Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
15 ta’ April 2021 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Attività ekonomika – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Artikolu 2(1)(ċ) u Artikolu 9(1) – Eżenzjonijiet – Artikolu 132(1)(g) – Provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-għajnuna u mas-sigurtà soċjali – Servizzi mwettqa minn avukat fil-kuntest ta’ mandati ta’ protezzjoni ta’ persuni maġġorenni legalment mhux kapaċi – Organizzazzjoni rrikonoxxuta bħala li għandha natura soċjali”
Fil-Kawża C-846/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal d’arrondissement (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura
EQ
vs
Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, N. Wahl, F. Biltgen, L. S. Rossi u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz u T. Uri, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn R. Lyal u N. Gossement, sussegwentement minn R. Lyal, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn EQ u l-administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA (il-Lussemburgu) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża”) dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-provvista ta’ servizzi mwettqa minn avukat fil-kuntest ta’ mandati ta’ protezzjoni ta’ persuni maġġorenni legalment mhux kapaċi li ngħatawlu skont il-liġi mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
[...]
(ċ) il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;”.
4 L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”
5 Skont l-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva:
“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”
6 L-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:
“Provvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti, inter alia, f’waħda mit-Transazzjonijiet li ġejjin:
(a) l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli kemm jekk hija u kemm jekk mhix soġġetta għal att li jistabbilixxi titolu;
(b) l-obbligazzjoni biex ma jsirx att, jew biex ikun tollerat att jew sitwazzjoni;
(ċ) it-twettiq ta’ servizzi skond ordni magħmula minn jew f’isem awtorità pubblika jew skond il-liġi.”
7 Skont l-Artikolu 73 tal-imsemmija direttiva:
“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”
8 L-Artikolu 131 tal-imsemmija direttiva, li jikkostitwixxi l-uniku artikolu tal-Kapitolu 1, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, tat-Titolu IX, huwa stess intitolat “Eżenzjonijiet”, jipprovdi:
“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.”
9 Il-Kapitolu 2 tat-Titolu IX tad-Direttiva dwar il-VAT, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, jinkludi l-Artikoli 132 sa 134 tagħha.
10 Skont l-Artikolu 132(1)(g) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw it-tranżazzjonijiet li ġejjin:
“il-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk provduti mid-djar ta’ l-anzjani, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali”.
11 Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-direttiva msemmija jipprovdi:
“L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l-għoti lil korpi għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1) soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:
(a) il-korpi in kwistjoni m’għandhomx jimmiraw sistemikament biex jagħmlu profitt, u kwalunkwe ammonti żejda li mandanakollu jirriżultaw m’għandhomx jiġu mqassma, imma għandhom ikunu assenjati għall-kontinwament u għat-titjib tas-servizzi”.
12 L-Artikolu 134 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“Il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi m’għandhiex tingħata eżenzjoni, kif previst fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1), fil-każijiet li ġejjin:
(a) fejn il-provvista m’hijiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti;
(b) fejn l-iskop bażiku tal-provvista hu li tikseb dħul addizzjonali għall-korp in kwistjoni permezz ta’ transazzjonijet li huma f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk ta’ impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.”
Id-dritt Lussemburgiż
13 L-Artikolu 4(1) tal-Liġi tat-12 ta’ Frar 1979 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprovdi:
“Huwa persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 2 kull min, b’mod indipendenti u regolari, jipprovdi servizzi li jirrigwardaw kwalunkwe attività ekonomika, ikun xi jkun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività u jkun xi jkun il-post. [...]”
14 L-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi:
“Għandha titqies bħala attività ekonomika kwalunkwe attività li hija intiża li tiġġenera dħul, u b’mod partikolari l-attivitajiet ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jipprovdu servizzi, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri, l-attivitajiet fl-agrikoltura, l-attivitajiet fil-professjonijiet liberi u l-attivitajiet li jinvolvu l-użu ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul permanenti minnha.”
15 L-Artikolu 15(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:
“1. ‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwixxi la provvista u lanqas akkwist intrakomunitarju u lanqas importazzjoni ta’ oġġett.
Din it-tranżazzjoni tista’ tikkonsisti fit-trasferiment ta’ proprjetà intanġibbli, fl-obbligu li ma jsirx jew li jiġi ttollerat att jew sitwazzjoni u fl-eżekuzzjoni ta’ servizz skont il-liġi jew skont ordni magħmula mill-awtorità pubblika jew f’isimha.
[...]”
16 Skont l-Artikolu 44(1)(o) tal-Liġi dwar il-VAT:
“Għandhom ikunu eżentati mi[ll-VAT], sal-punt u taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti b’regolament tal-Gran Dukat:
[...]
o) is-servizzi u provvisti ta’ oġġetti marbutin mill-qrib mas-sigurtà soċjali, mal-assistenza soċjali jew mas-saħħa pubblika, ipprovduti minn organi rregolati mid-dritt pubbliku, minn fondi ta’ investiment komuni, organi pubbliċi jew ta’ utilità pubblika, djar tal-kura, djar tal-anzjani, ġerontoloġija jew ġerjatrija, sptarijiet jew organizzazzjonijiet tal-karità u istituzzjonijiet oħra simili fis-settur privat, li n-natura soċjali tagħhom hija rrikonoxxuta mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti;
[...]”
17 L-Artikolu 3 tar-Regolament Gran Dukali tat-23 ta’ Diċembru 1982, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ħatra ta’ amministratur tat-tutela, jipprovdi:
“Il-qorti tutelari tista’ tagħti lill-amministratur tutelari ħlas li hija tiffissa, b’deċiżjoni motivata, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna inkapaċi, l-ammont jew il-modalità tal-kalkolu.
Tali ħlas jista’ jikkonsisti f’ammont fiss jew f’perċentwali mid-dħul tal-persuna inkapaċi, inkella miżata stabbilita skont ix-xogħol imwettaq.
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 EQ huwa avukat membru tal-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu) mill-1994. Mill-2004, huwa jwettaq attivitajiet ta’ rappreżentanza ta’ maġġorenni fil-kwalità tiegħu ta’ mandatarju, ta’ kuratur u ta’ amministratur ta’ tutela.
19 Permezz ta’ avviżi ta’ aġġustament tal-VAT tad-19 ta’ Jannar 2018, li jirrigwardaw is-snin 2014 u 2015, ikkonfermati permezz ta’ deċiżjoni dwar ilment tal-4 ta’ Ġunju 2018, l-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża ffissat ex officio l-ammonti tal-VAT dovuti minn EQ għal dawn is-snin, billi telqet mill-premessa li l-imsemmija attivitajiet ta’ rappreżentanza kienu jikkostitwixxu provvisti ta’ servizzi taxxabbli għall-VAT.
