Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
28 ta’ Frar 2023 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Setgħa ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 291(2) TFUE – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 28 u 397 – Persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor – Fornitur ta’ servizzi b’mod elettroniku – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 – Artikolu 9a – Preżunzjoni – Validità”
Fil-Kawża C-695/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit) permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura
Fenix International Ltd
vs
Commissioners for her Majesty’s Revenue and Customs
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, C. Lycourgos, M. Safjan, L. S. Rossi (Relatriċi), D. Gratsias u M. L. Arastey Sahún, Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, S. Rodin, J. Passer, M. Gavalec, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Fenix International Ltd, minn O. Bartholomew, S. Gilchrist u D. Greene, solicitors, T. Johnson, M. Schofield u V. Sloane, barristers,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Shibli, bħala aġent, assistit minn A. Macnab, barrister,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Maddalo, avvocato dello Stato,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Chatziioakeimidou, M. Chavrier u E. d’Ursel, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u C. Perrin, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Settembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 9a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2011, L 77, p. 1), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1042/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 284, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Fenix International Ltd (iktar ’il quddiem “Fenix”) u, min-naħa l-oħra, il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Awtorità tat-Taxxa u tad-Dwana, ir-Renju Unit) dwar avviż ta’ ssuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) maħruġ minn dawn tal-aħħar għall-perijodu ta’ bejn Lulju 2017 u Jannar 2020 kif ukoll għal April 2020.
Il-kuntest ġuridiku
Il-Ftehim dwar il-ħruġ
3 Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA), l-imsemmi ftehim, li ġie anness ma’ din id-deċiżjoni (ĠU 2020, L 29, p. 7).
4 L-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, bit-titolu “Kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:
“2. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkompli jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jsiru qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
3. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċedimenti għandhom jitqiesu li ġew istitwiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari għandhom jitqiesu li jkunu saru, fil-mument li d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jkun ġie rreġistrat mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja []”
5 Skont l-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, il-perijodu ta’ transizzjoni beda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim u ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.
Id-Direttiva dwar il-VAT
6 Fid-dawl tad-data tal-avviżi ta’ ssuġġettar għall-VAT inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, din hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 348, p. 7, rettifiki fil-ĠU 2018, L 125, p. 15, fil-ĠU 2018, L 225, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 245, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”)
7 Il-premessi 61 sa 64 tad-Direttiva dwar il-VAT huma fformulati kif ġej:
“(61) Huwa essenzjali li tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tas-sistema tal-VAT. Miżuri ta’ implimentazzjoni huma xierqa biex jintlaħaq dak l-għan.
(62) Dawk il-miżuri għandhom, b’mod partikolari, jindirizzaw il-problema tat-taxxa doppja tat-transazzjonijiet bejn il-fruntieri li jistgħu jseħħu bħala riżultat tad-diverġenzi bejn l-Istati Membri fl-applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-post fejn huma mwettqa transazzjonijiet li huma taxxabbli.
(63) Għalkemm l-iskop tal-miżuri ta' implimentazzjoni jkun limitat, dawk il-miżuri jkollhom impatt fuq il-budget li jista' jkun sinifikanti għal xi Stati Membri. Għalhekk, il-Kunsill hu ġġustifikat li jirriżerva lilu nnifsu d-dritt li jeżerċita poteri ta' implimentazzjoni.
(64) Fid-dawl ta’ l-iskop limitat tagħhom, il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom jkunu adottati mill-Kunsill li jaġixxi unanimanent fuq proposta mill-Kummisjoni [Ewropea].”
8 It-Titolu IV ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Transazzjonijiet taxxabbli”, jinkludi l-Kapitolu 3, dwar il-“[p]rovvista ta’ servizzi” li taħtu jinsab l-Artikolu 28 tagħha.
9 L-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.”
10 It-Titolu V ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Post ta’ transazzjonijiet taxxabbli”, jinkludi l-Kapitolu 3, dwar il-“[p]ost ta’ provvista ta’ servizzi”. It-Taqsima 3 ta’ dan il-kapitolu telenka, fid-disa’ subtaqsimiet tagħha, diversi tipi ta’ provvisti ta’ servizzi, fosthom, fis-subtaqsima 8, mill-1 ta’ Jannar 2015, is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni, is-servizzi ta’ xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni kif ukoll is-servizzi pprovduti b’mod elettroniku lil persuna mhux taxxabbli. Din is-subtaqsima hija komposta mill-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva, li fil-paragrafu (1) tiegħu jipprevedi li dawn is-servizzi huma taxxabbli fl-Istat Membru li fih din il-persuna tkun stabbilita jew ikollha d-domiċilju tagħha jew ir-residenza abitwali tagħha.
