabel jew wara fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati, tħallsitx lit-Teżor Pubbliku jew le ma taffettwax id-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa. Fil-fatt, il-VAT tapplika għal kull tranżazzjoni ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, wara li titnaqqas it-taxxa direttament imposta fuq l-ispiża tad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-prezz (sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446, punt 49, u tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 40, kif ukoll id-digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, Signum Alfa, C-446/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:869, punt 32).
43 Id-dritt għal tnaqqis tal-VAT huwa madankollu suġġett għall-osservanza ta’ rekwiżiti jew ta’ kundizzjonijiet kemm sostantivi kif ukoll formali. Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżiti jew il-kundizzjonijiet materjali, mill-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-imsemmi dritt, jeħtieġ, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun “persuna taxxabbli”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, li l-oġġetti jew is-servizzi invokati bħala bażi għad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT jintużaw downstream mill-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha stess u li, upstream, dawn l-oġġetti jkunu kkunsinnati jew dawn is-servizzi jkunu pprovduti minn persuna taxxabbli oħra. Fir-rigward tal-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, li jistgħu jiġu assimilati mar-rekwiżiti jew mal-kundizzjonijiet ta’ natura formali, l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi li l-persuna taxxabbli għandu jkollha fattura stabbilita skont l-Artikoli 220 sa 236 u l-Artikoli 238 sa 240 ta’ din (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C-533/17, EU:C:2018:249, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu obbligi oħra minbarra dawk previsti minn din id-direttiva jekk huma jqisu dawn l-obbligi bħala neċessarji sabiex jiġi żgurat il-ġbir ta’ VAT eżatt u sabiex tiġi evitata l-frodi. Madankollu, il-miżuri adottati mill-Istati Membri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu tali għanijiet. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jintużaw b’mod li jippreġudikaw sistematikament id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u, għaldaqstant, in-newtralità tal-VAT (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult, C-101/16, EU:C:2017:775, punti 49 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
45 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li, minkejja li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis ġie rrifjutat lil Vikingo, b’applikazzjoni, b’mod partikolari, tar-regoli tal-Liġi dwar il-Kontabbiltà, li minnhom jirriżulta li l-fattura għandha tistabbilixxi t-twettiq tat-tranżazzjoni u għalhekk hija marbuta ma’ tranżazzjoni ekonomika reali. Issa, l-awtorità tat-taxxa qieset li l-oġġetti inkwistjoni ma ġewx immanifatturati jew ikkunsinnati minn Freest, l-emittent tal-fatturi, u lanqas mis-sottokuntrattur tagħha, peress li dawn l-impriżi ma għandhomx ir-riżorsi umani u materjali neċessarji, u li dawn l-oġġetti għalhekk ġew akkwistati fir-realtà mingħand persuna mhux identifikata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li dan id-dritt ikun suġġett għal rekwiżiti ta’ prova li jmorru lil hinn mill-formalitajiet imposti mid-Direttiva 2006/112.
46 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kundizzjonijiet materjali li għalihom huwa suġġett id-dritt għal tnaqqis huma ssodisfatti biss jekk il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi li għaliha tirreferi l-fattura tkun effettivament twettqet. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-verifika tal-eżistenza tat-tranżazzjoni taxxabbli għandha ssir skont ir-regoli dwar il-provi tad-dritt nazzjonali, billi ssir evalwazzjoni globali tal-elementi u taċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punti 31 u 32, kif ukoll tal-31 ta’ Jannar 2013, Stroy trans, C-642/11, EU:C:2013:54, punt 45). L-applikazzjoni ta’ regoli bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 15(3) tal-Liġi dwar il-Kontabbiltà sabiex jiġi vverifikat, fil-kawża prinċipali, jekk il-fatturi jirrigwardawx tranżazzjonijiet ekonomiċi reali hija għalhekk konformi mad-Direttiva 2006/112.
