Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
9 ta’ Settembru 2021 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq id-dħul – Dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati – Vantaġġ fiskali rriżervat għad-dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża nazzjonali – Differenza fit-trattament – Kriterju ta’ differenzjazzjoni oġġettiva – Restrizzjoni – Artikolu 65 TFUE – Sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli – Ġustifikazzjoni – Għan ta’ natura purament ekonomika”
Fil-Kawża C-449/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura
Real Vida Seguros SA
vs
Autoridade Tributária e Aduaneira,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn A. Kumin (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Real Vida Seguros SA, minn C. Ramos Pereira, advogado,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, S. Jaulino, H. Magno u P. Barros da Costa, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u I. Melo Sampaio, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 u 65 TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Real Vida Seguros SA u, min-naħa l-oħra, l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”), dwar it-tnaqqis parzjali tad-dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul.
Il-kuntest ġuridiku
3 Skont l-Artikolu 2(1) tal-Estatuto dos Benefícios Fiscais (l-Istatut dwar il-Benefiċċji Fiskali) (Diário da República I, serje I-A, Nru 149, tal-1 ta’ Lulju 1989), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EBF”):
“Vantaġġi fiskali tfisser il-miżuri eċċezzjonali stabbiliti sabiex jiġu protetti l-interessi pubbliċi mhux fiskali li huma ogħla mill-interessi pubbliċi tat-taxxa stess li jipprekludu.”
4 L-Artikolu 31 tal-EBF kien jipprovdi:
“Id-dividendi mqassma tal-azzjonijiet ikkwotati jgħoddu biss għal 50 % tal-ammont tagħhom għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi u tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
5 Matul is-snin finanzjarji 1999 u 2000, Real Vida Seguros, stabbilita f’Porto (il-Portugall), irċeviet dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati kemm fis-suq tal-borża Portugiż kif ukoll fis-swieq ta’ boroż barranin. Billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 31 tal-EBF, hija applikat, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul għal dawn is-snin finanzjarji, it-tnaqqis ta’ 50 % ta’ dawn id-dividendi mid-dħul nett totali tagħha.
6 Wara kontroll fiskali li jirrigwarda l-imsemmija snin finanzjarji, l-awtorità kompetenti għamlet rettifiki għall-valur taxxabbli, li jammontaw għal EUR 10 778.46 għar-riżultat fiskali tas-sena finanzjarja 1999, u għal EUR 13 406.62 għal dak tas-sena finanzjarja 2000, abbażi tal-ġustifikazzjoni segwenti:
“L-analiżi tal-bażi ta’ kalkolu tad-dħul li bbenefika mit-tnaqqis previst għall-azzjonijiet ikkwotati, skont l-Artikolu 31 tal-EBF, ippermetta li jiġi kkonstatat li l-persuna taxxabbli kienet ħadet inkunsiderazzjoni d-dividendi grossi miksuba minn azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża Portugiż u azzjonijiet ikkwotati fis-swieq tal-boroż barranin.
Madankollu, fid-dawl tal-kunċett ta’ “vantaġġ fiskali”, u sa fejn il-vantaġġ ikkonċernat inħoloq bil-għan li tingħata spinta lis-suq tal-borża nazzjonali, huma biss id-dividendi li ġejjin minn azzjonijiet ikkwotati f’dan is-suq tal-borża li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni […]”.
7 L-istimi tat-taxxa mwettqa wara dan il-kontroll fiskali ġew ikkontestati mingħajr suċċess minn Real Vida Seguros, permezz ta’ azzjoni amministrattiva u sussegwentement permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja. Konsegwentement, din il-kumpannija ppreżentat appell quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), il-qorti tar-rinviju.
