Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fl-20 ta’ Jannar 2022 (1)

Kawża C-572/20

ACC Silicones Ltd.

vs

Bundeszentralamt für Steuern

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi, Köln, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 63 u 65 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Tqassim ta’ dividendi minn ishma free-float – Rimbors lil kumpannija mhux residenti ta’ taxxa fuq dħul minn kapital miġbura fl-għamla ta’ taxxa minn ras il-għajn – Kundizzjoni b’rabta mas-sitwazzjoni ta’ azzjonisti li jkollhom sehem azzjonarju dirett jew indirett fil-kumpannija li tirċievi dividendi – Rekwiżit li jintbagħat ċertifikat mill-awtoritajiet tat-taxxi tal-Istat ta’ residenza – Proporzjonalità”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kompatibbiltà mar-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital tal-kundizzjonijiet li bihom il-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża tippermetti lil kumpanniji mhux residenti jiksbu r-rimbors ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq dħul minn kapital magħmul minn dividendi minn żamma ta’ ishma minoritarji f’kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja (2).

2.        It-talba tqajmet fil-kuntest ta’ kontestazzjoni minn ACC Silicones Ltd. kontra r-rifjut mill-Bundeszentralamt für Steuern (l-Uffiċċju Federali Ċentrali tat-Taxxi, il-Ġermanja) li jippermetti talbiet għar-rimbors ta’ dik it-taxxa, li kienet inżammet u tħallset għall-perijodu mill-2006 sal-2008 inklużi.

3.        It-talba tirriżulta mis-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bl-intaxxar ta’ dividendi mqassma lil kumpanniji mhux residenti, fejn il-limitu għal sehem ta’ kumpannija prinċipali fil-kapital tas-sussidjarja tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (3), kif emendata bid-Direttiva 2003/123/KE (4), ma jkunx intlaħaq, b’mod iktar qawwi f’termini ekonomiċi minn dividendi mqassma lil kumpanniji residenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56(1) KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE’) (5). Biex tkun konformi ma’ dik is-sentenza, f’Marzu 2013, il-leġiżlatura Ġermaniża ppubblikat, b’effett retroattiv, il-paragrafu 32(5) tal-Körperschaftsteuergesetz (6) (il-Liġi dwar it-Taxxa tal-Kumpanniji, iktar ’il quddiem il-“KStG”), li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jitqiesu fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 90/435 jipprovdi:

“Għall-għanijiet sabiex tiġi applikata din id-Direttiva,

(a)      l-istatus tal-kumpannija parent għandu jiġi attribwit għall-inqas lil kull kumpannija ta’ Stat Membru li twettaq il-kondizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 2 u li jkollha sehem minimu ta’ 20 % fil-kapital ta’ kumpannija ta’ Stat Membru ieħor li jwettaq l-istess kondizzjonijiet;

[…]

mill-1 ta’ Jannar 2007 il-perċentwal minimu tas-sehem għandu jkun ta’ 15 %;

mill-1 ta' Jannar [2009] il-perċentwal minimu tas-sehem għandu jkun ta’ 10 %;

[…]”

B.      Id-dritt Ġermaniż

5.        Is-sistema ta’ tassazzjoni Ġermaniża fuq dħul minn kapital hija stabbilita fl-Einkommensteuergesetz (7) (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem l-“EStG”), flimkien, fir-rigward tat-tassazzjoni ta’ persuni ġuridiċi, mal-KStG.

6.        Il-punt 1 tal-paragrafu 20(1) tal-EStG jistipula li dħul minn kapital jinkludi ishma ta’ profitti (dividendi).

7.        Il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 43(1) tal-EStG jipprovdi li, fil-każ, inter alia, ta’ dħul minn kapital skont it-tifsira tal-punt 1 tal-paragrafu 20(1) tal-EStG, “taxxa fuq dħul tinġabar billi titnaqqas mid-dħul minn kapital (taxxa fuq dħul minn kapital)”.

8.        Skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 8b(1) tal-KStG, b’rabta ma’ żamma ta’ ishma f’kumpanniji u assoċjazzjonijiet oħra, qligħ li joriġina skont it-tifsira, inter alia, tal-punt 1 tal-paragrafu 20(1) tal-EStG ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi ddeterminat dħul u, għalhekk, ma huwiex suġġett għal taxxa fuq il-kumpanniji.

9.        Dwar it-tassazzjoni ta’ dividendi mqassma lil kumpannija li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jkun fil-Ġermanja, huwa ċar mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 31(1) tal-KStG u tal-punt 2 tal-paragrafu 36(2) tal-EStG li t-taxxa fuq dħul minn kapital li tkun inġabret permezz ta’ taxxa mħallsa f’ras il-għajn titpaċa b’mod sħiħ mat-taxxa korporattiva mħallsa minn dik il-kumpannija u, fejn ikun xieraq, tista’ tiġi rrimborsata lilha. It-tpaċija (u r-rimbors, jekk ikun hemm) tat-taxxa tippreżupponi li t-taxxa tkun inżammet u tħallset, liema fatt għandu jiġi pprovat billi jintbagħat ċertifikat amministrattiv, skont il-paragrafu 45a(2) jew (3) tal-EStG.

10.      Dwar it-tassazzjoni ta’ dividendi mqassma lil kumpannija li l-uffiċċju rreġistrat tagħha ma jkunx jinsab fil-Ġermanja, il-paragrafu 32(5) tal-KStG jistabbilixxi għadd ta’ kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rimbors ta’ taxxa fuq dħul minn kapital. Dawn jinkludu ċerti obbligi li jinġiebu provi u ċertifikati. Dik id-dispożizzjoni taqra kif ġej:

“(5)      [L-ewwel sentenza] Jekk it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kreditur għal dħul minn kapital skont it-tifsira tal-punt 1 tal-paragrafu 20(1) ta[l-EStG] tkun tħallset definittivament skont is-subparagrafu 1 [tagħha], it-taxxa fuq dħul minn kapital li tkun inżammet u tħallset għandha, meta ssir applikazzjoni, tiġi rrimborsata lill-kreditur tad-dħul minn kapital skont il-punt 2 tal-paragrafu 36(2) ta[l-EStG], jekk

1.      il-kreditur tad-dħul minn kapital ikun kumpannija suġġetta għal responsabbiltà limitata ta’ ħlas tat-taxxa kif jingħad fil-paragrafu 2(1), li

a)      tkun ukoll kumpannija skont it-tifsira tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew tal-Artikolu 34 tal-[Ftehim ŻEE],

b)      ikollha l-uffiċċju rreġistrat u ċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat li għalih japplika l-[Ftehim ŻEE],

ċ)      tkun suġġetta, fl-Istat taċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha, għal responsabbiltà illimitata ta’ ħlas tat-taxxa, mhux fakultattiva, paragunabbli ma’ dik imsemmija fil-paragrafu 1, u ma tkunx eżentata minnha, u

2.      il-kreditur ikollu sehem dirett fil-kapital azzjonarju tad-debitur tad-dħul minn kapital u ma jkunx jissodisfa l-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni stabbilit fil-paragrafu 43b(2) ta[l-EStG].

