Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
6 ta’ Ottubru 2021 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 90(1) – Tnaqqis tal-ammont taxxabbli fil-każ ta’ tnaqqis tal-prezz wara l-mument li fih it-tranżazzjoni tkun twettqet – Kontribuzzjonijiet imħallsa minn impriża farmaċewtika lill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard – Artikolu 273 – Formalitajiet amministrattivi imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis – Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C-717/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (preċedentement il-Fővárosi Bíróság) (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, preċedentement it-Tribunal ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura
Boehringer Ingelheim RCV GmbH & Co. KG Magyarországi Fióktelepe
vs
Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn A. Kumin, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Boehringer Ingelheim RCV GmbH & Co. KG Magyarországi Fióktelepe, minn Sz. Vámosi-Nagy, ügyvéd,
– għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér Miklós u G. Koós, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u L. Havas, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 90(1) u tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Boehringer Ingelheim RCV GmbH & Co. KG Magyarországi Fióktelepe (iktar ’il quddiem “Boehringer Ingelheim”) u Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Uffiċċju Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Appelli”), dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar irrifjuta li jirrikonoxxi lil Boehringer Ingelheim id-dritt li tnaqqas mill-ammont taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) il-kontribuzzjonijiet li hija ħallset lin-Nemzeti Egészségbiztosítási Alapkezelő (l-organu li jamministra l-fond nazzjonali tal-assigurazzjoni għall-mard, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard” jew in-“NEAK”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT:
“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”
4 L-Artikolu 90 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“1. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali, jew fejn il-prezz hu mnaqqas wara li l-provvista tkun saret, l-ammont taxxabbli għandu jiġi ridott għaldaqstant skond kondizzjonijet li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1.”
5 L-Artikolu 273 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.
L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3.”
Id-dritt Ungeriż
6 L-Artikolu 65 tal-általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. törvény (il-Liġi Nru CXXVII tal-2007 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) (Magyar Közlöny 2007/155. (XI.16.), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”) jipprevedi:
“Sakemm din il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, fir-rigward tal-kunsinni ta’ oġġetti u tal-provvisti ta’ servizzi, l-ammont taxxabbli huwa kkostitwit mill-korrispettiv pekunjarju miksub jew li jkollu jinkiseb, mill-persuna li jkollha dritt għalih, mingħand il-persuna li takkwista l-oġġett, mingħand il-persuna li lilha jiġi pprovdut is-servizz jew mingħand terz, inkluż kull sussidju, irrispettivament mill-forma tiegħu, li jinfluwenza direttament il-prezz tal-kunsinna jew tal-provvista.”
7 L-Artikolu 77 ta’ din il-liġi jistipula:
“1. Fil-każ ta’ kunsinna ta’ oġġetti, provvista ta’ servizzi jew ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti, il-modifika jew it-terminazzjoni tal-kuntratt – inkluż fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżistenza jew ta’ assenza ta’ validità tal-kuntratt – huma kawżi ta’ tnaqqis a posteriori tal-ammont taxxabbli, sal-ammont tal-akkont jew tal-korrispettiv li jkunu ġew jew li jkollhom jiġi rrimborsati totalment jew parzjalment.
[…]
4. Jekk, wara l-eżekuzzjoni tal-kunsinna ta’ oġġetti jew tal-provvista ta’ servizzi, il-persuna taxxabbli, konformement mal-kundizzjonijiet iddettaljati fil-politika kummerċjali tagħha, tirrimborsa flus għal finijiet promozzjonali lil persuna, taxxabbli jew mhux taxxabbli, li ma tkunx xtrat direttament mingħand l-imsemmija persuna taxxabbli l-oġġett jew is-servizz li x-xiri tagħhom jagħti dritt għar-rimbors, il-persuna taxxabbli li tirrimborsa l-flus tista’ tnaqqas a posteriori l-ammont taxxabbli tal-kunsinna tal-oġġetti jew tal-provvista ta’ servizzi li tkun is-suġġett ta’ dan ir-rimbors (tranżazzjoni li tagħti dritt għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli), bil-kundizzjoni li:
a) il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi li tkun saret direttament lill-persuna li jkollha dritt għar-rimbors (tranżazzjoni li tagħti dritt għal rimbors) tkun tranżazzjoni taxxabbli mwettqa fit-territorju nazzjonali, u li
b) is-somma li għandha tiġi rrimborsata tkun inqas mir-riżultat miksub bil-multiplikazzjoni tan-numru ta’ tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal rimbors bil-prezz unitarju l-iktar baxx, miżjud bit-taxxa, tal-oġġetti kkunsinnati jew tas-servizzi pprovduti, fil-kuntest tal-miżura promozzjonali kkunsidrata, fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni li tagħti dritt għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli.
5. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-paragrafu 4, l-ammont irrimborsat jitqies li jinkludi l-ammont tat-taxxa.”
8 Skont l-Artikolu 78(3) u (4) tal-imsemmija liġi:
“3. L-applikazzjoni tal-Artikolu 77(4) tippreżupponi li l-persuna taxxabbli li tirrimborsa l-flus ikollha d-dokumenti li ġejjin:
a) kopja tal-fattura, f’isem il-persuna li jkollha dritt għar-rimbors, li tistabbilixxi t-twettiq tat-tranżazzjoni li tagħti dritt għal rimbors u li tipprova b’mod ċar li t-tranżazzjoni inkwistjoni hija tranżazzjoni taxxabbli mwettqa fit-territorju nazzjonali, u
b) dokument ġustifikattiv relatat mal-ħlas bankarju jew mal-ħlas fi flus kontanti, li jipprova b’mod ċar li l-persuna taxxabbli li tirrimborsa l-flus tkun irrimborsat lill-persuna li jkollha dritt għar-rimbors tas-somma prevista fil-kuntest tal-politika kummerċjali tagħha.
