SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Settembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Artikoli 49 u 54 TFUE) – Tnaqqis tat-telf definittiv sostnut minn stabbiliment permanenti mhux residenti – Stat li rrinunzja għas-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet”
Fil-Kawża C-538/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura
Finanzamt B
vs
W AG,
fil-preżenza ta’:
Bundesministerium der Finanzen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, J.-C. Bonichot (Relatur), L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal W AG, minn P. Dodos, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Kanitz u J. Möller, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u E. Toutain, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, A. Laine u H. Leppo, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u V. Uher, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Marzu 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 54 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Finanzamt B (l-Uffiċċju tat-Taxxa B, il-Ġermanja) u W AG, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Ġermanja, dwar ir-rifjut tal-ewwel li jieħu inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tat-taxxa dovuta minn din il-kumpannija f’dan l-Istat Membru għas-sena 2007, it-telf sostnut minn stabbiliment permanenti ta’ din tal-aħħar li kien jinsab fir-Renju Unit u li ngħalaq matul l-istess sena. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Ġermaniż
3 |
L-Artikolu 1 tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KStG”), jipprovdi: “(1) Il-persuni ġuridiċi, gruppi ta’ persuni u grupp ta’ assi li għandhom it-tmexxija jew is-sede tagħhom fit-territorju nazzjonali għandhom responsabbiltà illimitata ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji: 1. il-kumpanniji b’kapital azzjonarju (b’mod partikolari l-kumpanniji Ewropej, il-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, soċjetà limitata b’kapital azzjonarju, il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata); […] 2) L-obbligu illimitat li titħallas it-taxxa fuq il-kumpanniji japplika għad-dħul kollu. […]” |
4 |
L-Artikolu 8(2) tal-KStG jipprovdi li d-dħul kollu ta’ persuna kompletament taxxabbli, fis-sens tal-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 1(1), jitqies li jirriżulta minn attività industrijali jew kummerċjali. |
Il-Konvenzjoni għall-Ħelsien mit-Taxxa Doppja
5 |
L-Artikolu III(1) tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Novembru 1964 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, għall-Ħelsien mit-Taxxa Doppja u l-Prevenzjoni tal-Evażjoni Fiskali kif emendata permezz ta’ ftehim addizzjonali tat-23 ta’ Marzu 1970 (BGBl. 1966 II, p. 359; BGBl. 1967 II, p. 828, u BGBl. 1971 II, p. 46) (iktar ’il quddiem id-“DBA”) jistipula: “Il-profitti industrijali jew kummerċjali ta’ impriża ta’ territorju minnhom għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa biss f’dan it-territorju sakemm l-impriża ma teżerċitax kummerċ jew negozju fit-territorju l-ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti li jinsab hemmhekk. Jekk teżerċita kummerċ jew negozju f’dan it-territorju l-ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti li jkun jinsab fih, tista’ tiġi imposta t-taxxa fuq dawn il-profitti fit-territorju l-ieħor iżda biss sal-ammont li dawn ikunu imputabbli lil dan l-istabbiliment permanenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
6 |
L-Artikolu XVIII(2) tad-DBA jipprevedi: “Għal resident tar-Repubblika Federali, it-taxxa għandha tiġi ddeterminata kif ġej:
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 |
W, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li għandha s-sede tagħha u l-post tat-tmexxija tagħha fil-Ġermanja, topera bank għan-negozju ta’ titoli trasferibbli. Fix-xahar ta’ Awwissu 2004, W fetħet fergħa fir-Renju Unit. Peress li din tal-aħħar ma għamlitx profitti, W għalqitha matul l-ewwel semestru tas-sena 2007, b’tali mod li t-telf sostnut minn dan l-istabbiliment ma setax jiġi riportat lejn ir-Renju Unit għal finijiet fiskali. |
8 |
Peress li l-Uffiċċju tat-Taxxa B irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni dan it-telf għall-iffissar tal-ammont dovut minn W fil-Ġermanja bħala taxxa fuq il-kumpanniji u t-taxxa professjonali għas-sena fiskali 2007, din il-kumpannija ppreżentat rikors quddiem il-Hessiches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hessen, il-Ġermanja). Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, din il-qorti laqgħet dan ir-rikors. |
9 |
L-Uffiċċju tat-Taxxa B ressaq appell għal reviżjoni minn din is-sentenza quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju. |
10 |
Din il-qorti tirrileva li, għalkemm W hija suġġetta fil-Ġermanja għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tad-dħul kollu tagħha, skont l-Artikolu 1(1) u (2) tal-KStG, it-telf sostnut mill-istabbiliment permanenti tagħha fir-Renju Unit huwa eskluż mill-bażi tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji tagħha bis-saħħa tal-Artikolu XVIII(2) tad-DBA, li jeżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji il-prestazzjoni finanzjarja ta’ barra mill-pajjiż. Hija tosserva li l-istess jgħodd fir-rigward tat-taxxa professjonali, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Gewerbesteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa professjonali) jirreferu għad-determinazzjoni tal-profitti suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji għall-kalkolu tal-bażi ta’ stima ta’ din it-taxxa. Dawn l-elementi għandhom iwasslu sabiex l-appell jintlaqa’. |
