Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
3 ta’ Frar 2022 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 122 – Rata mnaqqsa għall-kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab – Differenzazzjoni skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti – Tipi ta’ injam intiżi li jintużaw bħala ħatab li jservi l-istess bżonn tal-konsumatur u li jkun f’kompetizzjoni – Prinċipju ta’ newtralità fiskali”
Fil-Kawża C-515/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’Ottubru 2020, fil-proċedura
B AG
vs
Finanzamt A,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, N. Jääskinen u J.-C. Bonichot (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal B AG, minn T. Hammer, Wirtschaftsprüfer u Steuerberater, kif ukoll minn C. Hammer, Steuerberater,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Costanzo, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u R. Pethke, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 98 u 122 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn B AG u l-Finanzamt A (l-Amministrazzjoni tal-Finanzi A, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) dwar l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-kunsinni tal-biċċiet tal-injam.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva dwar il-VAT
3 Skont il-premessa 4 tad-Direttiva dwar il-VAT:
“L-ilħuq ta’ l-għan li jiġi stabbilit suq intern jassumi l-applikazzjoni fl-Istati Membri ta’ leġislazzjoni dwar it-taxxi fuq il-bejgħ li ma tħarbatx il-kondizzjonijet tal-kompetizzjoni jew ma xxekkilx iċ-ċaqliq ħieles tal-merkanzija u s-servizzi. Għalhekk hu meħtieġ li tintlaħaq din l-armonizazzjoni tal-leġislazzjoni dwar it-taxxi fuq il-bejgħ permezz ta’ sistema ta’ [VAT], li għandha telimina, sa fejn hu possibli, fatturi li jistgħu jtelfu l-kondizzjonijet ta’ kompetizzjoni, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell tal-Komunità.”
4 Il-premessa 7 ta’ din id-direttiva hija redatta kif ġej:
“Is-sistema komuni ta’ VAT għandha twassal, anki jekk ir-rati u l-eżenzjonijiet ma jkunux armonizzati b’mod sħiħ, għal newtralità fil-kompetizzjoni, b’mod li fit-territorju ta’ kull pajjiż merkanzija u servizzi simili jġorru l-istess piż ta’ taxxa, hu x’inhu t-tul tal-produzzjoni u l-katina tad-distribuzzjoni.”
5 L-Artikolu 96 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:
“L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.”
6 L-Artikolu 98 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:
“1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.
2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.
[…]
3. Meta jkunu qed japplikaw ir-rati mnaqqsa previsti fil-paragrafu 1 għal kategoriji ta’ merkanzija, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-Nomenklatura Magħquda sabiex jistabbilixxu eżattament kemm hi koperta l-kategorija kkonċernata.”
7 L-Anness III ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi l-lista ta’ kunsinni ta’ oġġetti u ta’ provvisti ta’ servizzi li għalihom jistgħu jiġu applikati r-rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 98 tagħha, ma jinkludix kategorija ta’ prodotti “injam użat bħala ħatab”.
8 L-Artikoli 109 sa 122 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta’ VAT, sakemm is-sistema definittiva ma tkunx ġiet introdotta.
9 L-Artikolu 122 tal-istess direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa għall-provvista […] ta’ injam użat bħala ħatab.”
In-NM
10 In-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas-16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 312, p. 1).
