Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

1.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/25


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fil-21 ta’ Ottubru 2020 – Finanzamt B vs W AG

(Kawża C-538/20)

(2021/C 35/38)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Finanzamt B

Konvenuta: W AG

Parti oħra fil-proċedura: Bundesministerium der Finanzen

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 43 KE flimkien mal-Artikolu 48 KE (issa l-Artikolu 49 TFUE flimkien mal-Artikolu 54 TFUE), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li timpedixxi lil kumpannija residenti milli tnaqqas mill-profitt taxxabbli tagħha t-telf imġarrab minn stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor meta, minn naħa, din il-kumpannija tkun eżawrixxiet il-possibbiltajiet kollha offruti mid-dritt tal-Istat Membru li fih jinsab dan l-istabbiliment permanenti sabiex jitnaqqas dan it-telf u, min-naħa l-oħra, ma għadhiex tiġġenera dħul permezz ta’ dan l-istabbiliment permanenti, b’tali mod li ma għadx hemm possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf f’dak l-Istat Membru (telf “definittiv”), inkluż fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni tikkonċerna eżenzjoni tal-profitti u tat-telf taħt konvenzjoni bilaterali għall-ħelsien mit-taxxa doppja miftiehma bejn iż-żewġ Stati Membri?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 43 KE flimkien mal-Artikolu 48 KE (issa l-Artikolu 49 TFUE flimkien mal-Artikolu 54 TFUE), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu wkoll dispożizzjoni tal-Gewerbesteuergesetz (il-Liġi dwar Taxxa Professjonali) Ġermaniża li tipprojbixxi kumpannija residenti milli tnaqqas mill-profitt operattiv taxxabbli tagħha t-telf “definittiv”, tat-tip imsemmi fl-ewwel domanda, minn stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Fil-każ tal-għeluq tal-istabbiliment permanenti li jinsab fl-Istat Membru l-ieħor, jista’ jkun hemm telf “definittiv”, tat-tip imsemmi fl-ewwel domanda, anki jekk ikun hemm għallinqas possibbiltà teoretika li l-kumpannija terġa’ tiftaħ stabbiliment permanenti fl-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li t-telf iġġenerat fil-passat ikun possibbilment jista’ jiġi kkumpensat permezz tal-profitti ġġenerati minn dan l-istabbiliment permanenti?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tielet domanda:

It-telf “definittiv”, tat-tip imsemmi fl-ewwel domanda, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Istat ta’ residenza tal-kumpannija omm bħala li jinkludi dak it-telf tal-istabbiliment permanenti li, skont id-dritt tal-Istat fejn jinsab l-istabbiliment permanenti, ikun jista’ jiġi ttrasferit għallinqas darba fuq perijodu ta’ taxxa sussegwenti?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tielet domanda:

L-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni telf “definittiv” transkonfinali huwa limitat fl-ammont tiegħu għall-ammonti ta’ telf li l-kumpannija setgħet tikkunsidra fl-Istat li fih jinsab l-istabbiliment permanenti li kieku t-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf ma kienx eskluż?