Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
20 ta’ Jannar 2022 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) – Kamp ta’ applikazzjoni – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Attivitajiet imwettqa minn kumpannija rregolata mid-dritt privat – Operat ta’ żoni ta’ parkeġġ fuq artijiet privati – Spejjeż ta’ kontroll miġbura minn din il-kumpannija fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mis-sewwieqa tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ dawn iż-żoni ta’ parkeġġ – Klassifikazzjoni – Realtà ekonomika u kummerċjali tat-tranżazzjonijiet”
Fil-Kawża C-90/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka, permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Frar 2020, fil-proċedura
Apcoa Parking Danmark A/S
vs
Skatteministeriet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Apcoa Parking Danmark A/S, minn J. Steen Hansen, advokat,
– għall-Gvern Daniż, inizjalment minn J. Nymann-Lindegren, S. Wolff u V. P. Jørgensen, sussegwentement minn S Wolff u V. P. Jørgensen, bħala aġenti, assistiti minn B. Søes Petersen, advokat,
– għall-Irlanda, minn J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u U. Nielsen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Apcoa Parking Danmark A/S (iktar ’il quddiem “Apcoa”) u Skatteministeriet (il-Ministeru għat-Taxxa, id-Danimarka), fir-rigward tal-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-ispejjeż ta’ kontroll miġbura f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mis-sewwieqa tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu taż-żoni ta’ parkeġġ, li jinsabu fuq artijiet privati, li hija tamministra.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li huma suġġetti għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.
4 L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”
Id-dritt Daniż
Il-Liġi dwar il-VAT
5 L-Artikolu 4(1) tal-lov nr. 375 om merværdiafgift (Momsloven) (il-Liġi dwar il-VAT), tat-18 ta’ Mejju 1994 (Lovtidende 1994 A, p. 1727), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”) jipprovdi:
“Il-merkanzija u s-servizzi pprovduti bi ħlas fit-territorju nazzjonali huma suġġetti [għall-VAT]. Huwa kkunsidrat bħala ‘provvista ta’ merkanzija’, it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli. Provvista ta’ servizzi tinkludi kull provvista oħra.”
6 Skont il-punt 8 tal-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi:
“Il-merkanzija u s-servizzi li ġejjin huma eżentati [mill-VAT]
[...]
8) L-amministrazzjoni, il-kiri u l-leasing ta’ proprjetajiet immobbli kif ukoll il-provvista ta’ gass, ilma, elettriku u tisħin marbutin mal-kiri jew il-leasing. L’exonération ne couvre cependant pas Madankollu, l-eżenzjoni ma tkoprix [...] il-kiri ta’ postijiet għal kampeġġ, parkeġġ jew spazji tar-reklamar kif ukoll il-kiri ta’ lockers.”
7 L-Artikolu 27(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi:
“Waqt il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi, il-bażi taxxabbli hija kkostitwita mir-remunerazzjoni, inkluż is-sussidji, direttament marbuta mal-prezz tal-merkanzija jew tas-servizzi, iżda ma tinkludix it-taxxa prevista minn din il-liġi. Jekk il-ħlas isir kollu jew parzjalment qabel il-provvista jew qabel ma tinħareġ il-fattura, il-bażi taxxabbli togħla għal 80 % tas-somma rċevuta.”
Il-Kodiċi tat-Triq
8 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-færdselsloven (il-Kodiċi tat-Triq), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, ma jelenkax is-sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jinġabru spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari f’art privata. Madankollu, hija tippreċiża li, wara emenda leġiżlattiva li seħħet fl-2014, l-Artikolu 122 quater ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:
“[F]’każ ta’ parkeġġ f’territorju privat miftuħ għall-pubbliku, it-tariffa ta’ kontroll (spejjeż ta’ kontroll) tista’ tiġi imposta biss jekk din tiġi indikata b’mod ċar fuq il-post (bla ħsara għal projbizzjoni ġenerali ta’ parkeġġ u indikata b’mod ċar fiż-żona).”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 Apcoa, kumpannija privata rregolata mid-dritt Daniż, għandha bħala attività prinċipali l-operat ta’ żoni ta’ parkeġġ fuq artijiet privati, bi ftehim mal-proprjetarji ta’ dawn l-artijiet.