11 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-telf sostnut mill-istabbiliment permanenti ta’ W fir-Renju Unit ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa dovuta minn din il-kumpannija fil-Ġermanja skont il-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta għall-aħħar darba mis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock (C-650/16, EU:C:2018:424), ma tagħtix risposta ċara għal din id-domanda fil-każ partikolari fejn l-eżenzjoni tal-prestazzjoni finanzjarja ta’ barra mill-pajjiż hija prevista minn konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, hija tistaqsi wkoll taħt liema kundizzjonijiet it-telf sostnut mill-istabbiliment permanenti barrani għandu jitqies bħala “definittiv”, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, kif għandu jiġi ddeterminat l-ammont ta’ dan it-telf u jekk l-obbligu li dan it-telf jittieħed inkunsiderazzjoni japplikax ukoll fil-qasam tat-taxxa professjonali. |
12 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
13 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema fiskali ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha kumpannija residenti tiegħu ma tistax tnaqqas mill-profitti taxxabbli tagħha t-telf definittiv sostnut mill-istabbiliment permanenti tagħha li jinsab fi Stat Membru ieħor fil-każ fejn l-Istat Membru ta’ residenza jkun irrinunzja għas-setgħa tiegħu li jintaxxa l-prestazzjoni finanzjarja ta’ dan l-istabbiliment permanenti skont konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja. |
14 |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà ta’ stabbiliment iggarantita fl-Artikoli 49 u 54 TFUE tinkludi, għall-kumpanniji kkostitwiti konformement mal-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea, d-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru ieħor permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 15). |
15 |
Anki jekk, skont il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu wkoll li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija kkostitwita konformement mal-leġiżlazzjoni tiegħu. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma validi wkoll meta, bħal fil-każ ineżami, kumpannija stabbilita fi Stat Membru topera fi Stat Membru ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punti 16 u 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
16 |
Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 1(1) u (2) tal-KStG, il-kumpanniji li għandhom il-post tat-tmexxija tagħhom jew is-sede tagħhom fil-Ġermanja huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq it-totalità tad-dħul tagħhom. Madankollu, skont id-dispożizzjonijiet tad-DBA, fil-każ fejn kumpannija li jkollha l-post tat-tmexxija tagħha jew is-sede tagħha fil-Ġermanja teżerċita, fir-Renju Unit, attività industrijali jew kummerċjali permezz ta’ stabbiliment permanenti, il-profitti attribwibbli lil dan l-istabbiliment permanenti huma esklużi mill-bażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn din il-kumpannija fil-Ġermanja, bla ħsara għall-possibbiltà li dan l-Istat Membru jeħodhom inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tar-rata tat-taxxa, bil-kundizzjoni li dawn ikunu suġġetti għat-taxxa fir-Renju Unit. L-istess japplika, b’mod simetriku, għat-telf imputabbli lil tali stabbiliment permanenti. |
17 |
F’tali eżempju, għad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tagħhom, il-kumpanniji residenti jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali li jikkonsisti f’li jippermettilhom jieħdu inkunsiderazzjoni t-telf sostnut minn stabbiliment permanenti residenti. Jekk din il-possibbiltà rigward it-telf sostnut minn stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor tiġi eskluża, dan joħloq differenza fit-trattament li jista’ jiddiswadi kumpannija residenti milli teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ tali stabbiliment permanenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punti 18 u 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
18 |
Tali differenza fit-trattament hija aċċettata biss jekk tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma jkunux oġġettivament komparabbli jew jekk din tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonata għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
19 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni interna ma’ sitwazzjoni transkonfinali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
Fir-rigward tal-miżuri previsti minn Stat Membru sabiex ikun jista’ jipprevjeni jew inaqqas it-tassazzjoni doppja tal-profitti ta’ kumpannija residenti, il-kumpanniji li għandhom stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ma humiex, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-kumpanniji li għandhom stabbilimenti permanenti residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
Dan ma huwiex il-każ meta l-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tassimila hija nnifisha dawn iż-żewġ kategoriji ta’ stabbiliment għall-finijiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf jew tal-profitti mwettqa minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Nordea Bank Danmark, C-48/13, EU:C:2014:2087, punt 24, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland, C-388/14, EU:C:2015:829, punt 28). |