4. Id-dokument ġustifikattiv imsemmi fil-paragrafu 3(b) għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
a) l-isem, l-indirizz u – fil-każ ta’ persuna taxxabbli – in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-persuna li jkollha dritt għar-rimbors,
b) informazzjoni dwar id-dritt għal tnaqqis, abbażi tad-dikjarazzjoni tal-persuna li jkollha dritt għar-rimbors, għal dak li jikkonċerna t-tranżazzjoni inkwistjoni.”
9 L-Artikolu 195 tal-adózás rendjéről szóló 2017. évi CL. törvény (il-Liġi Nru CL tal-2017 li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali), jipprevedi li:
“L-awtorità fiskali għandha tiddeċiedi, mingħajr ma twettaq stħarriġ, dwar id-dikjarazzjoni ta’ rettifika tal-persuna taxxabbli f’terminu ta’ ħmistax-il jum mill-preżentazzjoni tagħha meta l-unika raġuni għal din id-dikjarazzjoni ta’ rettifika tkun li d-dispożizzjoni li tipprevedi l-obbligu fiskali tmur kontra l-liġi fundamentali jew att vinkolanti tal-Unjoni Ewropea jew, jekk ikun il-każ ta’ regolament komunali, kull dispożizzjoni legali oħra, sakemm id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, tal-Kúria (il-Qorti Suprema tal-Ungerija) jew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni ma tkunx għadha ġiet ippubblikata fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rettifika jew l-imsemmija dikjarazzjoni ta’ rettifika ma tkunx konformi mal-kontenut tad-deċiżjoni ppubblikata.”
10 L-Artikolu 17(4) tal-biztonságos és gazdaságos gyógyszer- és gyógyászati segédeszköz-ellátás, valamint a gyógyszerforgalmazás általános szabályairól szóló 2006 évi XCVIII. törvény (il-Liġi Nru XCVIII tal-2006 dwar id-Dispożizzjonijiet Ġenerali Applikabbli għall-Provvista Affidabbli U Ekonomikament Vijabbli ta’ Prodotti Mediċinali U ta’ Apparat Mediku U dwar il-Kummerċ tal-Prodotti Pediċinali, iktar ’il quddiem il-“Gyftv”) jipprovdi:
“Kull promozzjoni kummerċjali hija pprojbita għall-prodotti mediċinali u għall-preparazzjonijiet li jistgħu jiġu pprovduti fi spiżerija fuq riċetta medika biss, jew li jkunu ġew ammessi fil-lista ta’ prodotti ssussidjati mis-sigurtà soċjali, kif ukoll għall-apparat mediku li tiegħu s-sigurtà soċjali tieħu r-responsabbiltà għall-ħlas fuq preskrizzjoni medika.”
11 L-Artikolu 26(2), (5) u (6) tal-Gyftv jipprovdi:
“2. Għall-finijiet tal-osservanza tal-qafas baġitarju, l-organu [statali] ta’ assigurazzjoni għall-mard jista’, konformement mal-paragrafu 5 iktar ’il quddiem, jikkonkludi ftehim ta’ teħid ta’ responsabbiltà ta’ ħlas li jirrigwarda prodotti mediċinali li jkunu diġà ssussidjati jew li jkunu għadhom kif ġew inklużi fil-lista tal-prodotti mediċinali ssussidjati, fil-klassi tagħhom ta’ sussidju, l-indikazzjonijiet tagħhom, kif ukoll prodotti mediċinali ssussidjati għal raġunijiet ta’ ekwità.
[…]
5. Il-kontribuzzjoni obbligatorja li għandha titħallas skont ftehimiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà ta’ ħlas tista’ tiġi ffissata
a) f’perċentwali tas-sussidju tal-prezz tax-xiri mħallas għal kull unità kwantitattiva mibjugħa bi prezz tax-xiri ssussidjat,
b) abbażi tad-differenza bejn l-ammont totali tas-sussidji tal-prezz tax-xiri mħallas għal prodott wieħed jew iktar matul il-perijodu ta’ validità tal-ftehim, u l-limitu stabbilit fl-imsemmi ftehim,
[…]
e) abbażi tad-differenza bejn id-dożi effettivament preskritti u d-doża ta’ referenza meqjusa fil-ftehim fid-dawl ta’ kosteffettività, skont is-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott mediċinali inkwistjoni.
6. Fil-każ ta’ preparazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 jistgħu japplikaw b’mod kumulattiv.”
12 Skont l-Artikolu 28(1) tal-Gyftv:
“Sabiex jissussidja l-prodotti mediċinali inklużi fil-lista tal-prodotti mediċinali ssussidjati mis-sigurtà soċjali, l-organu [statali] ta’ assigurazzjoni [għall-mard] jista’ juża l-mezzi ta’ sussidju li ġejjin:
[…]
c) ftehim ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-ħlas;
[…]”
13 L-Artikolu 30/A tal-kötelező egészségbiztosítás ellátásairól 1997. évi LXXXIII. törvény (il-Liġi Nru LXXXIII tal-1997 dwar is-Servizzi tas-Sistema Obbligatorja tal-Assigurazzjoni għall-Mard) kien jipprovdi:
“L-organu [statali] ta’ assigurazzjoni għall-mard jista’ jikkonkludi ftehim mal-proprjetarju ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, kif imsemmi fl-Artikolu 36(1) tal-[Gyftv], kif ukoll mal-fornituri ta’ apparat mediku jew ta’ kura medika, dwar il-prezz, il-kwantità u r-rekwiżiti ta’ kwalità tal-prodotti u kura li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati bi prezz tax-xiri ssussidjat, kif ukoll aspetti oħra li l-partijiet iqisu li huma importanti.”