10 Fil-kuntest tal-attività tagħha, Apcoa tiddetermina l-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu taż-żoni ta’ parkeġġ li hija tamministra, bħal dawk relatati mat-tariffi u mat-tul massimu ta’ parkeġġ.
11 Fid-dħul ta’ kull wieħed minn dawn iż-żoni ta’ parkeġġ hemm tabella li tindika, minn naħa, li “[i]ż-żona [ta’ parkeġġ] hija ġġestita skont ir-regoli tad-dritt privat”, u, min-naħa l-oħra, li “[l]-ksur tar-regolament jista’ jwassal għall-ġbir ta’ spejjeż ta’ kontroll ta’ 510 [kroni Daniżi] (DKK)” (madwar EUR 70) jew “DKK 510 kuljum”. Dawn l-ammonti kienu jirriflettu l-ispejjeż ta’ kontroll applikati minn Apcoa, matul is-snin finanzjarji kkonċernati, jiġifieri s-snin finanzjarji 2008 u 2009.
12 Ma huwiex ikkontestat li Apcoa teżerċita attività ekonomika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, u hija suġġetta għall-VAT fir-rigward tal-ħlas tal-ispejjeż ta’ parkeġġ miġbura skont ir-regoli tagħha. Għall-kuntrarju, hija tikkontesta li hija taxxabbli fir-rigward tal-ispejjeż ta’ kontroll.
13 Fil-25 ta’ Ottubru 2011, Apcoa ressqet quddiem l-iSKAT (l-Amministrazzjoni Fiskali, id-Danimarka), talba għar-rimbors tal-VAT imħallsa, fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż ta’ kontroll, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009, li l-ammont tagħhom kien jammonta għal DKK 25 089 292 (madwar EUR 3 370 000).
14 Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2012, l-amministrazzjoni fiskali ċaħdet din it-talba, għar-raġuni li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kif ippreżentati fil-punti 5 sa 8 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija spejjeż ta’ kontroll kienu kkunsidrati, fid-dritt Daniż, li huma suġġetti għall-VAT.
15 Din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, ikkonfermata mil-Landsskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali, id-Danimarka), kienet is-suġġett ta’ rikors ippreżentat minn Apcoa quddiem ir-Retten i Kolding (il-Qorti ta’ Kolding, id-Danimarka). Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Jannar 2017, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, billi kkunsidrat, essenzjalment, li l-ispejjeż ta’ kontroll applikati minn Apcoa, li hija kklassifikat bħala “tariffi għal parkeġġ miżjuda”, miġbura f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza minn sewwieq tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu taż-żoni ta’ parkeġġ li hija tamministra, kienu jikkostitwixxu l-korrispettiv tal-provvista tas-servizz ta’ parkeġġ li minnu kien ibbenefika dan is-sewwieq.
16 Apcoa appellat minn din is-sentenza quddiem il-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent, id-Danimarka). Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Settembru 2018, din il-qorti ċaħdet dan l-appell, minħabba li, f’dan il-każ, kienet teżisti korrelazzjoni diretta bejn is-servizz ta’ parkeġġ u l-ħlas tal-ispejjeż ta’ kontroll tal-parkeġġ irregolari fuq l-art privata. Għalhekk, l-imsemmi ammont kellu jitqies li huwa l-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar il-VAT.