47 Madankollu, il-fatt li, fil-kawża prinċipali, l-oġġetti kkonċernati ma ġewx immanifatturati jew ikkunsinnati mill-emittent tal-fatturi u lanqas mis-sottokuntrattur tiegħu, b’mod partikolari għaliex dawn tal-aħħar ma għandhomx ir-riżorsi umani u materjali neċessarji, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li ma hemmx il-provvista ta’ oġġetti inkwistjoni u sabiex jiġi eskluż id-dritt għal tnaqqis invokat minn Vikingo, peress li dan il-fatt jista’ jkun il-konsegwenza kemm ta’ dissimulazzjoni frawdolenti tal-fornituri kif ukoll tas-sempliċi użu ta’ sottokuntratturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Tóth, C-324/11, EU:C:2012:549, punt 49, u tat-13 ta’ Frar 2014, Maks Pen, C-18/13, EU:C:2014:69, punt 31).
48 Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ “provvista ta’ oġġetti”, imsemmi fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112, ma jirreferix għat-trasferiment ta’ proprjetà fil-forom previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jinkludi kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ oġġett korporali minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra li tiddisponi minnu bħallikieku kienet il-proprjetarja ta’ dan l-oġġett. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett għandu natura oġġettiva u li japplika indipendentement mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati. Minn dan jirriżulta li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu kunsinni ta’ oġġetti fis-sens tal-artikolu msemmi iktar ’il fuq, minkejja li l-oġġetti inkwistjoni la ġew immanifatturati u lanqas ikkunsinnati mill-emittent tal-fatturi u l-persuna li mingħandha dawn l-oġġetti kienu effettivament ġew akkwistati ma ġietx identifikata, jekk dawn jissodisfaw il-kriterji oġġettivi li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi kunċett u jekk ma humiex ivvizzjati bi frodi tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Dixons Retail, C-494/12, EU:C:2013:758, punti 20 sa 22, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Unitel, C-653/18, EU:C:2019:876, punti 22 u 23).
49 Minn dan isegwi li, jekk, kif tindika l-qorti tar-rinviju, il-kunsinni ta’ oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali verament saru u li dawn l-oġġetti ntużaw downstream minn Vikingo għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis ma jistax, bħala prinċipju, jiġi rrifjutat lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punt 33, u d-digriet tas-16 ta’ Mejju 2013, Hardimpex, C-444/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:318, punt 22).
50 Madankollu, għandu jitfakkar li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi eventwali hija għan irrikonoxxut u inkoraġġut mid-Direttiva 2006/112 u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali li jirrifjutaw id-dritt għal tnaqqis jekk jintwera, fid-dawl ta’ fatturi oġġettivi, li dan id-dritt ikun qiegħed jiġi invokat għal għanijiet frawdolenti jew abbużivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446, punti 54 u 55, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C-189/18, EU:C:2019:861, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
51 Għalkemm dan huwa l-każ meta frodi titwettaq mill-persuna taxxabbli nnifisha, dan huwa wkoll il-każ meta persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tal-akkwist magħmul minnha, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446, punt 56; tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 46, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C-189/18, EU:C:2019:861, punt 35).
52 Min-naħa l-oħra, ma huwiex kompatibbli mas-sistema tad-dritt għal tnaqqis prevista mid-Direttiva 2006/112 li tiġi ssanzjonata, permezz tar-rifjut ta’ dan id-dritt, persuna taxxabbli li ma kinitx taf jew li ma setgħetx tkun taf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet involuta fi frodi mwettqa mill-fornitur jew li tranżazzjoni oħra li tifforma parti mill-katina ta’ kunsinni, qabel jew wara dik imwettqa mill-imsemmija persuna taxxabbli, kienet ivvizzjata bi frodi tal-VAT. Fil-fatt, il-ħolqien ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr tort imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet tat-Teżor Pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, EU:C:2006:16, punti 52 u 55; tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punti 47 u 48, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punti 41 u 42).
53 Meta l-persuna taxxabbli ma tkunx hija stess l-awtur tal-frodi tal-VAT, il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi rrifjutat lilha biss jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li hija kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li jservu bħala bażi għad-dritt għal tnaqqis, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta f’tali frodi mwettqa mill-fornitur jew minn operatur ieħor li intervjena upstream jew downstream fil-katina ta’ kunsinni jew ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C-189/18, EU:C:2019:861, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-livell ta’ diliġenza meħtieġ mill-persuna taxxabbli li tixtieq teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi li ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni li jkun meħtieġ li operatur jieħu kull miżura li tista’ raġonevolment tkun meħtieġa minnu sabiex jiġi żgurat li t-tranżazzjoni li huwa jwettaq ma twasslux sabiex jipparteċipa fi frodi fiskali. Id-determinazzjoni tal-miżuri li jistgħu, f’każ bħal dan, ikunu meħtieġa b’mod raġonevoli minn persuna taxxabbli li tixtieq teżerċita d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjonijiet tagħha ma jkunux involuti fi frodi mwettqa minn operatur fi stadju preċedenti tiddependi essenzjalment miċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punti 54 u 59, kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult, C-101/16, EU:C:2017:775, punt 52).
