Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
25 ta’ Frar 2021 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni – Taxxa fuq id-depożiti ta’ klijenti miżmuma mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Tnaqqis fiskali mogħti biss lill-istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom jew aġenziji fit-territorju tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía – Tnaqqis fiskali mogħti biss għall-investimenti relatati ma’ proġetti mwettqa f’din il-komunità awtonoma – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 401 – Projbizzjoni ta’ ġbir ta’ taxxi nazzjonali oħra li għandhom in-natura ta’ taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Kunċett ta’ “taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ” – Karatteristiċi essenzjali tal-VAT – Assenza”
Fil-Kawża C-712/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura
Novo Banco SA
kontra
Junta de Andalucía,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn A. Kumin, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Novo Banco SA, minn J. Igual Gorgonio u A. Morillo Méndez, abogados,
– għall-Junta de Andalucía, minn A. Velázquez Párraga, letrada,
– għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u N. Gossement, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), b’mod partikolari tal-Artikolu 135(1)(d) u tal-Artikolu 401 tagħha.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Novo Banco SA, minn naħa, u l-Junta de Andalucía (il-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía, Spanja), min-naħa l-oħra, dwar l-issuġġettar ta’ din il-kumpannija għal taxxa fuq id-depożiti mwettqa mill-klijenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu f’Andalucía (iktar ’il quddiem l-“IDECA”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
[...]
d) transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċernaw kontijiet ta’ depożitu u kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma eskluża l-kollezzjoni tad-debitu.”
4 Skont l-Artikolu 401 ta’ din id-direttiva:
“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, din id-Direttiva ma żżommx Stat Membru milli jħalli jew idaħħal taxxi fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni, taxxi fuq imħatri u logħob ta’ l-azzard, dazji tas-sisa, taxxi tal-boll jew b’mod aktar ġenerali, kwalunkwe taxxi, dazji jew piżijiet li ma jistgħux ikunu kkaratterizzati bħala taxxi fuq il-bejgħ, sakemm il-ġbir ta’ dawk it-taxxi, dazji jew piżijiet ma joħloqx, f’negozju bejn l-Istati Membri, għal formalitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-qsim ta’ fruntieri.”
Id-dritt Spanjol
5 L-Artikolu 6 tal-Ley 11/2010 de medidas fiscales para la reducción del deficit público y para la sostenibilidad (il-Liġi 11/2010, dwar miżuri fiskali fil-qasam tat-tnaqqis tad-defiċit pubbliku u ta’ sostenibbiltà) tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía, tat-3 ta’ Diċembru 2010 (BOE Nru 314, tas-27 ta’ Diċembru 2010, p. 107193, iktar ’il quddiem il-“Liġi 11/2010”) stabbilixxa l-IDECA. Dan l-artikolu jipprovdi:
“[...]
2. Natura u skop tat-taxxa
L-[IDECA] hija taxxa proprja għall-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía, ta’ natura diretta, li, fit-termini previsti minn din il-liġi, hija ta’ piż fuq l-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu minħabba ż-żamma ta’ depożiti mwettqa minn klijenti.
3. Fatt taxxabbli
Il-fatt taxxabbli tal-[IDECA] huwa ż-żamma ta’ depożiti mwettqa minn klijenti, flimkien ma’ obbligu ta’ restituzzjoni.
[...]
5. Persuni taxxabbli
(1) L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma suġġetti, bħala persuni taxxabbli, għad-depożiti mwettqa mill-klijenti tas-sede ċentrali jew mill-aġenziji li jinsabu f’Andalucía.
[...]
(3) Il-persuni taxxabbli ma jistgħux jgħaddu l-ammont tat-taxxa fuq terzi.
6. Bażi taxxabbli
(1) Il-bażi taxxabbli hija l-medja aritmetika tal-bilanċ finali tar-rubrika “4. Depożiti tal-klijenti” tal-passiv tal-bilanċ riżervat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ kull trimestru ċivili tal-perijodu ta’ tassazzjoni, li jinsab fl-istati finanzjarji individwali u li jikkorrispondu għad-depożiti magħmula mis-sede ċentrali jew aġenziji li jinsabu f’Andalucía.
[...]