17 Is-sentenza tal-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent) kienet is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Højesteret (il-Qorti Suprema), il-qorti tar-rinviju, li fil-kuntest tagħha Apcoa sostniet, essenzjalment, li l-ammont li hija tiffattura għal dawn l-ispejjeż ta’ kontroll, fil-każ ta’ ksur minn sewwieq tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu taż-żoni ta’ parkeġġ li hija tamministra, ma jikkostitwixxix il-korrispettiv taż-żamma tad-dritt ta’ parkeġġ li dan is-sewwieq seta’ jibbenefika minnu kontra ħlas tat-tariffi ta’ parkeġġ. Dan l-ammont, sa fejn, minn naħa, jiġi ddeterminat minn qabel, mingħajr ebda rabta ekonomika konkreta mal-valur tas-servizz ta’ parkeġġ ipprovdut u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi, fid-dritt Daniż, penali għal ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu, ma jistax jitqies li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar il-VAT.
18 Il-Ministeru għat-Taxxa jirribatti li, peress li s-sewwieq ikkonċernat jikseb, inkambju għal spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari, aċċess effettiv għal post ta’ parkeġġ, teżisti rabta diretta bejn is-servizz ta’ parkeġġ u dawn l-ispejjeż ta’ kontroll. Barra minn hekk, dan il-ministeru jirrileva li l-imsemmija spejjeż ta’ kontroll jikkostitwixxu parti sinjifikattiva mid-dħul mill-bejgħ ta’ Apcoa, peress li l-ammonti miġbura abbażi tal-istess spejjeż ta’ kontroll kienu jirrappreżentaw, pereżempju, matul is-sena finanzjarja 2009, 34 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha.
19 Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, qabelxejn, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda biss il-kwistjoni tal-eventwali ssuġġettar għall-VAT tal-ispejjeż ta’ kontroll miġbura minn Apcoa f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, mis-sewwieqa, tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu taż-żoni ta’ parkeġġ li din il-kumpannija tamministra. Barra minn hekk, din il-qorti tippreċiża, minn naħa, li huwa paċifiku li l-parkeġġ stess huwa suġġett għall-VAT u, min-naħa l-oħra, li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-issuġġettar għal din it-taxxa tal-ammonti imqassma bejn Apcoa u l-proprjetarju taż-żona ta’ parkeġġ ikkonċernata.
20 Dan premess, l-imsemmija qorti tesponi t-tlettax-il każ li fihom Apcoa tiġbor spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari, jiġifieri, fil-każ ta’:
“1. Ħlas ta’ tariffa insuffiċjenti.
2. Biljett ta’ parkeġġ validu li ma huwiex viżibbli mal-windscreen.
3. Biljett mhux verifikabbli, pereżempju, jekk il-biljett ta’ parkeġġ ma jitqiegħedx b’mod korrett.
Il-każijiet 1 sa 3 japplikaw f’każ ta’ parkeġġ bi ħlas.
4. Assenza ta’ biljett ta’ parkeġġ validu, pereżempju, fil-kuntest ta’ parkeġġ residenzjali li għalih hija meħtieġa l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ spazji ta’ parkeġġ speċifiċi.
5. Parkeġġ f’post irriżervat għal persuni b’diżabbiltà. Din ir-raġuni ta’ spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari tapplika biss fil-presenza ta’ tabella ta’ parkeġġ għal persuni b’diżabbiltà, kemm jekk il-parkeġġ ikun b’xejn kif ukoll bi ħlas. Sabiex ikun jista’ jipparkja f’dawn l-ispazji, is-sewwieq għandu jkun qiegħed prova dokumentarja tad-diżabbiltà tiegħu mal-windscreen tal-vettura tiegħu.
6. Parkeġġ barra l-ispazji ta’ parkeġġ ipprovduti. Din ir-raġuni ta’ spejjeż ta’ kontrol għal parkeġġ irregolari tapplika għat-tipi kollha ta’ postijiet ta’ parkeġġ meta tabella tindika parkeġġ ġewwa l-ispazji kkonċernati.
7. Parkeġġ ipprojbit. Din ir-raġuni ta’ applikazzjoni tal-ispejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari tkopri, pereżempju, il-parkeġġ fuq mezz ta’ aċċess irriżervat għall-vetturi tat-tifi tan-nar.
8. Żona ta’ parkeġġ irriżervat. Din ir-raġuni ta’ spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari tapplika għat-tipi kollha ta’ spazji ta’ parkeġġ li għalihom huwa meħtieġ parkeġġ fl-ispazji speċifiċi.