8 Insostenn tal-appell tagħha, Real Vida Seguros issostni li twettaq żball ta’ liġi fl-ewwel istanza sa fejn ġie deċiż li t-tnaqqis previst fl-Artikolu 31 tal-EBF kien japplika biss għad-dividendi marbuta mal-azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża Portugiż, bl-esklużjoni tad-dividendi marbuta mal-azzjonijiet ikkwotati fis-swieq tal-boroż barranin. Fil-fatt, minbarra l-fatt li dan l-artikolu ma jagħmilx riferiment għall-oriġini tad-dividendi, kwalunkwe distinzjoni f’dan is-sens tmur kontra d-dritt tal-Unjoni peress li tali applikazzjoni ta’ dan il-vantaġġ fiskali tikser il-moviment liberu tal-kapital.
9 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-interpretazzjoni tal-vantaġġ fiskali previst fl-Artikolu 31 tal-EBF, li tipprovdi li dan japplika biss għad-dividendi marbuta mal-azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża nazzjonali, hija bbażata fuq il-fatt li l-għan ta’ dan l-artikolu kien li jagħti spinta lil jew li jiżviluppa s-suq tal-borża. Għalhekk, jeżisti interess pubbliku rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-EBF, li jitqies li huwa ogħla mill-għan imfittex mit-taxxa nnifisha.
10 Madankollu, peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-interpretazzjoni mal-moviment liberu tal-kapital, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-fatt li, skont l-Artikoli 31 u 2 [tal-EBF] u għall-iskopijiet tal-imposto sobre as pessoas colectivas (it-Taxxa fuq il-Persuni Kollettivi) (IRC) imposta fuq ir-rikorrenti għas-snin 1999 u 2000, id-dividendi miksuba mill-boroż ta’ skambju nazzjonali (Portugiżi) huma taxxabbli bil-50 % u minn dan it-tnaqqis huma esklużi d-dividendi rċevuti f’boroż oħra ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, jikser il-moviment liberu tal-kapital imsemmi fl-Artikoli 63 et seq. TFUE?”
Fuq id-domanda preliminari
11 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prattika fiskali ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuna taxxabbli, id-dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża ta’ dan l-Istat Membru japplikaw biss għal 50 % tal-ammont tagħhom, filwaqt li d-dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati fis-swieq tal-boroż tal-Istati Membri l-oħra jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom.
12 Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, għas-snin 1999 u 2000, l-Artikolu 31 tal-EBF kien jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dividendi rċevuti sa 50 % u ma kienx ġie applikat, fid-dawl tal-għan imfittex minn dan l-artikolu, ħlief fir-rigward tad-dividendi rċevuti għal azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża Portugiż. Issa, minn naħa, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Portugiż jirriżulta li, skont l-imsemmi artikolu, li ġie introdott fl-1989 u mħassar fl-2008, dawn id-dividendi setgħu, fir-rigward tas-sena finanzjarja 2000, jitnaqqsu mill-valur taxxabbli tat-taxxa fuq id-dħul, mhux għal 50 %, iżda għal 60 % tal-ammont tagħhom. Min-naħa l-oħra, Real Vida Seguros tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tal-EBF magħmula kemm mill-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll mill-qorti tar-rinviju, li dan l-artikolu japplika biss fir-rigward tad-dividendi rċevuti fir-rigward tal-azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża Portugiż, peress li tali kundizzjoni ma tirriżultax mill-formulazzjoni tiegħu.
13 F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll tiddetermina l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale, C-632/18, EU:C:2019:833, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif deskritta mill-qorti tar-rinviju (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C-218/19, EU:C:2020:1034, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr ma tkun tista’ tikkontestaha jew tivverifika l-eżattezza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2011, Gueye u Salmerón Sánchez, C-483/09 u C-1/10, EU:C:2011:583, punt 42, u tal-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C-15/15, EU:C:2016:464, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