55 Ċertament, meta jkunu jeżistu indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi, operatur avżat jista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun obbligat jikseb informazzjoni dwar operatur ieħor li mingħandu huwa għandu l-intenzjoni li jixtri oġġetti jew servizzi sabiex jiżgura ruħu mill-affidabbiltà tiegħu (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 60).
56 Madankollu, l-awtorità tat-taxxa ma tistax tobbliga lill-persuna taxxabbli twettaq verifiki kumplessi u ddettaljati dwar il-fornitur tagħha, billi tittrasferixxi fil-fatt fuqha l-atti ta’ kontroll li għandhom jitwettqu minn din l-awtorità (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult, C-101/16, EU:C:2017:775, punt 51). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din tal-aħħar ma tistax teżiġi b’mod ġenerali li l-persuna taxxabbli li tixtieq teżerċita d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, minn naħa, tivverifika li l-emittent tal-fattura relatata mal-oġġetti u mas-servizzi li fir-rigward tagħhom jintalab l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli, li huwa kellu l-oġġetti inkwistjoni u li kien f’pożizzjoni li jikkunsinnahom u li huwa ssodisfa l-obbligi tiegħu ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tal-VAT, sabiex tiżgura ruħha li ma jeżistu ebda irregolaritajiet jew frodi fuq il-livell tal-operaturi preċedenti, jew, min-naħa l-oħra, ikollha dokumenti f’dan ir-rigward (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 61).
57 Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis huwa eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali li jikkostitwixxi dan id-dritt, huma l-awtoritajiet tat-taxxa li għandhom jistabbilixxu b’mod suffiċjenti fid-dritt l-elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li l-persuna taxxabbli wettqet frodi jew kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni invokata bħala bażi għad-dritt għal tnaqqis kienet involuta fi frodi. Sussegwentement, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw li l-awtoritajiet tat-taxxa kkonċernati stabbilixxew l-eżistenza ta’ tali elementi oġġettivi (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ April 2018, Biosafe – Indústria de Reciclagens, C-8/17, EU:C:2018:249, punt 39, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C-189/18, EU:C:2019:861, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Għaldaqstant, jekk l-awtorità tat-taxxa tiddeduċi mill-eżistenza ta’ frodi jew ta’ irregolaritajiet imwettqa mill-emittent tal-fatturi jew minn operaturi oħra li jinsabu upstream fil-katina ta’ kunsinni li t-tranżazzjonijiet iffatturati u invokati bħala bażi għad-dritt għal tnaqqis effettivament ma twettqux, din l-awtorità għandha, sabiex id-dritt għal tnaqqis ikun jista’ jiġi rrifjutat, tistabbilixxi, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi u mingħajr ma teżiġi mingħand id-destinatarju tal-fatturi verifiki li ma huwiex obbligat iwettaq, li dan id-destinatarju kien jaf jew kellu jkun jaf li dawn it-tranżazzjonijiet kienu involuti fi frodi tal-VAT, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, Signum Alfa Sped, C-446/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:869, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
59 Peress li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli dwar il-modalitajiet tal-produzzjoni tal-provi fil-qasam tal-frodi tal-VAT, dawn il-fatturi oġġettivi għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità tat-taxxa konformement mar-regoli dwar il-provi previsti fid-dritt nazzjonali. Madankollu, dawn ir-regoli ma għandhomx jippreġudikaw l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C-419/14, EU:C:2015:832, punt 65, u tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C-189/18, EU:C:2019:861, punt 37).