11 L-imsemmija subtaqsima ġiet emendata, mill-1 ta’ Jannar 2015, permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11), li l-premessa 1 tagħha tistabbilixxi li “[i]r-realizzazzjoni tas-suq intern, il-globalizzazzjoni, id-deregolazzjoni u l-bidla fit-teknoloġija ngħaqdu kollha flimkien sabiex joħolqu bidliet enormi fil-volum u l-istruttura tal-kummerċ fis-servizzi. Huwa dejjem iktar possibbli għal numru ta’servizzi li jiġu fornuti mill-bogħod. B’reazzjoni, ittieħdu passi biċċa biċċa sabiex dan jiġi indirizzat tul is-snin u fil-fatt bosta servizzi definiti bħalissa huma intaxxati abbażi tal-prinċipju tad-destinazzjoni”.
12 L-Artikolu 220 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:
“Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li, fir-rigward ta’ dak li ġej, tinħareġ fattura, jew hi nnifisha jew mill-konsumatur tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza:
(1) provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li hi tkun għamlet lil
persuna taxxabbli oħra jew lil persuna legali mhux
taxxabbli;
[]”
13 Skont l-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva:
“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f'din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221:
[]
(5) l-isem sħiħ u l-indirizz tal-persuna taxxabbli u tal-konsumatur;
(6) il-kwantità u n-natura tal-merkanzija pprovduta jew il-
limitu u n-natura tas-servizzi mogħtija;
[]”
14 L-Artikolu 397 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jimplimenta din id-Direttiva.”
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011
15 Il-premessi 2, 4 u 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 huma fformulati kif ġej:
“(2) Id-Direttiva [dwar il-VAT] fiha regoli dwar [il-VAT] li, f’ċerti każijiet, huma soġġetti għall-interpretazzjoni tal-Istati Membri. L-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet komuni għall-implimentazzjoni tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandha tiżgura li l-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT tikkonforma aktar bis-sħiħ mal-għan tas-suq intern, f’każijiet fejn irriżultaw jew jistgħu jirriżultaw diverġenzi fl-applikazzjoni li mhumiex kompatibbli mal-funzjonament tajjeb ta’ tali tas-suq intern. Dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni huma legalment vinkolanti biss mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u huma mingħajr preġudizzju għall-validità tal-leġislazzjoni u tal-interpretazzjoni adottati qabel mill-Istati Membri.
[]
(4) L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jassigura applikazzjoni uniformi tas-sistema attwali tal-VAT billi jiġu stipulati regoli għall-implimentazzjoni tad-Direttiva [dwar il-VAT], b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni taxxabbli, il-forniment ta’ prodotti u servizzi, kif ukoll il-post tat-transazzjonijiet taxxabbli. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit Artikolu 5(4) tat-Trattat, tal-Unjoni Ewropea dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Peress li jorbot u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, l-uniformità fl-applikazzjoni tintlaħaq bl-aħjar mod permezz ta’ Regolament.
(5) Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni fihom dispożizzjonijiet speċifiċi li jwieġbu għal ċerti kwistjonijiet ta’ applikazzjoni u huma mfassla biex iwasslu, fl-Unjoni kollha, trattament uniformi f'dawk iċ-ċirkostanzi partikolari biss. Għalhekk mhumiex konklużivi għal każijiet oħra u, għandhom ikunu applikati b’mod restrittiv b’kont meħud tal-formulazzjoni tagħhom.”
16 L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jipprovdi:
“Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Titoli I sa V [] tad-Direttiva [dwar il-VAT].”
17 Il-premessi 1 u 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1042/2013, li emenda, mill-1 ta’ Jannar 2015, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, jesponu:
“(1) Id-Direttiva [dwar il-VAT] tipprovdi li mill-1 ta’ Jannar 2015, is-servizzi kollha tat-telekomunikazzjoni, tax- xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni u servizzi fornuti b’mod elettroniku fornuti lil persuna mhux taxxabbli ħandhom jiġu intaxxati fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-klijent, fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti, irrispettivament minn fejn tkun stabbilita l-persuna taxxabbli li tforni dawk is-servizzi. Il-biċċa l-kbira tas-servizzi l-oħrajn ipprovduti lil persuna mhux taxxabbli jibqgħu jiġu intaxxati fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-fornitur.
[]
(4) Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat min ikun il-fornitur għall-finijiet [tal-VAT] fejn servizzi fornuti b’mod elettroniku, jew servizzi telefoniċi fornuti permezz tal-Internet, ikunu fornuti lil klijent permezz ta’ netwerks tat-telekomunikazzjoni jew permezz ta’ interface jew portal.”