[It-tieni sentenza] L-ewwel sentenza għandha tapplika biss sakemm

1.      ir-rimbors tat-taxxa fuq dħul mill-kapital inkwistjoni ma jkun jista’ jsir taħt ebda dispożizzjoni oħra,

2.      id-dħul mill-kapital ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-dħul, skont il-paragrafu 8b(1),

3.      id-dħul mill-kapital ma jkun attribwit, skont dispożizzjonijiet ta’ pajjiż ieħor, lil ebda persuna li ma jkollhiex id-dritt għal rimbors skont dan is-subparagrafu kieku kellha tirċievi d-dħul minn kapital direttament,

4.      dritt għal rimbors sħiħ jew parzjali tat-taxxa fuq dħul minn kapital ma jkunx eskluż jekk il-paragrafu 50d(3) ta[l-EStG] jkun applikat mutatis mutandis, u

5.      il-kreditur jew azzjonist li jkollu sehem azzjonarju dirett jew indirett fil-kreditur ma jkunx jista’ jpaċi t-taxxa fuq dħul minn kapital jew inaqqasha bħala spiża operattiva jew bħala ħruġ relatat ma’ xogħol; il-possibbiltà li tpaċija tkun irriportata għandha titqies bħala tpaċija.

[It-tielet sentenza] Il-kreditur tad-dħul minn kapital għandu jġib prova ta’ konformità mal-kundizzjonijiet għal rimbors. [Ir-raba’ sentenza] B’mod partikolari, dan għandu jġib prova, permezz ta’ ċertifikat mingħand l-awtoritajiet tat-taxxi tal-pajjiż ta’ residenza tiegħu, li dan jitqies bħala residenti għal skopijiet ta’ taxxa f’dak il-pajjiż, ikun suġġett għal responsabbiltà illimitata għat-taxxa fuq il-kumpanniji hemmhekk, ma jkunx eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji u jkun attwalment qiegħed jirċievi d-dħul minn kapital. [Il-ħames sentenza] Iċ-ċertifikat mingħand l-amministrazzjoni tat-taxxi barranija għandu juri li t-taxxa Ġermaniża fuq dħul minn kapital ma tkunx tista’ titpaċa, titnaqqas jew tkun irriportata u li ma tkun saret ebda tpaċija, tnaqqis jew li xejn fil-fatt ma jkun ġie rriportat. [Is-sitt sentenza] It-taxxa fuq id-dħul minn kapital għandha tkun irrimborsata fir-rigward ta’ kull dħul minn kapital irċevut f’sena kalendarja skont it-tifsira tal-ewwel sentenza abbażi ta’ avviż ta’ eżenzjoni kif tipprovdi t-tielet sentenza tal-paragrafu 155(1) tal-Abgabenordnung [(il-Kodiċi Fiskali Ġermaniż)].”

C.      Il-Konvenzjoni għall-evitar ta’ tassazzjoni doppja milħuqa bejn il-Ġermanja u r-Renju Unit

11.      Fis-26 ta’ Novembru 1964, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja laħqet mar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq konvenzjoni biex tkun evitata tassazzjoni doppja u għall-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali fir-rigward ta’ taxxi fuq dħul u fuq il-patrimonju (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”) (8).

12.      L-Artikolu XVIII(1)(a) tal-Konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“(1) Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tar-Renju Unit dwar l-allowance bħala kreditu għat-taxxa tar-Renju Unit ta’ taxxa pagabbli f’territorju lil hinn mir-Renju Unit (li ma għandhomx jaffettwaw il-prinċipju ġenerali ta’ din il-Konvenzjoni):

(a) taxxa tar-Repubblika Federali pagabbli skont il-liġijiet tar-Repubblika Federali fis-sens ta’ din il-Konvenzjoni, kemm jekk direttament kif ukoll jekk bi tnaqqis, fuq profitti jew dħul taxxabbli minn sorsi ġewwa r-Repubblika Federali (minbarra fil-każ ta’ dividend, taxxa pagabbli fir-rigward tal-profitti li minnhom jitħallas id-dividend) għandha tkun permessa bħala kreditu għat-taxxa tar-Renju Unit ikkalkolata b’riferiment għall-istess profitti, dħul jew qligħ taxxabbli li b’riferiment għalihom tiġi kkalkolata t-taxxa tar-Repubblika Federali”.

III. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.      ACC Silicones hija kumpannija stabbilita fir-Renju Unit. Hija miżmuma kollha minn The Amber Chemical Co. Ltd, kumpannija li hija stabbilita wkoll fir-Renju Unit. Fis-snin inkwistjoni (2006 sa 2008), ACC Silicones kellha sehem azzjonarju ta’ 5.26 % fil-kapital nominali ta’ Ambratec GmbH, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja. Ambratec qassmet dividendi lil ACC Silicones, li fuqhom inżammet it-taxxa fuq dħul minn kapital b’rata ta’ 20 %, flimkien ma’ taxxa ta’ solidarjetà (Solidaritätszuschlag) b’rata ta’ 5.5 %.

14.      Permezz ta’ applikazzjonijiet tad-29 ta’ Diċembru 2009, kull waħda maqsuma f’żewġ partijiet, ACC Silicones talbet rimbors tal-ammonti mħallsa fir-rigward ta’ taxxa mħallsa f’ras il-għajn għal kull waħda mis-snin inkwistjoni. Fl-ewwel parti, waqt li bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet flimkien tal-paragrafu 50d(1) tal-EStG u tal-Artikolu VI(1) tal-Konvenzjoni (9), hija talbet biex ir-rata tat-taxxa pagabbli fuq id-dividendi inkwistjoni tkun limitata għal 15%. Fit-tieni parti, waqt li bbażat ruħha fuq il-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat KE u bit-Trattat FUE (10), hija talbet rimbors tal-bilanċ tat-taxxa mħallsa.

15.      B’deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2010, l-Uffiċċju Federali Ċentrali tat-Taxxi laqa’ l-ewwel parti tal-applikazzjonijiet għal rimbors.

16.      Għall-kuntrarju, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2015, l-Uffiċċju Federali Ċentrali tat-Taxxi rrifjuta t-tieni parti ta’ dawk l-applikazzjonijiet minħabba li ma kinux tħarsu l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 32(5) tal-KStG biex jinkiseb rimbors tat-taxxa fuq id-dħul minn kapital. Wara li ma ntlaqgħux l-ilmenti tagħha kontra dawk id-deċiżjonijiet, ACC Silicones fetħet kawża biex tikkontestahom quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi, Köln, il-Ġermanja), billi sostniet li hija kienet issodisfat il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa u li kienet ġabet il-provi kollha mitluba għal dak il-għan.

17.      Skont il-qorti tar-rinviju, ACC Silicones tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha biex tikseb rimbors tat-taxxi mħallsa, bl-eċċezzjoni ta’ dik stabbilita fil-punt 5 tat-tieni sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG. Il-qorti tar-rinviju tgħid li minn dik id-dispożizzjoni jsegwi li rimbors jingħata biss jekk l-iżvantaġġ ta’ dawk li jirċievu dividend barrani, kif imqabbla ma’ dawk li jirċievu dividendi domestiċi, ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat bi tpaċija, bi tnaqqis mill-bażi ta’ stima jew billi t-tpaċija tkun irriportata fil-pajjiż l-ieħor.

18.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-ħames sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG, ACC Silicones għandha ġġib prova li l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 5 tat-tieni sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG qiegħda titħares billi jintbagħat ċertifikat mill-awtoritajiet tat-taxxi tal-pajjiż ta’ residenza tagħha li jgħid li t-taxxa Ġermaniża fuq dħul minn kapital ma tkunx tista’ titpaċa, titnaqqas jew tkun irriportata u li fil-fatt lanqas kien hemm tpaċija, tnaqqis jew riport. Il-qorti tar-rinviju tifhem li ċertifikati mingħand awtoritajiet tat-taxxi barranin għandhom jintbagħtu fir-rigward kemm tal-kreditur tad-dħul minn kapital, jiġifieri, ACC Silicones, kif ukoll mill-azzjonisti kollha b’sehem azzjonarju dirett jew indirett fil-kreditur.