20 EQ adixxa lill-qorti tar-rinviju b’talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2018, billi sostna, b’mod partikolari, li l-attivitajiet li huwa kien wettaq, matul il-perijodu kontenzjuż, fil-qasam tal-protezzjoni tal-maġġorenni ma kinux jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi, li dawn l-attivitajiet kienu fi kwalunkwe każ eżentati mill-VAT skont id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-VAT u li l-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża kienet ippermettiet, mill-2004 sal-2013, li l-imsemmija attivitajiet ma jkunux suġġetti għall-VAT, b’mod li l-fatt li issa jiġu ssuġġettati għall-VAT fir-rigward tal-2014 u tal-2015 jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
21 Barra minn hekk, EQ jsostni li l-pożizzjoni tal-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża hija kuntrarja għal dik tal-Ministeru tal-Ġustizzja (il-Lussemburgu), li jassumi r-responsabbiltà għall-ħlas tal-onorarji tar-rappreżentanti inkarigati mill-missjonijiet ta’ protezzjoni tal-maġġorenni meta dawn ikunu inkapaċi, u li jippermetti li l-ħlasijiet irċevuti f’dan ir-rigward ma jkunux suġġetti għall-VAT.
22 L-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża tikkontesta dawn l-argumenti. F’dan ir-rigward, hija ssostni, minn naħa, li l-provvisti ta’ servizzi pprovduti minn EQ fil-qasam tal-protezzjoni tal-maġġorenni jikkostitwixxu fil-fatt attività ekonomika, peress li EQ iwettaq dawn is-servizzi fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu bħala avukat u jikseb dħul kunsiderevoli minnhom. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija servizzi ma jistgħux, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jiġu eżentati skont id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-VAT, sa fejn l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata minn persuna li teżerċita x-xogħol ta’ avukat u ma tissodisfax il-kundizzjoni li l-fornitur ikun organizzazzjoni ta’ natura soċjali.
23 Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-bżonnijiet tal-maġġorenni legalment inkapaċi, jiġifieri dawk affettwati minn bidla fil-kapaċitajiet mentali tagħhom minħabba mard, diżabbiltà jew defiċjenza minħabba l-età, jinqdew permezz ta’ diversi sistemi ta’ protezzjoni, fosthom il-kura u t-tutela, li jippermettu l-konsulenza, il-kontroll, u saħansitra r-rappreżentanza, lil dawn il-persuni fl-atti tal-ħajja ċivili u li jagħtu setgħat ta’ ġestjoni u ta’ rappreżentanza lil terzi. L-istabbiliment ta’ dawn l-iskemi ta’ protezzjoni jista’ jwassal għall-ħatra ta’ rappreżentant speċjali min-naħa tal-imħallef tuteli, sakemm ikun hemm deċiżjoni dwar l-iskema ta’ protezzjoni li jkollha tiġi stabbilita, kif ukoll ta’ rappreżentant ad hoc f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess. Fil-prattika, il-kuraturi, l-amministraturi tat-tutela, ir-rappreżentanti speċjali u r-rappreżentanti ad hoc jintgħażlu, b’mod partikolari, minn fost il-membri tal-familja, iżda wkoll minn fost persuni oħra, bħall-avukati.
24 L-imsemmija qorti tesponi, qabel kollox, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet inkwistjoni jikkostitwixxux attivitajiet ekonomiċi, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, imwettqa bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tagħha, li r-remunerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Gran Dukali tat-23 ta’ Diċembru 1982 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ħatra ta’ amministratur tat-tutela effettivament jimplikaw korrispettiv finanzjarju relatat ma’ dawn l-attivitajiet.
25 Madankollu, għalkemm is-servizzi pprovduti f’dan il-każ huma kollha simili għal attività ekonomika, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-portata tal-evalwazzjoni, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Nagyszénás Településszolgáltatási Nonprofit Kft., C-182/17, EU:C:2018:91, punt 32), li tipprovdi li provvista ta’ servizzi hija taxxabbli biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju tkun teżisti relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi. Fil-fatt, fil-qasam tal-protezzjoni tal-maġġorenni, teżisti relazzjoni triangolari bejn il-fornitur ta’ servizzi, il-benefiċjarju, jiġifieri l-maġġorenni protett, u l-awtorità ġudizzjarja li inkarigat lil dan il-fornitur b’missjoni ta’ ġestjoni. Jista’ wkoll ikollu effett f’dan ir-rigward il-fatt li, fil-każ ta’ inkapaċità tal-maġġorenni protett inkwistjoni, ir-remunerazzjoni tal-fornitur tas-servizzi tkun akkarigu tal-Istat.
26 Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-quantum tar-remunerazzjoni, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa irrilevanti li tranżazzjoni ekonomika ssir bi prezz iktar baxx mill-prezz ta’ kemm tiswa, madankollu minn din il-ġurisprudenza jidher li jirriżulta li r-remunerazzjoni għandha madankollu tiġi ddeterminata minn qabel u għandha tkopri l-ispejjeż operattivi tal-fornitur tas-servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Nagyszénás Településszolgáltatási Nonprofit Kft., C-182/17, EU:C:2018:91, punt 38). F’dan il-każ, ir-remunerazzjoni tal-fornitur tas-servizzi tkun iffissata każ b’każ mill-qorti kompetenti, skont is-sitwazzjoni tal-ġid tal-benefiċjarju, b’mod li din ir-remunerazzjoni ma hijiex stabbilita minn qabel u ma tiżgurax neċessarjament fiċ-ċirkustanzi kollha l-kopertura tal-ispejjeż tal-funzjonament sostnuti minn dan il-fornitur.
27 Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet inkwistjoni humiex eżentati mill-VAT, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina, minn naħa, jekk dawn l-attivitajiet jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, u, min-naħa l-oħra, jekk EQ jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “korpi [...] rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u skont liema proċedura u minn liema awtorità għandu jiġi implimentat dan ir-rikonoxximent.
28 Finalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għall-każ ineżami. F’dan il-kuntest, hija tirrileva b’mod partikolari li, meta l-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża tindika lill-persuna taxxabbli, wara t-twettiq tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, li hija għandha l-intenzjoni li titbiegħed mill-pożizzjoni preċedenti tagħha li kienet tikkonsisti f’li ma tissuġġettax dawn it-tranżazzjonijiet għall-VAT, il-persuna taxxabbli tinsab fis-sitwazzjoni fejn hija ma setgħetx timputa l-VAT lill-benefiċjarji tas-servizzi tagħha. Il-persuna taxxabbli hija għalhekk obbligata tiġbor l-ammonti mitluba mill-Istat bħala VAT mill-fondi proprji tagħha.
29 Huwa f’dan il-kuntest li t-tribunal d’arrondissement (il-Qorti Distrettwali (il-Lussemburgu)), issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-kunċett ta’ attività ekonomika fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandu jiġi interpretat bħala li jinkorpora jew jeskludi l-provvisti ta’ servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ relazzjoni trijangolari fejn il-fornitur tas-servizzi jkun inkarigat sabiex jipprovdihom minn entità li ma tkunx l-istess persuna bħall-benefiċjarju tal-provvisti tas-servizzi?