11 Hija tinkludi, b’mod partikolari, l-intestaturi tariffarji li ġejjin:
Kodiċi NM |
Deskrizzjoni |
4401 |
Ħatab, f’forma ta’ zkuk, zkuk ħoxnin, friegħi, qatet ta’ għesieleġ jew forom simili; injam f’laqx jew frak; serratura u skart u fdal ta’ injam, kemm jekk magħqudin fi zkuk, briquettes, gerbub jew forom simili jew le |
4401 10 00 |
Ħatab, f’forma ta’ zkuk, zkuk ħoxnin, friegħi, qatet ta’ għesieleġ jew forom simili |
|
Injam f’laqx jew frak |
4401 21 00 |
Koniferu |
4401 22 00 |
Mhux koniferu |
|
Serratura u skart u fdal ta’ injam, kemm jekk magħqudin fi zkuk, briquettes, gerbub jew forom simili jew le |
4401 31 00 |
Pelits tal-injam |
4401 39 |
Oħrajn |
4401 39 20 |
Magħqudin (per eżempju, briquettes) |
|
Oħrajn |
4401 39 30 |
Serratura |
Id-dritt Ġermaniż
12 L-Artikolu 12 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ) jiddisponi:
“(1) Ir-rata tat-taxxa hija ta’ 19% tal-ammont taxxabbli għat-tranżazzjonijiet kollha taxxabbli (Artikoli 10, 11, 25(3) u 25a(3) u (4)).
(2) Ir-rata tat-taxxa hija mnaqqsa għal 7 % għat-tranżazzjonijiet li ġejjin:
1. il-kunsinna, l-importazzjoni jew l-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti msemmija fl-Anness 2, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti msemmija fin-Nru 49(f), u fin-Nri 53 u 54;
[…]”
13 In-Numru 48 tal-Anness 2 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:
[Numru tar-reġistru] |
Deskrizzjoni |
Tariffa doganali (kapitolu, intestatura, subintestatura) |
48 |
Injam, jiġifieri: |
|
|
a) Ħatab, f’forma ta’ zkuk, zkuk ħoxnin, friegħi, qatet ta’ għesieleġ jew forom simili |
Subintestatura 4401 10 00 |
|
b) Serratura u skart u fdal ta’ injam, kemm jekk magħqudin fi zkuk, briquettes, gerbub jew forom simili, kemm jekk le |
Subintestatura 4401 30 |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 It-tilwima tirrigwarda l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT għall-kunsinni tal-biċċiet tal-injam.
15 Matul l-2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkummerċjalizzat biċċiet tal-injam bid-denominazzjonijiet protetti “Flokets weiss” (biċċiet tal-injam “industrijali”) u “Flokets natur” (biċċiet tal-injam “tal-foresta”) u żgurat il-manutenzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ tisħin li jużaw il-biċċiet tal-injam bħala fjuwil.
16 Il-biċċiet tal-injam industrijali jiġu mit-tqattigħ taz-zkuk, li l-qatgħat tagħhom jitnaqqsu f’biċċiet tal-injam minn imtieħen tat-tħin. Il-biċċiet tal-injam tal-foresta jiġu mill-friegħi u mill-imsaġar li jirriżultaw mill-manutenzjoni tal-foresti. Ir-residwi tal-injam jiġu mitħuna minn magna fil-foresta u mbagħad imnixxfin mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
17 Matul is-sena finanzjarja 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali pprovdiet biċċiet tal-injam industrijali u tal-foresta lill-komun A u lill-parroċċa B. Matul dak il-perijodu, hija pprovdiet ukoll biċċiet tal-injam bħala fjuwil, fil-kuntest ta’ ftehim konkluż mal-komun C dwar il-“monitoraġġ tal-funzjonament ta’ installazzjoni ta’ tisħin tal-biċċiet tal-injam li jinkludi l-manutenzjoni u t-tindif”.
18 Fid-dikjarazzjoni provviżorja tal-VAT għas-sena finanzjarja 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali applikat ir-rata normali (19 %) għall-provvisti msemmija iktar ’il fuq , konformement mal-opinjoni tal-amministrazzjoni fiskali espressa matul spezzjoni fiskali preċedenti.
19 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat din ir-rata quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja), li laqgħet ir-rikors parzjalment. Dik il-qorti ddeċidiet li l-kunsinni ta’ biċċiet tal-injam lill-komun A u lill-parroċċa B kellhom jiġu suġġetti għar-rata mnaqqsa, iżda li l-pakkett ta’ provvisti pprovdut lill-komun C kellu jiġi ntaxxat bir-rata normali, peress li kien jikkostitwixxi provvista globali unika.
20 Kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll l-amministrazzjoni fiskali ppreżentaw appell għal reviżjoni kontra s-sentenza tal-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja).