9. Assenza ta’ arloġġ tal-ipparkjar viżibbli.
10. Arloġġ tal-ipparkjar irregolat b’mod ħażin jew ħin ta’ parkeġġ indikat ikun għadda.
11. Arloġġ tal-ipparkjar illeġibbli. Din ir-raġuni ta’ spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari tapplika, pereżempju, meta l-minutieri jkunu nqalgħu minn mal-arloġġ tal-ipparkjar jew fejn ikun hemm żball fl-arloġġ elettroniku.
12. Arloġġi tal-ipparkjar multipli. Din ir-raġuni ta’ spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari tapplika fil-każijiet fejn is-sewwieq ikkonċernat qiegħed diversi arloġġi tal-ipparkjar mal-windscreen tal-vettura tiegħu sabiex itawwal it-tul tal-parkeġġ tiegħu.
Ir-raġunijiet ta’ spejjeż 9 sa 12 japplikaw fil-każijiet li fihom il-parkeġġ huwa b’xejn għal tul limitat, iżda fejn arloġġ tal-ipparkjar huwa meħtieġ bħala prova tal-mument meta ġiet ipparkjata l-karozza kkonċernata.
13. Oħrajn. Din ir-raġuni ta’ spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari tapplika f’każ ta’ ksur tar-regoli ġenerali għall-użu taż-żoni ta’ ta’ parkeġġ ikkonċernati li ma humiex deskritti fl-ebda wieħed mit-tnax-il punt preċedenti. Dan japplika, pereżempju, meta l-parkeġġ jostakola t-traffiku b’mod ċar. Jekk din ir-raġuni ta’ spejjeż ta’ kontroll tintuża, din għandha tkun kompluta permezz ta’ test li jiddeskrivi l-ksur”.
21 Din il-qorti sussegwentement tfakkar it-tagħlim prinċipali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT fir-rigward, minn naħa, tal-kundizzjonijiet marbuta mal-eżistenza ta’ “provvisti reċiproki” li jistabbilixxu “relazzjoni ġuridika” li tirrifletti, jekk ikun il-każ, “rabta diretta” bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv irċevut u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni li l-ammonti mħallsa jikkostitwixxu l-“korrispettiv effettiv għal servizz individwabbli”. Hija tirreferi, b’mod partikolari għas-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugée-les-Bains (C-277/05, EU:C:2007:440) u tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C-295/17, EU:C:2018:942), filwaqt li tippreċiża li, fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, Apcoa tinvoka l-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, filwaqt li l-Ministeru għat-Taxxa jirreferi, b’mod partikolari, għat-tieni waħda minnhom.
22 Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tirrileva li, tradizzjonalment, fid-Danimarka, is-somom irċevuti minn kumpanniji ta’ amministrazzjoni rregolati mid-dritt privat, bħal Apcoa, bħala spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari, dejjem tqiesu bħala suġġetti għall-VAT. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, b’mod partikolari, għall-ġurisprudenza tagħha li tirriżulta minn sentenza tat-12 ta’ April 1996, li permezz tagħha hija ddeċidiet dwar in-natura, fir-rigward tal-VAT, ta’ tali spejjeż ta’ kontroll, li hija kienet ikklassifikat bħala “tariffi ta’ parkeġġ miżjuda”. Minn din is-sentenza jirriżulta li tali “tariffi miżjuda”, miġbura abbażi ta’ relazzjoni kważi kuntrattwali, kellhom jiġu kkunsidrati li huma l-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi, u għalhekk, suġġetti għall-VAT, minkejja l-fatt li dawn it-“tariffi miżjuda” kienu stabbiliti bħala tariffa ddeterminata minn qabel u sinjifikattiva meta mqabbla ma’ dik korrispondenti għall-ħlas għal parkeġġ stess, l-imsemmija “tariffi miżjuda”, li kienet hija stess intiża sabiex jiġi evitat parkeġġ irregolari.