2) Ir-risposta għall-ewwel domanda tinbidel skont jekk il-provvisti tas-servizzi jkunux ipprovduti fil-kuntest ta’ missjoni fdata minn awtorità ġudizzjarja indipendenti?
3) Ir-risposta għall-ewwel domanda tinbidel skont jekk ir-remunerazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi tkunx imġarrba mill-benefiċjarju tal-provvisti jew imġarrba mill-Istat li entità minn tiegħu tkun inkarigat lill-fornitur tas-servizzi sabiex jipprovdihom?
4) Il-kunċett ta’ attività ekonomika fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandu jiġi interpretat bħala li jinkorpora jew jeskludi l-provvisti ta’ servizzi meta r-remunerazzjoni tal-fornitur tas-servizzi ma tkunx legalment obbligatorja u li l-ammont tagħha, meta tingħata, [...] jkun evalwat każ b’każ, [...] ikun dipendenti dejjem fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju tal-provvisti u [...] jkun ikkalkolat b’riferiment għal somma f’daqqa, perċentwali tad-dħul tal-benefiċjarju tal-provvisti, jew għall-provvisti pprovduti?
5) Il-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi u [ta’] merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” imsemmi fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandu jiġi interpretat bħala li jinkorpora jew jeskludi l-provvisti mwettqa fil-kuntest ta’ skema ta’ protezzjoni tal-adulti stabbilita bil-liġi u suġġetta għall-istħarriġ ta’ awtorità ġudizzjarja indipendenti?
6) Il-kunċett ta’ “korpi [...] rikonoxxuti [...] bħala ddedikati għall-benessere soċjali”, imsemmi fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva [dwar il-VAT], għandu jiġi interpretat, bl-għan tar-rikonoxximent tan-natura soċjali tal-korp, bħala li jimponi ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-forma tal-operat tal-fornitur tas-servizzi, jew fir-rigward tal-għan altruist jew ta’ lukru tal-attivitajiet tal-fornitur tas-servizzi, jew b’mod iktar ġenerali bħala li jirrestrinġi permezz ta’ kriterji u/jew kundizzjonijiet [oħra l-]kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) jew is-sempliċi eżekuzzjoni tal-provvisti “marbuta [...] ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” hija suffiċjenti sabiex il-korp inkwistjoni jingħata natura soċjali?
7) Il-kunċett ta’ “korpi [...] rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali” msemmi fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva [dwar il-VAT], għandu jiġi interpretat bħala li jeżiġi proċess ta’ rikonoxximent li huwa appoġġjat minn proċedura u kriterji ddeterminati minn qabel, jew ir-rikonoxximent ad hoc jista’ jsir każ b’każ, meta jkun xieraq, minn awtorità ġudizzjarja?
8) Il-prinċipju ta’ [protezzjoni tal-]aspettattivi leġittimi kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [...] jippermetti lill-awtorità inkarigata mill-irkupru tal-VAT li teżiġi mingħand il-persuna responsabbli mill-VAT, il-ħlas tal-VAT fuq tranżazzjonijiet ekonomiċi relatati ma’ perijodu mitmum mad-deċiżjoni ta’ tassazzjoni tal-awtorità wara li din l-awtorità tkun aċċettat matul perijodu estiż qabel dan il-perijodu d-dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-imsemmija persuna taxxabbli li ma jkunux jinkludu t-tranżazzjonijiet ekonomiċi tal-istess natura fit-tranżazzjonijiet taxxabbli? Din il-possibbiltà tal-awtorità inkarigata mill-irkupru tal-VAT hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel sar-raba’ domanda
30 Permezz tal-ewwel sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu attività ekonomika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, provvisti ta’ servizzi mwettqa għall-benefiċċju ta’ persuni maġġorenni legalment inkapaċi u intiżi sabiex jipproteġuhom fl-atti tal-ħajja ċivili, li t-twettiq tagħhom huwa fdat lill-fornitur minn awtorità ġudizzjarja skont il-liġi u li r-remunerazzjoni tagħhom hija ffissata mill-istess awtorità fil-forma ta’ somma f’daqqa jew abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna legalment inkapaċi, fejn barra minn hekk din ir-remunerazzjoni tista’ titħallas mill-Istat f’każ ta’ inkapaċità li din tħallas.
31 Għandu jitfakkar li, filwaqt li huwa minnu li d-Direttiva dwar il-VAT tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT, huma biss l-attivitajiet ta’ natura ekonomika li huma koperti minn din it-taxxa (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, WEG Tevesstraße, C-449/19, EU:C:2020:1038, punt 24 l-ġurisprudenza ċċitata).
32 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li attività tista’ tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, biss jekk tikkorrispondi għal waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C-520/14, EU:C:2016:334, punt 21).
33 Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, dwar it-tranżazzjonijiet taxxabbli, huma suġġetti għall-VAT b’mod partikolari l-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, titqies bħala “persuna taxxabbli” kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq attività ekonomika, ikunu x’ikunu l-iskop u r-riżultat ta’ din l-attività (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C-263/15, EU:C:2016:392, punt 21).
34 Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk attivitajiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-qorti tar-rinviju kklassifikat bħala provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, twettqux bi ħlas, kif teżiġi din id-dispożizzjoni.
35 Għalkemm fl-aħħar lok hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din il-verifika, hija madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li din għandha quddiemha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Franck, C-801/19, EU:C:2020:1049, punt 27).
36 F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li provvista ta’ servizzi tiġi kklassifikata bħala tranżazzjoni bi ħlas tippreżumi biss l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn din il-provvista u korrispettiv li fir-realtà tirċievi l-persuna taxxabbli. Tali rabta diretta hija stabbilita meta jkun hemm relazzjoni legali bejn il-fornitur u l-benefiċjarju li fl-ambitu tagħha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-fornitur tkun tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 32).
37 F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li EQ effettivament irċieva pagamenti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ ġestjoni u ta’ rappreżentanza li huwa kien inkarigat bihom.
38 Madankollu, dik il-qorti tirrileva, l-ewwel nett, li t-twettiq tal-imsemmija servizzi ma ġiex fdat lil EQ mill-benefiċjarji tagħhom, iżda mill-awtorità kompetenti skont leġiżlazzjoni intiża sabiex tipproteġi lill-persuni maġġorenni legalment inkapaċi fl-atti tal-ħajja ċivili.
39 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-attività inkwistjoni tikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet mogħtija u rregolati mil-liġi, b’għan ta’ interess ġenerali, huwa irrilevanti fl-evalwazzjoni ta’ jekk din l-attività tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C-263/15, EU:C:2016:392, punt 42). Fil-fatt, l-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi espressament li provvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ servizz skont ordni magħmula mill-awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi.