14 Għaldaqstant, huwa abbażi tal-premessi li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula.
15 Il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti ta’ dan l-Istat Membru milli jinvestu fi Stati oħrajn (sentenza tat-30 ta’ April 2020, Société Générale, C-565/18, EU:C:2020:318, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 B’mod partikolari, differenza fit-trattament, meta twassal għal trattament inqas vantaġġuż tad-dħul ta’ persuna taxxabbli ta’ Stat Membru li joriġina minn Stat Membru ieħor, meta mqabbel mat-trattament tad-dħul li joriġina mill-ewwel Stat Membru, tista’ tiddisswadi lil tali persuna taxxabbli milli tinvesti l-kapital tagħha fi Stat Membru ieħor (sentenza tad-29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS), C-480/19, EU:C:2021:334, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont l-Artikolu 31 tal-EBF, kif applikat mill-amministrazzjoni fiskali, il-benefiċjarju ta’ dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati seta’, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, inaqqas parzjalment dawn id-dividendi, bil-kundizzjoni madankollu li l-azzjonijiet li jiġġeneraw l-imsemmija dividendi jkunu kkwotati fis-suq tal-borża Portugiż.
18 Il-Gvern Portugiż jikkontesta l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital billi jsostni li, matul il-perijodu ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 31 tal-EBF, l-aċċess għas-suq tal-borża Portugiż kien miftuħ għal kull persuna fiżika jew ġuridika ta’ kull Stat Membru jew ta’ Stat terz, fejn azzjonijiet ta’ kumpanniji kemm Portugiżi kif ukoll barranin setgħu jiġu kkwotati f’dan is-suq tal-borża.
19 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif applikata mill-amministrazzjoni fiskali, ma għamlitx distinzjoni bejn id-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti, minn naħa, u d-dividendi mqassma minn kumpanniji mhux residenti, min-naħa l-oħra, sa fejn il-kundizzjoni li għaliha kien suġġett it-tnaqqis parzjali kienet tapplika mingħajr distinzjoni għal dawn iż-żewġ tipi ta’ dividendi.
20 Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika mingħajr distinzjoni għall-kumpanniji residenti u għall-kumpanniji mhux residenti tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital peress li anki differenzjazzjoni li hija bbażata fuq kriterju oġġettiv tista’, fil-fatt, tqiegħed fi żvantaġġ is-sitwazzjonijiet transkonfinali (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C-156/17, EU:C:2020:51, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Dan huwa l-każ meta leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali għal kundizzjoni li, minkejja li tkun applikabbli mingħajr distinzjoni, hija, min-natura tagħha jew fil-fatt, speċifika għas-suq nazzjonali, b’tali mod li huma biss il-kumpanniji residenti li jistgħu jissodisfawha filwaqt li l-kumpanniji mhux residenti ġeneralment ma jkunux jissodisfawha (ara s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C-156/17, EU:C:2020:51, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Issa, għandu jiġi kkunsidrat li prattika li abbażi tagħha t-trattament fiskali vantaġġuż ta’ dividendi huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-azzjonijiet li jiġġeneraw dawn id-dividendi jkunu kkwotati fis-suq tal-borża nazzjonali twassal, min-natura stess ta’ din il-kundizzjoni, sabiex investimenti f’kumpanniji residenti jkunu vvantaġġati u li, għaldaqstant, investimenti f’kumpanniji mhux residenti jkunu żvantaġġati.
23 Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-kumpanniji li huma s-suġġett ta’ introduzzjoni fil-borża, u li l-azzjonijiet tagħhom huma għalhekk ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, huma, bħala regola ġenerali, ikkwotati fis-suq tal-borża nazzjonali tagħhom. Min-naħa l-oħra, minkejja li kumpanniji jistgħu jikkwotaw l-azzjonijiet tagħhom fl-istess ħin f’suq tal-borża barrani u fis-suq tal-borża nazzjonali tagħhom, permezz ta’ kwotazzjonijiet internazzjonali multipli, is-sehem tal-kumpanniji mhux residenti kkwotati f’suq tal-borża partikolari huwa, b’mod ġenerali, kunsiderevolment inqas minn dak tal-kumpanniji residenti.