23 Konsegwentement, huwa possibbli li jitqies li l-obbligu, impost fuq is-sewwieqa li jkunu kisru l-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu taż-żoni ta’ parkeġġ ikkonċernati, li jħallsu spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari huwa bbażat fuq relazzjoni ta’ natura kważi kuntrattwali u li, konsegwentement, bejn Apcoa u dawn is-sewwieqa, teżisti “relazzjoni ġuridika”, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma (C-16/93, EU:C:1994:80, punti 13 u 14). Madankollu għad hemm dubji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn l-ispejjeż ta’ kontroll jistgħux leġittimament jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni għal provvista ta’ servizzi suġġetta għall-VAT, ikkorroborati mill-fatt li, skont l-informazzjoni li għandha din il-qorti, l-awtoritajiet fiskali ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Isvezja, ma jissuġġettawx tali spejjeż ta’ kontroll għall-VAT.
24 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Højesteret (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva [tal-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż ta’ kontroll għall-ksur tar-regoli ta’ parkeġġ fi proprjetà privata jikkostitwixxu korrispettiv ta’ provvista ta’ servizz, u għaldaqstant tranżazzjoni suġġetta għall-VAT?”
Fuq id-domanda preliminari
25 Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż ta’ kontroll miġbura minn kumpannija rregolata mid-dritt privat inkarigata mill-operat ta’ żoni ta’ parkeġġ privati fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, mis-sewwieqa, tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ dawn iż-żoni ta’ parkeġġ, għandhomx jitqiesu li huma l-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u suġġetti bħala tali għall-VAT.
26 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, huma suġġetti għal din it-taxxa l-provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.
27 Provvista ta’ servizzi tkun imwettqa “bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju teżisti relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas irċevut mill-fornitur ikun jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv ta’ servizz individwabbli pprovdut lill-benefiċjarju. Dan ikun il-każ meta tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2021, Balgarska natsionalna televizia, C-21/20, EU:C:2021:743, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-parkeġġ f’post partikolari, li jinsab f’wieħed miż-żoni ta’ parkeġġ li Apcoa tamministra, joħloq relazzjoni ġuridika bejn din il-kumpannija, bħala fornitur ta’ servizzi u amministratur taż-żona ta’ parkeġġ ikkonċernat u s-sewwieq li uża dan il-post ta’ parkeġġ.
29 F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan ir-rapport ġuridiku, il-partijiet jibbenefikaw minn drittijiet u jassumu obbligi, skont il-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu taż-żoni ta’ parkeġġ ikkonċernati, fosthom, b’mod partikolari, it-tqegħid għad-dispożizzjoni, minn Apcoa, ta’ post tal-parkeġġ u l-obbligu ta’ ħlas għas-sewwieq ikkonċernat, minbarra tat-tariffi ta’ parkeġġ, jekk ikun il-każ, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, tal-ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari, indikat fit-tabelli msemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza.
30 Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, fir-rigward, minn naħa, tal-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ servizzi reċiproċi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, jidher li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta. Fil-fatt, il-ħlas tat-tariffi għall-parkeġġ, kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ kontroll għall-parkeġġ irregolari, jikkostitwixxi l-korrispettiv tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ post tal-parkeġġ.
31 Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kundizzjoni li teżiġi li l-ħlas miġbur mill-fornitur ta’ servizzi jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sewwieq li jħallas dawn l-ispejjeż ta’ kontroll ibbenefika minn post jew minn żona ta’ parkeġġ u li l-ammont tal-imsemmija spejjeż ta’ kontroll jirriżulta mill-fatt li l-kundizzjonijiet aċċettati mis-sewwieq ikkonċernat huma ssodisfatti.