19.      Il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ inkwistjoni, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 5 tat-tieni sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG hijiex issodisfatta. Tabilħaqq, ma huwiex daqstant ċar kif eżattament tkun ittrattata taxxa fuq dħul minn kapital li The Amber Chemical Co. jew l-azzjonisti tagħha jirċievu. Il-provi miġjuba minn ACC Silicones ma jurux li ħadd mill-azzjonisti diretti jew indiretti tagħha ma jpaċi t-taxxa miżmuma fuq dħul minn kapital jew ma ħadha inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tnaqqis ta’ taxxa, u lanqas ma jikkostitwixxu ċertifikat barrani skont it-tifsira tal-ħames sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG.

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5 tat-tieni sentenza tal-paragrafu 32(5) u fil-ħames sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG humiex kompatibbli mal-Artikoli 63 u 65 TFUE, kif ukoll mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u effett utli.

21.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li rimbors ta’ taxxa miżmuma fuq dħul minn kapital lil kumpanniji residenti barra l-pajjiż li jkollhom sehem azzjonarju ta’ inqas minn 10 % jew 15 % f’kumpannija residenti jkun suġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti minn rimbors ta’ dik it-taxxa lil kumpanniji residenti li jkollhom sehem azzjonarju ekwivalenti f’kumpannija residenti jmurx kontra l-Artikolu 63 TFUE. Tabilħaqq, skont il-punt 5 tat-tieni sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG, taxxa miżmuma tiġi rrimborsata lil kumpanniji barranin biss jekk huma, jew l-azzjonisti diretti jew indiretti tagħhom, ma jkunux jistgħu jpaċuha jew inaqqsuha bħala spiża operattiva jew bħala ħruġ relatat max-xogħol. Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li r-rekwiżit, stabbilit fil-ħames sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG, li dwar dan li għadu kif intqal iktar ’il fuq, għandha tinġieb prova fl-għamla ta’ ċertifikat mingħand l-awtoritajiet tat-taxxi barranin ma japplikax għar-rimbors ta’ taxxa fuq dħul minn kapital għal kumpanniji residenti. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk dawk ir-regoli li, skontha, jikkostitwixxu ndħil fil-moviment liberu tal-kapital, humiex iġġustifikati, fid-dawl tal-Artikolu 65(1)(a) TFUE u tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, inter alia, fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C-379/05, EU:C:2007:655).

22.      Fit-tieni lok, fil-każ li r-regoli nazzjonali msemmija iktar ’il fuq jitqiesu li jkunu kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżit ta’ prova imposta mill-ħames sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG fuq kumpanniji resident barra l-pajjiż li jirċievu dividendi minn ishma ‘free-float’ (11) huwiex konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u effett utli fejn, bħal f’dan il-każ, ikun prattikament impossibbli li dawk il-kumpanniji jġibu prova bħal din.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      L-Artikolu 63 TFUE (ex Artikolu 56 TKE) jipprekludi dispożizzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, teżiġi minn kumpannija mhux residenti li tirċievi dividendi li ġejjin minn ishma u li ma tilħaqx il-limitu minimu ta’ sehem previst fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ ta’ kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom fi Stati Membri differenti), li hija tipprova, permezz ta’ ċertifikat maħruġ mill-amministrazzjoni tat-taxxi barranija, li din it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital ma tistax tiġi imposta fuq l-imsemmija kumpannija jew fuq azzjonist li għandu sehem dirett jew indirett fiha jew inkella titnaqqas bħala spejjeż operatorji jew spejjeż professjonali, u sa fejn ma kien hemm ebda impożizzjoni, ebda tnaqqis, ebda riport, meta tali prova ma hijiex meħtieġa, għall-finijiet tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, minn kumpannija residenti li żżomm sehem ekwivalenti?

(2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju tal-effett utli jipprekludu r-rekwiżit taċ-ċertifikat imsemmi fl-ewwel domanda jekk huwa de facto impossibbli għar-resident li jibbenefika minn dividendi li ġejjin minn ishma free-float miżmuma minn azzjonisti li jipproduċi tali ċertifikat?”

24.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi minn ACC Silicones, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi ġuridika

A.      Ammissibbiltà tad-domandi magħmula

25.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż jissottometti li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jinkludu wkoll lil kumpanniji li l-uffiċċju rreġistrat u/jew iċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħhom ikun jinsab fi Stat terz. Sa hemmhekk, dawk id-domandi ma għandhom ebda rabta mal-fatti tal-kawża prinċipali, li huma limitati għat-trattament tat-taxxa ta’ dividendi mqassma lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

26.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari biex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, fejn id-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, obbligata tieħu deċiżjoni (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, A.P. (Miżuri ta’ probation), C-2/19, EU:C:2020:237, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27.      Isegwi li domandi b’rabta mad-dritt tal-Unjoni huma preżunti li jkunu rilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali biss meta jkun tant ovvju li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun qiegħda tintalab ma jkollhiex rabta mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, meta l-problema tkun ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-materjal ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġ biex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula lilha (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, A.P. (Miżuri ta’ probation), C-2/19, EU:C:2020:237, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28.      F’dan il-każ id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett tar-referenza għal deċiżjoni preliminari japplikaw għal kumpanniji, skont it-tifsira tal-Artikolu 54 TFUE jew tal-Artikolu 34 tal-Ftehim ŻEE (12), li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat u ċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħhom ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (13). Barra minn hekk, mid-digriet tar-rinviju jidher li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna d-dritt ta’ kumpannija, li jkollha l-uffiċċju rreġistrat u ċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha fir-Renju Unit, li tikseb rimbors ta’ taxxa miżmuma fuq dħul minn kapital fir-rigward ta’ dividendi minn ishma free-float li kienu tqassmulha fi żmien li matulu dak l-Istat kien membru tal-Unjoni Ewropea.

29.      Madankollu, fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-ħtieġa li l-uffiċċju rreġistrat u ċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tal-kreditur għandhom ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-ŻEE tikser id-dritt tal-Unjoni. Hija tikkonkludi “li l-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG għandu, biex jibqa’ validu, jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika wkoll għal kumpanniji li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat u/jew iċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħhom f’pajjiżi terzi” u li “[s]a fejn jikkonċerna l-każ inkwistjoni, dan ifisser li r-regola li tinsab fil-paragrafu 32(5) tal-[KStG] tkun rilevanti wkoll kieku ċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ [ACC Silicones] ma kienx jinsab fir-Renju Unit”. Barra minn hekk, kif tajjeb innota l-Gvern Ġermaniż, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirreferu f’termini ġenerali għal kumpanniji “residenti barra l-pajjiż”. Bl-istess mod, id-dubji mqajma mill-qorti tar-rinviju huma dwar “kumpanniji barranin” jew “kumpanniji residenti barra l-pajjiż” b’mod ġenerali u, għalhekk, ma humiex limitati għal kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE minbarra fil-Ġermanja.

30.      Fil-fehma tiegħi, id-domanda jekk, fil-każ ta’ dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti f’pajjiż terz, il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni biex jinkiseb rimbors ta’ taxxa miżmuma fuq dħul minn kapital humiex kuntrarji għar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-kapital ma għandhiex rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u hija, għalhekk, ipotetika. Isegwi li r-risposta għal dik id-domanda ma tidhirx li hija meħtieġa għar-riżoluzzjoni tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju.