22 |
Min-naħa l-oħra, meta l-Istat Membru ta’ residenza ta’ kumpannija jkun irrinunzja, bis-saħħa ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, milli jeżerċita s-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu fuq il-prestazzjoni finanzjarja tal-istabbiliment permanenti mhux residenti ta’ din il-kumpannija, li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija residenti li jkollha tali stabbiliment permanenti ma tkunx komparabbli ma’ dik ta’ kumpannija residenti li jkollha stabbiliment permanenti residenti fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-ewwel Stat Membru sabiex tipprevjeni jew tnaqqas it-tassazzjoni doppja tal-profitti u, b’mod simetriku, it-tnaqqis doppju tat-telf għall-kumpanniji residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland, C-388/14, EU:C:2015:829, punt 65). |
23 |
Issa, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock (C-650/16, EU:C:2018:424), li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, ma kkontestatx din il-konklużjoni. |
24 |
Huwa minnu li f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tat-telf attribwibbli lil stabbiliment permanenti mhux residenti li temm kull attività u li t-telf tiegħu ma setax u ma jistax iżjed jitnaqqas mill-profitti taxxabbli tiegħu fl-Istat Membru fejn huwa kien jeżerċita l-attività tiegħu, li s-sitwazzjoni ta’ kumpannija residenti li għandha tali stabbiliment ma hijiex differenti minn dik ta’ kumpannija residenti li għandha stabbiliment permanenti residenti, fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni ta’ tnaqqis doppju tat-telf. Hija żiedet tgħid li l-kapaċità kontributtiva ta’ kumpannija li għandha stabbiliment permanenti mhux residenti li jkun ġarrab telf definittiv hija affettwata bl-istess mod bħal dik ta’ kumpannija li l-istabbiliment permanenti tagħha residenti jkun ġarrab telf, b’tali mod li ż-żewġ sitwazzjonijiet huma komparabbli f’dan ir-rigward (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punti 38 u 39). |
25 |
Madankollu, f’din il-kawża, l-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija li talbet it-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf definittiv sostnut mill-istabbiliment permanenti mhux residenti tagħha ma kienx irrinunzja, permezz ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, għas-setgħa tiegħu li jintaxxa l-prestazzjoni finanzjarja ta’ dan l-istabbiliment. Fil-fatt, huwa kien iddeċieda, unilateralment, ħlief fil-każ ta’ għażla, mill-kumpannija inkwistjoni, ta’ sistema ta’ integrazzjoni fiskali internazzjonali, li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-profitti magħmula u t-telf sostnut minn stabbilimenti permanenti mhux residenti ta’ kumpanniji residenti, minkejja li dan l-Istat Membru kien kompetenti sabiex jagħmel dan, li huwa differenti. |
26 |
Fil-każ ineżami, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bis-saħħa tad-DBA, irrinunzjat għas-setgħa tagħha li tintaxxa l-profitti magħmula minn stabbilimenti permanenti li jinsabu fir-Renju Unit li permezz tagħhom il-kumpanniji residenti tagħha jeżerċitaw attività industrijali jew kummerċjali. L-istess japplika, b’mod simetriku, għat-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf irreġistrat minn dawn l-istabbilimenti. |
27 |
Peress li, skont konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrinunzjat għas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħha fuq il-profitti magħmula u t-telf sostnut minn tali stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, kumpannija residenti li għandha tali stabbiliment ma tinsabx f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ kumpannija residenti li għandha stabbiliment permanenti li jinsab fil-Ġermanja fir-rigward tal-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni jew it-tnaqqis tat-tassazzjoni doppja tal-profitti u, b’mod simetriku, it-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf. |
28 |
Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ebda restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita fl-Artikoli 49 u 54 TFUE ma tista’ tiġi kkonstatata. |
29 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux sistema fiskali ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha kumpannija residenti tiegħu ma tistax tnaqqas mill-profitti taxxabbli tagħha t-telf definittiv sostnut mill-istabbiliment permanenti tagħha li jinsab fi Stat Membru ieħor fil-każ fejn l-Istat Membru ta’ residenza jkun irrinunzja għas-setgħa tiegħu li jintaxxa l-prestazzjoni finanzjarja ta’ dan l-istabbiliment permanenti skont konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja. |
Fuq it-tieni sal-ħames domanda
30 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sal-ħames domanda. |
Fuq l-ispejjeż
31 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 49 u 54 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux sistema fiskali ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha kumpannija residenti tiegħu ma tistax tnaqqas mill-profitti taxxabbli tagħha t-telf definittiv sostnut mill-istabbiliment permanenti tagħha li jinsab fi Stat Membru ieħor fil-każ fejn l-Istat Membru ta’ residenza jkun irrinunzja għas-setgħa tiegħu li jintaxxa l-prestazzjoni finanzjarja ta’ dan l-istabbiliment permanenti skont konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.