Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
9 ta’ Settembru 2021 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 69 – Eżiġibbiltà tal-VAT – Akkwist intra-Komunitarju ta’ karburanti – Obbligu ta’ ħlas antiċipat tal-VAT – Artikolu 206 – Kunċett ta’ ‘ħlasijiet interim’ – Artikolu 273 – Ġbir eżatt tal-VAT u ġlieda kontra l-frodi – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri”
Fil-Kawża C-855/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura
G. sp. z o.o.
vs
Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal G. sp. z o.o., minn M. Kalinowski, radca prawny,
– għad-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy, minn B. Kołodziej u T. Wojciechowski, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Siekierzyńska u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Marzu 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 69, 206 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/88/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn G. sp. z o.o. u d-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy (id-Direttur tal-Awla Fiskali ta’ Bydgoszczy, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali”) dwar obbligu ta’ ħlas antiċipat tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatata ma’ akkwist intra-Komunitarju ta’ karburant.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Skont l-Artikolu 62 tad-Direttiva dwar il-VAT:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
(1) ‘Avveniment li jagħti lok għal ħlas’ għandha tfisser okkorrenza li permezz tagħha l-kondizzjonijet legali meħtieġa biex tiġi imposta l-VAT huma sodisfatti;
(2) Il-VAT għandha tiġi ‘imposta’ meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi, f’mument partikolari, biex tiġbor it-taxxa mill-persuna soġġetta li tħallasha, għalkemm iż-żmien għall-ħlas jista’ jkun pospost.”
4 L-Artikolu 68 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“L-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ meta jsir l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija.
L-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija għandu jitqies li sar meta l-provvista ta’ merkanzija simili titqies li saret fit-territorju ta’ l-Istat Membru rilevanti.”
5 L-Artikolu 69 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Fil-każ tal-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, il-VAT għandha ssir dovuta mal-ħruġ tal-fattura, jew mal-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 222 jekk ma tkun inħarġet l-ebda fattura sa dik il-waqt.”
6 L-Artikolu 206 ta’ din l-istess direttiva jiddisponi:
“Kwalunkwe persuna taxxabbli responsabbli għall-ħlas tal-VAT għandha tħallas l-ammont nett tal-VAT meta tippreżenta d-denunzja tal-VAT prevista fl-Artikolu 250. L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jistabbilixxu data differenti biex jitħallas dak l-ammont jew jistgħu jitolbu li jsiru ħlasijiet interim.”
7 Skont l-Artikolu 222 tad-Direttiva dwar il-VAT:
“Għal provvisti ta’ merkanzija mwettqa skont il-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138 jew għal provvisti ta’ servizzi li għalihom il-VAT titħallas mill-klijent skont l-Artikolu 196, għandha tinħareġ fattura sa mhux aktar tard mill-ħmistax-il jum tax-xahar wara dak li fih iseħħ l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas.
Għal provvisti oħrajn ta’ merkanzija jew servizzi l-Istati Membri jistgħu jimponu limiti ta’ żmien fuq persuni taxxabbli għall-ħruġ ta’ fatturi.”
8 L-Artikolu 250 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“1. Kull persuna taxxabbli għandha tipprezżenta denunzja tal-VAT li tistipula l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tinħadem it-taxxa li ġiet imposta u t-tnaqqis li jrid isir inkluż, sa fejn hu meħtieġ biex tkun stabbilita l-bażi tal-valutazzjoni, il-valur totali tat-transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn it-taxxi u tnaqqis u l-valur ta’ kwalunkwe transazzjonijiet eżenti.
[…]”
9 L-Artikolu 273 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.
L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3.”
Id-dritt Pollakk
10 L-Artikolu 20(5) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal-2016, intestatura 710), fil-verżjoni fis-seħħ fil-mument li seħħew il-fatti (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jiddisponi:
“Fil-kuntest ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti, it-taxxa ssir eżiġibbli fil-ġurnata li fiha tinħareġ il-fattura mill-persuna taxxabbli, iżda mhux iktar tard mill-ħmistax-il ġurnata tax-xahar ta’ wara x-xahar li fih twettaq l-akkwist tal-oġġetti […]”
11 Abbażi tal-Artikolu 99(11a) tal-Liġi dwar il-VAT, fil-każ ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti previst fl-Artikolu 103(5a) ta’ din il-liġi, il-persuna taxxabbli hija marbuta li tippreżenta lid-Direttur tal-uffiċċju tad-dwana kompetenti fil-qasam tal-likwidazzjoni tad-dazji tas-sisa dikjarazzjoni ta’ kull xahar li tirrigwarda l-ammonti tat-taxxa dovuti sa mhux iktar tard mill-ħames ġurnata tax-xahar ta’ wara dak li fih inħoloq l-obbligu ta’ ħlas.