31.      Ċertament, kif il-qorti tar-rinviju tinnota fid-digriet tar-rinviju tagħha, l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi restrizzjonijiet għall-moviment ta’ kapital kemm bejn Stati Membri u bejn Stati Membri u pajjiżi terzi. Madankollu, kif tajjeb ifakkar il-Gvern Ġermaniż, il-ġurisprudenza dwar restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment fl-Unjoni Ewropea ma tistax tkun trasposta kompletament għal movimenti ta’ kapital bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, minħabba li tali movimenti jseħħu f’kuntest legali differenti (ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward tar-rekwiżiti probatorji imposti fuq persuni taxxabbli stabbiliti f’pajjiż terz biex jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali (ara, dwar dan, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punti 91 u 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32.      Għaldaqstant, id-domandi magħmula huma, fil-fehma tiegħi, inammissibbli sa fejn jikkonċernaw ir-rimbors ta’ taxxa mħallsa f’ras il-għajn fuq dħul minn kapital fir-rigward ta’ dividendi minn ishma “free-float” imqassma lil kumpanniji li l-uffiċċju rreġistrat u/jew iċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħhom ikun jinsab f’pajjiż terz.

B.      Osservazzjonijiet preliminari

33.      Kif jidher mid-digriet tar-rinviju, dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja lil kumpanniji residenti fi kwalunkwe Stat Membru huma suġġetti għal taxxa fuq dħul minn kapital, miġbura taħt forma ta’ taxxa mħallsa f’ras il-għajn. Madankollu, fis-snin inkwistjoni u sa Marzu 2013, skont il-paragrafu 8b(1) tal-KStG, dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-dħul ta’ dawk il-kumpanniji. Dawk il-kumpanniji, għalhekk, kellhom il-benefiċċju ta’ kreditu fiskali fir-rigward ta’ dik it-taxxa mħallsa f’ras il-għajn.

34.      Il-kundizzjonijiet li bihom dħul minn kapital fir-rigward ta’ dividendi minn ishma free-float li jkun inżamm u tħallas jista’ jiġi rrimborsat huma differenti skont jekk il-parteċipazzjoni f’ishma free-float tkunx qiegħda tinżamm minn kumpannija mhux residenti (14) jew minn kumpannija resident f’territorju nazzjonali.

35.      Fil-każ ta’ kumpannija mhux residenti, rimbors ta’ taxxa mħallsa f’ras il-għajn ikun suġġett għal kundizzjoni li la l-kumpannija mhux residenti u lanqas azzjonist b’sehem dirett jew indirett fiha ma jkunu setgħu jpaċu t-taxxa fuq dħul minn kapital, inaqqsuha bħala spiża operattiva jew bħala ħruġ relatat max-xogħol jew jirriportawha fil-post tar-residenza fiskali tagħha. Il-kreditur ta’ dħul ikun jenħtieġlu jissottometti ċertifikati mingħand l-awtoritajiet tat-taxxi barranin rilevanti li jkunu jgħidu li t-taxxa Ġermaniża fuq dħul minn kapital ma tkunx tista’ titpaċa, titnaqqas jew tiġi rriportata u li effettivament ma jkunu seħħew ebda tpaċija, tnaqqis jew riport la fir-rigward tagħha stess u lanqas tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħha.

36.      Fil-każ ta’ kumpannija residenti, it-taxxa mħallsa f’ras il-għajn titpaċa għalkollox mat-taxxa fuq il-kumpanniji pagabbli minnha u, jekk ikun xieraq, tiġi rrimborsata lil dik il-kumpannija. It-tpaċija u r-rimbors (jekk iseħħu) tat-taxxa jkunu suġġetti biss għall-kundizzjoni li t-taxxa tkun inżammet u tħallset, li prova ta’ dan issir permezz ta’ sempliċi ċertifikat amministrattiv (15). Għalkemm kumpanniji residenti jistgħu jkollhom azzjonisti mhux residenti b’mod dirett jew indirett, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma timponix l-istess rekwiżiti fuqhom bħal dawk li jinsabu fil-punt 5 tat-tieni sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG (16).

37.      Għalhekk huwa ċar li, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli, ir-rimbors ta’ taxxa mħallsa f’ras il-għajn fuq dħul minn kapital fir-rigward ta’ dividendi minn ishma free-float ikun suġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti jekk il-kreditur ta’ dħul tkun kumpannija mhux residenti, minn dawk applikabbli jekk il-kreditur ta’ dħul tkun kumpannija residenti.

C.      Fuq l-ewwel domanda

38.      Bħall-Kummissjoni, jidhirli li, bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex primarjament li taċċerta jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni hijiex kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital sa fejn hija tippermetti li jkun miċħud rimbors ta’ taxxa fuq dħul minn kapital fir-rigward ta’ dividendi minn ishma free-float lil kumpanniji mhux residenti jekk dawk il-kumpanniji jew azzjonist b’ishma diretti jew indiretti jkunu jistgħu jpaċu dik it-taxxa, inaqqsuha bħala spiża operattiva jew ħruġ relatat max-xogħol jew jirriportawha. Din id-domanda għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatt li kumpanniji residenti li jkollhom sehem ekwivalenti f’kumpannija residenti oħra ma jkunux suġġetti għal tali kundizzjoni biex jiksbu rimbors ta’ taxxa miżmuma fuq dħul minn kapital.

39.      Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni li tqajmet fl-ewwel domanda, b’mod kuntrarju għal dak li tista’ tissuġġerixxi l-formulazzjoni tagħha, ma twassalx daqstant għal rekwiżit probatorju, iżda pjuttost għal waħda mill-kundizzjonijiet sostantivi li jkollhom jitħarsu biex jinkiseb rimbors tat-taxxa miżmuma. Il-fatt li skont il-ħames sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG kumpanniji mhux residenti għandhom iġibu prova li l-kundizzjoni sostantiva stabbilita fil-punt 5 tat-tieni sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG tkun imħarsa billi jintbagħtu ċertifikati mingħand id-diversi awtoritajiet tat-taxxi kkonċernati, waqt li tali prova ma tintalabx mingħand kumpanniji residenti, jikkostitwixxi biss l-applikazzjoni ta’ dik il-kundizzjoni għal kumpanniji mhux residenti. Kieku wieħed kellu jikkonkludi li l-kundizzjoni sostantiva hija inkompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital, dik il-konklużjoni kienet tkun tapplika awtomatikament għar-rekwiżit probatorju. Għall-kuntrarju, jekk wieħed jikkonkludi li l-kundizzjoni sostantiva tkun kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital, ikun meħtieġ li jiġi evalwat jekk dik il-konklużjoni jkollhiex tapplika għar-rekwiżit probatorju u, jekk le, jekk il-ġustifikazzjoni li jista’ jkun hemm għar-restrizzjoni li toriġina minn dak ir-rekwiżit tħarisx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Nipproponi li nindirizza dan l-aspett alternattiv fil-kuntest tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