7. Kalkolu tat-taxxa
(1) L-ammont gross tat-taxxa jinkiseb billi tiġi applikata għall-bażi taxxabbli l-iskala ta’ tassazzjoni li ġejja:
Bażi taxxabbli sa (EUR) |
Ammont gross tat-taxxa (EUR) |
Bqija tal-bażi taxxabbli sal-limitu li jmiss (EUR) |
Rata applikabbli (perċentwali) |
|
|
150 000 000 |
0.3 |
150 000 000 |
450 000 |
450 000 000 |
0.4 |
600 000 000 |
2 250 000 |
lil hinn |
0.5 |
(2) Tnaqqis ġenerali. L-ammont gross tat-taxxa għandu jitnaqqas, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ leġiżlazzjoni, mis-somom li ġejjin:
a) EUR 200 000, meta s-sede tal-istituzzjoni ta’ kreditu tkun stabbilita f’Andalucía;
b) EUR 5 000 għal kull aġenzija stabbilita f’Andalucía. Dan l-ammont jiżdied għal EUR 7 500 meta l-aġenzija tkun tinsab f’komun li l-popolazzjoni tiegħu hija inqas minn 2 000 abitant.
(3) Tnaqqis speċifiku. Jitnaqqsu wkoll:
a) l-ammont ta’ krediti, self u investimenti intiżi, matul is-sena finanzjarja, għal proġetti f’Andalucía fil-kuntest tal-istrateġija għal ekonomija sostenibbli, indikati fil-liġijiet baġitarji ta’ kull sena;
b) l-ammonti intiżi għall-Impenn soċjali tal-banek tat-tfaddil u għall-Fond għall-edukazzjoni u għall-promozzjoni tal-kooperattivi ta’ kreditu, effettivament investiti f’Andalucía matul il-perijodu ta’ tassazzjoni.
[...]
(4) L-ammont nett tat-taxxa jinkiseb bl-applikazzjoni tat-tnaqqis stabbilit fil-punti 2 u 3 ta’ dan il-paragrafu. Is-somma tat-tnaqqis hija limitata għall-ammont gross tat-taxxa, mingħajr ma l-ammont nett tat-taxxa jista’ jkun inqas minn EUR 0. Meta t-tnaqqis ma japplikax, l-ammont nett tat-taxxa għandu jkun ugwali għall-ammont gross tagħha.
[...]
8. Perijodu ta’ tassazzjoni u eżiġibbiltà
(1) Il-perijodu ta’ tassazzjoni ta’ din it-taxxa huwa s-sena kalendarja [...]
[...]”
6 Adottata wara l-introduzzjoni, mill-Istat Spanjol, ta’ taxxa fuq id-depożiti mwettqa fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, is-sittax-il dispożizzjoni addizzjonali tal-Ley 7/2013, del Presupuesto de la Comunidad Autónoma de Andalucía para el año 2014 (il-Liġi 7/2013, li tistabbilixxi l-baġit tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía għas-sena 2014), tat-23 ta’ Diċembru 2013 (BOE Nru 18, tal-21 ta’ Jannar 2014, p. 3380), tipprovdi:
“L-Artikolu 6 tal-[Liġi 11/2010], li jirregola l-IDECA, huwa mingħajr effett, mill-1 ta’ Jannar 2013 u sakemm ikun hemm impożizzjoni fiskali fuq livell tal-Istat fuq l-istess fatt taxxabbli.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 Novo Banco, istituzzjoni ta’ kreditu li għandha s-sede tagħha fil-Portugall u li għandha fergħa fi Spanja, kienet is-suġġett ta’ diversi avviżi ta’ taxxa għas-sena finanzjarja 2012 abbażi tal-IDECA.
8 L-ilmenti amministrattivi ta’ Novo Banco ippreżentati kontra dawn l-avviżi ta’ taxxa ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Junta Superior de Hacienda de Andalucía (il-Bord Superjuri tat-Taxxi ta’ Andalucía, Spanja) tat-12 ta’ Marzu 2015. Bl-istess mod, ir-rikors ippreżentat kontra dawn l-aħħar deċiżjonijiet ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Andalucía (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Andalucía, Spanja) tas-27 ta’ Frar 2017.