12 Abbażi tal-Artikolu 103(5a) tal-imsemmija liġi:
“Fil-każ ta’ akkwist intra-Komunitarju tal-karburanti previst fl-Anness Nru 2 tal-ustawa o podatku akcyzowym (il-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa) tas-6 ta’ Diċembru 2008, fejn il-produzzjoni jew il-bejgħ huma suġġetti għall-kisba ta’ konċessjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-ustawa – Prawo energetyczne (il-Liġi dwar l-Enerġija) tal-10 ta’ April 1997, il-persuna taxxabbli hija marbuta, mingħajr ma tintalab sabiex tagħmel dan mid-Direttur tal-uffiċċju tad-dwana, sabiex tikkalkola u tħallas it-taxxa lill-amministrazzjoni tad-dwana kompetenti għall-ħlas tad-dazji tas-sisa:
1) f’terminu ta’ 5 ijiem li jibdew jiddekorru mill-ġurnata li fiha l-oġġetti ġew ippreżentati fil-post ta’ riċezzjoni tal-prodotti suġġetti għal sisa stabbilita fl-awtorizzazzjoni adattata – jekk il-beni kienu s-suġġett ta’ akkwist intra-Komunitarju fis-sens tal-[Liġi tas-6 ta’ Diċembru 2008 dwar id-Dazji tas-Sisa] minn konsumatur irreġistrat taħt is-sistema ta’ sospensjoni ta’ dazji tas-sisa konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tad-dazji tas-sisa;
2) f’terminu ta’ 5 ijiem li jibdew jiddekorru mill-ġurnata li fiha l-beni ġew importati f’maħżen tat-taxxa mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;
3) waqt it-trasferiment ta’ dawn l-oġġetti fit-territorju nazzjonali – jekk dawn l-oġġetti ġew ittrasferiti barra mis-sistema tas-sospensjoni tad-dazji tas-sisa, konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tad-dazji tas-sisa.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 Matul ix-xahar ta’ Diċembru 2016, G. wettqet 20 akkwist intra-Komunitarju ta’ diżil, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2710 19 43, ta’ kwantità akkumulata ta’ 3 190 874 m3.
14 L-awtorità fiskali ppreċiżat li l-akkwisti intra-Komunitarji mwettqa minn G. kienu jaqgħu taħt it-tieni eżempju previst fl-Artikolu 103(5a) tal-Liġi dwar it-Taxxa, jiġifieri dak tat-tqegħid f’maħżen tal-merkanzija mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
15 G. ma ħallsitx, bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, il-VAT fuq l-imsemmija akkwisti, ta’ ammont akkumulat ta’ PLN 1 530 766 (madwar EUR 345 000), fit-terminu ta’ ħamest ijiem li bdew jiddekorru mill-introduzzjoni tad-diżil fit-territorju nazzjonali. Barra minn hekk, hija lanqas ma ppreżentat, bi ksur tal-Artikolu 99(11a) ta’ din il-liġi, id-dikjarazzjoni ta’ kull xahar relatata mal-imsemmija akkwisti mhux iktar tard mill-ħames jum tax-xahar ta’ wara dak li fih inħoloq l-obbligu ta’ ħlas.
16 Għaldaqstant, permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ April 2018, l-awtorità fiskali imponiet fuq G., abbażi ta’ aġġustament fiskali għax-xahar ta’ Diċembru 2016, il-ħlas immedjat tal-VAT dovuta, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati mill-ġurnata wara dik li fiha skada l-ħlas.
17 Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Lulju 2018, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Bydgoszczy (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Bydgoszcz, il-Polonja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn G. kontra din id-deċiżjoni.
18 Adita b’appell minn dik is-sentenza, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) tirrileva li l-Artikolu 103(5a) tal-Liġi dwar il-VAT jagħmel parti minn numru ta’ emendi magħmula lil din il-liġi, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2016, sabiex jittejjeb il-ġbir tal-VAT fuq l-akkwisti intra-Komunitarji tal-karburanti u sabiex jipprevjenu l-frodi tal-VAT fis-suq transkonfinali ta’ dawn il-karburanti.