21 Dik il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kunċett ta’ “injam użat bħala ħatab”, li jinsab fl-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari dwar jekk dan il-kunċett jinkludix il-biċċiet tal-injam.
22 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-eżerċizzju tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri humiex awtorizzati jiddefinixxu bi preċiżjoni l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tat-taxxa għal kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab billi jirrikorru għan-NM jew jekk l-awtorizzazzjoni f’dan is-sens prevista fl-Artikolu 98(3) ta’ din id-direttiva hijiex limitata għall-każijiet ta’ applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-kunsinni ta’ oġġetti li jaqgħu fil-kategoriji elenkati fl-Anness III tal-imsemmija direttiva.
23 Fit-tielet lok, fil-każ li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jippreċiżaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT għal kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab permezz tan-NM, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludix l-applikazzjoni ta’ rati differenti ta’ taxxa għal tipi differenti ta’ injam użat bħala ħatab.
24 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-kunċett ta’ injam użat bħala ħatab, li jinsab fl-Artikolu 122 tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-injam kollu li, fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, ikun intiż esklużivament li jintuża bħala ħatab?
2) Stat Membru li jistabbilixxi, fuq il-bażi tal-Artikolu 122 tad-Direttiva [dwar il-VAT], rata mnaqqsa ta’ taxxa fir-rigward tal-kunsinni ta’ njam użat bħala ħatab, jista’ jiddefinixxi bi preċiżjoni l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-rata, fis-sens tal-Artikolu 98(3) tad-Direttiva [dwar il-VAT], b’riferiment għan-[NM]?
3) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: Stat Membru jista’ jeżerċita s-setgħa, mogħtija lilu mill-Artikolu 122 tad-Direttiva [dwar il-VAT] u mill-Artikolu 98(3) tad-Direttiva [dwar il-VAT], li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ taxxa fir-rigward tal-kunsinni ta’ njam użat bħala ħatab b’riferiment għan-[NM], b’osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, b’tali mod li jiġu suġġetti għal rati differenti ta’ taxxa l-kunsinni ta’ diversi tipi ta’ njam użat bħala ħatab f’sitwazzjoni fejn dawn it-tipi, għalkemm jistgħu jiġu distinti fuq il-bażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, f’għajnejn il-konsumatur medju għandhom, skont il-kriterju tal-kumparabbiltà fl-użu, l-istess utilità (f’dan il-każ, li jsaħħnu) u għalhekk jinsabu f’kompetizzjoni ma’ xulxin?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
25 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “injam użat bħala ħatab” jinkludi l-injam kollu li, fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, ikun intiż esklużivament sabiex jiġi maħruq.
26 Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jagħmel l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandu normalment jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi mal-Unjoni Ewropea kollha, irrispettivament mill-klassifikazzjonijiet użati fl-Istati Membri (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali), C-18/20, EU:C:2021:710, punt 32).
27 Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ riferiment fl-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-kunċett ta’ “injam użat bħala ħatab” li jinsab f’din id-dispożizzjoni għandu jitqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li s-sens u l-portata tiegħu għandhom ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lil dan il-kunċett interpretazzjoni uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
28 F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ definizzjoni tal-“injam użat bħala ħatab” li jinsab f’din id-direttiva, għandu jsir riferiment, minn naħa, għas-sens abitwali tal-espressjoni fil-lingwaġġ ta’ kuljum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, Phantasialand, C-406/20, EU:C:2021:720, punt 29), jiġifieri injam intiż li jiġi maħruq sabiex jissaħħan bini pubbliku jew privat.
29 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa ta’ natura derogatorja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 96 ta’ din id-direttiva, l-istess rata ta’ VAT, jiġifieri r-rata normali stabbilita minn kull Stat Membru, hija applikabbli għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi. Huwa għalhekk b’eċċezzjoni għal din ir-regola li l-possibbiltà li tiġi applikata, b’mod provviżorju, rata mnaqqsa ta’ VAT b’mod partikolari għall-injam użat bħala ħatab hija prevista fl-Artikolu 122 tal-imsemmija direttiva.