18 Skont l-Artikolu 9a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, inkluż permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1042/2013:
“1. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva [dwar il-VAT], fejn ikunu fornuti servizzi fornuti b’mod elettroniku permezz ta’ netwerk tat-telekomunikazzjoni, interface jew portal bħal suq għal applikazzjonijiet, persuna taxxabbli li tieħu sehem f’dak il-forniment għandha titqies bħala li tkun qed taġixxi f’isimha iżda fl-interess tal-fornitur ta’ dawk is-servizzi sakemm dak il-fornitur ma jkunx indikat espliċitament bħala l-fornitur minn dik il-persuna taxxabbli u dak jiġi rifless fl-arranġamenti kuntrattwali bejn il-partijiet.
Sabiex il-fornitur tas-servizzi fornuti b’mod elettroniku jitqies bħala indikat espliċitament li hu l-fornitur ta’ dawk is-servizzi mill-persuna taxxabbli, għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) il-fattura maħruġa jew magħmula disponibbli minn kull persuna taxxabbli li tieħu sehem fil-forniment tas-servizzi fornuti b’mod elettroniku għandha tidentifika dawn is-servizzi u l-fornitur tagħhom;
(b) il-fattura jew l-irċevuta maħruġa jew magħmula disponibbli lill-klijent għandha tidentifika s-servizzi fornuti b’mod elettroniku u l-fornitur ta’ dawk is-servizzi.
Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, persuna taxxabbli li, fir-rigward ta’ forniment ta’ servizzi fornuti b’mod elettroniku, tawtorizza l-imposizzjoni ta’ ħlas mingħand il-klijent jew l-għoti tas-servizzi, jew tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-forniment, ma għandhiex tkun permessa tindika espliċitament persuna oħra bħala l-fornitur ta’ dawk is-servizzi.
2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll fejn ikunu fornuti servizzi telefoniċi fornuti permezz tal-Internet, inklużi s-servizzi bil-vuċi fuq protokoll tal-Internet (VoIP), permezz ta’ netwerk tat-telekomunikazzjoni, interface jew portal bħal suq għall-applikazzjonijiet u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti f’dak il-paragrafu.
3. Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal persuna taxxabbli li tforni biss l-ipproċessar tal-pagamenti fir-rigward ta’ servizzi fornuti b’mod elettroniku jew ta’ servizzi telefoniċi fornuti fuq l-Internet, inklużi s-servizzi bil-vuċi fuq Protokoll tal-Internet (VoIP), u li ma tiħux sehem fil-forniment ta’ dawk is-servizzi fornuti b’mod elettroniku jew servizzi telefoniċi.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
19 Fenix, kumpannija rreġistrata għall-finijiet tal-VAT fir-Renju Unit, topera fuq l-internet pjattaforma ta’ network soċjali magħrufa bl-isem ta’ “Only Fans” (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma Only Fans”). Din il-pjattaforma hija proposta lill-“utenti” mid-dinja kollha, li jinqasmu f’“ideaturi” u f’“fans”.
20 Kull ideatur għandu “profil”, li fuqu huwa jtella’ u jippubblika kontenut, bħal ritratti, vidjows u messaġġi. Il-fans jistgħu jaċċedu għall-kontenut imtella’ mill-ideaturi li huma jkunu jixtiequ jsegwu jew li magħhom huma jkunu jixtiequ jinteraġixxu, billi jwettqu ħlasijiet individwali jew billi jħallsu abbonament fix-xahar. Il-fans jistgħu, barra minn hekk, jagħtu tips jew donazzjonijiet li għalihom ma jiġi pprovdut l-ebda kontenut korrispondenti.
21 Kull ideatur jiddetermina l-ammont tal-abbonament fix-xahar, iżda Fenix tiffissa l-ammont minimu meħtieġ kemm għall-abbonamenti kif ukoll għat-tips.
22 Fenix tipprovdi mhux biss il-pjattaforma Only fans, iżda wkoll il-mekkaniżmu li jippermetti li jitwettqu t-tranżazzjonijiet finanzjarji. Fenix hija responsabbli għall-ġbir u għad-distribuzzjoni tal-ħlasijiet imwettqa mill-fans, billi tirrikorri għal entità terza, li tipprovdi servizzi ta’ ħlas. Fenix tiffissa wkoll il-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tal-pjattaforma Only Fans.
23 Fenix tiġbor 20 % ta’ kull somma mħallsa favur ideatur li lilu hija tiffattura l-ammont korrispondenti. Fuq is-somma li hija tiġbor b’dan il-mod, Fenix tapplika l-VAT bir-rata ta’ 20 %, li tkun inkluża fuq il-fatturi li hija toħroġ.
24 Il-ħlasijiet kollha jidhru fuq ir-rendikont bankarju tal-fan ikkonċernat bħala ħlasijiet ikkreditati lil Fenix.
25 Fit-22 ta’ April 2020, l-Awtorità tat-Taxxa u tad-Dwana bagħtet lil Fenix avviżi ta’ tassazzjoni relatati mal-VAT li hija kellha tħallas għall-perijodu ta’ bejn Lulju 2017 u Jannar 2020 kif ukoll għal April 2020, billi qieset li Fenix kellha titqies bħala li kienet qiegħda taġixxi f’isimha skont l-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011. Għaldaqstant, din l-awtorità qieset li Fenix kellha tħallas il-VAT fuq is-somma kollha rċevuta mingħand fan u mhux biss fuq l-20 % ta’ din is-somma, li hija kienet tiġbor bħala remunerazzjoni.