19 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, jekk dan l-Artikolu 103(5a), sa fejn jimponi termini għall-ħlas tal-VAT iqsar għall-akkwisti ta’ karburanti minn Stati Membri oħra milli għall-akkwisti interni, huwiex konformi mal-Artikolu 110 TFUE. Fil-fatt, il-possibbiltà offruta lill-Istati Membri, fl-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jipprevedu l-obbligi li dawn iqisu neċessarji sabiex jiżguraw il-ġbir eżatt tal-VAT u sabiex jiġu evitati l-frodi tista’ tiġi eżerċitata biss bla ħsara għall-ugwaljanza fit-trattament tat-tranżazzjonijiet domestiċi u għat-tranżazzjonijiet imwettqa bejn l-Istati Membri minn persuni taxxabbli u bil-kundizzjoni li dawn l-obbligi ma jagħtux lok, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntiera.
20 Sussegwentement, fil-każ li l-Artikolu 103(5a) tal-Liġi dwar il-VAT la jmur kontra l-Artikolu 110 TFUE u lanqas l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, dik il-qorti tistaqsi jekk din l-ewwel dispożizzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva, sa fejn din tipprevedi li l-VAT fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ karburanti tista’ tinġabar saħansitra qabel it-tnissil tal-obbligu fiskali previst f’dan l-Artikolu 69, li jipprovdi li dan l-obbligu jitnissel fid-data tal-ħruġ tal-fattura jew, jekk ma tinħareġ l-ebda fattura wara l-jum li fih iseħħ l-akkwist intra-Komunitarju, l-iktar tard sal-ħmistax-il ġurnata tax-xahar ta’ wara dak li fih seħħ il-fatt taxxabbli.
21 Skont l-imsemmija qorti, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi min-natura tal-ħlasijiet imsemmija fl-Artikolu 103(5a) tal-Liġi dwar il-VAT. Jekk dawn jikkostitwixxu mezz distint ta’ ġbir aċċellerat tal-VAT, l-obbligu li t-taxxa titħallas qabel it-tnissil tad-dejn fiskali, bis-saħħa tal-imsemmi Artikolu 69, imur kontra dawn id-dispożizzjonijiet, peress li l-eżiġibbiltà tal-VAT tkun infondata f’dak il-mument. Mill-banda l-oħra, l-obbligu li titħallas it-taxxa qabel it-tnissil tad-dejn fiskali jista’ jkun konformi ma’ din id-dispożizzjoni jekk dawn il-ħlasijiet jitqiesu li huma “ħlas interim”, fis-sens tat-tieni sentenza, in fine, tal-Artikolu 206 tad-Direttiva dwar il-VAT. F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan il-ħlas interim jistax jiġi kkalkolat fuq l-ammont gross tal-VAT dovuta fuq akkwist intra-Komunitarju ta’ karburanti mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt għal tnaqqis tal-persuna taxxabbli.
22 Fl-aħħar nett, jekk dan kien il-każ, din l-istess qorti tistaqsi dwar jekk ħlas interim fuq il-VAT, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li ma jitħallasx fit-terminu, jitlifx l-eżistenza legali tiegħu fi tmiem il-perijodu ta’ dikjarazzjoni tal-VAT li fuqu għandu jsir il-ħlas.
23 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 110 [TFUE] u l-Artikolu 273 tad-Direttiva [dwar il-VAT] ma jipprekludux dispożizzjoni, bħall-Artikolu 103(5a) tal-[Liġi dwar il-VAT], li tipprevedi li fil-każ ta’ akkwist intrakomunitarju ta’ karburanti, il-persuna taxxabbli għandha, mingħajr ma tintalab tagħmel dan mid-Direttur tal-Uffiċċju tad-Dwana, tikkalkola u tħallas it-taxxa lill-amministrazzjoni tad-dwana kompetenti għall-ħlas tad-dazji tas-sisa:
a) f’terminu ta’ 5 ijiem mill-jum fejn l-oġġetti jkunu ġew ippreżentati fil-post ta’ riċeviment tal-prodotti suġġetti għas-sisa stabbilit fl-awtorizzazzjoni xierqa – jekk l-oġġetti kienu suġġetti għal akkwist intrakomunitarju fis-sens tal-[Liġi tas-6 ta’ Diċembru 2008 dwar id-Dazju tas-Sisa] minn konsumatur irreġstrat taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tad-dazji tas-sisa;
b) f’terminu ta’ 5 ijiem mill-jum fejn l-oġġetti jkunu ġew importati f’entrepôt fiskali mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;
c) waqt it-trasferiment ta’ dawn l-oġġetti fit-territorju nazzjonali – jekk l-oġġetti jiġu ttrasferiti barra minn sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa konformement mad-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dazji tas-sisa?