9 Novo Banco ippreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-qorti tar-rinviju.
10 Quddiem din il-qorti, Novo Banco sostniet, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-IDECA, b’mod partikolari s-sistema ta’ tnaqqis relatata ma’ din it-taxxa, jiksru l-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE, inkwantu jistabbilixxu differenza fit-trattament mhux ġustifikata bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, skont jekk għandhomx is-sede tagħhom jew le fit-territorju tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía. Min-naħa l-oħra, din il-kumpannija tqis li l-IDECA għandha tiġi kklassifikata bħala taxxa indiretta fuq id-depożiti rċevuti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u, minħabba f’hekk, l-attività finanzjarja eżerċitata permezz ta’ dawn id-depożiti. Skont Novo Banco, tali taxxa hija inkompatibbli mal-Artikolu 135(1)(d) u mal-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-VAT.
11 Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-IDECA mal-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-analiżi ta’ din it-taxxa u tal-elementi essenzjali tagħha, ir-relazzjoni bejn ir-rata ta’ ġbir u l-portata tat-tnaqqis u, b’mod partikolari, it-tnaqqis ġenerali ta’ EUR 200 000 li minnu jibbenefikaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía, iwassluha sabiex tikkunsidra li l-IDECA hija taxxa mħallsa, de facto, mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom is-sede tagħhom barra mit-territorju ta’ din il-komunità awtonoma, u b’mod partikolari, fi Stati Membri oħra. L-istess analiżi tapplika għat-tnaqqis speċifiku msemmi fil-punt 3 tal-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010.
12 L-imsemmija qorti tistaqsi wkoll jekk, minkejja n-natura diretta li tattribwilha l-Liġi 11/2010, l-IDECA għandhiex tiġi kklassifikata bħala taxxa indiretta, sa fejn tolqot, fil-fehma tagħha, tranżazzjonijiet kummerċjali. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-IDECA hijiex kompatibbli mal-Artikolu 135(1)(d), u mal-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-VAT, peress li din it-taxxa tolqot iż-żamma ta’ depożiti, filwaqt li t-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw id-depożiti ta’ fondi huma eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), skont dan l-Artikolu 135(1)(d).
13 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1 L-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE, li jiggarantixxu, rispettivament, il-libertà ta’ stabbiliment, il-[libertà] li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, b’mod partikolari, sistema ta’ tnaqqis bħal dik prevista għall-IDECA fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 6(7) tal-[Liġi 11/2010]?
2 L-IDECA għandha tiġi kklassifikata bħala taxxa indiretta, minkejja n-natura diretta attribwita lilha mill-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu 6 tal-Liġi ta’ Andalucía 11/2010 u, f’tali każ, l-eżistenza u l-ġbir tagħha huma kompatibbli mal-VAT, fid-dawl ta’ dak li huwa previst fl-Artikoli 401 u 135(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
14 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-libertajiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema ta’ tnaqqis ġenerali u speċifiku previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa fuq id-depożiti mwettqa mill-klijenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fit-territorju ta’ komunità awtonoma.
15 L-IDECA hija taxxa fuq id-depożiti mwettqa mill-klijenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu f’sede ċentrali jew f’aġenziji li jinsabu f’Andalucía. Żewġ tipi ta’ tnaqqis huma previsti fl-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010, jiġifieri, minn naħa, tnaqqis ġenerali, fil-punt 2 ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, tnaqqis speċifiku, fil-punt 3 tagħha.
Fuq it-tnaqqis ġenerali
16 Fir-rigward tat-tnaqqis ġenerali, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel wieħed minn dawn, imsemmi fil-punt 2(a) tal-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010, jipprevedi tnaqqis ta’ EUR 200 000 mill-ammont gross tal-IDECA favur l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li s-sede tagħhom tinsab f’Andalucía. It-tieni wieħed, previst fil-punt 2(b) tal-Artikolu 6(7) ta’ din il-liġi, jipprevedi tnaqqis mill-ammont gross tal-IDECA ta’ EUR 5 000 għal kull aġenzija stabbilita f’Andalucía, fejn dan l-aħħar ammont jitla’ għal EUR 7 500 għal kull aġenzija li tinsab f’komun ta’ inqas minn 2 000 abitant.
17 Sa fejn il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, l-Artikolu 56 TFUE, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-Artikolu 63 TFUE, dwar il-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar it-tnaqqis ġenerali jistgħux jaqgħu taħt dawn il-libertajiet.