60 Għal dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sabiex Vikingo tiġi rrifjutata l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis, l-awtorità tat-taxxa, minbarra l-fatti msemmija fil-punt 45 ta’ dan id-digriet, qieset ukoll li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni kellhom bħala għan li jipproduċu prova tal-oriġini tal-magni akkwistati, ta’ provenjenza mhux magħrufa, kif muri fuq il-fatturi, li tippermetti lis-sottokuntrattur tal-emittent tal-fatturi jevita l-ħlas tal-VAT u joħloq drittijiet għal tnaqqis favur Vikingo, filwaqt li l-VAT ma kinitx tħallset minn dan is-sottokuntrattur.
61 Il-qorti tar-rinviju tesponi li, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet f’katina, hemm lok, skont il-ġurisprudenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema), li jsir eżami ta’ din il-katina kollha u tal-atti ġuridiċi mwettqa bejn il-parteċipanti tagħha, u li jiġi vverifikat jekk il-kostituzzjoni tal-imsemmija katina hijiex raġonevolment iġġustifikata. Il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi rrifjutat meta l-ħolqien tal-katina huwa irrazzjonali fuq livell ekonomiku jew mhux raġonevolment iġġustifikat, jew ukoll jekk kwalunkwe element tat-tranżazzjoni ekonomika bejn il-parteċipanti ma jkunx iġġustifikat mill-persuna taxxabbli jew ma jkunx jista’ jiġi vverifikat. Barra minn hekk, il-prattika tal-awtorità tat-taxxa, ibbażata fuq avviż u fuq il-ġurisprudenza ta’ din il-qorti tikkonsisti b’mod partikolari, billi jittieħdu prinċipalment inkunsiderazzjoni l-modalitajiet ta’ twettiq tat-tranżazzjoni ekonomika, fid-distinzjoni bejn it-tranżazzjonijiet inkwistjoni skont jekk twettqux jew le bejn il-partijiet imsemmija fil-fattura. Hemm lok li jitqies li t-tranżazzjoni ekonomika ma twettqitx bejn dawn il-partijiet meta din tal-aħħar hija affettwata minn xi difett jew nuqqas, b’mod partikolari meta l-persuna taxxabbli ma kinitx taf jew ma għandha ebda prova tal-attività ekonomika tal-operaturi li jinsabu upstream fil-katina. F’dan il-każ, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk id-destinatarju tal-fattura kienx jaf jew kellux ikun jaf bil-frodi huwa possibbiltà, iżda mhux obbligu.
62 Issa, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, kif tfakkar fil-punti 41 u 42 ta’ dan id-digriet, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT japplika indipendentement mill-għan u mir-riżultat tal-attività ekonomika inkwistjoni u l-fatt jekk tħallsitx jew le l-VAT dovuta fuq tranżazzjonijiet preċedenti li jirrigwardaw l-oġġetti kkonċernati lit-Teżor Pubbliku ma jaffettwax dan id-dritt. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuni taxxabbli huma ġeneralment liberi li jagħżlu l-istrutturi organizzattivi jew il-modalitajiet tranżazzjonali li huma jqisu l-iktar xierqa għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom u sabiex jillimitaw il-piżijiet fiskali tagħhom (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C-419/14, EU:C:2015:832, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi, li japplika għall-qasam tal-VAT, jipprojbixxi biss skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika, li jitwettqu bl-għan uniku li jinkiseb vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jkun kuntrarju għall-għanijiet tad-Direttiva 2006/112 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C-419/14, EU:C:2015:832, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
63 Minn dan isegwi li, jekk, kif tindika l-qorti tar-rinviju, l-eżistenza ta’ kunsinni ta’ oġġetti fil-kawża prinċipali hija stabbilita, il-fatt li l-katina ta’ tranżazzjonijiet li wasslet għal dawn il-kunsinni tidher irrazzjonali fuq livell ekonomiku jew mhux raġonevolment iġġustifikat, l-istess bħall-fatt li wieħed mill-parteċipanti f’din il-katina ma wettaqx l-obbligi fiskali tiegħu, ma jistgħux jitqiesu bħala li fihom innifishom jikkostitwixxu frodi.