26 Fis-27 ta’ Lulju 2020, Fenix ippreżentat rikors quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali, ir-Renju Unit), li hija l-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ dan ir-rikors, Fenix, tikkontesta, essenzjalment, il-validità tal-bażi ġuridika tal-avviżi ta’ tassazzjoni, jiġifieri l-Artikolu 9a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, kif ukoll l-ammonti rispettivi tagħhom.
27 Quddiem il-qorti tar-rinviju, Fenix issostni li l-Artikolu 9a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandu l-effett li jemenda u/jew li jikkompleta l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, billi jżid fih regoli ġodda. L-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 fil-fatt imur lil hinn mill-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT billi jipprevedi li l-mandatarju li jipparteċipa fi provvista ta’ servizzi b’mod elettroniku għandu jitqies bħala li rċieva u pprovda l-imsemmija servizzi, anki meta l-identità tal-fornitur, li huwa l-mandant, tkun magħrufa. Tali dispożizzjoni ċċaħħad lill-partijiet mill-awtonomija kuntrattwali tagħhom u tinjora r-realtà kummerċjali u ekonomika. Din tibdel fundamentalment ir-responsabbiltà tal-mandatarju fil-qasam tal-VAT, billi tittrasferixxi l-piż fiskali fuq il-pjattaformi operati fuq l-internet, inkwantu fil-prattika jkun impossibbli li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni stabbilita fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011. Konsegwentement, skont Fenix, dan l-Artikolu 9a jeċċedi l-limiti tas-setgħet ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kunsill taħt l-Artikolu 397 tad-Direttiva dwar il-VAT.
28 Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-validità tal-Artikolu 9a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011.
29 Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2014, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C-65/13, EU:C:2014:2289), il-qorti tar-rinviju tenfasizza li dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ att leġiżlattiv tkun legali biss jekk din id-dispożizzjoni tkun tosserva l-għanijiet ġenerali essenzjali segwiti minn dak l-att, jekk din tkun neċessarja jew utli għall-implimentazzjoni tiegħu u jekk din la temenda u lanqas tikkompletah, lanqas fl-elementi mhux essenzjali tiegħu. Issa, għalkemm l-Artikolu 9a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 huwa intiż li jikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, jista’ madankollu jiġi sostnut li, billi adotta dan l-Artikolu 9a, il-Kunsill kiser is-setgħa ta’ implimentazzjoni mogħtija lilu.
30 B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 tista’ tapplika għall-persuni taxxabbli kollha li jipparteċipaw fil-provvista ta’ servizzi, fatt li ma jikkostitwixxix miżura teknika, iżda jikkostitwixxi bidla radikali tal-kuntest ġuridiku li jirriżulta mill-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT. Barra minn hekk, il-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 9a(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, u b’mod iktar partikolari dik li tinsab fit-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, tidher li tneħħi l-obbligu li tiġi eżaminata konkretament is-sitwazzjoni ekonomika u kummerċjali tal-persuna taxxabbli, li madankollu jirriżulta mill-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, hekk kif ġie ppreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Henfling et (C-464/10, EU:C:2011:489).
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali)), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 9a tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011] huwa invalidu minħabba li jmur lil hinn mill-kompetenza jew mill-obbligu ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill stabbiliti fl-Artikolu 397 tad-[Direttiva dwar il-VAT] sa fejn jikkompleta u/jew jemenda l-Artikolu 28 [tal-imsemmija d]irettiva […]?”
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
32 Mill-Artikolu 86(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkompli jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar it-talbiet tal-qrati tar-Renju Unit imressqa qabel it-tmiem tal-perijodu tranżitorju stabbilit, skont l-Artikolu 126 ta’ dan il-ftehim, għall-31 ta’ Diċembru 2020. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 86(3) tal-imsemmi ftehim, talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala li tressqet, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, fid-data li fiha l-att promotur ikun ġie rreġistrat mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.
33 F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn qorti tar-Renju Unit, ġiet irreġistrata mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2020, jiġifieri qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ transizzjoni.
34 Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fuq din it-talba
Fuq id-domanda preliminari
35 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 huwiex invalidu sa fejn il-Kunsill ikkompleta jew emenda l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, u b’hekk eċċeda s-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 397 ta’ din id-direttiva, b’applikazzjoni tal-Artikolu 291(2) TFUE.