40.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżuri pprojbiti bl-Artikolu 63(1) TFUE bħala restrizzjonijiet għall-moviment ta’ kapital jinkludu dawk li huma tali li jiskoraġġixxu lil persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew lil residenti ta’ dak l-Istat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenza tat-30 ta’ April 2020, Société Générale, C-565/18, EU:C:2020:318, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41.      Dwar żamma ta’ ishma li, bħal f’dan il-każ, ma jkunux koperti bid-Direttiva 90/435, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw jekk, u sa fejn, għandhiex tkun evitata tassazzjoni ekonomika doppja jew sensiela ta’ ħlasijiet f’taxxa fuq profitti mqassma u, għal dak il-għan, li jistabbilixxu, unilateralment jew permezz ta’ konvenzjonijiet dwar tassazzjoni doppja milħuqa ma’ Stati Membri oħra, proċeduri bil-ħsieb li tkun evitata jew tittaffa tali tassazzjoni ekonomika doppja. Dan, minnu nnifsu, ma jippermettix lill-Istati Membri jimponu miżuri li jiksru l-libertajiet ta’ moviment iggarantiti bit-TFUE (sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42.      Għalhekk, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi, fir-rigward taż-żamma ta’ ishma mhux koperti bid-Direttiva 90/435, li leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tittratta dividendi b’mod differenti, skont jekk jitqassmux lil kumpanniji mhux residenti jew residenti, bir-riżultat li dawk id-dividendi jkunu suġġetti għal tassazzjoni ogħla fil-każ tal-ewwel, mingħajr ma dik id-differenza ta’ trattament tkun innewtralizzata b’konvenzjonijiet, kienet tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment ta’ kapital ipprojbita bl-Artikolu 63 TFUE.

43.      F’dan il-każ, għall-kuntrarju tas-sottomissjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni b’mod ċar tittratta dividendi minn ishma free-float imqassma lil kumpanniji mhux residenti b’mod inqas favorevoli minn dawk imqassma lil kumpanniji residenti minħabba li, kif kien osservat fil-punt 37 iktar ’il fuq, id-dritt għal rimbors ta’ taxxa miżmuma fuq dħul minn kapital fir-rigward ta’ dawk id-dividendi jkun suġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti meta l-kreditur tad-dħul tkun kumpannija mhux residenti, b’mod distint minn meta tkun kumpannija residenti.

44.      Jiena tal-fehma li tali differenza fit-trattament tista’ tiskoraġġixxi lil kumpanniji mhux residenti milli jinvestu f’kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja, u hija wkoll tali li tikkostitwixxi xkiel biex jinġabar kapital minn kumpanniji residenti mingħand kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, dwar dan, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45.      Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni tistax tkun iġġustifikata skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Dwar dan, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE huwa, madankollu, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt fiskali tagħhom li jiddistingwu bejn persuni taxxabbli li ma jkunux fl-istess qagħda fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom jew il-post fejn ikun investit il-kapital tagħhom.

46.      L-Artikolu 65(1)(a) TFUE, li jidderoga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Ma għandux jinftiehem fis-sens li jfisser li kull miżura nazzjonali li tiddistingwi bejn persuni taxxabbli skont fejn ikollhom ir-residenza tagħhom jew l-Istat fejn jinvestu l-kapital tagħhom tkun awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Id-deroga f’dik id-dispożizzjoni hija minnha nnifisha limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jistipula li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C-480/16, EU:C:2018:480, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47.      Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn differenzi fit-trattament li huma permessi taħt l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE. Biex il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni tkun tista’ titqies kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn dik il-leġiżlazzjoni għandha tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex paragunabbli b’mod oġġettiv jew li jkunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva fl-interess pubbliku (sentenza tat-30 ta’ April 2020, Société Générale, C-565/18, EU:C:2020:318, punt 24).

48.      F’dan il-każ, għandu jiġi aċċertat jekk, fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni, li, skont id-digriet tar-rinviju, huwa li tkun evitata sensiela ta’ ħlasijiet f’taxxa fuq dividendi, kumpanniji li jirċievu dividendi free-float ikunux f’sitwazzjonijiet paragunabbli skont jekk ikunux residenti fil-Ġermanja jew fi Stat Membru ieħor.

49.      Kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, naqbel mal-qorti tar-rinviju u mal-Kummissjoni li dak huwa l-każ hawnhekk.

50.      Huwa minnu li, mill-aspett ta’ miżuri stabbiliti minn Stat Membru biex jevita jew itaffi l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ ħlasijiet f’taxxi fuq, jew it-tassazzjoni ekonomika doppja ta’ profitti mqassma minn kumpannija residenti, kumpanniji residenti li jirċievu dividendi ma jkunux neċessarjament f’sitwazzjoni li tkun paragunabbli ma’ dik ta’ kumpanniji li jirċievu dividendi u li jkunu residenti fi Stat Membru ieħor (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51.      Madankollu, malli Stat Membru, unilateralment jew permezz ta’ konvenzjoni, jimponi ħlas f’taxxa fuq id-dħul mhux biss ta’ kumpanniji residenti iżda wkoll ta’ kumpanniji mhux residenti minn dividendi li huma jirċievu minn kumpannija residenti, is-sitwazzjoni ta’ dawk il-kumpanniji mhux residenti ssir paragunabbli għal dik ta’ kumpanniji residenti (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, EU:C:2007:655, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52.      Fil-fatt, huwa biss minħabba li dak l-Istat jeżerċita s-setgħa tiegħu li jintaxxa li, indipendentement minn kull tassazzjoni fi Stat Membru ieħor, jista’ jinqala’ riskju ta’ sensiela ta’ ħlasijiet f’taxxi jew tassazzjoni ekonomika doppja. F’tali każ, biex kumpanniji mhux residenti li jirċievu dividendi ma jkunux suġġetti għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ipprojbita bħala prinċipju mill-Artikolu 63 TFUE, l-Istat li fih il-kumpannija li tagħmel it-tqassim tkun residenti huwa obbligat li jiżgura li, skont il-proċeduri stabbiliti mid-dritt nazzjonali tiegħu, biex jevita jew itaffi sensiela ta’ obbligi fiskali jew tassazzjoni ekonomika doppja, kumpanniji mhux residenti jkunu suġġetti għall-istess trattament bħal kumpanniji residenti (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, EU:C:2007:655, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53.      F’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet li teżerċita s-setgħa tagħha li tintaxxa dividendi free-float imqassma kemm lil kumpanniji residenti kif ukoll lil kumpanniji mhux residenti, billi tiġbor taxxa fuq dħul minn kapital b’taxxa mħallsa f’ras il-għajn. Kumpanniji mhux residenti li jirċievu dawk id-dividendi, għalhekk, isibu ruħhom f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ kumpanniji residenti fir-rigward tar-riskju ta’ sensiela ta’ ħlasijiet fiskali fuq dividendi mqassma minn kumpanniji residenti, biex b’hekk ma jkunux jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti minn dawn tal-aħħar (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż jibbaża ruħu fuq il-Konvenzjoni, li skontha r-rata tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn hija limitata għal 15 % u li dik it-taxxa tkun tista’ titpaċa mat-taxxa pagabbli fir-Renju Unit. Huwa jsostni li l-leġiżlatura Ġermaniża kellha d-dritt, fil-każ ta’ kumpanniji mhux residenti, li tissuġġerixxi rimbors ta’ taxxa miżmuma fuq dħul minn kapital għall-fatt li dawk il-kumpanniji, jew kumpanniji li jkollhom sehem azzjonarju dirett jew indirett fihom, diġà ma jkunux jistgħu jitolbu t-taxxa lura fl-Istat ta’ residenza tagħhom, biex jevitaw riskju ta’ tnaqqis doppju ta’ dik it-taxxa.