64 Fit-tieni lok, sistema dwar il-provi bħal dik deskritta fil-punt 61 ta’ dan id-digriet, li twassal sabiex il-persuna taxxabbli tiġi rrifjutata l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis meta hija, b’mod partikolari, ma tipprovdix elementi li jiġġustifikaw it-tranżazzjonijiet kollha mwettqa mill-parteċipanti kollha f’din il-katina kif ukoll l-attività ekonomika ta’ dawn il-parteċipanti, billi timputalha, jekk ikun il-każ, il-fatt li dawn l-elementi ma humiex verifikabbli, tmur kontra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 50 sa 58 ta’ dan id-digriet, li minnha jirriżulta li hija l-awtorità tat-taxxa li għandha tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt, f’kull każ, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, il-prova tal-eżistenza ta’ frodi mwettqa mill-persuna taxxabbli jew il-prova li l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet involuta fi frodi mwettqa mill-emittent tal-fattura jew minn operatur ieħor li intervjena upstream fil-katina ta’ kunsinni jew ta’ servizzi.
65 Għalkemm il-fatti deskritti fil-punti 45 u 60 ta’ dan id-digriet jistgħu, ċertament, jinkludu indizji li l-persuna taxxabbli pparteċipat attivament fi frodi jew li hija kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjonijiet ikkonċernati kienu involuti fi frodi mwettqa mill-emittent tal-fatturi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali prova ġietx prodotta, billi twettaq, konformement mar-regoli dwar il-provi tad-dritt nazzjonali, evalwazzjoni globali tal-elementi u taċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Maks Pen, C-18/13, EU:C:2014:69, punt 30, u d-digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, Signum Alfa Sped, C-446/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:869, punt 36).
66 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sar-raba’ domanda hija li d-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas il-VAT imħallsa għal akkwisti ta’ oġġetti li ġew ikkunsinnati lilha għar-raġuni li l-fatturi relatati ma’ dawn l-akkwisti ma jistgħux jitqiesu li huma affidabbli peress li, l-ewwel nett, il-manifattura ta’ dawn l-oġġetti u l-kunsinna tagħhom ma setgħux, fin-nuqqas tar-riżorsi materjali u umani neċessarji, jitwettqu mill-emittent ta’ dawn il-fatturi u l-imsemmija oġġetti ġew għalhekk akkwistati fir-realtà minn persuna mhux identifikata, it-tieni nett, ir-regoli nazzjonali ta’ kompatibbiltà ma ġewx osservati, it-tielet nett, il-katina ta’ kunsinni li wasslet għall-imsemmija akkwisti ma kinitx ekonomikament iġġustifikata u, ir-raba’ nett, irregolaritajiet ivvizzjaw ċerti tranżazzjonijiet preċedenti li jifformaw parti minn din il-katina ta’ kunsinni. Bħala bażi għal tali rifjut, għandu jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-persuna taxxabbli pparteċipat b’mod attiv fi frodi jew li din il-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li l-imsemmija tranżazzjonijiet kienu involuti fi frodi mwettqa mill-emittent tal-fatturi jew minn kull operatur ieħor li intervjena upstream fl-imsemmija katina ta’ kunsinni, liema fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Fuq il-ħames domanda
67 Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li multa fiskali li tammonta għal darbtejn l-ammont tat-tnaqqis tal-VAT imwettaq illegalment tiġi imposta fuq il-persuna taxxabbli, filwaqt li t-Teżor Pubbliku ma sofriex telf ta’ dħul fiskali. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk huwiex possibbli li jitqies li waħda mill-kundizzjonijiet fattwali għall-applikazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 170(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali hija ssodisfatta meta l-persuna taxxabbli tkun qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-awtorità tat-taxxa d-dokumenti kollha fil-pussess tagħha u inkludiet fid-dikjarazzjoni tal-VAT tagħha l-fatturi li hija tkun stabbilixxiet.
68 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, peress li dan huwa esklużivament il-kompitu tal-qorti tar-rinviju (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C-307/18, EU:C:2020:52, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). It-tieni parti ta’ din id-domanda, li hija intiża għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, hija għaldaqstant inammissibbli.