40 Fir-rigward, it-tieni nett, tar-rilevanza, f’dan il-kuntest, tal-fatt li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kapaċità ta’ ħlas tal-benefiċjarji tal-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-remunerazzjoni tagħha tista’ titħallas mill-Istat, għandu jitfakkar li, sabiex provvista ta’ servizzi tkun tista’ titqies li twettqet “bi ħlas”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, ma huwiex neċessarju, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva, li l-korrispettiv għal din il-provvista jinkiseb direttament mill-benefiċjarju tagħha, iżda li dan il-korrispettiv jista’ jinkiseb ukoll minn terz (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, Le Rayon d’Or, C-151/13, EU:C:2014:185, punt 34).
41 It-tielet nett, fir-rigward tal-modalitajiet li skonthom hija stabbilita r-remunerazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi bħal dawk imwettqa minn EQ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll mir-risposti bil-miktub ippreżentati minn EQ u mill-Gvern Lussemburgiż għal mistoqsijiet magħmula dwar dan is-suġġett mill-Qorti tal-Ġustizzja, li fir-rigward tagħhom hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-fondatezza tagħhom, jirriżulta li din ir-remunerazzjoni hija ffissata, abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna legalment inkapaċi, mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fuq talba tal-fornitur, li għandu regolarment jagħti kont tal-operazzjonijiet tiegħu lil din l-awtorità. Barra minn hekk, minn dawn jirriżulta li din hija komposta, ġeneralment, minn somma f’daqqa mensili skont il-ġestjoni ta’ kuljum tal-bżonnijiet tal-persuna legalment inkapaċi, u, jekk ikun il-każ, minn somma għal provvisti addizzjonali, iddeterminata, bħala prinċipju, fuq bażi ta’ kull siegħa, fejn ir-remunerazzjoni hekk mogħtija ma tkunx neċessarjament tikkorrispondi fil-każijiet kollha għall-valur reali tal-provvista mogħtija.
42 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-fatt li r-remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi kkonċernati titħallas fil-forma ta’ somma f’daqqa ma huwiex ta’ natura li jaffettwa r-rabta diretta eżistenti bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa u l-korrispettiv irċevut (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, Le Rayon d’Or, C-151/13, EU:C:2014:185, punt 37).
43 Min-naħa l-oħra, il-fatt li tranżazzjoni ekonomika titwettaq bi prezz ogħla jew inqas mill-prezz tal-kost, u, għaldaqstant, bi prezz ogħla jew inqas mill-prezz normali tas-suq, huwa irrilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala tranżazzjoni bi ħlas, peress li tali ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li taffettwa r-rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa jew li għandha titwettaq u l-korrispettiv irċevut jew li għandu jiġi rċevut li l-ammont tiegħu huwa ddeterminat minn qabel u skont kriterji stabbiliti sew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C-263/15, EU:C:2016:392, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
44 Barra minn hekk, l-iffissar tar-remunerazzjoni kif għadu kif ġie deskritt, u li jsir skont l-istadju li fih il-fornitur inkwistjoni jimplimenta l-attivitajiet tiegħu u jissuġġetta l-kontijiet relatati magħhom għall-awtorità ġudizzjarja kompetenti, bl-ebda mod ma jipprekludi li jitqies li l-ammont hekk iffissat ġie ddeterminat minn qabel u skont kriterji stabbiliti sew, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, sakemm il-modalitajiet ta’ dan l-iffissar ikunu prevedibbli u ta’ natura li jiżguraw li dan il-fornitur jirċievi, bħala prinċipju, ħlas għal dawn is-servizzi.
45 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għalhekk ma jidhirx li ċ-ċirkustanzi rrilevati mill-qorti tar-rinviju jippermettu li jiġi ddubitat li l-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettqu bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT.
46 B’dan ikkonstatat, huwa importanti, fit-tieni lok, li l-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “attività ekonomika”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.
47 Il-kunċett ta’ “attività ekonomika” huwa ddefinit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT bħala li jinkludi kwalunkwe attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ fornitur ta’ servizzi, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri, fl-agrikoltura u l-attivitajiet fil-professjonijiet liberi jew simili. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-definizzjoni turi l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni kopert mill-kunċett ta’ “attività ekonomika” kif ukoll in-natura oġġettiva ta’ dan il-kunċett, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata fiha nnifisha, indipendentement mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħha. Għalhekk, attività hija, b’mod ġenerali, ikklassifikata bħala ekonomika meta tkun ta’ natura permanenti u titwettaq bi ħlas irċevut mill-awtur tat-tranżazzjoni (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, WEG Tevesstraße, C-449/19, EU:C:2020:1038, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk provvista ta’ servizzi titwettaqx bi ħlas b’mod li din l-attività jkollha tiġi kkwalifikata bħala attività ekonomika, għandhom jiġu analizzati l-kundizzjonijiet kollha li din titwettaq fihom (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C-520/14, EU:C:2016:334, punt 29).
49 F’dan ir-rigward, jista’ jkun fattur rilevanti, kif indikat il-qorti tar-rinviju, il-punt dwar jekk il-livell tal-kumpens huwiex iddeterminat skont kriterji li jiggarantixxu li dan ikun suffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż tal-funzjonament tal-fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Nagyszénás Településszolgáltatási Nonprofit Kft., C-182/17, EU:C:2018:91, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), sa fejn jistgħu ikunu ddeterminati, b’mod iktar ġenerali, l-ammont tad-dħul kif ukoll elementi oħra, bħall-importanza tal-klijentela (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C-520/14, EU:C:2016:334, punt 31).
50 Fid-dawl tal-elementi fattwali rrilevati mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-attività mwettqa minn EQ hija ta’ natura permanenti. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, jidher li huwa stabbilit ukoll li l-attività ta’ EQ issir bi ħlas. Il-qorti tar-rinviju tispjega, madankollu, li hija għandha dubju f’dan ir-rigward minħabba l-fatt li s-servizzi pprovduti minn dan il-fornitur ma humiex neċessarjament f’kull ċirkustanza rremunerati b’mod li tiġi ggarantita l-kopertura tal-ispejjeż ta’ funzjonament inkorsi minnu.
51 Issa, il-fatt li kull provvista ta’ servizzi, ikkunsidrata individwalment, ma hijiex imħallsa skont livell li jikkorrispondi għall-ispejjeż li hija kkawżat ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-attività kollha kemm hi ma hijiex imħallsa skont kriterji li jiggarantixxu l-kopertura tal-ispejjeż tal-funzjonament tal-fornitur.
52 F’dan il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-kawża prinċipali hija differenti minn dawk li taw lok għas-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-246/08, EU:C:2009:671, punt 50), kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën (C-520/14, EU:C:2016:334, punt 33), li fihom ġie konkluż li ma kienx hemm attività ekonomika minħabba, b’mod partikolari, li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-benefiċjarji tas-servizzi kkonċernati kienu intiżi li jkopru biss proporzjon żgħir tal-ispejjeż totali sostnuti mill-fornituri għall-operat.