30 Bħala dispożizzjoni derogatorja, dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenzi tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C-411/17, EU:C:2019:622, punt 147, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2020, JE (Liġi applikabbli għad-divorzju), C-249/19, EU:C:2020:570, punt 23), u, konsegwentement, il-kunċett ta’ “injam użat bħala ħatab”, li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat bħala “injam użat bħala ħatab”, skont id-definizzjoni li tipproponi l-qorti tar-rinviju, l-injam kollu li, fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, bħal livell predeterminat ta’ nxif, ikun intiż esklużivament sabiex jiġi maħruq.
31 Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ injam użat bħala ħatab, fis-sens ta’ dan l-artikolu, jindika l-injam kollu li, fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, ikun intiż esklużivament sabiex jiġi maħruq.
Fuq it-tieni domanda
32 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li, skont din id-dispożizzjoni, jistabbilixxi rata mnaqqsa ta’ VAT għall-kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab, jista’ jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, konformement mal-Artikolu 98(3) tal-imsemmija direttiva billi jirreferi għan-NM.
33 Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kategoriji ta’ kunsinni ta’ oġġetti elenkati fl-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT, li jistgħu jkunu suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ VAT bis-saħħa tal-Artikolu 98(1) u (2) ta’ din id-direttiva, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippermetti espressament lill-Istati Membri li jiddefinixxu dawn il-kategoriji b’mod iktar preċiż billi jirreferu għan-NM.
34 Mill-banda l-oħra, l-istess possibbiltà ma tistax tiġi dedotta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT, li sempliċement jgħid li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa inter alia għall-kunsinni tal-injam użat bħala ħatab, sakemm is-sistema definittiva ma tkunx ġiet introdotta.
35 Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li, kif ġie espost fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT jirrappreżenta dispożizzjoni derogatorja u għandu, konsegwentement, jiġi interpretat b’mod strett. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu l-benefiċċju ta’ rata mnaqqsa lil kunsinni oħra ta’ injam minbarra dik ta’ injam użat bħala ħatab b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
36 Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà, matul perijodu tranżitorju, li japplikaw rata mnaqqsa għall-kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab, dawn l-Istati jistgħu ma japplikawx tali rata għal dawn il-kunsinni u jagħżlu li japplikaw ir-rata normali prevista fl-Artikolu 96 ta’ din id-direttiva. Tali għażla tinkludi wkoll il-possibbiltà li tiġi applikata rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni biss ta’ injam użat bħala ħatab, sakemm din l-għażla tiġi eżerċitata fil-limiti stretti tad-deroga, kif tfakkar fil-punt preċedenti.
37 Fil-fatt, bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 98 tad-Direttiva dwar il-VAT (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C-597/17, EU:C:2019:544, punt 44), għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 122 ta’ din id-direttiva, ippreveda biss possibbiltà, għall-Istati Membri, li japplikaw, bħala deroga u b’mod tranżitorju, rata mnaqqsa ta’ VAT għall-kunsinni, inter alia, ta’ injam użat bħala ħatab. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jirriżervaw il-benefiċċju ta’ din ir-rata mnaqqsa għal parti biss minn dawn il-kunsinni.
38 Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom l-intenzjoni li jagħmlu użu ristrett u għalhekk selettiv tal-possibbiltà mogħtija lilhom mill-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT li għandhom jippreċiżaw, bi kwalunkwe mezz, fid-dritt nazzjonali tagħhom il-kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab li huma jagħżlu li jagħtu l-benefiċċju ta’ rata mnaqqsa. L-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tipprojbixxihom milli jirrikorru għal strument ta’ dan id-dritt għal dan l-għan u, b’mod partikolari, milli jirreferu għan-NM, anki jekk dan l-Artikolu 122, b’differenza mill-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva, ma jipprevedix dan espressament.