24 Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni tapplika kompletament għas-suq tal-borża Portugiż, sa fejn, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, in-numru ta’ kumpanniji mhux residenti li l-azzjonijiet tagħhom huma kkwotati f’dan is-suq tal-borża huwa marġinali meta mqabbel man-numru ta’ kumpanniji residenti u sa fejn xejn ma jindika li din is-sitwazzjoni kienet differenti matul il-perijodu ta’ applikabbiltà tal-vantaġġ fiskali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
25 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-prattika fiskali li abbażi tagħha l-benefiċjarju ta’ dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati setgħet, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, tnaqqas parzjalment dawn id-dividendi, bil-kundizzjoni madankollu li l-azzjonijiet li jiġġeneraw l-imsemmija dividendi jkunu kkwotati fis-suq tal-borża Portugiż, kienet ta’ natura li tiddisswadi lill-persuni eliġibbli għall-vantaġġ fiskali previst fl-Artikolu 31 tal-EBF milli jagħmlu investimenti f’kumpanniji mhux residenti u tikkostitwixxi, għaldaqstant, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.
26 Dan premess, u kif sostnut mill-Gvern Portugiż, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE madankollu ma jippreġudikax id-dritt tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tar-residenza tagħhom jew tal-post li fih il-kapital tagħhom huwa investit.
27 Issa, sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija fiha nnifisha limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS), C-480/19, EU:C:2021:334, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li hemm lok, għaldaqstant, li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE. Issa, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li tirriżulta minnha tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tad-29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS), C-480/19, EU:C:2021:334, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk teżistix differenza oġġettiva bejn il-benefiċjarju tad-dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża Portugiża, minn naħa, u l-benefiċjarju ta’ dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati fis-swieq tal-boroż barranin, min-naħa l-oħra.
30 Hija ġurisprudenza stabbilita li l-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għall-Istat Membru għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata (sentenza tat-30 ta’ April 2020, Société Générale, C-565/18, EU:C:2020:318, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 F’dan ir-rigward, il-Gvern Portugiż isemmi s-sitwazzjoni differenti li fiha kien jinsab, dak iż-żmien, is-suq tal-borża Portugiż meta mqabbel mas-swieq tal-boroż ta’ Stati Membri oħra kif ukoll il-fatt li l-persuni taxxabbli setgħu, minflok inaqqsu d-dividendi mid-dħul, inaqqsu mit-taxxa miġbura t-taxxa mħallsa f’pajjiż barrani fir-rigward ta’ dawn id-dividendi.
32 Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.
33 Qabel kollox, persuna taxxabbli li tinvesti f’azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża Portugiż u persuna taxxabbli li tagħmel investimenti f’azzjonijiet ikkwotati fis-swieq tal-boroż barranin jinvestu t-tnejn li huma l-kapital tagħhom f’kumpanniji kkwotati sabiex jagħmlu profitt.
34 Sussegwentement, fiż-żewġ każijiet dawn il-profitti huma ntaxxati fil-Portugall. Issa, sa fejn il-Gvern Portugiż jirreferi għall-possibbiltà, għall-persuni taxxabbli li investew il-kapital tagħhom f’azzjonijiet ikkwotati fis-swieq tal-boroż barranin, li jnaqqsu mit-taxxa miġbura fil-Portugall it-taxxa mħallsa f’pajjiż barrani fir-rigward ta’ dawn id-dividendi, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fir-rigward ta’ regola fiskali intiża sabiex tipprevjeni jew tnaqqas it-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma, is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli li tirċievi dividendi li joriġinaw minn Stat Membru ieħor hija paragunabbli ma’ dik ta’ persuna taxxabbli li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali, sa fejn, f’dawn iż-żewġ każijiet, il-profitti magħmula jistgħu, bħala prinċipju, ikunu suġġetti għal sensiela ta’ taxxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C-464/14, EU:C:2016:896, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li investew il-kapitali tagħhom f’azzjonijiet ikkwotati fis-swieq tal-boroż barranin li jnaqqsu mit-taxxa miġbura fil-Portugall it-taxxa mħallsa f’pajjiż barrani fir-rigward ta’ dawn id-dividendi, anki jekk jiġi preżunt li hija stabbilita, ma tistax tqiegħed lil dawn il-persuni taxxabbli f’sitwazzjoni differenti mill-persuni taxxabbli li jkunu investew il-kapital tagħhom f’azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża Portugiż.