Osservazzjonijiet preliminari
36 Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 291(1) TFUE, l-implimentazzjoni tal-atti ġuridikament vinkolanti tal-Unjoni taqa’ fuq l-Istati Membri. Madankollu, skont l-Artikolu 291(2) TFUE, meta kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ tali atti tal-Unjoni jkunu neċessarji, dawn l-atti jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, jew f’każijiet speċifiċi debitament iġġustifikati u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 TUE, lill-Kunsill.
37 Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, ta’ dan ir-rekwiżit li jiġi debitament iġġustifikat l-għoti ta’ tali setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-Artikolu 291(2) TFUE jirrikjedi li jiġu esposti, b’mod iddettaljat, ir-raġunijiet li għalihom din l-istituzzjoni hija fdata bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ att tal-Unjoni ġuridikament vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C-440/14 P, EU:C:2016:128, punti 49 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
38 F’dan il-każ, l-Artikolu 397 tad-Direttiva dwar il-VAT jagħti lill-Kunsill setgħa ta’ implimentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 397 jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT.
39 F’dan ir-rigward, mill-premessi 61 sa 63 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li, minn naħa, kien neċessarju li miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ din id-direttiva jkunu uniformi, b’mod partikolari sabiex tittaffa l-problema tat-tassazzjoni doppja tat-tranżazzjonijiet transkonfinali li tista’ tirriżulta minn applikazzjoni mhux uniformi, mill-Istati Membri, tar-regoli relatati mal-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, u, min-naħa l-oħra, kellha tiġi rriżervata lill-Kunsill is-setgħa li jadotta tali miżuri ta’ implimentazzjoni minħabba l-effett, xi drabi mhux negliġibbli, li dawn il-miżuri jistgħu jkollhom fuq il-baġits tal-Istati Membri.
40 Dawn il-motivi jiġġustifikaw is-setgħa tal-Kunsill, li tirriżulta mill-Artikolu 397 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jadotta l-miżuri neċessarji għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, inkluż l-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, li huwa konkretament intiż li jiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva.
41 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-limiti tas-setgħat ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 291(2) TFUE, għandu jitfakkar li l-adozzjoni tar-regoli essenzjali ta’ qasam, bħall-VAT, hija rriżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika, li l-adozzjoni tagħhom tkun teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet proprji ta’ dan il-leġiżlatur, ma jistgħux jiġu adottati f’atti ta’ implimentazzjoni, u lanqas f’atti ta’ delega, imsemmija fl-Artikolu 290 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-355/14, EU:C:2015:579, punti 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Barra minn hekk, l-identifikazzjoni tal-elementi ta’ qasam li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju u għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-qasam ikkonċernat (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-363/14, EU:C:2015:579, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Konsegwentement, meta, bis-saħħa ta’ att ġuridikament vinkolanti tal-Unjoni bħad-Direttiva dwar il-VAT, il-Kunsill ikollu s-setgħa li jadotta miżuri ta’ implimentazzjoni, bħall-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, din l-istituzzjoni ma tistax, fil-kuntest ta’ tali setgħa, tadotta regoli essenzjali fil-qasam, peress li dawn tal-aħħar għandhom jiġu adottati b’osservanza tal-proċedura leġiżlattiva applikabbli, jiġifieri, fir-rigward tad-Direttiva dwar il-VAT, il-proċedura speċjali stabbilita fl-Artikolu 113 TFUE.
44 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta setgħat ta’ implimentazzjoni jingħataw lill-Kummissjoni, din hija mitluba tispeċifika l-kontenut tal-att leġiżlattiv inkwistjoni, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni għandhom, minn naħa, josservaw l-għanijiet ġenerali essenzjali segwiti mill-att leġiżlattiv li dawn id-dispożizzjonijiet jkunu intiżi li jispeċifikaw u, min-naħa l-oħra, jkunu neċessarji jew utli għall-implimentazzjoni uniformi tiegħu mingħajr ma dawn jikkompletawh jew jemendawh, lanqas fl-elementi mhux essenzjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2014, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C-65/13, EU:C:2014:2289, punti 43 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Dawn il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-limiti tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni huma wkoll validi meta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 291(2) TFUE, tali setgħat jingħataw lill-Kunsill.
46 Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, billi jirreferi kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Kunsill, l-Artikolu 291(2) TFUE ma jagħmel ebda distinzjoni fir-rigward tan-natura u tal-portata tas-setgħat ta’ implimentazzjoni abbażi tal-istituzzjoni investita bihom.
47 Min-naħa l-oħra, mill-istruttura tal-Artikoli 290 u 291 TFUE jirriżulta li l-eżerċizzju mill-Kunsill tas-setgħat ta’ implimentazzjoni ma jistax jiġi rregolat minn kundizzjonijiet differenti minn dawk imposti fuq il-Kummissjoni meta hija tintalab teżerċita s-setgħa ta’ implimentazzjoni tagħha.