55.      Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, ma jistax ikun eskluż li Stat Membru jista’ jirnexxilu jiżgura konformità mal-obbligi tiegħu skont it-Trattat bil-konklużjoni ta’ konvenzjoni intiża biex tkun evitata tassazzjoni doppja ma’ Stat Membru ieħor (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, EU:C:2007:655, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56.      Madankollu, għal dak l-iskop, l-applikazzjoni ta’ tali konvenzjoni għandha tippermetti kumpens sħiħ għall-effetti tad-differenza fit-trattament skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Id-differenza fit-trattament bejn dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra u dawk imqassma lil kumpanniji residenti ma tgħibx sakemm it-taxxa mħallsa f’ras il-għajn skont leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx tista’ titpaċa mat-taxxa dovuta fl-Istat Membru l-ieħor fl-ammont sħiħ tad-differenza fit-trattament li tinqala’ skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14C-17/14, EU:C:2015:608, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57.      F’dan il-każ, mid-digriet tar-rinviju jidher b’mod ċar li, kif jargumenta l-Gvern Ġermaniż, skont il-Konvenzjoni, ir-rata tat-taxxa imposta fuq dividendi free-float imqassma lil ACC Silicones kienet limitata għal 15 %, u t-taxxa mħallsa f’ras il-għajn miġbura fil-Ġermanja tista’ titpaċa mat-taxxa pagabbli fir-Renju Unit. Madankollu, it-tpaċija hija limitata għat-taxxa fir-Renju Unit “stmata b’riferiment għall-istess profitti jew dħul li b’rabta magħhom it-taxxa Ġermaniża tiġi stmata” (17). Għalhekk ma jistax jiġi eskluż, kif tajjeb tosserva ACC Silicones, li l-ammont sħiħ tat-taxxa Ġermaniża fuq dħul minn kapital imħallas fil-Ġermanja jista’ ma jkunx innewtralizzat, liema ħaġa ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq. Tali newtralizzazzjoni sseħħ biss f’każijiet fejn id-dividendi mill-Ġermanja jkunu intaxxati biżżejjed fl-Istat Membru l-ieħor, liema ħaġa tippreżupponi li l-ammont tat-taxxa fir-Renju Unit stmat b’riferiment għad-dividendi mqassma jkun mill-inqas daqs l-ammont tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn miġbura fil-Ġermanja (ara, dwar dan, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punti 67 u 68, u tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14C-17/14, EU:C:2015:608, punt 86). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha taċċerta jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

58.      Dwar dan, irrid inżid li naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ tpaċija tat-taxxa Ġermaniża fuq dħul minn kapital mal-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa tal-azzjonisti diretti jew indiretti ta’ ACC Silicones, għall-inqas jekk dawk l-azzjonisti ma jkunux residenti. Tabilħaqq, kif diġà kien indikat fil-punt 36 iktar ’il fuq, fil-każ ta’ kumpanniji residenti li jirċievu dividendi free-float, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tissuġġetta t-tpaċija jew ir-rimbors tat-taxxa fuq dħul minn kapital għall-kundizzjoni waħdanija li t-taxxa tkun inżammet u tħallset, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ tpaċija oħra tat-taxxa fl-Istat ta’ residenza tal-azzjonisti ta’ dawk il-kumpanniji li jistgħu jkunu azzjonisti mhux residenti.

59.      Fl-istess kuntest, naqbel ukoll mal-Kummissjoni li sempliċi tnaqqis tat-taxxa miżmuma fuq dħul minn kapital bħala spiża operattiva jew bħala ħruġ relatat max-xogħol mill-kumpannija mhux residenti jew mill-azzjonisti diretti jew indiretti tagħha, fl-Istat ta’ residenza tagħhom, ma jkunx biżżejjed biex tkun innewtralizzata r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hekk identifikat. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, għalkemm il-leġiżlazzjoni Belġjana tippermetti t-tnaqqis, bħala spiża, ta’ taxxa mħallsa barra l-pajjiż mill-bażi taxxabbli ta’ dħul qabel ma tkun applikata rata ta’ taxxa ta’ 25 % għall-ammont nett tad-dividendi li tirċievi persuna taxxabbli stabbilita fil-Belġju, tali tnaqqis ma jikkumpensax għalkollox għall-effetti ta’ kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fl-Istat Membru li minnu d-dividendi jkunu tħallsu (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14C-17/14, EU:C:2015:608, punt 83).

60.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż isostni li, f’kull każ, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni huma ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku, jiġifieri, l-ewwel, l-allokazzjoni bbilanċjata bejn l-Istati Membri tas-setgħa li jkunu imposti taxxi u, fit-tieni lok, il-ħtieġa li jiġi evitat li t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn tittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn.

61.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital hija permissibbli jekk tkun iġġustifikata b’raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku, jekk tkun adatta biex tiżgura l-kisba tal-għan li imfittex minnha u jekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan (ara, dwar dan, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punt 70 u tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C-156/17, EU:C:2020:51, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62.      Fil-fehma tiegħi, l-ebda waħda miż-żewġ ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Gvern Ġermaniż ma hija applikabbli f’din il-kawża.

63.      Dwar l-ewwel ġustifikazzjoni, għandu jitfakkar li l-ħtieġa li titħares l-allokazzjoni bbilanċjata tas-setgħa li jimponu taxxi bejn l-Istati Membri hija raġuni li tista’ tiġġustifika restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari, jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jitfasslu biex ma jkunx hemm imġiba li tkun tista’ tkun ta’ riskju għad-dritt ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu li jintaxxa b’rabta ma’ attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (ara, dwar dan, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08C-437/08, EU:C:2011:61, punt 121, u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 98).

64.      Madankollu, fejn Stat Membru jkun għażel li ma jintaxxax lil kumpanniji li jirċievu dividendi li jkunu stabbiliti fit-territorju tiegħu fir-rigward ta’ dħul ta’ dik ix-xorta, dan ma jkunx jista’ jistrieħ fuq l-argument li hemm il-ħtieġa li tkun żgurata allokazzjoni bbilanċjata bejn l-Istati Membri tas-setgħa li jintaxxaw biex jiġġustifika t-tassazzjoni ta’ kumpanniji li jirċievu dividendi u li jkunu stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ara dwar dan, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65.      F’din il-kawża, huwa paċifiku li dividendi free-float imqassma minn kumpanniji residenti jibbenefikaw minn newtralizzazzjoni sħiħa tal-effetti tat-tnaqqis f’ras il-għajn (punti 8, 33 u 36 iktar ’il fuq).

66.      Fir-rigward tat-tieni ġustifikazzjoni, il-Gvern Ġermaniż jissottometti li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni għandhom l-għan li ma jħallux li t-taxxa fuq dħul minn kapital miġbura minn fuq dividendi free-float jittieħdu inkunsiderazzjoni darbtejn minn kumpanniji mhux residenti li jirċivuhom jew minn azzjonisti diretti jew indiretti tagħhom, darba b’rimbors mill-awtoritajiet tat-taxxi Ġermaniżi u darba oħra bi tpaċija mal-obbligu fiskali tagħhom jew ma’ tnaqqis bħala spiża operattiva jew bħala ħruġ relatat max-xogħol fl-Istat ta’ residenza tagħhom.

67.      Fil-fehma tiegħi, tali għan jista’, bħala prinċipju, jitqies permissibbli. Tabilħaqq, fl-assenza ta’ tali dispożizzjonijiet, sitwazzjonijiet transkonfinali jagħtu vantaġġ mhux iġġustifikat lil sitwazzjonijiet nazzjonali paragunabbli, li fihom, skont il-Gvern Ġermaniż, ma jkunx possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod alternattiv jew addizzjonali taxxa miżmuma u mħallsa fuq dħul minn kapital fil-livell tal-azzjonisti diretti jew indiretti tal-kumpannija residenti li jirċievu dividendi free-float.