69 Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-imsemmija domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (Sistema dixxiplinari li tikkonċerna lill-maġistrati), C-558/18 u C-563/18, EU:C:2020:234, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C-621/18, EU:C:2018:999, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
70 Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (Sistema dixxiplinari li tikkonċerna lill-maġistrati), C-558/18 u C-563/18, EU:C:2020:234, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
71 F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tielet sentenza tal-Artikolu 170(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, li ġiet applikata mill-awtorità tat-taxxa fil-kawża prinċipali, tipprevedi multa ekwivalenti għal 200 % tal-ammont mhux imħallas jekk id-differenza meta mqabbla mal-ammont li għandu jitħallas tkun marbuta ma’ ħabi ta’ dħul, jew mal-falsifikazzjoni jew mal-qerda ta’ provi, ta’ kotba tal-kontijiet jew ta’ reġistrazzjonijiet. Il-kwistjoni tal-proporzjonalità ta’ din is-sanzjoni tista’ tqum biss jekk l-elementi kostituttivi ta’ din id-dispożizzjoni jkunu twettqu u s-sitwazzjoni eżaminata tkun tinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Issa, mid-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni ppreżentata mill-qorti tar-rinviju ma jirriżultax li dan huwa l-każ.
72 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ħames domanda tidher ipotetika u r-risposta għaliha ma hijiex neċessarja għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali. Minn dan isegwi li din hija inammissibbli wkoll.
Fuq is-sitt domanda
73 Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-persuni taxxabbli li jippreżentaw rikors għal kumpens għandux jitqies li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, meta l-ġurisprudenza tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tkun, b’mod persistenti, kuntrarja għad-Direttiva 2006/112 kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-qrati inferjuri ma jistgħux jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi kollha li jitressqu quddiemhom.
74 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-kwistjoni tad-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat minn nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni hija estranja għas-suġġett tal-kawża prinċipali. Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju ma ssemmi ebda ostakolu għad-dritt tal-individwi li jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità tat-taxxa quddiem il-qrati nazzjonali. Fl-aħħar nett, hija lanqas ma tallega li d-dritt nazzjonali jipprekludiha milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari jekk hija tqis li l-ġurisprudenza tal-qorti superjuri tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jew jekk hija għandha dubji f’dan ir-rigward, u lanqas li hija marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, minn evalwazzjonijiet tad-dritt jew istruzzjonijiet mogħtija minn din il-qorti superjuri, jekk hija tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni li hija talbet mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn l-evalwazzjonijiet jew dawn l-istruzzjonijiet ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.
75 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza għandha tkun libera, jekk hija tqis li l-evalwazzjoni tad-dritt magħmula fi grad superjuri tista’ twassalha li tagħti sentenza li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li jħassbuha. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-possibbiltà rrikonoxxuta lill-qorti nazzjonali mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE li titlob interpretazzjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, li ma tapplikax istruzzjonijiet ta’ qorti superjuri li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni ma tistax tinbidel f’obbligu (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C-173/09, EU:C:2010:581, punti 27 u 28).
76 Minn dan isegwi li s-sitt domanda, li manifestament ma għandhiex rabta mas-suġġett u mar-realtà tal-kawża prinċipali, hija inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 ta’ dan id-digriet.
Fuq l-ispejjeż
77 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tordna:
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqrija flimkien mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas il-VAT imħallsa għal akkwisti ta’ oġġetti li ġew ikkunsinnati lilha għar-raġuni li l-fatturi relatati ma’ dawn l-akkwisti ma jistgħux jitqiesu li huma affidabbli peress li, l-ewwel nett, il-manifattura ta’ dawn l-oġġetti u l-kunsinna tagħhom ma setgħux, fin-nuqqas tar-riżorsi materjali u umani neċessarji, jitwettqu mill-emittent ta’ dawn il-fatturi u l-imsemmija oġġetti ġew għalhekk akkwistati fir-realtà minn persuna mhux identifikata, it-tieni nett, ir-regoli nazzjonali ta’ kompatibbiltà ma ġewx osservati, it-tielet nett, il-katina ta’ kunsinni li wasslet għall-imsemmija akkwisti ma kinitx ekonomikament iġġustifikata u, ir-raba’ nett, irregolaritajiet ivvizzjaw ċerti tranżazzjonijiet preċedenti li jifformaw parti minn din il-katina ta’ kunsinni. Bħala bażi għal tali rifjut, għandu jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-persuna taxxabbli pparteċipat b’mod attiv fi frodi jew li din il-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li l-imsemmija tranżazzjonijiet kienu involuti fi frodi mwettqa mill-emittent tal-fatturi jew minn kull operatur ieħor li intervjena upstream fl-imsemmija katina ta’ kunsinni, liema fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.