14 L-Artikolu 11(1) tat-törzskönyvezett gyógyszerek és a különleges táplálkozási igényt kielégítő tápszerek társadalombiztosítási támogatásba való befogadásának szempontjairól és a befogadás vagy a támogatás megváltoztatásáról [szóló] 32/2004. (IV. 26.) ESzCsM rendelet [id-Digriet Regolatorju Nru 32/2004. (IV. 26.) tal-Ministeru għas-Saħħa, għall-Affarijiet Soċjali u għall-Familja dwar il-Modalitajiet għall-Ammissjoni tal-Prodotti Mediċinali Rreġistrati U tal-Preparazzjonijiet Mediċinali Intiżi għall-Bżonnijiet Partikolari fil-Lista tal-Prodotti Ssussidjati mis-Sigurtà Soċjali Kif Ukoll il-Modifika tal-Ammissjoni Jew tas-Sussidjar] jipprevedi:
“Fil-każ ta’ ftehimiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-ħlas imsemmija fl-Artikolu 26 tal-Gyftv, il-volum ta’ sussidju huwa ddeterminat skont in-numru ta’ pazjenti li jkunu intiżi li jirċievu trattament, fid-dawl tal-prevalenza u tal-impatt tal-patoloġija kkonċernata, skont il-proposta ta’ kulleġġ ta’ professjonisti tas-saħħa.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 Boehringer Ingelheim hija s-sussidjarja Ungeriża ta’ impriża farmaċewtika. L-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali ssussidjati lil grossisti, li jbigħuhom lill-ispiżeriji li sussegwentement iqassmuhom lill-pazjenti.
16 Fl-Ungerija, il-kummerċjalizzazzjoni bl-imnut tal-prodotti mediċinali ssir, bl-eċċezzjoni tal-isptarijiet, permezz tal-ispiżeriji. L-ispiżeriji jixtru l-provvisti tagħhom mingħand distributuri bl-ingrossa u l-grossisti mingħand kumpanniji ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi, bħal Boehringer Ingelheim.
17 Il-prodotti mediċinali jistgħu jiġu ssussidjati min-NEAK, li mbagħad japplika sistema ta’ “sussidju tal-prezz tax-xiri”. Bis-saħħa ta’ din is-sistema, in-NEAK jagħti sussidju fuq il-prezz tax-xiri tal-prodotti mediċinali mibjugħa bi preskrizzjoni medika u koperti mis-sigurtà soċjali fil-kuntest ta’ trattamenti outpatient. Il-ħlas tal-prezz tal-prodott mediċinali ssussidjat sussegwentement jinqasam bejn in-NEAK u l-pazjent. Il-pazjent iħallas lill-ispiżerija ammont, imsejjaħ “reste à charge (il-prezz issussidjat)”, li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tal-prodott mediċinali u l-ammont tas-sussidju mħallas min-NEAK. L-ispiżerija hija rrimborsata a posteriori min-NEAK għall-ammont tas-sussidju inkwistjoni. Il-prezz tal-prodotti mediċinali rċevut mill-ispiżeriji, li jikkostitwixxi l-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, għalhekk għandu żewġ komponenti, minn naħa, is-sussidju tan-NEAK u, min-naħa l-oħra, ir-“reste à charge (il-prezz issussidjat)” imħallas mill-pazjent. L-ispiżerija għandha għaldaqstant tħallas il-VAT kemm fuq l-ammont imħallas mill-pazjent kif ukoll fuq is-somma mħallsa min-NEAK.
18 In-NEAK jiddeċiedi jekk għandux jiġi inkluż prodott mediċinali fil-lista ta’ prodotti mediċinali ssussidjati, wara eżami li jieħu inkunsiderazzjoni diversi aspetti, bħall-politika tas-saħħa pubblika, l-aspetti farmaċewtiċi u l-kosteffettività, u sussegwentement jiffissa l-ammont tas-sussidju skont il-prezz iffissat mid-distributur, jiġifieri Boehringer Ingelheim fil-kawża prinċipali.
19 Sabiex il-prodotti mediċinali li hija tiddistribwixxi fis-suq Ungeriż jibqgħu ssussidjati, Boehringer Ingelheim ikkonkludiet man-NEAK “ftehimiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas” għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Ottubru 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2017. Bis-saħħa ta’ dawn il-ftehimiet, Boehringer Ingelheim impenjat ruħha li tħallas lin-NEAK, fuq il-kwantità ta’ prodotti mediċinali li hija tikkummerċjalizza, kontribuzzjonijiet ta’ ammont stabbilit fil-ftehim, miġbura fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn il-prodotti mediċinali. B’mod iktar preċiż, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet kien iffissat f’perċentwali tal-ammont gross tas-sussidju tan-NEAK, abbażi tal-pakketti individwali (kaxxi) ikkummerċjalizzati bi prezz issussidjat (kontribuzzjonijiet skont is-sistema tal-ammont għal kull kaxxa), jew ukoll, f’ċerti ftehimiet, għal 100 %, peress li l-limitu massimu ta’ sussidju min-NEAK kien inqabeż għall-prodott inkwistjoni (kontribuzzjonijiet ibbażati fuq limitu massimu).
20 Il-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet ma hijiex obbligu legali, iżda tagħti lil Boehringer Ingelheim il-garanzija li l-prodotti mediċinali li hija tikkummerċjalizza ser jiġu ssussidjati min-NEAK. Dawn il-ftehimiet jippermettu wkoll lin-NEAK jiżgura aċċess kontinwu għal terapiji ġodda u moderni ssussidjati, filwaqt li tiġi ggarantita ż-żamma tal-bilanċ baġitarju.