53 Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, xejn ma jidher li jindika li l-livell tad-dħul li EQ kiseb mill-attività tiegħu huwa insuffiċjenti meta mqabbel mal-ispejjeż tal-operat tiegħu. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-attività kkonċernata ma jistgħux, fihom innifishom, ikunu determinanti għall-finijiet tal-analiżi, imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, tan-natura ekonomika tal-attività prevista, peress li din l-analiżi għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha li fihom titwettaq din l-attività. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Enkler, C-230/94, EU:C:1996:352, punt 29).
54 Konsegwentement, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-attività mwettqa minn EQ ma hijiex ta’ natura ekonomika.
55 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu attività ekonomika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, provvisti ta’ servizzi mwettqa għall-benefiċċju ta’ persuni maġġorenni legalment inkapaċi u intiżi li jipproteġuhom fl-atti tal-ħajja ċivili, li t-twettiq tagħhom huwa fdat lill-fornitur minn awtorità ġudizzjarja skont il-liġi u li r-remunerazzjoni tagħhom hija stabbilita mill-istess awtorità b’mod fiss jew abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna legalment inkapaċi, liema remunerazzjoni tista’ barra minn hekk titħallas mill-Istat f’każ li din il-persuna ma tkunx kapaċi tħallas, meta dawn il-provvisti jitwettqu bi ħlas, meta l-fornitur jikseb minnhom dħul li għandu natura permanenti u meta l-livell kollu tal-kumpens minn din l-attività jkun iddeterminat skont kriterji intiżi biex jiżguraw li jkunu koperti l-ispejjeż ta’ funzjonament sostnuti mill-fornitur.
Fuq il-ħames sas-seba’ domanda
56 Permezz tal-ħames sas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li jikkostitwixxu “provvista ta’ servizzi [...] marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” provvisti ta’ servizzi mwettqa għall-benefiċċju ta’ persuni maġġorenni legalment inkapaċi u intiżi biex jipproteġuhom fl-atti tal-ħajja ċivili, u, min-naħa l-oħra, li avukat li jipprovdi tali servizzi jista’ jibbenefika, għall-finijiet tal-impriża li jopera, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, minn rikonoxximent bħala korp iddedikat għall-benessere soċjali.
57 Qabel kollox, għandu jitfakkar li t-termini użati biex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati strettament, peress li dawn jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li jgħid li l-VAT hija dovuta fuq kull provvista ta’ servizzi magħmula mill-persuna taxxabbli b’titolu oneruż. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT u għandha tkun konformi mal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija eżenzjonijiet. B’hekk, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 132 għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħdu lil dawn l-eżenzjonijiet mill-effetti tagħhom (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, “go fair” Zeitarbeit, C-594/13, EU:C:2015:164, punt 17).
58 Kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-eżenzjoni prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni tapplika għall-provvisti ta’ servizzi u għall-kunsinni ta’ beni li huma, minn naħa, “marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” u, min-naħa l-oħra, “provduti [...] minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali”.
59 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni li tgħid li l-provvista ta’ servizzi għandha tkun marbuta mill-qrib mal-għajnuna u mas-sigurtà soċjali, din il-kundizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 134(a) tad-Direttiva dwar il-VAT li jeżiġi, fi kwalunkwe każ, li l-kunsinna ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi kkonċernati għandhom ikunu indispensabbli għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-għajnuna u s-sigurtà soċjali (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, Finanzamt D, C-657/19, EU:C:2020:811, punt 31).
60 F’dan il-każ, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitwettqu skont diversi sistemi previsti fid-dritt Lussemburgiż intiżi sabiex isostnu lil persuni maġġorenni legalment inkapaċi fl-atti tal-ħajja ċivili, peress li l-inkapaċità legali ta’ dawn il-persuni tista’ tiġi kkonstatata fil-każ ta’ bidla fil-kapaċitajiet mentali tagħhom minħabba mard, diżabbiltà jew indeboliment dovut għall-età. Skont dawn l-iskemi, terz jiġi inkarigat mill-qorti kompetenti b’mandati ta’ ġestjoni u, jekk ikun il-każ, bir-rappreżentanza fir-rigward tal-persuna legalment inkapaċi fir-rigward tal-atti tal-ħajja ċivili ta’ din tal-aħħar u l-ġestjoni tal-patrimonju tagħha. Għal dan il-għan, jistgħu jiġu awtorizzati, b’mod partikolari, il-membri tal-familja tal-persuna legalment inkapaċi, assistenti soċjali, assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt jew avukati.
61 B’mod iktar speċifiku, mir-risposti bil-miktub ippreżentati minn EQ u mill-Gvern Lussemburgiż għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward jirriżulta li, meta avukat ikun maħtur b’dan il-mod, tali avukat ġeneralment jintalab jipprovdi, għall-benefiċċju tal-persuna legalment inkapaċi, diversi servizzi, kif miġbura fil-qosor fil-punti 52 sa 57 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li jinkludu kemm servizzi relatati mal-atti tal-ħajja ċivili u li jirrigwardaw il-ġestjoni tal-ħajja ta’ kuljum u tal-patrimonju tal-persuna legalment inkapaċi u dawk li għandhom natura ġuridika.
62 Għalkemm id-Direttiva dwar il-VAT ma tinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” użat, b’mod partikolari, fl-Artikolu 132(1)(g) tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huma, bħala prinċipju, strettament marbuta mal-għajnuna u mas-sigurtà soċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-servizzi ta’ kura u ta’ ekonomija personali pprovduti minn servizz ta’ kura outpatient lil persuni fi stat ta’ dipendenza fiżika jew ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C-141/00, EU:C:2020:473, punt 44).
63 Bl-istess mod, għandhom jitqiesu wkoll bħala tali provvisti ta’ servizzi pprovduti lil persuni li jinsabu fi stat ta’ dipendenza mentali u intiżi sabiex jipproteġuhom fl-atti tal-ħajja ċivili, meta dawn il-persuni ma jkunux f’pożizzjoni li jwettquhom huma stess mingħajr ma jirriskjaw li jippreġudikaw l-interessi, finanzjarji jew oħrajn tagħhom stess, peress li dan ir-riskju preċiżament iġġustifika d-deċiżjoni tal-inkapaċità legali fil-konfront tagħhom.
64 Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn tali servizzi jservu sabiex jiġi rrimedjat tali riskju billi jippermettu li l-attivitajiet konkreti tal-ħajja ta’ kuljum tal-imsemmija persuni, inklużi dawk ta’ natura finanzjarja, jiġu amministrati bil-prudenza neċessarja, dawn huma indispensabbli sabiex jiġu protetti minn atti li jistgħu jkunu ta’ preġudizzju għalihom, jew saħansitra li jipperikolaw il-ħajja deċenti tagħhom.
65 Konsegwentement, il-provvista ta’ servizzi mwettqa għall-benefiċċju ta’ persuni maġġorenni legalment inkapaċi u li huma intiżi biex jipproteġuhom fl-atti tal-ħajja ċivili jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi [...] marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT.