18 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt libertà ta’ moviment waħda jew oħra, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
19 Sa fejn it-tnaqqis ġenerali previst fil-punt 2 tal-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010 jibbenefika biss lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li s-sede jew l-aġenziji tagħhom jinsabu f’Andalucía, dan jirrigwarda l-post ta’ stabbiliment ta’ dawn l-entitajiet u għalhekk jista’ jaffettwa b’mod predominanti l-libertà ta’ stabbiliment. Konsegwentement, dan it-tnaqqis ġenerali għandu għalhekk jiġi eżaminat biss fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE.
20 Il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 49 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, u li timplika għalihom l-aċċess għall-attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju tagħhom kif ukoll l-istabbiliment u t-tmexxija ta’ impriżi taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu, tinkludi, skont l-Artikolu 54 KE, għall-kumpanniji stabbiliti b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li għandhom is-sede tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fi ħdan l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Philips Electronics UK, C-18/11, EU:C:2012:532, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Fir-rigward ta’ kumpanniji, għandu jiġi osservat li s-sede tagħhom fis-sens tal-Artikolu 54 KE sservi sabiex tiġi ddeterminata, l-istess bħaċ-ċittadinanza ta’ persuni fiżiċi, il-konnessjoni tagħhom mas-sistema legali ta’ Stat Membru. Jekk jiġi aċċettat li Stat Membru ta’ stabbiliment jista’ japplika liberament trattament differenti minħabba l-fatt biss li s-sede ta’ kumpannija tinsab fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 49 tat-Trattat jiġi pprivat minn kull sinjifikat. B’hekk, il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża sabiex tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, billi tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tas-sede tal-kumpanniji (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, EU:C:2007:439, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Sabiex differenza fit-trattament bejn kumpanniji abbażi tal-post tas-sede tagħhom tkun kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment, għandha jew tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli, fejn allura l-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan intiż mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, jew inkella li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenzi tal-1 ta’ April 2014, Felixstowe Dock and Railway Company et, C-80/12, EU:C:2014:200, punt 25, kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2018, X u X, C-398/16 u C-399/16, EU:C:2018:110, punt 32).
23 Sabiex restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, hija għandha tkun adattata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan intiż u li din ma tmurx lil hinn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, EU:C:2007:439, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2013, Imfeld u Garcet, C-303/12, EU:C:2013:822, punt 64).
24 Fir-rigward tal-ewwel tnaqqis, imsemmi fil-punt 2(a) tal-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010, għandu jiġi kkonstatat li dan jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn, minn naħa, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li s-sede tagħhom tinsab f’Andalucía, li jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali li jirriżulta mit-tnaqqis inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, dawk li s-sede tagħhom tinsab f’reġjun ieħor ta’ Spanja jew fi Stat Membru ieħor, li ma jibbenefikawx minn dan it-tnaqqis u għalhekk huma suġġetti għal tassazzjoni ogħla.
25 Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía, ma jistax jiġi kkunsidrat li din id-differenza fit-trattament hija moderata jew ikkumpensata mit-tnaqqis ġenerali previst fil-punt 2(b) tal-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jibbenefikaw minn tnaqqis skont in-numru ta’ aġenziji stabbiliti f’Andalucía, indipendentement mill-post tas-sede tagħhom.
26 F’dak li jirrigwarda l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li s-sede tagħhom tinsab f’Andalucía u ta’ dawk li, filwaqt li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju ta’ Spanja, għandhom aġenziji f’Andalucía, għandu jiġi rrilevat li, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha, il-bażi taxxabbli tal-IDECA hija kkostitwita mill-medja aritmetika tal-bilanċ tad-depożiti mwettqa fis-sede ċentrali jew fl-aġenziji li jinsabu f’Andalucía. Issa, billi jittratta bl-istess mod żewġ kategoriji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-finijiet tat-tassazzjoni, il-leġiżlatur jammetti li, fir-rigward tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet ta’ din it-tassazzjoni, ma teżisti, bejniethom, ebda differenza ta’ sitwazzjoni oġġettiva li tista’ tiġġustifika differenza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, EU:C:1986:37, punt 20, kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 34).