48 Fil-fatt, billi ssir distinzjoni bejn l-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti ta’ delega, li l-Kummissjoni biss hija awtorizzata tadotta fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 290 TFUE u li jippermettulha tikkompleta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni, l-Artikoli 290 u 291 TFUE jiggarantixxu li, meta l-Kunsill jiġi fdat mil-leġiżlatur tal-Unjoni bl-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni, huwa ma jkollux is-setgħat irriżervati lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ atti ta’ delega. Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, jikkompleta jew jemenda l-att leġiżlattiv, anki fl-elementi mhux essenzjali tiegħu.
49 Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li s-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni u lill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE jinkludu, essenzjalment, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ miżuri neċessarji jew utli għall-implimentazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv li abbażi tiegħu dawn ikunu adottati u li sempliċement jippreċiżaw il-kontenut tagħhom, b’osservanza tal-għanijiet ġenerali essenzjali segwiti minn ta’ dan l-att, mingħajr ma jemendawh jew jikkompletawh, fl-elementi essenzjali jew f’dawk mhux essenzjali tiegħu.
50 B’mod partikolari, għandu jitqies li miżura ta’ implimentazzjoni sempliċement tippreċiża d-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv ikkonċernat meta din tkun intiża biss, b’mod ġenerali jew f’ċerti każijiet partikolari, li tiċċara l-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jew li tiddetermina l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni madankollu li, b’dan il-mod, din il-miżura tevita kull kontradizzjoni fir-rigward tal-għanijiet tal-imsemmija dispożizzjonijiet u bl-ebda mod ma tbiddel il-kontenut normattiv ta’ dan l-att jew il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
51 Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk, billi adotta l-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, il-Kunsill osservax il-limiti tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lilu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 291(2) TFUE, mill-Artikolu 397 tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi vverifikat jekk dan l-Artikolu 9a(1) sempliċement jippreċiżax il-kontenut tal-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, fatt li jimplika li jiġi eżaminat jekk l-imsemmi Artikolu 9a(1), l-ewwel, josservax l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, dawk tal-Artikolu 28 tagħha, it-tieni, huwiex neċessarju jew utli sabiex jiffaċilita l-implimentazzjoni uniformi tal-istess Artikolu 28 u, it-tielet, ma jikkompletax u lanqas ma jemenda bl-ebda mod lil dan tal-aħħar.
Fuq l-osservanza mill-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 tal-għanijiet ġenerali essenzjali segwiti mid-Direttiva dwar il-VAT
52 Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-Direttiva dwar il-VAT hija intiża li tistabbilixxi sistema komuni tal-VAT. Għall-finijiet ta’ applikazzjoni uniformi ta’ din is-sistema, inkluża fost l-għanijiet ta’ din id-direttiva, kif tenfasizza, b’mod partikolari, il-premessa 61 tagħha, il-kunċetti li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, bħal dawk ta’ “tranżazzjonijiet taxxabbli”, ta’ “persuni taxxabbli” u ta’ “attivitajiet ekonomiċi”, għandhom jiġi interpretati b’mod awtonomu u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C-276/14, EU:C:2015:635, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 Bis-saħħa tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jaqa taħt it-Titolu IV ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Transazzjonijiet taxxabbli”, meta persuna taxxabbli, li taġixxi f’isimha, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, tipparteċipa fi provvista ta’ servizzi, hija għandha titqies li rċeviet u pprovdiet is-servizzi inkwistjoni hija stess.
54 Dan l-artikolu, li huwa fformulat b’mod ġenerali, mingħajr ma jinkludi restrizzjonijiet fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jew tal-portata tiegħu, u li għalhekk ikopri l-kategoriji ta’ servizzi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Henfling et, C-464/10, EU:C:2011:489, punt 36), joħloq il-finzjoni ġuridika ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi pprovduti b’mod konsekuttiv, li abbażi tagħha l-operatur, li jipparteċipa f’provvista ta’ servizzi u li jikkostitwixxi l-aġent, huwa meqjus li, inizjalment, irċieva s-servizzi inkwistjoni mingħand l-operatur li għall-benefiċċju tiegħu huwa jkun qiegħed jaġixxi, li jikkostitwixxi l-prinċipal, qabel ma jipprovdi, sussegwentement, dawn is-servizzi lil klijent huwa stess (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2021, UCMR – ADA, C-501/19, EU:C:2021:50, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 L-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT għalhekk jistabbilixxi li l-persuna taxxabbli li, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi, taġixxi bħala intermedjarja f’isimha stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, għandha titqies bħala li hija l-fornitur ta’ dawn is-servizzi.