21 Ebda fattura ma nħarġet min-NEAK fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn Boehringer Ingelheim. Madankollu, jeżistu ċertu numru ta’ dokumenti li jippermettu li tiġi vverifikata a posteriori r-realtà tal-ħlasijiet imwettqa minn Boehringer Ingelheim lin-NEAK abbażi ta’ dawn il-ftehimiet.
22 Fit-13 ta’ Novembru 2018, Boehringer Ingelheim ippreżentat dikjarazzjoni ta’ rettifika tal-VAT, quddiem l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2017, skont l-Artikolu 195 tal-Liġi Nru CL tal-2017 li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali. Abbażi tal-possibbiltà ta’ rettifika tagħha u billi bbażat ruħha fuq ħlasijiet magħmula lin-NEAK skont ftehimiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà ta’ ħlas, Boehringer Ingelheim, naqqset bi 354 687 000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 1 miljun) l-ammont tal-VAT li kellu jitħallas għall-imsemmi perijodu.
23 L-awtorità fiskali Ungeriża tal-ewwel grad ċaħdet id-dikjarazzjoni ta’ rettifika ta’ Boehringer Ingelheim u għaldaqstant irrifjutat it-tnaqqis a posteriori tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT.
24 Boehringer Ingelheim ippreżentat rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni quddiem id-Direttorat tal-Appelli. Dik il-qorti kkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel grad.
25 Id-Direttorat tal-Appelli qies li l-ħlasijiet imwettqa minn Boehringer Ingelheim, favur in-NEAK, ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għat-tnaqqis tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT previsti fl-Artikolu 77(4) tal-Liġi dwar il-VAT. Fil-fatt, skont id-Direttorat tal-Appelli, minn naħa, il-ħlasijiet imwettqa minn Boehringer Ingelheim ma jistgħux jitqiesu bħala rimbors a posteriori mogħti “għal finijiet promozzjonali”, peress li l-Artikolu 17(4) tal-Gyftv jipprojbixxi l-promozzjoni kummerċjali tal-prodotti mediċinali inklużi fil-lista tal-prodotti ssussidjati mis-sigurtà soċjali. Min-naħa l-oħra, dawn il-ħlasijiet ma ngħatawx minn Boehringer Ingelheim “konformement mal-kundizzjonijiet iddettaljati fil-politika kummerċjali tagħha”, peress li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovuti skont il-ftehimiet kien stabbilit mhux mill-impriża farmaċewtika, iżda, skont digriet leġiżlattiv, minn kulleġġ ta’ professjonisti tas-saħħa.
26 Barra minn hekk, id-Direttorat tal-Appelli rrileva li l-Artikolu 77 tal-Liġi dwar il-VAT kien ikopri l-każijiet kollha ta’ tnaqqis tal-ammont taxxabbli previsti fl-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT u li ma jistax jiġi stabbilit ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali ma teħtieġx li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jirriproduċu kelma b’kelma t-termini tal-imsemmija direttiva. Id-direttiva tal-VAT tiddefinixxi biss l-għanijiet leġiżlattivi u tħalli f’idejn il-leġiżlatur nazzjonali sabiex jagħżel il-mod li bih jixtieq jilħaq dawn l-għanijiet. Id-Direttorat tal-Appelli enfasizza wkoll li s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma (C-462/16, EU:C:2017:1006), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT, ma kinitx applikabbli f’din il-kawża, peress li dik is-sentenza kienet ibbażata fuq sitwazzjoni fattwali differenti minn dik li fuqha hija bbażata din il-kawża.
27 Boehringer Ingelheim ippreżentat rikors kontenzjuż kontra d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali Ungeriża quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija essenzjalment issostni li, skont l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT, l-ammont li hija ħallset lin-NEAK, miġbur mid-dħul mill-bejgħ tagħha, iwassal għat-tnaqqis tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, b’tali mod li hija għandha dritt għar-rimbors tal-VAT.
28 Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tas-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma, (C-462/16, EU:C:2017:1006), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tnaqqis mogħti lill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard privati Ġermaniżi, minn impriża farmaċewtika, kien iwassal għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT ta’ din l-impriża, meta kunsinni ta’ prodotti farmaċewtiċi jsiru permezz ta’ grossisti lil spiżeriji li jagħmlu dawn il-kunsinni lil persuni koperti minn assigurazzjoni għall-mard privata, liema assigurazzjoni tirrimborsa lill-persuni assigurati magħha l-prezz tax-xiri tal-prodotti farmaċewtiċi.
29 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sistema ta’ sussidju Ungeriża tixbah lis-sistema ta’ sussidju tal-assigurazzjoni għall-mard privata Ġermaniża, bid-differenza li, fl-Ungerija, il-kontribuzzjonijiet jitħallsu lin-NEAK, bħala organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard, mhux fuq il-bażi ta’ regola tad-dritt ta’ natura vinkolanti, iżda fuq il-bażi ta’ ftehim irregolat mid-dritt privat li l-konklużjoni tiegħu hija fakultattiva għall-partijiet. Madankollu, meta dan il-ftehim jiġi ffirmat, huwa jipproduċi l-istess konsegwenza bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017 Boehringer Ingelheim Pharma (C-462/16, EU:C:2017:1006), jiġifieri li Boehringer Ingelheim seta’ jkollha biss somma li tikkorrispondi għall-prezz tal-bejgħ tal-prodotti tagħha lill-ispiżeriji, imnaqqas bl-imsemmi tnaqqis.