39 Madankollu, il-possibbiltà, li tirriżulta mill-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT, li l-benefiċċju ta’ rata mnaqqsa tiġi rriżervata għal ċerti kunsinni biss ta’ injam użat bħala ħatab hija suġġetta għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw b’mod iktar preċiż il-kategoriji ta’ kunsinni ta’ oġġetti jew ta’ provvisti ta’ servizzi li għalihom l-imsemmija direttiva tippermettilhom japplikaw rata mnaqqsa, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT (sentenzi tat-22 ta’ April 2021, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Katowicach, C-703/19, EU:C:2021:314, punt 38, u tad-9 ta’ Settembru 2021, Phantasialand, C-406/20, EU:C:2021:720, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
40 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 122 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li, skont dan l-artikolu, jistabbilixxi rata mnaqqsa ta’ VAT għall-kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab, jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal ċerti kategoriji ta’ kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab billi jirreferi għan-NM, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
Fuq it-tielet domanda
41 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kunsinna ta’ biċċiet tal-injam tiġi eskluża mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa applikabbli għall-kunsinna ta’ tipi oħra ta’ injam użat bħala ħatab.
42 Kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, meta Stat Membru jagħżel li japplika r-rata mnaqqsa ta’ VAT b’mod selettiv għall-kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi li għalihom id-Direttiva dwar il-VAT tippermetti li tiġi applikata tali rata, huwa għandu josserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
43 Dan il-prinċipju jipprekludi li oġġetti jew provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu, li jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, Phantasialand, C-406/20, EU:C:2021:720, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi stabbilit jekk oġġetti jew provvisti ta’ servizzi jixxibhux, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni prinċipalment il-perspettiva tal-konsumatur medju. Oġġetti jew provvisti ta’ servizzi jkunu jixxiebhu meta jkollhom karatteristiċi analogi u jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumatur, skont kriterju ta’ tqabbil fl-użu, u meta d-differenzi eżistenti ma jinfluwenzawx b’mod kunsiderevoli d-deċiżjoni tal-konsumatur medju li jirrikorri għal wieħed jew għal ieħor mill-imsemmija oġġetti jew provvisti ta’ servizzi (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, Phantasialand, C-406/20, EU:C:2021:720, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Fi kliem ieħor, għandu jiġi eżaminat jekk l-oġġetti jew il-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni jinsabux, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, f’relazzjoni ta’ sostituzzjoni. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, l-applikazzjoni ta’ rati differenti ta’ VAT tista’ taffettwa l-għażla tal-konsumatur, u dan jindika, konsegwentement, ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, Phantasialand, C-406/20, EU:C:2021:720, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq eżami konkret sabiex tiddetermina jekk il-biċċiet tal-injam humiex sostitwibbli għat-tipi l-oħra ta’ injam użat bħala ħatab mill-perspettiva tal-konsumatur medju.
47 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li d-dritt nazzjonali jeskludi l-kunsinna ta’ biċċiet tal-injam mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa tal-VAT, filwaqt li jagħti dan il-benefiċċju lill-kunsinni ta’ tipi oħra ta’ injam użat bħala ħatab, sakemm, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, il-biċċiet tal-injam ma jkunux sostitwibbli għal dawn it-tipi l-oħra ta’ injam użat bħala ħatab, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
48 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 122 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ injam użat bħala ħatab, fis-sens ta’ dan l-artikolu, jindika l-injam kollu li, fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, ikun intiż esklużivament sabiex jiġi maħruq.
2) L-Artikolu 122 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li, skont dan l-artikolu, jistabbilixxi rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għall-kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal ċerti kategoriji ta’ kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab billi jirreferi għan-Nomenklatura Magħquda, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
3) Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li d-dritt nazzjonali jeskludi l-kunsinna ta’ biċċiet tal-injam mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud, filwaqt li jagħti dan il-benefiċċju lill-kunsinni ta’ tipi oħra ta’ injam użat bħala ħatab, sakemm, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, il-biċċiet tal-injam ma jkunux sostitwibbli għal dawn it-tipi l-oħra ta’ injam użat bħala ħatab, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.