2) L-Artikolu 69 tad-Direttiva [dwar il-VAT] ma jipprekludix dispożizzjoni, bħall-Artikolu 103(5a) tal-Liġi dwar il-VAT, li tipprevedi li fil-każ ta’ akkwist intrakomunitarju ta’ karburanti l-persuna taxxabbli għandha, mingħajr ma tintalab tagħmel dan mid-Direttur tal-Uffiċċju tad-Dwana, tikkalkola u tħallas it-taxxa lill-amministrazzjoni tad-dwana kompetenti għall-ħlas tad-dazji tas-sisa:
a) f’terminu ta’ 5 ijiem mill-jum fejn l-oġġetti jkunu ġew ippreżentati fil-post ta’ riċeviment tal-prodotti suġġetti għas-sisa stabbilit fl-awtorizzazzjoni xierqa – jekk l-oġġetti kienu suġġetti għal akkwist intrakomunitarju fis-sens tal-[Liġi tas-6 ta’ Diċembru 2008 dwar id-Dazji tas-Sisa] minn konsumatur irreġistrat taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tad-dazji tas-sisa;
b) f’terminu ta’ 5 ijiem mill-jum fejn l-oġġetti jkunu ġew importati f’entrepôt fiskali mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;
c) waqt it-trasferiment ta’ dawn l-oġġetti fit-territorju nazzjonali – jekk l-oġġetti jiġu ttrasferiti barra minn sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa konformement mad-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dazji tas-sisa;
meta din tiġi interpretata fis-sens li l-ammont inkwistjoni ma jikkostitwixxix ħlas interim ta’ VAT fis-sens tal-Artikolu 206 tad-Direttiva [dwar il-VAT]?
3) Ħlas interim fuq il-VAT fis-sens tal-Artikolu 206 tad-Direttiva [dwar il-VAT] li ma jsirx fit-terminu previst jitlef l-eżistenza legali fi tmiem il-perijodu ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa li fuqu għandu jsir tali ħlas interim?”
Fuq id-domandi preliminari
24 Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 110 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li timponi obbligu ta’ ħlas antiċipat tal-VAT fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ karburanti qabel ma din it-taxxa ssir eżiġibbli, fis-sens tal-Artikolu 69 tad-Direttiva dwar il-VAT. Fit-tieni lok, dik il-qorti tistaqsi jekk din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 69, 206 u 273 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tistaqsi, minn naħa, jekk id-Direttiva dwar il-VAT għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi, jekk ikun il-każ, ir-rekwiżit li l-VAT dovuta fuq tali akkwist tiġi kkalkolata fuq bażi gross mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt għal tnaqqis u, min-naħa l-oħra, jekk ħlas interim fuq il-VAT, fis-sens tal-Artikolu 206 ta’ din id-direttiva, li ma jitħallasx fit-terminu previst, jitlifx l-eżistenza legali tiegħu fi tmiem il-perijodu ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa li fuqu għandu jsir l-imsemmi ħlas.
25 Hemm lok li tingħata risposta, qabel kollox, għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju li permezz tagħhom din tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 69, 206 u 273 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li timponi obbligu ta’ ħlas tal-VAT fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ karburanti qabel ma din it-taxxa ssir eżiġibbli, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 69.
26 Għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-Artikolu 62 tad-Direttiva dwar il-VAT jiddefinixxi l-“fatt taxxabbli” bħala l-fatt li permezz tiegħu huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet legali neċessarji għall-eżiġibbiltà tat-taxxa, filwaqt li l-punt 2 ta’ dan l-artikolu jiddefinixxi l-“eżiġibbiltà tat-taxxa” bħala d-dritt li l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi sabiex tinvoka, f’mument partikolari, il-ħlas tat-taxxa mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, anki jekk il-ħlas jista’ jiġi pospost. Barra minn hekk, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 206 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-obbligu ta’ ħlas jitnissel, bħala prinċipju, meta tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 250 tal-imsemmija direttiva.
27 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kunċetti ta’ “fatt taxxabbli” u ta’ “eżiġibbiltà” tat-taxxa, imsemmija fl-Artikolu 62 tad-Direttiva dwar il-VAT, u, min-naħa l-oħra, dak ta’ “ħlas” tat-taxxa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 1993, Balocchi, C-10/92, EU:C:1993:846, punt 24).
28 Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt taxxabbli, l-eżiġibbiltà u l-obbligu ta’ ħlas tal-VAT jikkostitwixxu għalhekk tliet stadji suċċessivi fil-proċess li jwassal għall-ġbir ta’ din it-taxxa, fis-sens li t-tnissil tal-obbligu ta’ ħlas tal-VAT jippreżumi li l-imsemmija taxxa tkun saret eżiġibbli, fejn din l-eżiġibbiltà tkun hija stess suġġetta għall-fatt li l-fatt taxxabbli jkun seħħ preċedentement.