27 F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tiġi ġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, il-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía jsostni li t-tnaqqis ġenerali huwa intiż sabiex jinkoraġġixxi prattiki ta’ inklużjoni finanzjarja f’ambjent rurali, kif ukoll l-installazzjoni u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’Andalucía. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali għan ma jistax jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għoti ta’ trattament favorevoli, jiġifieri tnaqqis ta’ EUR 200 000 mill-ammont gross tal-IDECA, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom is-sede tagħhom f’Andalucía biss, peress li, b’differenza min-numru u l-post tal-aġenziji, il-preżenza tas-sempliċi sede f’territorju partikolari ma tidhirx li hija ta’ natura li tikkontribwixxi għall-kopertura ta’ dan it-territorju b’servizzi finanzjarji ta’ viċinanza. Fi kwalunkwe każ, ma ġiex ipprovat li tali limitazzjoni hija neċessarja sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
28 Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni bħall-punt 2(a) tal-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010, li tipprovdi li tnaqqis ġenerali relatat ma’ taxxa fuq id-depożiti mwettqa mill-klijenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu attivi fit-territorju ta’ reġjun partikolari fi ħdan Stat Membru jingħata, sa EUR 200 000, għall-benefiċċju biss tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li s-sede tagħhom hija stabbilita fit-territorju tal-imsemmi reġjun.
29 It-tieni tnaqqis ġenerali, imsemmi fil-punt 2(b) tal-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010, jipprevedi tnaqqis mill-ammont gross tal-IDECA fl-ammont ta’ EUR 5 000 għal kull aġenzija stabbilita fit-territorju tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía, fejn dan l-aħħar ammont jitla’ għal EUR 7 500 għal kull aġenzija li tinsab f’komun ta’ inqas minn 2 000 abitant.
30 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha suġġetti għall-IDECA jistgħu jibbenefikaw minn dan it-tieni tnaqqis ġenerali, indipendentement mill-fatt li s-sede tagħhom tinsab fl-Andalucía, f’reġjun ieħor ta’ Spanja jew fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Dispożizzjoni li tipprevedi tali tnaqqis għalhekk ma tistabbilixxix diskriminazzjoni ċara skont il-post tal-imsemmi sede soċjali.
31 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali dispożizzjoni tistax titqies li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, għandu jiġi rrilevat li huma pprojbiti mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari bbażati fuq il-post tas-sede tal-kumpanniji, iżda wkoll il-forom kollha moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C-385/12, EU:C:2014:47, punt 30).
32 F’dan il-każ, għalkemm mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li tali tnaqqis jikkontribwixxi sabiex l-IDECA tiġi imposta, de facto, fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li s-sede tagħhom ma tinsabx fit-territorju tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía biss, la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub ma pprovdew preċiżazzjonijiet suffiċjenti dwar dan il-punt, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi f’dan ir-rigward.
33 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni bħall-punt 2(b) tal-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010, li permezz tagħha, fir-rigward ta’ taxxa fuq id-depożiti mwettqa mill-klijenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu attivi fit-territorju ta’ reġjun partikolari ta’ Stat Membru, tnaqqis tal-ammont gross ta’ din it-taxxa jingħata, sa EUR 5 000, għal kull aġenzija stabbilita fit-territorju ta’ dan ir-reġjun, fejn dan l-ammont jitla’ għal EUR 7 500 għal kull aġenzija li tinsab f’komun ta’ inqas minn 2 000 abitant, sakemm dan it-tnaqqis ma jwassalx, fil-fatt, għal diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tas-sede tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati li ma hijiex iġġustifikata, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
Fuq it-tnaqqis speċifiku
34 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, kif tfakkar fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, l-ewwel domanda preliminari tirreferi għall-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE, hemm lok li jiġi eżaminat it-tnaqqis speċifiku stabbilit fil-punt 3 tal-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010 fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital biss. Fil-fatt, dan it-tnaqqis ma jeħtieġ ebda rabta mal-post ta’ stabbiliment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati. Barra minn hekk, sa fejn dan it-tnaqqis japplika biss fir-rigward ta’ krediti, ta’ self u ta’ investimenti relatati ma’ proġetti mwettqa f’Andalucía, dan huwa intiż sabiex jorjenta l-flussi ta’ kapital u, għaldaqstant, dan jaqa’ fl-ewwel lok taħt il-moviment liberu tal-kapital, peress li l-effett tiegħu fuq il-moviment liberu tas-servizzi huwa biss sekondarju.