68.      Minħabba f’hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex miżura titqies li hija xierqa biex jinkiseb l-għan li wieħed jistrieħ fuqu, hija għandha ġenwinament tirrifletti tħassib, b’mod konsistenti u sistematiku, dwar jekk ikunx jista’ jinkiseb dak l-għan (ara, dwar dan, b’rabta ma’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall'Antonia, C-342/17, EU:C:2018:906, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69.      Fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi inkwistjoni ma jistgħux jiksbu l-għan li jkun evitat li t-taxxa mħallsa f’ras il-għajn tittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn, peress li dawk id-dispożizzjonijiet ifittxu dak l-għan b’mod inkonsistenti. Kif kien osservat fil-punt 36 iktar ’il fuq, fil-każ ta’ kumpanniji residenti, ir-rimbors ta’ taxxa mħallsa f’ras il-għajn ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk mitluba minn kumpanniji mhux residenti, anki jekk ma jistax ikun eskluż li kumpanniji residenti jista’ jkollhom azzjonisti diretti jew indiretti mhux residenti rregolati minn liġijiet nazzjonali li jippermettu li t-taxxa miġbura tittieħed inkunsiderazzjoni fil-livell tagħhom stess. Għalhekk, huwa possibbli li dik it-taxxa tittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn fil-każ ta’ kumpanniji residenti. Il-fatt, li fuqu jistrieħ il-Gvern Ġermaniż, li, skont id-dritt Ġermaniż, it-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni darba waħda biss fil-livell tal-kumpannija residenti li tirċievi d-dividendi, ma jibdilx din l-analiżi.

70.      Għalhekk, jiena tal-fehma li l-għan, sostnut mill-Gvern Ġermaniż, relatat mal-ħtieġa li jkun evitat li taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn tittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn, ma jiġġustifikax ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital li jinsabu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

71.      Għaldaqstant, l-Artikolu 63 TFUE jipprekludi dispożizzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tar-rimbors ta’ taxxa fuq dħul minn kapital, teżiġi li kumpannija mhux residenti li tirċievi dividendi free-float iġġib prova, permezz ta’ ċertifikat mingħand l-amministrazzjoni tat-taxxi barranija, li t-taxxa ma tkunx tista’ titpaċa minn azzjonist b’sehem azzjonarju dirett jew indirett f’dik il-kumpannija jew tkun tista’ titnaqqas mill-kumpannija tal-aħħar jew minn azzjonist b’sehem azzjonarju dirett jew indirett fiha bħala spiża operattiva jew bħala ħruġ relatat max-xogħol fl-Istat ta’ residenza, meta tali prova ma tkunx meħtieġa, għall-finijiet tar-rimbors ta’ taxxa fuq dħul minn kapital, minn kumpannija bl-istess livell ta’ sehem azzjonarju li tkun residenti fit-territorju nazzjonali. Biex tkun kompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE, tali dispożizzjoni nazzjonali għandha tirrimborsa t-taxxa fuq dħul minn kapital lil kumpannija mhux residenti li tirċievi dividendi sal-punt li t-taxxa ma tkunx tista’ titpaċa fl-Istat ta’ residenza skont kwalunkwe ftehim applikabbli biex tkun evitata tassazzjoni doppja. Jekk ikun hemm biss tpaċija parzjali fl-Istat ta’ residenza, l-Istat oriġinali għandu jirrimborsa d-differenza.

D.      Fuq it-tieni domanda

72.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-Qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li d-dispożizzjonijiet Ġermaniżi inkwistjoni jinsabu li jkunu kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital, ir-rekwiżit probatorju stabbilit fil-ħames sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG huwiex konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effett utli.

73.      Minħabba r-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda, ma hemmx ħtieġa li nirrispondi għat-tieni. Madankollu, għas-saħħa tal-kompletezza u fid-dawl tal-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun ta’ fehma differenti dwar l-ewwel domanda, ser nindirizzaha fil-qosor billi niffoka fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jidher li huwa iktar rilevanti għal dan il-każ minn dak ta’ effett utli (18).

74.      Barra minn dan, naħseb li t-tieni domanda għandha titqies minn angolu differenti. Kif osservajt fil-punt 39 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ proporzjonalità iqum primarjament b’rabta ma’ possibbiltà ta’ ġustifikazzjonijiet għal restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital.

75.      Dwar dan għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huwa inerenti fil-prinċipju ta’ awtonomija fiskali tal-Istati Membri li huma jiddeterminaw liema tkun, skont is-sistema nazzjonali tagħhom stess, il-prova meħtieġa biex wieħed jibbenefika minn vantaġġ fiskali, l-eżerċizzju ta’ dik l-awtonomija fiskali għandu jitwettaq skont ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk imposti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punti 37 u 38).

76.      Jidher ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-awtoritajiet tat-taxxi ta’ Stat Membru għandhom id-dritt jitolbu li persuna taxxabbli ġġib tali prova kif huma jqisu tkun meħtieġa biex jiddeterminaw jekk ikunux tħarsu l-kundizzjonijiet għal vantaġġ fiskali mogħti fil-leġiżlazzjoni applikabbli u, għaldaqstant, jekk għandhomx jagħtu dak il-vantaġġ (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu biex tkun iddeterminata t-taxxa attwalment imħallsa fi Stat Membru ieħor ma jistgħux jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (sentenza tat-12 Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, EU:C:2006:773, punt 70).

77.      Naħseb li dispożizzjoni nazzjonali, bħalma hija l-ħames sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG, li skontha jingħata biss rimbors ta’ taxxa miżmuma fuq dħul minn kapital lil kumpannija mhux residenti, wara li jkun intbagħat ċertifikat mill-awtoritajiet tat-taxxi barranin li jkun jindika li t-taxxa ma tkunx tista’ titpaċa, titnaqqas jew tkun riportata, u li attwalment lanqas ma kien hemm ebda tpaċija, tnaqqis jew riport, u dan fir-rigward kemm ta’ dik il-kumpannija, kif ukoll tal-azzjonisti diretti jew indiretti, mingħajr ma tagħti ebda opportunità lill-kumpannija mhux residenti tressaq provi alternattivi, aktarx tikkostitwixxi restrizzjoni moħbija għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE (ara, dwar dan, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78.      Huwa minnu li restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva fl-interess pubbliku. Madankollu, biex tali restrizzjoni tkun iġġustifikata, din għandha tħares il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li għandha tkun xierqa biex tkun żgurata l-kisba tal-għan imfittex minnha u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex dan jinkiseb (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79.      Huwa ċar għalija li r-rekwiżit probatorju stabbilit fil-ħames sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG, sa fejn jikkonċerna lill-azzjonisti diretti u indiretti tal-kumpannija mhux residenti u sa fejn jeskludi l-possibbiltà li jinġiebu mezzi probatorji alternattivi tal-fatti li wieħed jistrieħ fuqhom, huwa sproporzjonat fid-dawl tal-għanijiet imressqa mill-Gvern Ġermaniż. Dwar dan nosserva li, fid-digriet tar-rinviju tagħha l-qorti tar-rinviju tgħid li “l-ħtieġa li tinġieb prova li [l-]kundizzjoni [stabbilita fil-punt 5 tat-tieni sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG] titħares b’rabta mal-azzjonisti diretti u indiretti tagħha billi jissottomettu ċertifikati għal [dak] l-għan mingħand l-awtoritajiet tat-taxxi barranin […] toħloq diffikultajiet kunsiderevoli għal persuna taxxabbli li tkun qiegħda titlob rimbors ta’ taxxa fuq dħul minn kapital” u li “l-preżentazzjoni ta’ dawk iċ-ċertifikati xi drabi tkun teħtieġ ammont sproporzjonat ta’ sforz investigattiv jew – bħal f’dan il-każ – tista’ wkoll prattikament tkun impossibbli”.