66 Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn tali servizzi jiġu pprovduti minn fornitur li, fil-kuntest tal-mandati msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, jwettaq ukoll attivitajiet iktar ġenerali ta’ għajnuna jew ta’ konsulenza legali, finanzjarja, jew oħrajn, bħal dawk li jistgħu jkunu marbuta mal-kompetenzi speċifiċi ta’ avukat, ta’ konsulent finanzjarju jew ta’ aġent tal-proprjetà immobbli, għandu jiġi ppreċiżat li s-servizzi mwettqa fil-kuntest ta’ dawn l-aħħar attivitajiet ma jidħlux, bħala prinċipju, fil-kamp tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, anki jekk dawn jitwettqu fil-kuntest tal-għajnuna mogħtija lil persuna legalment inkapaċi. Fil-fatt, fid-dawl tal-interpretazzjoni stretta li din l-eżenzjoni għandha tkun suġġetta għaliha, tali tranżazzjonijiet ma jistgħux jitqiesu li huma indispensabbli u strettament marbuta mal-għajnuna soċjali.
67 Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni tapplika wkoll sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li huwa espress b’mod speċifiku fl-Artikolu 134(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, u li jipprekludi li provvisti ta’ servizzi simili, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Brockenhurst College, C-699/15, EU:C:2017:344, punt 35). Dan il-prinċipju jinkiser jekk, meta fornituri inkarigati b’mandati ta’ protezzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iwettqu mhux biss it-tranżazzjonijiet inerenti għall-protezzjoni ta’ persuni legalment inkapaċi, iżda wkoll tranżazzjonijiet simili għal dawk imwettqa barra minn tali mandati, dawn l-aħħar tranżazzjonijiet ikunu eżentati mill-VAT għas-sempliċi raġuni li dawn jitwettqu fil-kuntest tat-twettiq ta’ tali mandati.
68 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li tgħid li l-provvista ta’ servizzi, sabiex tkun eżentata, għandha titwettaq minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew minn organi oħra rrikonoxxuti bħala li għandhom natura soċjali mill-Istat Membru kkonċernat, huwa stabbilit li EQ, li huwa avukat membru fil-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “korpi regolati mid-dritt pubbliku”, b’tali mod li jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni kkonċernata fil-każ biss li jista’ jitqies li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT.
69 L-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT la jippreċiża l-kundizzjonijiet u lanqas il-modalitajiet tar-rikonoxximent tan-natura soċjali tal-korpi li huma differenti minn dawk irregolati mid-dritt pubbliku. Għaldaqstant, fil-prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi r-regoli dwar kif tali rikonoxximent jista’ jingħata lil tali korpi, peress li f’dan ir-rigward, l-Istati Membri jgawdu minn setgħa diskrezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence, C-335/14, EU:C:2016:36, punti 32 u 34).
70 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tar-rikonoxximent tan-natura soċjali tal-korpi li ma jkunux irregolati mid-dritt pubbliku, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom, konformement mad-dritt tal-Unjoni u suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, jieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi. Fost dawn l-elementi jista’ jkun hemm l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, irrispettivament minn jekk ikunux nazzjonali jew reġjonali, leġiżlattivi jew ta’ natura amministrattiva, fiskali jew ta’ sigurtà soċjali, minn jekk ikollhomx natura ta’ interess ġenerali tal-attivitajiet tal-persuna taxxabbli kkonċernata, mill-fatt li persuni taxxabbli oħra li jeżerċitaw l-istess attivitajiet jibbenefikaw diġà minn rikonoxximent simili, kif ukoll mill-fatt li l-ispejjeż tal-provvisti inkwistjoni eventwalment jitħallsu fil-parti l-kbira minn skemi tal-mard jew minn korpi oħra tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari meta l-operaturi privati jkollhom relazzjonijiet kuntrattwali ma’ dawn il-korpi (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, D, C-657/19, EU:C:2020:811, punt 44).
71 Huwa biss jekk l-Istat Membru ma jkunx osserva l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu li l-persuna taxxabbli tista’ tinvoka l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT sabiex toġġezzjona għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. F’tali każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, jekk il-persuna taxxabbli għandhiex tiġi rrikonoxxuta bħala korp li għandu natura soċjali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punti 28 u 32), kif spjega wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 114 sa 119 tal-konklużjonijiet tiegħu.
72 F’dan il-każ, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT mhux biss hija suġġetta għal kundizzjoni dwar in-natura soċjali tal-provvisti ta’ servizzi kkonċernati, iżda hija barra minn hekk limitata għall-provvista ta’ servizzi mwettqa minn korpi rrikonoxxuti bħala li għandhom natura soċjali, kif tfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza. Issa, ikun inkompatibbli mal-impożizzjoni ta’ dan ir-rekwiżit doppju li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikklassifikaw lil entitajiet privati li għandhom skop ta’ lukru bħala organizzazzjonijiet li għandhom natura soċjali minħabba s-sempliċi fatt li dawn l-entitajiet jipprovdu wkoll servizzi ta’ natura soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C-543/14, EU:C:2016:605, punti 61 u 63).
73 It-tieni nett, il-fatt li l-fornitur inkwistjoni huwa persuna fiżika u għandu, permezz tal-attività tiegħu, skop ta’ lukru, ma huwiex ostakolu għall-finijiet tar-rikonoxximent tiegħu bħala li għandu natura soċjali skont l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “korpi rikonoxxuti bħala ddedikati għall-benessere soċjali” huwa, bħala prinċipju, wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi wkoll entitajiet privati li għandhom skop ta’ lukru, inklużi persuni fiżiċi li joperaw impriża, sa fejn dawn tal-aħħar jikkostitwixxu huma wkoll entitajiet individwalizzati li jwettqu funzjoni partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg, C-216/97, EU:C:1999:390, punti 17 u 18; tas-17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-492/08, EU:C:2010:348, punti 36 u 37; kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 57).
74 Barra minn hekk, mill-informazzjoni trażmessa lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu invoka l-possibbiltà, prevista fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jirrifjuta, b’mod partikolari, l-għoti tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) ta’ din id-direttiva lil korpi li għandhom bħala għan it-tfittxija sistematika tal-profitt, b’tali mod li dan l-Istat Membru ma jistax jinvoka kontra l-persuna taxxabbli li tixtieq l-għoti ta’ din l-eżenzjoni, l-eventwali tfittxija ta’ tali għan.
75 Fil-fatt, tali limitazzjoni għar-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għandha biss natura eventwali u Stat Membru li naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji għal dan il-għan ma jistax jinvoka l-ommissjoni tiegħu stess sabiex jirrifjuta lil persuna taxxabbli l-benefiċċju ta’ eżenzjoni li din tal-aħħar tista’ leġittimament titlob skont id-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C-141/00, EU:C:2020:473, punt 60). L-applikazzjoni tal-imsemmija limitazzjoni f’dan il-każ tista’, barra minn hekk, tikser il-prinċipju ta’ newtralità fiskali u twassal għal trattament differenti fil-qasam tal-VAT tal-provvisti msemmija fl-Artikolu 132(1)(g) ta’ din id-direttiva skont jekk l-entitajiet li jipprovduhom għandhomx skop ta’ lukru jew le (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, EU:C:2005:322, punt 42).