35 Fir-rigward ta’ dan it-tnaqqis speċifiku, għandu jiġi rrilevat li l-punt 3 tal-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010 jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati jnaqqsu mill-ammont gross tal-IDECA l-ammont ta’ krediti, self u investimenti intiżi għal proġetti mwettqa f’Andalucía fil-kuntest ta’ strateġija għal ekonomija sostenibbli, imsemmija fil-liġijiet baġitarji adottati kull sena minn din il-komunità awtonoma, kif ukoll l-ammonti intiżi għall-Impenn soċjali tal-banek ta’ tfaddil u għall-Fond għall-edukazzjoni u għall-promozzjoni tal-kooperattivi ta’ kreditu, effettivament investiti f’Andalucía matul il-perijodu ta’ tassazzjoni kkonċernat.
36 Issa, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni u tal-għanijiet imfittxija mit-tnaqqis speċifiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-talba għal deċiżjoni preliminari sempliċement tirreferi, mingħajr iktar preċiżjoni, għal strateġija ta’ ekonomija sostenibbli, kif ukoll għal impenn soċjali tal-banek ta’ tfaddil u għal fond ta’ edukazzjoni u ta’ promozzjoni tal-kooperattivi ta’ kreditu. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju lanqas ma tippreċiża liema tipi ta’ proġetti jistgħu jagħtu dritt għal dan it-tnaqqis fl-applikazzjoni li ssir ta’ din id-dispożizzjoni fil-liġijiet baġitarji adottati kull sena mill-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía, li l-kontenut tagħhom ma ġiex mgħarraf lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni u tal-għanijiet imfittxija mit-tnaqqis speċifiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’konjizzjoni tal-kawża dwar il-kompatibbiltà ta’ dan it-tnaqqis speċifiku mal-Artikolu 63 TFUE.
37 Madankollu, sa fejn, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía jsostni li l-għan prinċipali tat-tnaqqis speċifiku huwa li jiġi inkoraġġut l-investiment f’din il-komunità awtonoma u li jiġi promoss it-tfaddil reġjonali, għandhom isiru l-preċiżazzjonijiet li ġejjin sabiex tingħata risposta utli għall-ewwel domanda.
38 F’dan ir-rigward, fil-każ fejn dan it-tnaqqis speċifiku għandu jinftiehem bħala li jsegwi għan purament ekonomiku, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, sa fejn dan għandu bħala konsegwenza li l-IDECA tolqot biss id-depożiti msemmija mil-Liġi 11/2010 li ma humiex investiti fi proġetti mwettqa f’Andalucía, filwaqt li d-depożiti użati għal dawn il-finijiet jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis, il-punt 3 tal-Artikolu 6(7) tal-Liġi 11/2010 jikkostitwixxi trattament differenti li jista’ jiskoraġġixxi lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għall-IDECA milli jinvestu fi Stati Membri oħra.
39 Sussegwentement, il-post ta’ investiment ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, jikkostitwixxi kriterju validu sabiex jiġi konkluż li teżisti differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjonijiet inkwistjoni u sabiex tiġi eskluża, konsegwentement, l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 63 TFUE [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-10/10, EU:C:2011:399, punt 35, u tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C-78/18, EU:C:2020:476, punt 63).
40 Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, għan ta’ natura purament ekonomika ma jistax jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (sentenza tas-7 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-20/09, EU:C:2011:214, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE għandha tiġi interpretata fis-sens li, fir-rigward ta’ tnaqqis applikat fuq l-ammont gross ta’ taxxa fuq id-depożiti mwettqa mill-klijenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom is-sede ċentrali tagħhom jew aġenziji li jinsabu fit-territorju ta’ reġjun ta’ Stat Membru,
– tipprekludi tnaqqis ta’ EUR 200 000 applikat fuq l-ammont gross ta’ din it-taxxa favur istituzzjonijiet ta’ kreditu li s-sede tagħhom tinsab fit-territorju ta’ dan ir-reġjun;
– ma tipprekludix tnaqqis applikat fuq l-ammont gross tal-imsemmija taxxa, ta’ EUR 5 000 għal kull aġenzija stabbilita fit-territorju tal-imsemmi reġjun, fejn dan l-aħħar ammont jitla’ għal EUR 7 500 għal kull aġenzija li tinsab f’komun ta’ inqas minn 2 000 abitant, sakemm dan it-tnaqqis ma jwassalx, fil-fatt, għal diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tas-sede tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati li ma hijiex iġġustifikata, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
L-Artikolu 63(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ taxxa imposta fuq id-depożiti mwettqa mill-klijenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom is-sede ċentrali tagħhom jew aġenziji li jinsabu fit-territorju ta’ reġjun ta’ Stat Membru, jipprekludi tnaqqis mill-ammont gross ta’ din it-taxxa ugwali għall-krediti għas-self, u għall-investimenti intiżi għal proġetti mwettqa f’dan l-istess reġjun, sakemm dan it-tnaqqis ikollu għan ta’ natura purament ekonomika.