V.      Konklużjoni

80.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-ewwel domanda preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi, Köln, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 63 TFUE jipprekludi dispożizzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tar-rimbors ta’ taxxa fuq dħul minn kapital, teħtieġ li kumpannija mhux residenti li tirċievi dividendi minn ishma azzjonarji u ma tissodisfax il-livell ta’ sehem azzjonarju minimu stabbilit fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003, iġġib prova, permezz ta’ ċertifikat mingħand l-amministrazzjoni tat-taxxi barranija, li t-taxxa ma tkunx tista’ titpaċa minn azzjonist b’sehem azzjonarju dirett jew indirett f’dik il-kumpannija jew titnaqqas mill-kumpannija tal-aħħar jew minn azzjonist b’sehem azzjonarju dirett jew indirett fiha bħala spiża operattiva jew bħala ħruġ relatat max-xogħol fl-Istat ta’ residenza, fil-każ fejn tali prova ma tkunx meħtieġa, għall-finijiet tar-rimbors ta’ taxxa fuq dħul minn kapital, minn kumpannija bl-istess livell ta’ sehem azzjonarju li tkun residenti fit-territorju nazzjonali. Sabiex tkun kompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE, tali dispożizzjoni nazzjonali għandha tirrimborsa t-taxxa fuq dħul minn kapital lill-kumpannija mhux residenti li tirċievi dividendi sa fejn it-taxxa ma tkunx tista’ titpaċa fl-Istat ta’ residenza skont kwalunkwe konvenzjoni applikabbli biex tkun evitata tassazzjoni doppja. Jekk tkun possibbli tpaċija parzjali biss fl-Istat ta’ residenza, l-Istat tas-sors għandu jirrimborsa d-differenza.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Minħabba li d-domandi għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 sa 65 TFUE, u minħabba li dawk id-dispożizzjonijiet huma preċiżament fl-istess termini bħall-predeċessuri tagħhom, l-Artikoli 56 sa 58 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat KE), iktar ’il quddiem ser nirreferi għall-Artikoli 63 sa 65 TFUE minkejja li qiegħed jintalab rimbors għal perijodi qabel l-1 ta’ Diċembru 2009.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147. Dik id-direttiva kienet ifformulata mill-ġdid bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011 L 345, p. 8).


4      Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3).


5      Il-fatti li taw lok għal dik is-sentenza kienu li kienet inżammet taxxa fuq id-dividendi kollha mqassma minn kumpannija stabbilita fil-Ġermanja. Kumpanniji residenti biss kellhom il-benefiċċju ta’ kreditu ta’ taxxa b’rabta mat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn. Dak il-kreditu ta’ taxxa kien irrimborsat lill-persuna taxxabbli sakemm l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul li kellu jitħallas kien ikun inqas mill-ammont tal-kreditu tat-taxxa. Għall-kuntrarju, taxxa f’ras il-għajn kienet definittivament tinġabar mingħand kumpanniji mhux residenti.


6      Bundesgesetzblatt (Gazzetta tal-Liġi Federali) (BGBl.) 2002 I, p. 4144, kif l-aħħar emendata, matul il-perijodu milqut mit-tilwima fil-kawża prinċipali, bil-Liġi tas-7 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. 2006 I, p. 2782).


7      BGBl. 2002 I, p. 4210, kif l-aħħar emendata, matul il-perijodu kkonċernat bit-tilwima fil-kawża prinċipali, bil-Liġi tal-20 ta’ Diċembru 2007 (BGBl. 2007 I, p. 3150).


8      Il-Konvenzjoni tas-26 ta’ Novembru 1964 bejn ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkun evitata tassazzjoni doppja u għall-prevenzjoni ta’ evażjoni fiskali fir-rigward ta’ taxxi fuq dħul u fuq il-patrimonju, kif l-aħħar emendata fit-23 ta’ Marzu 1970 (BGBl. 1966 II, p. 358, BGBl. II 1967, p. 828, u BGBl. II 1971, p. 45). Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tistrieħ fuq l-Artikolu 23(2)(a) tal-Konvenzjoni b’rabta mat-tneħħija ta’ tassazzjoni doppja u l-prevenzjoni ta’ evażjoni fiskali fir-rigward ta’ taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital milħuqa bejn dawk iż-żewġ Stati fit-30 ta’ Marzu 2010. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ACC Silicones, il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-Artikolu XVIII(1)(a) tal-Konvenzjoni, li huwa essenzjalment ifformulat f’termini identiċi, japplika għal dan il-każ.


9      Artikolu VI(1) tal-Konvenzjoni jaqra kif ġej:


      “(1) Dividendi mħallsa minn kumpannija residenti f’wieħed mit-territorji lil resident fit-territorju l-ieħor jistgħu wkoll ikunu intaxxati fl-ewwel territorju. Madankollu, ma tkunx imposta taxxa f’dak l-ewwel territorju b’rata ogħla minn 15 per centum fuq l-ammont gross ta’ tali dividendi sakemm dawk id-dividendi jkunu suġġetti għat-taxxa fit-territorju l-ieħor jew, bħala dividendi mħallsa minn kumpannija li tkun residenti fir-Renju Unit, ikunu eżenti minn taxxa tar-Repubblika Federali skont id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a) tal-paragrafu (2) tal-Artikolu XVIII.”


10      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jgħidu li dawk il-libertajiet fundamentali kienu sussegwentement implimentati permezz tal-paragrafu 32(5) tal-KStG.


11      Il-qorti tar-rinviju tiddefinixxi “dividendi minn ishma free-float” bħala “dividendi minn ishma azzjonarji ta’ inqas minn 15 % (fil-każ ta’ distribuzzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2008) jew 10 % (fil-każ ta’ distribuzzjonijiet wara l-31 ta’ Diċembru 2008)”.


12      Punt 1(a) tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG.


13      Punt 1(b) tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 32(5) tal-KStG.


14      Fid-diskussjoni segwenti, l-espressjoni “kumpannija mhux residenti” tirreferi għal kumpannija bl-uffiċċju rreġistrat u ċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, minbarra l-Ġermanja.


15      Iċ-ċertifikat huwa indikat fil-paragrafu 45a(2) jew (3) tal-EStG. Jidher mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ ACC Silicones u tal-Gvern Ġermaniż li ċ-ċertifikat għandu jkollu informazzjoni minima, u biss b’rabta mal-kreditur.


16      Skont il-Gvern Ġermaniż, fid-dritt Ġermaniż, hija biss il-kumpannija li tirċievi d-dividendi u li f’isimha tkun inżammet it-taxxa fuq dħul minn kapital li jkollha d-dritt li tpaċi dik it-taxxa u ma tkunx tista’ tnaqqasha bħala spiża operattiva jew bħala ħruġ relatat max-xogħol. Fil-fehma tiegħi, dan ma jkoprix sitwazzjoni li fija kumpannija residenti jkollha azzjonisti diretti jew indiretti mhux residenti rregolati b’liġijiet nazzjonali li jħalluhom jagħtu kont tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn fil-livell tagħhom.


17      Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.


18      Il-prinċipju ta’ effett utli jfisser li l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma għandux jisfa impossibbli fil-prattika jew ikun eċċessivament diffiċli (ara, dwar dan, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 55).