29 Fir-rigward ta’ akkwisti intra-Komunitarji, filwaqt li, konformement mal-Artikolu 68 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-fatt taxxabbli tal-VAT iseħħ fid-data li fiha jsir l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, din it-taxxa ssir eżiġibbli biss, bis-saħħa tal-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 222 tagħha, f’data sussegwenti, jiġifieri fil-mument tal-ħruġ tal-fattura jew, l-iktar tard, fil-ħmistax-il jum tax-xahar ta’ wara dak li fih seħħ il-fatt taxxabbli, fil-każ fejn l-ebda fattura ma tkun inħarġet qabel din id-data.
30 Issa, f’dan il-każ, għalkemm huwa stabbilit li, fil-kuntest tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 103(5a) tal-Liġi dwar il-VAT fil-qasam tal-akkwisti intra-Komunitarji ta’ karburanti, il-fatt taxxabbli jseħħ, konformement mal-Artikolu 68 tad-Direttiva dwar il-VAT, qabel ma l-ħlas antiċipat tal-VAT ikun dovut, peress li dan l-obbligu ta’ ħlas jitnissel wara l-introduzzjoni ta’ din il-merkanzija fit-territorju nazzjonali, jidher, madankollu, li l-imsemmi obbligu ta’ ħlas huwa impost qabel ma l-VAT issir eżiġibbli bis-saħħa tal-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 222 tagħha.
31 Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 103(5a) tal-Liġi dwar il-VAT joħloq l-obbligu ta’ ħlas antiċipat tal-VAT, bi ksur ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, indipendentement mill-ħruġ ta’ fattura jew mill-iskadenza tat-terminu msemmi fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li fi tmiemu t-taxxa ssir neċessarjament eżiġibbli.
32 Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-Istati Membri jistgħu, bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 206 tad-Direttiva dwar il-VAT, jidderogaw mir-regola tal-ħlas meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni perjodika u jiġbru ħlasijiet interim, din il-fakultà tista’ tiġi eżerċitata biss sa fejn din tirrigwarda taxxa li saret eżiġibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 1993, Balocchi, C-10/92, EU:C:1993:846, punti 25 u 27).
33 Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 98 u 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm it-tieni sentenza tal-Artikolu 206 tad-Direttiva dwar il-VAT b’hekk tagħti tifsira lill-prinċipju stabbilit fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, li jistabbilixxi l-obbligu ta’ ħlas meta tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni tal-VAT, li taqa’ taħt il-Kapitolu 1 tat-Titolu XI ta’ din id-direttiva, intitolat “L-obbligu ta’ ħlas”, dan l-artikolu ma jistax jistabbilixxi deroga mill-Artikoli 62 u 69 tal-imsemmija direttiva, li jaqgħu taħt it-Titolu VI ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Avveniment li jagħti lok għal ħlas u imposizzjoni ta’ VAT”.
34 Konsegwentement, fid-dawl tal-fatt li l-possibbiltà li jinġabru ħlasijiet interim, bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 206 tad-Direttiva dwar il-VAT, tippermetti lill-Istati Membri sabiex imexxu ’l quddiem mhux id-data li fiha t-taxxa ssir eżiġibbli, iżda biss id-data tal-ħlas ta’ taxxa li tkun diġà saret eżiġibbli, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li timponi l-ħlas tal-VAT qabel ma din tal-aħħar issir eżiġibbli skont l-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva.
35 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jipprovdi li, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu obbligi oħra li huma jqisu neċessarji sabiex jiżguraw il-ġbir eżatt tal-VAT u sabiex jiġu evitati l-frodi. Fil-fatt, għalkemm dawn tal-aħħar għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-mezzi intiżi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, madankollu huma marbuta li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2021, Grupa Warzywna, C-935/19, EU:C:2021:287, punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
36 Għaldaqstant, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ titqies li hija kompatibbli ma’ dan l-Artikolu 273 biss sa fejn din tosserva, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva dwar il-VAT.
37 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikoli 69, 206 u 273 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li timponi obbligu ta’ ħlas tal-VAT fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ karburanti qabel ma din it-taxxa ssir eżiġibbli, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 69.
38 Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-partijiet l-oħra tad-domandi preliminari li jirrigwardaw, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE u, min-naħa l-oħra, aspetti oħra tal-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 69, 206 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/88/UE tat-13 ta’ Lulju 2010, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li timponi obbligu ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ karburanti qabel ma din it-taxxa ssir eżiġibbli, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 69.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.