It-tieni domanda
42 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 135(1)(d) u l-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu taxxa nazzjonali bħall-IDECA.
43 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-issuġġettar tad-depożiti mwettqa mill-klijenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-IDECA ma jikkontestax l-eżenzjoni applikabbli għal dawn id-depożiti, skont l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT. Għaldaqstant, dan l-artikolu ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.
44 Skont l-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-VAT, id-dispożizzjonijiet tagħha ma jostakolawx lil Stat Membru milli jżomm fis-seħħ jew jintroduċi taxxi fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni u fuq l-imħatri u l-logħob tal-azzard, dazji tas-sisa, taxxi tal-boll, u, b’mod iktar ġenerali, kwalunkwe taxxi, dazji jew piżijiet li ma jistgħux ikunu kkaratterizzati bħala taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, sakemm il-ġbir ta’ dawn it-taxxi, dazji jew piżijiet ma jwasslux, fl-iskambji bejn l-Istati Membri, għal formalitajiet marbuta mal-qsim ta’ fruntiera.
45 Minn dan isegwi li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma jew l-introduzzjoni minn Stat Membru ta’ taxxi, ta’ dazji u ta’ piżijiet huma awtorizzati biss bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux simili għal taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2014, Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona, C-139/12, EU:C:2014:174, punt 28, u tat-12 ta’ Ġunju 2019, Oro Efectivo, C-185/18, EU:C:2019:485, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
46 Sabiex jiġi evalwat jekk taxxa, dazju jew piż għandhomx il-karatteristiċi ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, fis-sens tal-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-VAT, għandu jiġi mistħarreġ, b’mod partikolari, jekk l-effett tagħhom huwiex tali li jiġi kompromess il-funzjonament tas-sistema komuni tal-VAT billi jagħmlu iktar diffiċli l-moviment ta’ oġġetti u ta’ servizzi, u billi jolqtu t-tranżazzjonijiet kummerċjali b’mod paragunabbli għall-mod li jikkaratterizza l-VAT. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, f’kull każ, għandhom jitqiesu bħala li jolqtu l-moviment ta’ oġġetti u ta’ servizzi b’mod paragunabbli għall-VAT dawk it-taxxi, id-dazji u l-piżijiet li jkollhom il-karatteristiċi essenzjali tal-VAT, anki jekk ma jkunux kompletament identiċi għaliha (sentenzi tas-7 ta’ Awwissu 2018, Viking Motors et, C-475/17, EU:C:2018:636, punti 36 u 37, kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország, C-75/18, EU:C:2020:139, punti 59 u 60).
47 Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-VAT ma jipprekludix li tinżamm fis-seħħ jew li tiġi introdotta taxxa li ma jkollhiex waħda mill-karatteristiċi essenzjali tal-VAT (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország, C-75/18, EU:C:2020:139, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-imsemmija karatteristiċi huma erbgħa, jiġifieri l-applikazzjoni ġenerali tal-VAT għat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw oġġetti jew servizzi, l-iffissar tal-ammont tagħha proporzjonalment għall-prezz irċevut mill-persuna taxxabbli bħala korrispettiv għall-oġġetti u għas-servizzi pprovduti minnha, il-ġbir ta’ din it-taxxa f’kull stadju tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, inkluż f’dak tal-bejgħ bl-imnut, irrispettivament min-numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu seħħew qabel, u t-tnaqqis mill-VAT dovuta minn persuna taxxabbli tal-ammonti mħallsa fl-istadji preċedenti tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, b’tali mod li din it-taxxa, fi stadju partikolari, tapplika biss għall-valur miżjud f’dan l-istadju u li l-piż finali tal-imsemmija taxxa jaqa’ b’mod definittiv fuq il-konsumatur (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország, C-75/18, EU:C:2020:139, punt 62).