56 Fit-tieni lok, mill-premessi 2, 4 u 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jirriżulta li, sa fejn ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva dwar il-VAT huma, f’ċerti każijiet, suġġetti għal diverġenzi ta’ applikazzjoni bejn l-Istati Membri, inkompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-għan ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni huwa li tiġi ggarantita applikazzjoni uniformi tas-sistema attwali tal-VAT, billi jiġu adottati dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-provvisti ta’ servizzi, liema dispożizzjonijiet għandhom jissodisfaw ċerti kwistjonijiet ta’ applikazzjoni u jkunu intiżi li jipprovdu fl-Unjoni kollha trattament uniformi tal-każijiet partikolari biss irregolati fihom.
57 Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, introdott permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1042/2013, mill-premessi 1 sa 4 ta’ dan l-aħħar regolament jirriżulta li, fid-dawl tal-evoluzzjoni li, fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-VAT, tikkaratterizza, b’mod partikolari, it-tassazzjoni tas-servizzi pprovduti b’mod elettroniku lil persuna mhux taxxabbli, li, mill-1 ta’ Jannar 2015, huma taxxabbli fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-klijent, dan ikollu d-domiċilju tiegħu jew ir-residenza abitwali tiegħu, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tal-persuna taxxabbli li tipprovdi dawn is-servizzi, il-Kunsill qies neċessarju jippreċiża min huwa l-fornitur ta’ servizzi għall-finijiet tal-VAT meta l-imsemmija servizzi jkunu pprovduti permezz ta’ network ta’ telekomunikazzjoni, ta’ interfaċċa jew ta’ portal.
58 Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 292/2011 jindika, “[g]ħall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva [dwar il-VAT]” u għall-każ fejn servizzi b’mod elettroniku jiġu pprovduti permezz ta’ network ta’ telekomunikazzjoni, ta’ interfaċċa jew ta’ portal, bħal pjattaforma ta’ tniżżil għall-applikazzjonijiet, f’liema kundizzjonijiet għandu jitqies li l-persuna taxxabbli, li tipparteċipa f’din il-provvista, taġixxi f’isimha, iżda għall-benefiċċju tal-fornitur.
59 B’dan il-mod, l-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 huwa intiż li jiżgura, mill-1 ta’ Jannar 2015, applikazzjoni uniformi tal-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT fir-rigward ta’ tali persuni taxxabbli u, għalhekk, tas-sistema komuni tal-VAT, stabbilita minn din id-direttiva, għas-servizzi msemmija f’dan l-Artikolu 9a(1), li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 28, li jkopri, hekk kif jirriżulta mill-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-kategoriji kollha ta’ servizzi.
60 Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 josservaw l-għanijiet ġenerali essenzjali tad-Direttiva dwar il-VAT, u, b’mod partikolari, dawk tal-Artikolu 28 tagħha.
Fuq in-neċessità jew l-utilità tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għall-implimentazzjoni uniformi tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT
61 Għandu jiġi kkonstatat li mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi (COM(2012) 763 final), li ta lok għall-introduzzjoni tal-Artikolu 9a f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, jirriżulta, b’mod partikolari, li, fid-dawl tat-tibdil imwettaq fid-Direttiva dwar il-VAT mill-1 ta’ Jannar 2015 fir-rigward tal-post ta’ tassazzjoni ta’ ċerti provvisti ta’ servizzi, fosthom is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni u s-servizzi elettroniċi, kien sar essenzjali, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali tal-fornituri ta’ servizzi u sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja jew in-nuqqas ta’ tassazzjoni li rriżultaw minn modalitajiet ta’ implimentazzjoni differenti bejn l-Istati Membri, li l-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jiġi emendat sabiex jiġi stabbilit il-mod li bih id-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-Direttiva dwar il-VAT kellhom jiġu applikati.
62 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 huwa utli, u saħansitra anki neċessarju, għall-implimentazzjoni uniformi tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT.
Fuq l-osservanza mill-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 tal-projbizzjoni li jiġi kkompletat jew emendat il-kontenut tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT
63 Skont Fenix, it-tliet subparagrafi tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jikkompletaw jew jemendaw l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, b’tali mod li dawn jiksru l-limiti tas-setgħa ta’ implimentazzjoni rrikonoxxuta lill-Kunsill.
64 Qabelxejn, f’dak li jirrigwarda l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, Fenix tqis, minn naħa, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jirregola, fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-kwistjoni dwar f’liema każijiet persuna taxxabbli li tipparteċipa fi provvista ta’ servizzi taġixxi f’isimha, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, fatt li l-Kunsill ma jistax jirrimedja, sakemm ma jeċċedix is-setgħat tiegħu, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Min-naħa l-oħra, skont Fenix, il-preżunzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 9a(1) tapplika mingħajr kunsiderazzjoni għar-realtà kuntrattwali u kummerċjali, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u tbiddel radikalment ir-responsabbiltà tal-aġent fil-qasam tal-VAT.