35 Fl-aħħar nett, kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Portugiż jirriżulta li l-vantaġġ fiskali mogħti lill-persuni taxxabbli li investew il-kapital tagħhom f’azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża Portugiż kien intiż sabiex jagħti spinta lil u jiżviluppa s-suq tal-borża Portugiż.
36 Issa, sa fejn tali għan huwa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza, neċessarjament u strettament marbut mal-promozzjoni ta’ investimenti domestiċi, li jiġi rrikonoxxut li investiment f’azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża Portugiż iqiegħed persuni taxxabbli f’sitwazzjoni differenti mill-persuni taxxabbli li investew f’azzjonijiet ikkwotati fi swieq ta’ boroż barranin, filwaqt li l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi preċiżament ir-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital transkonfinali, ikun iċaħħad din id-dispożizzjoni mill-iskop tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punt 68).
37 F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, il-Gvern Portugiż isostni, minn naħa, li l-prattika fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tikkostitwixxi l-eżerċizzju tas-setgħat fiskali tar-Repubblika Portugiża u kienet ibbażata fuq is-simetrija bejn id-dritt li jiġu ntaxxati d-dividendi u d-dritt li jiġi awtorizzat in-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.
38 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa kull Stat Membru li għandu jorganizza s-sistema tiegħu ta’ tassazzjoni tal-profitti mqassma u li jiddefinixxi, f’dan il-kuntest, il-bażi taxxabbli applikabbli għall-azzjonist benefiċjarju, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Istati Membri għandhom madankollu jeżerċitaw l-awtonomija fiskali tagħhom fl-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk imposti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital, li jimplika l-kunċett nondiskriminatorju tas-sistema ta’ tassazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C-156/17, EU:C:2020:51, punti 42 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
39 Sa fejn il-Gvern Portugiż jirreferi, min-naħa l-oħra, għall-promozzjoni tas-suq tal-borża, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għan ta’ natura purament ekonomika ma jistax jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE (sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Novo Banco, C-712/19, EU:C:2021:137, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Barra minn hekk, anki jekk jitqies li tali għan huwa kkunsidrat ammissibbli, ebda indikazzjoni ma ġiet ippreżentata sabiex tissuġġerixxi li dan ma kienx jintlaħaq kieku l-vantaġġ fiskali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ukoll applikat għad-dividendi marbuta mal-azzjonijiet ikkwotati fis-swieq tal-boroż barranin u li, għaldaqstant, kien indispensabbli li dawn id-dividendi jiġu esklużi mill-benefiċċju ta’ dan il-vantaġġ fiskali.
41 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prattika fiskali ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuna taxxabbli, id-dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża ta’ dan l-Istat Membru jgħoddu biss għal 50 % tal-ammont tagħhom, filwaqt li d-dividendi kollha marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati fis-swieq tal-boroż ta’ Stati Membri oħra jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom.
Fuq l-ispejjeż
42 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prattika fiskali ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuna taxxabbli, id-dividendi marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati fis-suq tal-borża ta’ dan l-Istat Membru jgħoddu biss għal 50 % tal-ammont tagħhom, filwaqt li d-dividendi kollha marbuta ma’ azzjonijiet ikkwotati fis-swieq tal-boroż ta’ Stati Membri oħra jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.