49 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-IDECA ma għandhiex il-karatteristiċi essenzjali tal-VAT.
50 Fil-fatt, qabelxejn, din it-taxxa hija dovuta mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu minħabba ż-żamma ta’ depożiti mwettqa mill-klijenti tagħhom u mhux minħabba tranżazzjonijiet kummerċjali li jikkonsistu f’depożiti ta’ fondi, b’tali mod li ma jistax jitqies li din tapplika għal tranżazzjonijiet li għandhom bħala suġġett oġġetti jew servizzi. Sussegwentement, peress li l-bażi taxxabbli tal-IDECA tikkorrispondi għall-medja aritmetika tal-bilanċ trimestrali tar-rubrika tal-passiv tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, relatata mad-depożiti tal-klijenti tagħhom, l-ammont ta’ din it-taxxa ma huwiex stabbilit proporzjonalment mal-korrispettiv irċevut mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Barra minn hekk, l-IDECA ma hijiex miġbura f’kull stadju tal-proċess ta’ produzzjoni u tad-distribuzzjoni ta’ servizzi finanzjarji. Fl-aħħar nett, sa fejn il-punt 3 tal-Artikolu 6(5) tal-Liġi 11/2010 jipprojbixxi espressament lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu milli jgħaddu l-ammont tal-IDECA fuq terzi, l-oneru finali ta’ din it-taxxa ma huwiex sostnut b’mod definittiv mill-konsumaturi.
51 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-IDECA la tikkostitwixxi taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ u lanqas taxxa simili għal tali taxxa, fis-sens tal-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-VAT.
52 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa dovuta mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu minħabba ż-żamma ta’ depożiti ta’ klijenti, li l-bażi taxxabbli tagħhom tikkorrispondi għall-medja aritmetika tal-bilanċ trimestrali ta’ dawn id-depożiti u li ma tistax tiġi mgħoddija mill-persuna taxxabbli fuq terzi.
Dwar l-ispejjeż
53 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE għandha tiġi interpretata fis-sens li, fir-rigward ta’ tnaqqis applikat fuq l-ammont gross ta’ taxxa fuq id-depożiti mwettqa mill-klijenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom is-sede ċentrali tagħhom jew aġenziji li jinsabu fit-territorju ta’ reġjun ta’ Stat Membru,
– tipprekludi tnaqqis ta’ EUR 200 000 applikat fuq l-ammont gross ta’ din it-taxxa favur istituzzjonijiet ta’ kreditu li s-sede tagħhom tinsab fit-territorju ta’ dan ir-reġjun;
– ma tipprekludix tnaqqis applikat fuq l-ammont gross tal-imsemmija taxxa, ta’ EUR 5 000 għal kull aġenzija stabbilita fit-territorju tal-imsemmi reġjun, fejn dan l-aħħar ammont jitla’ għal EUR 7 500 għal kull aġenzija li tinsab f’komun ta’ inqas minn 2 000 abitant, sakemm dan it-tnaqqis ma jwassalx, fil-fatt, għal diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tas-sede tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati li ma hijiex iġġustifikata, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
L-Artikolu 63(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ taxxa imposta fuq id-depożiti mwettqa mill-klijenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom is-sede ċentrali tagħhom jew aġenziji li jinsabu fit-territorju ta’ reġjun ta’ Stat Membru, jipprekludi tnaqqis mill-ammont gross ta’ din it-taxxa ugwali għall-krediti, għas-self, u għall-investimenti intiżi għal proġetti mwettqa f’dan l-istess reġjun, sakemm dan it-tnaqqis ikollu għan ta’ natura purament ekonomika.
2) L-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa dovuta mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu minħabba ż-żamma ta’ depożiti ta’ klijenti, li l-bażi taxxabbli tagħhom tikkorrispondi għall-medja aritmetika tal-bilanċ trimestrali ta’ dawn id-depożiti u li ma tistax tiġi mgħoddija mill-persuna taxxabbli fuq terzi.
Reġistratur
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.