30 Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis, billi tibbaża ruħha fuq il-punti 41 sa 43 tas-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma (C-462/16, EU:C:2017:1006) li, f’din il-kawża, in-NEAK għandu jitqies li huwa l-konsumatur finali ta’ kunsinna mwettqa minn Boehringer Ingelheim, b’tali mod li l-ammont miġbur mill-awtorità tat-taxxa ma jistax ikun ogħla minn dak imħallas mill-konsumatur finali. Għaldaqstant, peress li parti mill-prezz tal-prodotti ma nġabritx mill-persuna taxxabbli, jiġifieri Boehringer Ingelheim, minħabba l-kontribuzzjoni mħallsa minn din tal-aħħar lin-NEAK, il-prezz ta’ dawn il-prodotti tnaqqas wara l-mument li fih seħħet it-tranżazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Boehringer Ingelheim ma setgħetx tiddisponi liberament mit-totalità tal-prezz irċevut waqt il-bejgħ tal-prodotti tagħha lill-ispiżeriji jew lill-grossisti.
31 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha, madankollu, ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis tal-ammont taxxabbli jistax isir ukoll fil-każ fejn l-għoti tat-tnaqqis ma huwiex obbligatorju, skont regola tad-dritt nazzjonali, iżda jseħħ, bħal fil-kuntest tal-kawża prinċipali, b’mod volontarju.
32 Barra minn hekk, din il-qorti tenfasizza li l-leġiżlazzjoni Ungeriża għandha l-konsegwenza li ċċaħħad lill-impriżi farmaċewtiċi kollha li jkunu kkonkludew ftehimiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà ta’ ħlas, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-possibbiltà li jnaqqsu l-ammont taxxabbli tagħhom għall-finijiet tal-VAT a posteriori, għal dak li jirrigwarda l-ammont imħallas lin-NEAK. Mill-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta li l-ammont taxxabbli għandu debitament jitnaqqas skont il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-Istati Membri. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppreċiżatx il-limitu li ma għandux jinqabeż sabiex dawn il-kundizzjonijiet ma jikkostitwixxux restrizzjoni sproporzjonata għall-għan tal-leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
33 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tissuġġetta t-tnaqqis a posteriori tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT għall-produzzjoni ta’ kopja tal-fattura, f’isem il-persuna li jkollha dritt għar-rimbors, li tistabbilixxi li t-tranżazzjoni li tagħti dritt għal rimbors twettqet u li tipprova b’mod ċar li t-tranżazzjoni inkwistjoni hija tranżazzjoni taxxabbli mwettqa fit-territorju nazzjonali, u ta’ dokument ġustifikattiv relatat mat-trasferiment bankarju jew mal-ħlas fi flus kontanti.
34 Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’din il-kawża, in-NEAK ma ħareġ ebda fattura fir-rigward ta’ Boehringer Ingelheim, li għandha biss it-talba għall-ħlas li n-NEAK bagħtilha u dokument bankarju li jiċċertifika t-trasferiment tas-somma korrispondenti. Madankollu, hija tirrileva li n-NEAK jikkalkola l-ammont tal-kontribuzzjoni, li jinsab fit-talba għal ħlas, skont il-metodu ddefinit fil-ftehimiet, abbażi tan-numru ta’ prodotti mediċinali mibjugħa matul il-perijodu meqjus. Għaldaqstant, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe fattura, jeżistu dokumenti li juru b’mod xieraq it-tranżazzjoni, peress li d-data tal-ftehimiet u d-dħul mill-bejgħ tal-prodotti mediċinali huma pubblikament aċċessibbli u li l-kontabbiltà tas-sussidji hija bbażata fuq reġistri pubbliċi u uffiċjali. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li n-NEAK huwa organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard u li, konsegwentement, jista’jiġi preżunt li d-data li huwa jikkomunika fit-talba tiegħu għal ħlas hija konformi mar-realtà.
35 Il-qorti tar-rinviju tqis li, għalkemm l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu obbligi oħra sabiex jiżguraw il-ġbir korrett tal-VAT u sabiex tiġi evitata l-frodi, tali obbligi għandhom ikunu proporzjonati mal-għan imfittex. Issa, fil-kawża prinċipali, ir-riskju ta’ frodi ma kienx inkwistjoni, peress li barra minn hekk l-awtorità fiskali Ungeriża ma invokatux, u l-ġbir korrett tal-VAT seta’ jiġi ggarantit, anki mingħajr fattura, permezz tal-eżistenza ta’ dokumenti oħra li jippermettu li tiġi vverifikata a posteriori r-realtà tal-ftehimiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà ta’ ħlas u tal-ħlasijiet imwettqa.
36 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kundizzjonijiet formali meħtieġa sabiex ikun jista’ jinkiseb tnaqqis a posteriori tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT u d-dokumenti li għandhom jiġu prodotti għal dan il-għan.
37 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Törvényszék (preċedentement il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság) (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, preċedentement il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 90(1) tad-Direttiva [tal-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha impriża farmaċewtika li, abbażi ta’ ftehim li l-konklużjoni tiegħu hija fakultattiva, tħallas lill-assigurazzjoni għall-mard tal-Istat parti mid-dħul mill-bejgħ li hija tiġġenera mill-bejgħ tagħha ta’ prodotti farmaċewtiċi u, għaldaqstant, ma tirċevix il-korrispettiv sħiħ għal dawn il-prodotti, ma għandhiex dritt għal tnaqqis a posteriori tal-valur taxxabbli biss għar-raġuni li dawn il-ħlasijiet ma jitwettqux skont modalitajiet stabbiliti minn qabel minn din l-impriża fil-kuntest tal-politika kummerċjali tagħha u ma għandhomx l-għan prinċipali li jippromwovu l-bejgħ?
2) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fil-pożittiv, l-Artikolu 273 tad-Direttiva [tal-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta t-tnaqqis a posteriori tal-valur taxxabbli għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli li għandha dritt għar-rimbors ikollha fattura maħruġa f’isimha li tistabbilixxi t-twettiq tat-tranżazzjoni li tagħti d-dritt għar-rimbors, minkejja li jeżistu dokumenti oħra li jikkonfermaw b’mod xieraq it-twettiq tat-tranżazzjoni li tippermetti tnaqqis a posteriori tal-valur taxxabbli u din tkun verifikabbli a posteriori, tkun parzjalment ibbażata fuq data pubblika u uffiċjali, u tkun tippermetti li jiġi żgurat il-ġbir eżatt tat-taxxa?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
38 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li impriża farmaċewtika ma tistax tnaqqas mill-ammont taxxabbli tagħha għall-finijiet tal-VAT il-parti mid-dħul mill-bejgħ tagħha li jkun ġej mill-bejgħ ta’ prodotti mediċinali ssussidjati mill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard li hija tħallas lil dan l-organu, skont kuntratt konkluż bejn dan tal-aħħar u din l-impriża, minħabba li l-ammonti mħallsa abbażi ta’ dan ma jkunux ġew iddeterminati fuq il-bażi ta’ modalitajiet stabbiliti minn qabel mill-imsemmija impriża fil-kuntest tal-politika kummerċjali tagħha u li dawn il-ħlasijiet ma jkunux saru għal finijiet promozzjonali.
39 Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju bażiku tas-sistema tal-VAT huwa bbażat fuq il-fatt li l-VAT hija intiża li tolqot biss lill-konsumatur finali u li tkun perfettament newtrali fir-rigward tal-persuni taxxabbli li jintervjenu fil-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ qabel l-istadju tal-ħlas finali tat-taxxa, irrispettivament min-numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu saru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Lebara, C-520/10, EU:C:2012:264, punt 25).
40 Skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT, l-ammont taxxabbli jinkludi, għall-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi, dak kollu li jikkostitwixxi l-korrispettiv miksub jew li jkun irid jinkiseb mill-fornitur għal dawn it-tranżazzjonijiet mingħand ix-xerrej, il-konsumatur jew terz, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.
41 Mill-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT, li jirrigwarda l-każijiet ta’ kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali jew ta’ tnaqqis tal-prezz wara l-mument li sseħħ it-tranżazzjoni, jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jnaqqsu l-ammont taxxabbli u, għaldaqstant, l-ammont tal-VAT dovut mill-persuna taxxabbli kull darba li, wara l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni, parti mill-korrispettiv jew il-korrispettiv kollu ma jinġabarx mill-persuna taxxabbli. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-Direttiva tal-VAT, li l-ammont taxxabbli huwa kkostitwit mill-korrispettiv rċevut realment u li l-korollarju tiegħu huwa li l-amministrazzjoni fiskali ma tistax tiġbor, bħala VAT, ammont ikbar minn dak miġbur mill-persuna taxxabbli (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2020, E. (VAT – Tnaqqis tal-ammont taxxabbli), C-335/19, EU:C:2020:829, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Fil-punt 46 tas-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma (C-462/16, EU:C:2017:1006), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tnaqqis mogħti, skont liġi nazzjonali, minn impriża faramċewtika lil impriża ta’ assigurazzjoni għall-mard privata jwassal, fis-sens tal-imsemmi artikolu, għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli favur din l-impriża farmaċewtika, meta kunsinni tal-prodotti farmaċewtiċi jsiru permezz ta’ grossisti lil spiżeriji li jagħmlu dawn il-kunsinni lil persuni koperti minn assigurazzjoni għall-mard privata, liema assigurazzjoni tirrimborsa lill-persuni assigurati magħha l-prezz tax-xiri tal-prodotti farmaċewtiċi.
43 Fil-każ ineżami, Boehringer Ingelheim tbigħ, fis-suq Ungeriż, prodotti mediċinali ssussidjati mill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard, permezz ta’ grossisti, lill-ispiżeriji li jbigħuhom mill-ġdid lil persuni koperti minn din l-assigurazzjoni permezz tal-ħlas min-naħa tagħhom tad-differenza bejn il-prezz tal-prodott mediċinali u l-ammont tas-sussidju mħallas direttament mill-organu nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard lill-ispiżeriji. Skont ftehimiet irregolati mid-dritt privat, konklużi mal-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard, Boehringer Ingelheim tħallas lil dan l-organu, għall-prodotti mediċinali ssussidjati li hija tikkummerċjalizza, kontribuzzjonijiet ta’ ammont iddefinit f’dawn il-ftehimiet, miġbura mid-dħul mill-bejgħ ta’ dawn il-prodotti mediċinali.
44 Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, billi kkonkludiet dawn il-ftehimiet, Boehringer Ingelheim tirrinunzja għal parti mill-korrispettiv imħallas mill-grossisti. Għaldaqstant, il-fatt li l-bażi li fuqha tiġi kkalkolata l-VAT dovuta mill-impriża farmaċewtika, bħala persuna taxxabbli, tkun ikbar mis-somma li hija finalment irċeviet, ma huwiex konformi mad-Direttiva tal-VAT. Kieku dan kien il-każ, il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT fir-rigward tal-persuni taxxabbli, fosthom l-impriża farmaċewtika, ma jkunx osservat (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma, C-462/16, EU:C:2017:1006, punt 35).
45 Għandu jingħad ukoll li l-fatt li, fil-kawża prinċipali, il-benefiċjarju dirett tal-kunsinni tal-prodotti mediċinali inkwistjoni ma huwiex l-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard li jirrimborsa a posteriori l-ammont tas-sussidju lill-ispiżerija, iżda l-persuni assigurati nnifishom, ma huwiex ta’ natura li jikser ir-rabta diretta li teżisti bejn il-kunsinna ta’ oġġetti li saret u l-korrispettiv irċevut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma, C-462/16, EU:C:2017:1006, punt 40).