76 It-tielet nett, għalkemm, għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ fornitur bħala organu li għandu natura soċjali, il-forma tal-operat magħżula mill-fornitur ma hijiex irrilevanti, peress li ma għandhiex tirriżulta inkompatibbli mal-klassifikazzjoni bħala “korp iddedikat għall-benessere soċjali”, jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw tali rikonoxximent mingħajr eżami preċiż taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, sabiex jivverifikaw jekk dawn jistgħux jistabbilixxu n-natura soċjali tal-impriża operata minn tali fornitur, b’tali mod li, jekk din in-natura soċjali tiġi stabbilita u sakemm dan il-fornitur iwettaq provvisti ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-assistenza u mas-sigurtà soċjali, dawn jidħlu taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT.
77 Fir-rigward, konkretament, tal-fatt li, f’dan il-każ, il-provvisti ta’ servizzi kkonċernati ġew ipprovduti minn avukat membru tal-Kamra tal-Avukati, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, iddeċidiet li, fid-dawl tal-għanijiet globali u tal-assenza ta’ stabbiltà ta’ impenn soċjali eventwali, il-kategorija professjonali tal-avukati u tal-prokuraturi b’mod ġenerali ma tistax titqies li hija ta’ natura soċjali (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C-543/14, EU:C:2016:605, punt 62).
78 Madankollu, minn din il-ġurisprudenza ma jirriżultax li persuna taxxabbli li twettaq tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib mal-għajnuna u mas-sigurtà soċjali tista’ f’kull ċirkustanza u a priori tiġi eskluża mill-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta bħala korp li għandu natura soċjali għas-sempliċi raġuni li hija tagħmel parti mill-kategorija professjonali ddefinita fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, mingħajr eżami tal-kwistjoni dwar jekk hija toperax l-impriża tagħha f’kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ rikonoxximent bħala organu ta’ natura soċjali, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT. Tali approċċ jista’, barra minn hekk, imur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 90 u 95 tal-konklużjonijiet tiegħu.
79 Fil-fatt, anki jekk il-kategorija professjonali tal-avukati ma tistax tiġi kkaratterizzata, b’mod ġenerali, bħala li għandha natura soċjali, ma huwiex eskluż li, f’każ konkret, avukat li jipprovdi servizzi strettament marbuta mal-għajnuna u mas-sigurtà soċjali juri impenn soċjali stabbli u ma huwiex differenti, fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita n-natura soċjali tal-impriża tiegħu, minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jipprovdu tali servizzi ħlief mill-fatt li huwa jkun membru ta’ kamra tal-avukati.
80 F’każ bħal dan, is-sempliċi kwalità ta’ avukat tal-fornitur tkun element purament formali li ma jistax ipoġġi indiskussjoni n-natura soċjali tal-impriża tiegħu.
81 Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha li jikkaratterizzaw il-kawża pendenti quddiemha, il-kwistjoni dwar jekk il-Gran Dukat tal-Lussemburgu eċċediex il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi ma pprevediex il-possibbiltà għal fornitur ta’ servizzi li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jibbenefika, għall-finijiet tal-impriża tiegħu, minn rikonoxximent bħala organu ta’ natura soċjali. Huwa biss jekk dan l-Istat Membru jkun qabeż dawn il-limiti li l-qorti tar-rinviju jkollha tipproċedi hija stess għall-għoti ta’ tali rikonoxximent fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tħalli, jekk ikun il-każ, mhux applikati d-dispożizzjonijiet sostantivi jew proċedurali tad-dritt nazzjonali li jostakolaw dan l-għoti.
82 Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi osservat li, mingħajr preġudizzju għal verifika minn dik il-qorti, xi elementi li jinsabu fil-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidhru li huma ta’ ċerta rilevanza għall-finijiet tal-eżami intiż sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, minkejja l-kwalità tiegħu ta’ avukat, weriex impenn soċjali stabbli fil-kuntest tal-operat tal-impriża tiegħu matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
83 Minn naħa, jista’ jitqies f’dan ir-rigward il-fatt li l-persuna kkonċernata wettqet l-operazzjonijiet tagħha, li fi kwalunkwe każ parti minnhom tidher li hija ta’ natura soċjali, fil-kuntest ta’ mandati ta’ protezzjoni li ngħatawlha, skont id-diversi sistemi ta’ protezzjoni previsti fid-dritt Lussemburgiż, minn awtorità ġudizzjarja, li barra minn hekk tistħarreġ l-eżekuzzjoni tagħhom. Fil-fatt, tali ċirkustanza tindika mhux biss li l-fornitur ikkonċernat huwa obbligat iwettaq dawn it-tranżazzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi speċifiċi previsti fid-dritt Lussemburgiż f’dan ir-rigward, iżda wkoll li dan jista’ jintervjeni biss wara li tkun ittieħdet deċiżjoni espliċita mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti sabiex taħtar lill-persuni inkarigati mit-twettiq tal-provvista ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-qasam tal-għajnuna u tas-sigurtà soċjali.
84 Min-naħa l-oħra, jista’ jkun rilevanti wkoll il-fatt li r-remunerazzjoni tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati hija dejjem stabbilita taħt il-kontroll ta’ din l-awtorità ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence, C-335/14, EU:C:2016:36, punt 38) u li din ir-remunerazzjoni tista’ titħallas mill-Istat f’każ li l-benefiċjarju ma jkunx jista’ jħallas.
85 Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-każ ta’ infermiera li tmexxi impriża unipersonali u li tinvoka l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, li Stat Membru jista’, bħala prinċipju, jeżiġi, mingħajr ma jeċċedi s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu f’dan il-kuntest, li l-ispejjeż mediċi u farmaċewtiċi ta’ tali persuna taxxabbli jkunu sostnuti kompletament jew parzjalment mill-organi legali ta’ sigurtà u ta’ għajnuna soċjali f’mill-inqas żewġ terzi tal-każijiet, sabiex dan il-fornitur ikun jista’ jiġi rrikonoxxut bħala li għandu natura soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punti 10 u 35 sa 37).
86 Bl-istess mod, xejn ma jipprekludi li l-Istat Membru kkonċernat jissuġġetta l-għoti ta’ tali rikonoxximent għall-kundizzjoni li l-fornitur iwettaq ċerti passi proċedurali għal dan il-għan, peress li tali passi jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet ikkonċernati jivverifikaw in-natura soċjali ta’ dan il-fornitur. Madankollu jidher li, fir-rigward tal-eżenzjoni prevista mid-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, id-dritt Lussemburgiż ma jimponix tali proċeduri, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
87 L-applikazzjoni ta’ tali kundizzjonijiet għandha madankollu tosserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Għalhekk, fil-kawża prinċipali, għandu jiġi vverifikat jekk persuni taxxabbli oħra, fosthom assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, jibbenefikawx diġà minn rikonoxximent simili f’ċirkustanzi analogi għal dawk li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, aspett li fuqu dan tal-aħħar u l-Gvern Lussemburgiż, fir-risposti bil-miktub tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħadu pożizzjonijiet diverġenti.