32 Għaldaqstant, l-ammont totali tas-somom li s-sewwieqa impenjaw ruħhom li jħallsu bħala korrispettiv għas-servizz ta’ parkeġġ ipprovdut minn Apcoa, inkluż, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari, jirrappreżenta l-kundizzjonijiet li taħthom dawn effettivament ibbenefikaw minn post ta’ parkeġġ, u dan anki jekk ikunu għażlu li jagħmlu użu eċċessiv minnu, billi jaqbżu l-ħin ta’ ipparkjar awtorizzat, billi ma jiġġustifikawx b’mod korrett id-dritt ta’ parkeġġ tagħhom jew billi jipparkjaw fuq spazju rriżervat, mhux indikat jew li jfixkel, kuntrarjament għall-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu taż-żoni ta’ parkeġġ ikkonċernati.
33 Jidher konsegwentement li dawn l-ispejjeż ta’ kontroll jistgħu jkollhom rabta diretta mas-servizz ta’ parkeġġ u, għaldaqstant, li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti integrali mill-ammont totali li dawn is-sewwieqa impenjaw ruħhom li jħallsu lil Apcoa, billi jiddeċiedu li jipparkjaw il-vettura tagħhom f’wieħed miż-żoni ta’ parkeġġ amministrati minn din il-kumpannija.
34 Barra minn hekk, l-ammont tal-imsemmija spejjeż ta’ kontroll jikkorrispondi għall-irkupru ta’ parti mill-ispejjeż assoċjati mal-provvista tas-servizzi li Apcoa pprovditilhom. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-ammont neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni l-ispiża tal-operat ogħla taż-żoni ta’ parkeġġ, iġġenerata minn parkeġġ mhux konformi mal-kundizzjonijiet normali għall-użu tas-servizz offrut. Dan il-korrispettiv huwa intiż sabiex jiżgura lil Apcoa remunerazzjoni kuntrattwali tal-provvista mwettqa f’kundizzjonijiet attribwibbli lill-utent, li ma humiex ta’ natura li jbiddlu r-realtà ekonomika u kummerċjali tar-relazzjoni tagħhom.
35 Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti minn Apcoa bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub li ntbagħtulha mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li abbażi tagħhom, essenzjalment, din il-kumpannija kkonfermat li hija kienet ser tirtira minn dawn l-ispejjeż ta’ kontroll, dħul ta’ natura permanenti. F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għas-snin finanzjarji 2008 u 2009, id-dħul miġbur minnha, li ġej mill-imsemmija spejjeż ta’ kontroll kien jammonta għal madwar 35 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, jiġifieri EUR 10.4 miljun fl-2008 u EUR 11-il miljun fl-2009.
36 Barra minn hekk, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja Apcoa tosserva, essenzjalment, li, jekk, fl-iskadenza tal-perijodu ta’ parkeġġ li għalih ikunu tħallsu tariffi tal-parkeġġ mis-sewwieq ikkonċernat, dan ma jirkuprax il-vettura tiegħu, din tal-aħħar tibqa’ pparkjata u tkun suġġetta għal spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari, possibbilment iffatturati diversi drabi, u dan sakemm dan is-sewwieq jirkupraha.
37 Tali elementi huma ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-ispejjeż ta’ kontroll miġbura minn Apcoa, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.
38 Din il-konklużjoni hija, fil-fatt, ikkorroborata mir-realtà ekonomika u kummerċjali tat-tranżazzjoni kkonċernata, bla ħsara għall-verifika tal-qorti tar-rinviju. Issa, fir-rigward tal-valur tat-termini kuntrattwali fil-kuntest ta’ tranżazzjoni taxxabbli, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din ir-realtà jikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia, C-295/17, EU:C:2018:942, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Madankollu, Apcoa u l-Kummissjoni Ewropea sostnew li l-ammont imħallas minn sewwieq għal tali spejjeż ta’ kontroll ma jistax jitqies li jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv ta’ servizz individwabbli pprovdut lill-benefiċjarju u lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala korrispettiv għal provvista ta’ servizzi awtonoma, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie-les-Bains (C-277/05, EU:C:2007:440, punti 21 sa 35), peress li t-tqegħid għad-dispożizzjoni, minn Apcoa, ta’ post ta’ parkeġġ, ma jiddependix mill-ħlas, mis-sewwieq ikkonċernat, ta’ dawn l-ispejjeż ta’ kontroll.