46 Fil-fatt, peress li l-ispiżerija għandha tħallas il-VAT fuq l-ammont imħallas mill-pazjent iżda wkoll fuq l-ammont imħallas lilha mill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard għall-prodotti mediċinali ssussidjati, din tal-aħħar għandha titqies li tintervjeni bħala konsumatur finali ta’ kunsinna mwettqa minn impriża farmaċewtika suġġetta għall-VAT, b’tali mod li l-ammont irċevut mill-amministrazzjoni fiskali ma jistax ikun ogħla minn dak imħallas mill-konsumatur finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma, C-462/16, EU:C:2017:1006, punt 41).
47 Peress li parti mill-korrispettiv miksub wara l-bejgħ tal-prodotti mediċinali mill-impriża farmaċewtika ma kinitx inġabret minnha minħabba l-kontribuzzjoni li hija tħallas lill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard, liema organu jħallas lill-ispiżeriji parti mill-prezz ta’ dawn il-prodotti mediċinali, hemm lok li jitqies li l-prezz ta’ dawn tal-aħħar tnaqqas wara l-mument li fih seħħet it-tranżazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT.
48 Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li, bil-kontra għall-fatti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma, (C-462/16, EU:C:2017:1006), il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn Boehringer Ingelheim lill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard ma humiex dovuti abbażi ta’ obbligu legali, iżda bis-saħħa ta’ ftehimiet konklużi bejnha u dan l-organu.
49 Fil-fatt, la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT u lanqas mis-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma (C-462/16, EU:C:2017:1006), ma jirriżulta li l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għat-tnaqqis fil-prezz li jirriżulta minn obbligi legali.
50 L-imsemmija interpretazzjoni lanqas ma hija invalidata mill-argument tal-Gvern Ungeriż li essenzjalment jipprovdi li ma jistax ikun hemm “tnaqqis tal-prezz”, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT, peress li ma teżistix rabta diretta bejn il-korrispettiv irċevut minn Boehringer Ingelheim u l-kontribuzzjonijiet imħallsa minnha lill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard. Il-Gvern Ungeriż iqis f’dan ir-rigward li l-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq limitu massimu ma jistgħux jitqiesu bħala “tnaqqis tal-prezz”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li huma adattati mhux għall-korrispettiv tal-prodotti mediċinali kkunsinnati fil-katina ta’ tranżazzjonijiet, iżda, għal perijodu determinat, għal-limitu tal-ammont tas-sussidju mogħti mill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard u li huma ta’ natura pubblika.
51 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, huwa importanti biss li l-persuna taxxabbli ma tkunx irċeviet il-korrispettiv kollu jew parti minnu tal-prodotti tagħha. Issa, fil-każ ineżami, Boehringer Ingelheim ma kellhiex il-korrispettiv kollu tal-prodotti mediċinali mibjugħa, iżda sempliċement parti mill-ammont finali mħallas mill-grossisti li lilhom biegħet il-prodotti mediċinali tagħha, wara li tnaqqsu l-ammonti mħallsa lill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard.
52 Barra minn hekk, fil-każ ta’ tnaqqis tal-prezz wara l-mument li fih isseħħ it-tranżazzjoni, l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li l-ammont taxxabbli għandu debitament jitnaqqas skont il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-Istati Membri.
53 Għalkemm din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jistabbilixxu l-miżuri li jippermettu li jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis, dawn tal-aħħar għandhom madankollu l-obbligu li jilqgħu t-tnaqqis tal-ammont taxxabbli fil-każijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, SCT, C-146/19, EU:C:2020:464, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kundizzjonijiet tat-tnaqqis a posteriori tal-ammont taxxabbli previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li skonthom il-ħlasijiet, li jagħtu dritt għal tali tnaqqis, għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-modalitajiet stabbiliti minn qabel minn din l-impriża fil-kuntest tal-politika kummerċjali tagħha u mwettqa għal finijiet promozzjonali, ikollhom bħala konsegwenza li jċaħħdu lill-impriżi farmaċewtiċi kollha, li kkonkludew ftehimiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà ta’ ħlas mal-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard, mill-possibbiltà li jnaqqsu l-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT tagħhom a posteriori , abbażi ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa lil dan l-organu, filwaqt li kien hemm effettivament tnaqqis tal-prezz wara l-mument li fih twettqet it-tranżazzjoni fis-sens tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT. L-imsemmija kundizzjonijiet ma jistgħux għalhekk jitqiesu li jaqgħu taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni.
55 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li impriża farmaċewtika ma tistax tnaqqas mill-ammont taxxabbli tagħha għall-finijiet tal-VAT il-parti tad-dħul mill-bejgħ tagħha li jkun ġej mill-bejgħ ta’ prodotti mediċinali ssussidjati mill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard li hija tħallas lil dan l-organu, skont kuntratt konkluż bejn dan tal-aħħar u din l-impriża, għar-raġuni li l-ammonti mħallsa għal dan il-għan ma kinux ġew iddeterminati abbażi tal-modalitajiet stabbiliti minn qabel mill-imsemmija impriża fil-kuntest tal-politika kummerċjali tagħha u li dawn il-ħlasijiet ma sarux għal finijiet promozzjonali.
Fuq it-tieni domanda
56 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tnaqqis a posteriori tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli li jkollha dritt għar-rimbors ikollha fattura f’isimha li tistabbilixxi l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni li tagħti lok għall-imsemmi rimbors, anki meta tali fattura ma tkunx inħarġet u l-eżekuzzjoni ta’ din it-tranżazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ mezzi oħra.