88 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ħames sas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, jikkostitwixxu “provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” provvisti ta’ servizzi mwettqa għall-benefiċċju ta’ persuni maġġorenni legalment inkapaċi u intiżi biex jipproteġuhom fl-atti tal-ħajja ċivili, u, min-naħa l-oħra, li ma huwiex eskluż li avukat li jipprovdi tali servizzi ta’ natura soċjali jista’ jibbenefika, għall-finijiet tal-impriża li jopera u fil-limiti tal-provvisti msemmija, minn rikonoxximent bħala korp ta’ natura soċjali, fejn tali rikonoxximent ma għandux madankollu jingħata neċessarjament bl-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat, meta jirrifjuta tali rikonoxximent, ikun eċċeda l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li jgawdi f’dan ir-rigward.
Fuq it-tmien domanda
89 Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludix li l-amministrazzjoni fiskali tissuġġetta għall-VAT ċerti tranżazzjonijiet relatati ma’ perijodu mitmum, f’sitwazzjoni fejn din l-awtorità tkun aċċettat għal diversi snin id-dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-persuna taxxabbli li ma kinux jinkludu t-tranżazzjonijiet tal-istess natura fit-tranżazzjonijiet taxxabbli u fejn il-persuna taxxabbli ssib ruħha fl-impossibbiltà li tirkupra l-VAT dovuta mingħand dawk li ħallsu dawn it-tranżazzjonijiet.
90 Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li fir-rigward tiegħu awtorità amministrattiva tkun ħolqot aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li hija tkun tatu (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, Idealmed III, C-211/18, EU:C:2020:168, punt 44).
91 Mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża, wara li aċċettat in-nuqqas ta’ tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet imwettqa minn EQ mis-sena 2004, emendat din il-prattika, fil-konfront ta’ EQ, permezz tad-deċiżjoni ta’ aġġustament tagħha tad-19 ta’ Jannar 2018, għat-tranżazzjonijiet imwettqa sa mill-2014, billi rrikjediet il-ħlas tal-VAT fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet tal-istess natura.
92 Issa, is-sempliċi aċċettazzjoni, anki matul diversi snin, mill-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT ippreżentati minn EQ, li ma kinux jinkludu l-ammonti relatati mat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tikkostitwixxix assigurazzjoni preċiża pprovduta minn din l-amministrazzjoni fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-VAT għal dawn it-tranżazzjonijiet u ma tistax, għaldaqstant, toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ din il-persuna taxxabbli fin-natura mhux taxxabbli tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati.
93 Fir-rigward, barra minn hekk, tal-ipoteżi, invokata mill-qorti tar-rinviju, fejn il-fornitur ipprovda provvisti ta’ servizzi mingħajr ġbir tal-VAT li huwa kien responsabbli għalih, u li ma jkunx f’pożizzjoni li jirkupra mingħand dawk li ħallsu għal dawn il-provvisti l-VAT mitluba ulterjorment mill-amministrazzjoni fiskali, għandu jitqies, jekk din l-ipoteżi tikkonkretizza ruħha, li r-remunerazzjonijiet irċevuti għal dan il-għan mill-fornitur diġà jinkludu l-VAT dovuta, b’tali mod li l-ġbir tal-VAT ikun kompatibbli mal-prinċipju bażiku tad-Direttiva dwar il-VAT li jgħid li s-sistema tal-VAT hija intiża biex tolqot lill-konsumatur finali biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Tulică u Plavoşin, C-249/12 u C-250/12, EU:C:2013:722, punti 34, 42 u 43).
94 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tmien domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludix li l-amministrazzjoni fiskali tissuġġetta għall-VAT ċerti tranżazzjonijiet relatati ma’ perijodu mitmum, f’sitwazzjoni fejn din l-awtorità tkun aċċettat għal diversi snin id-dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-persuna taxxabbli li ma kinux jinkludu t-tranżazzjonijiet tal-istess natura fit-tranżazzjonijiet taxxabbli u fejn il-persuna taxxabbli ssib ruħha fl-impossibbiltà li tirkupra l-VAT dovuta mingħand dawk li ħallsu dawn it-tranżazzjonijiet, peress li r-remunerazzjonijiet diġà mħallsa jitqiesu li diġà jinkludu din il-VAT.
Fuq l-ispejjeż
95 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu attività ekonomika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, provvisti ta’ servizzi mwettqa għall-benefiċċju ta’ persuni maġġorenni legalment inkapaċi u intiżi li jipproteġuhom fl-atti tal-ħajja ċivili, li t-twettiq tagħhom huwa fdat lill-fornitur minn awtorità ġudizzjarja skont il-liġi u li r-remunerazzjoni tagħhom hija stabbilita mill-istess awtorità b’mod fiss jew abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna legalment inkapaċi, liema remunerazzjoni tista’ barra minn hekk titħallas mill-Istat f’każ li din il-persuna ma tkunx kapaċi tħallas, meta dawn il-provvisti jitwettqu bi ħlas, meta l-fornitur jikseb minnhom dħul li għandu natura permanenti u meta l-livell kollu tal-kumpens minn din l-attività jkun iddeterminat skont kriterji intiżi biex jiżguraw li jkunu koperti l-ispejjeż ta’ funzjonament sostnuti mill-fornitur.
2) L-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, jikkostitwixxu “provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” provvisti ta’ servizzi mwettqa għall-benefiċċju ta’ persuni maġġorenni legalment inkapaċi u intiżi biex jipproteġuhom fl-atti tal-ħajja ċivili, u, min-naħa l-oħra, li ma huwiex eskluż li avukat li jipprovdi tali servizzi ta’ natura soċjali jista’ jibbenefika, għall-finijiet tal-impriża li jopera u fil-limiti tal-provvisti msemmija, minn rikonoxximent bħala korp ta’ natura soċjali, fejn tali rikonoxximent ma għandux madankollu jingħata neċessarjament bl-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat, meta jirrifjuta dan ir-rikonoxximent, ikun eċċeda l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li jgawdi f’dan ir-rigward.
3) Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludix li l-amministrazzjoni fiskali tissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ċerti tranżazzjonijiet relatati ma’ perijodu mitmum, f’sitwazzjoni fejn din l-awtorità tkun aċċettat għal diversi snin id-dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-persuna taxxabbli li ma kinux jinkludu t-tranżazzjonijiet tal-istess natura fit-tranżazzjonijiet taxxabbli u fejn il-persuna taxxabbli ssib ruħha fl-impossibbiltà li tirkupra l-VAT dovuta mingħand dawk li ħallsu dawn it-tranżazzjonijiet, peress li r-remunerazzjonijiet diġà mħallsa jitqiesu li diġà jinkludu din il-VAT.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.