40 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, għall-finijiet tal-VAT, kull provvista għandha normalment titqies li hija distinta u indipendenti, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-VAT (sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2016, Baštová, C-432/15, EU:C:2016:855, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li teżisti rabta diretta meta żewġ servizzi huma interdipendenti, jiġifieri li wieħed iseħħ biss bil-kundizzjoni li l-ieħor iseħħ ukoll u viċe versa (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, San Domenico Vetraria, C-94/19, EU:C:2020:193, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Issa, dan huwa l-każ hawnhekk, sa fejn, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ġbir minn Apcoa ta’ spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari u l-parkeġġ imwettaq mis-sewwieq ikkonċernat fiċ-ċirkustanzi partikolari li hija ddeterminat li jagħtu lok għal din it-tariffa miżjuda huma marbuta. Fil-fatt, in-neċessità ta’ kontroll tal-parkeġġ irregolari u, konsegwentement, l-impożizzjoni ta’ tali spejjeż ta’ kontroll ma jistgħux jeżistu jekk is-servizz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ post ta’ parkeġġ ma jkunx ġie pprovdut preċedentement.
43 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugée-les-Bains (C-277/05, EU:C:2007:440), il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni ma kinitx ġiet ipprovduta. Issa, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, is-servizz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ post ta’ parkeġġ effettivament twettaq.
44 Lanqas ma huwa ta’ natura li jipprekludi l-konklużjoni misluta fil-punt 37 ta’ din is-sentenza l-argument invokat minn Apcoa li abbażi tiegħu, minn naħa, l-ammont li hija tiffattura fir-rigward tal-ispejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari huwa ddeterminat minn qabel u mingħajr rabta ekonomika konkreta mal-valur tas-servizz ta’ parkeġġ ipprovdut, u, min-naħa l-oħra, li dan l-ammont jikkostitwixxi, fid-dritt Daniż, penali.
45 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument ta’ Apcoa li l-imsemmi ammont huwa ddeterminat minn qabel u mingħajr rabta ekonomika konkreta mal-valur tas-servizz ta’ parkeġġ ipprovdut, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa irrilevanti, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala tranżazzjoni mwettqa bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, l-ammont tal-korrispettiv, b’mod partikolari l-fatt li dan ikun ugwali, ogħla jew inqas mill-ispejjeż li l-persuna taxxabbli sostniet, fil-kuntest tal-provvista tas-servizz. Fil-fatt, tali fatt ma huwiex ta’ natura li taffettwa r-rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa u l-korrispettiv irċevut (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, San Domenico Vetraria, C-94/19, EU:C:2020:193, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-argument invokat minn Apcoa li l-ammont li hija tiffattura bħala spejjeż ta’ kontroll għal parkeġġ irregolari huwa kklassifikat, fid-dritt nazzjonali, bħala penali, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, li għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-ħlas ta’ remunerazzjoni jitwettaqx inkambju għal provvista ta’ servizzi hija kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi deċiża indipendentement mill-evalwazzjoni magħmula abbażi tad-dritt nazzjonali (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia, C-295/17, EU:C:2018:942, punti 69 u 70).
47 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż ta’ kontroll miġbura minn kumpannija rregolata mid-dritt privat inkarigata mill-operat ta’ żoni ta’ parkeġġ privati f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, mis-sewwieqa, tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ dawn iż-żoni ta’ parkeġġ, għandhom jitqiesu li huma l-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u suġġett bħala tali għall-VAT.
Fuq l-ispejjeż
48 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż ta’ kontroll miġbura minn kumpannija rregolata mid-dritt privat inkarigata mill-operat ta’ żoni ta’ parkeġġ privati f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, mis-sewwieqa, tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ dawn iż-żoni ta’ parkeġġ, għandhom jitqiesu li huma l-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u suġġett bħala tali għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).
Firem
* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.