57 Hekk kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz wara l-mument li fih isseħħ it-tranżazzjoni, l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li l-ammont taxxabbli għandu debitament jitnaqqas skont il-kundizzjonijet iddeterminati mill-Istati Membri.
58 Bis-saħħa tal-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-obbligu li jqisu li huma neċessarji sabiex jiżguraw il-ġbir korrett tal-VAT u sabiex jevitaw il-frodi, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li din il-possibbiltà ma tintużax sabiex jiġu imposti obbligi ta’ fatturazzjoni addizzjonali għal dawk iffissati fil-Kapitolu 3 tal-imsemmija direttiva.
59 Peress li, barra mil-limiti li jiffissaw, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(1) u tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT la jispeċifikaw il-kundizzjonijiet u lanqas l-obbligi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lil dawn tal-aħħar marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tal-formalitajiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-persuni taxxabbli quddiem l-awtoritajiet fiskali sabiex jipproċedu għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, SCT, C-146/19, EU:C:2020:464, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60 Madankollu, il-miżuri li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jadottaw bis-saħħa tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT ma jistgħux, bħala prinċipju, jidderogaw mill-osservanza tar-regoli relatati mal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT ħlief fil-limitu ta’ dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan speċifiku. Fil-fatt, huma għandhom jolqtu bl-inqas mod possibbli l-għanijiet u l-prinċipji tad-Direttiva tal-VAT u għalhekk ma jistgħux jintużaw b’mod li jaffettwaw in-newtralità tal-VAT, li tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT implimentata mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Kraft Foods Polska, C-588/10, EU:C:2012:40, punt 28).
61 Konsegwentement, huwa importanti li l-formalitajiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-persuni taxxabbli sabiex jeżerċitaw, quddiem l-awtoritajiet fiskali, id-dritt li jsir tnaqqis tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT għandhom ikunu limitati għal dawk li jippermettu li jiġġustifikaw li, sussegwentement għall-konklużjoni tat-tranżazzjoni, parti mill-korrispettiv jew il-korrispettiv kollu ma jiġix definittivament miġbur. F’dan ir-rigward huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw li dan huwa l-każ tal-formalitajiet mitluba mill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, SCT, C-146/19, EU:C:2020:464, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 Fil-każ ineżami, rekwiżit bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jissuġġetta t-tnaqqis korrispondenti tal-ammont taxxabbli, fil-każ ta’ tnaqqis tal-prezz wara l-mument li fih isseħħ it-tranżazzjoni, għal li l-persuna taxxabbli tkun fil-pussess ta’ kopja tal-fattura f’isimha li tistabbilixxi t-twettiq tat-tranżazzjoni li tagħti dritt għal rimbors, jista’, bħala prinċipju, jikkontribwixxi kemm sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u sabiex tiġi evitata l-frodi kif ukoll sabiex jiġi eliminat ir-riskju li jintilef id-dħul fiskali, u għaldaqstant ifittex li jilħaq l-għanijiet leġittimi ddikjarati fl-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Kraft Foods Polska, C-588/10, EU:C:2012:40, punti 32 u 33).
63 Madankollu, peress li l-pussess ta’ fattura huwa, fid-dritt nazzjonali, kundizzjoni sine qua non sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont taxxabbli, in-newtralità tal-VAT tiġi affettwata meta jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-persuna taxxabbli li tikseb tali fattura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Kraft Foods Polska, C-588/10, EU:C:2012:40, punt 38).
64 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Boehringer Ingelheim ma għandhiex fatturi li jirrigwardaw il-ħlasijiet li hija għamlet lill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard, peress li dan tal-aħħar kien ħareġ biss talbiet għal ħlas.
65 F’tali ipoteżi, il-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ proporzjonalità jeżiġu li l-Istat Membru kkonċernat jippermetti lill-persuna taxxabbli tistabbilixxi, permezz ta’ mezzi oħra, quddiem l-awtoritajiet fiskali nazzjonali, li t-tranżazzjoni li tagħti dritt għat-tnaqqis tal-ammont taxxabbli effettivament twettqet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Kraft Foods Polska, C-588/10, EU:C:2012:40, punt 40). Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal fil-każ ineżami, it-tranżazzjoni inkwistjoni tkun seħħet fir-rigward ta’ entità statali.
66 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tnaqqis a posteriori tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli li jkollha dritt għar-rimbors ikollha fattura f’isimha li tistabbilixxi l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni li tagħti lok għall-imsemmi rimbors, anki meta tali fattura ma tkunx inħarġet u meta l-eżekuzzjoni ta’ din it-tranżazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ mezzi oħra.
Fuq l-ispejjeż
67 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li impriża farmaċewtika ma tistax tnaqqas mill-ammont taxxabbli tagħha għall-finijiet tal-VAT il-parti tad-dħul mill-bejgħ tagħha li jkun ġej mill-bejgħ ta’ prodotti mediċinali ssussidjati mill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard li hija tħallas lil dan l-organu, skont kuntratt konkluż bejn dan tal-aħħar u din l-impriża, għar-raġuni li l-ammonti mħallsa għal dan il-għan ma kinux ġew iddeterminati abbażi tal-modalitajiet stabbiliti minn qabel mill-imsemmija impriża fil-kuntest tal-politika kummerċjali tagħha u li dawn il-ħlasijiet ma sarux għal finijiet promozzjonali.
2) L-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tnaqqis a posteriori tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli li jkollha dritt għar-rimbors ikollha fattura f’isimha li tistabbilixxi l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni li tagħti lok għall-imsemmi rimbors, anki meta tali fattura ma tkunx inħarġet u meta l-eżekuzzjoni ta’ din it-tranżazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ mezzi oħra.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.