65 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, il-persuna taxxabbli li tipparteċipa fi provvista ta’ servizzi pprovduti b’mod elettroniku permezz ta’ network ta’ telekomunikazzjoni, ta’ interfaċċa jew ta’ portal, bħal pjattaforma ta’ tniżżil għall-applikazzjonijiet “għandha titqies bħala li tkun qed taġixxi f’isimha, iżda fl-interess tal-fornitur ta’ dawk is-servizzi sakemm dak il-fornitur ma jkunx indikat espliċitament bħala l-fornitur minn dik il-persuna taxxabbli u dak jiġi rifless fl-arranġamenti kuntrattwali bejn il-partijiet”.
66 Issa, mid-Direttiva dwar il-VAT bl-ebda mod ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien irrinunzja milli jiżgura, jekk ikun il-każ, permezz tal-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill skont l-Artikolu 397 ta’ din id-direttiva, applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari dik li skontha, sabiex tkun tista’ titqies bħala l-fornitur ta’ servizz, il-persuna taxxabbli li tipparteċipa f’din il-provvista għandha taġixxi f’isimha, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li din il-kundizzjoni hija ta’ natura kruċjali għall-implimentazzjoni tal-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT u, konsegwentement, għall-applikazzjoni uniformi tas-sistema komuni tal-VAT, inkluża, hekk kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, fost l-għanijiet ta’ din id-direttiva.
67 Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-kwistjoni dwar jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, hekk kif redatt mill-Kunsill, jikkompletax jew jemendax il-kontenut tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-fatt li dan l-Artikolu 9a(1) jikkonċerna biss, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, xi wħud mis-servizzi previsti fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, u għaldaqstant ċerti każijiet partikolari, bl-ebda mod ma jipprekludi, hekk kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmi Artikolu 9a(1) jitqies bħala sempliċi preċiżazzjoni tal-kontenut ta’ dan l-Artikolu 28.
68 It-tieni, sa fejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jipprevedi li l-persuna taxxabbli, li tipparteċipa fil-provvista ta’ servizzi pprovduti b’mod elettroniku “għandha titqies bħala li tkun qed taġixxi f’isimha iżda fl-interess tal-fornitur ta’ dawk is-servizzi”, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni sempliċement tispeċifika l-każijiet li fihom jitqies li hija ssodisfatta l-kundizzjoni relatata mal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, neċessarja għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni prevista fih, mingħajr ma temenda jew tikkompleta l-kontenut tal-imsemmi artikolu.
69 B’mod partikolari, il-preżunzjoni inkluża fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 hija kompletament konsistenti mal-loġika sottostanti għall-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki qabel l-adozzjoni ta’ dan l-Artikolu 9a, l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT kellu l-għan li jittrasferixxi r-responsabbiltà fil-qasam tal-VAT fir-rigward tal-provvisti ta’ servizzi li fihom tipparteċipa persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor.
70 Għaldaqstant, il-preżunzjoni inkluża fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 ma tbiddilx in-natura ta’ dik stabbilita fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, iżda tillimita ruħha, billi tintegraha kompletament, tikkonkretizzaha fil-kuntest speċifiku tas-servizzi pprovduti b’mod elettroniku permezz ta’ network ta’ telekomunikazzjoni, ta’ interfaċċa jew ta’ portal, bħal pjattaforma ta’ tniżżil għall-applikazzjonijiet.
71 It-tielet, billi jżid “sakemm dak il-fornitur ma jkunx indikat espliċitament bħala l-fornitur minn dik il-persuna taxxabbli u dak jiġi rifless fl-arranġamenti kuntrattwali bejn il-partijiet”, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jippermetti li din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà kuntrattwali tar-relazzjonijiet bejn l-intervenjenti fil-katina ta’ tranżazzjonijiet ekonomiċi.
72 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ftehimiet kuntrattwali jirriflettu, bħala prinċipju, ir-realtà ekonomika u kummerċjali tat-tranżazzjonijiet, li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha jikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT, b’tali mod li t-termini kuntrattwali rilevanti jikkostitwixxu element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-identifikazzjoni tal-fornitur u tal-benefiċjarju fi tranżazzjoni ta’ “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C-653/11, EU:C:2013:409, punti 42 u 43, kif ukoll tal-24 ta’ Frar 2022, Suzlon Wind Energy Portugal, C-605/20, EU:C:2022:116, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
73 Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-kundizzjoni relatata mal-fatt li l-persuna taxxabbli għandha taġixxi f’isimha, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, li tinsab fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, għandha tiġi vverifikata, b’mod partikolari, abbażi tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Henfling et, C-464/10, EU:C:2011:489, punt 42).
74 Minn dan isegwi li, billi jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, li l-preżunzjoni li l-persuna taxxabbli msemmija f’din id-dispożizzjoni taġixxi f’isimha, iżda għall-benefiċċju tal-fornitur tas-servizzi inkwistjoni tista’ tiġi kkonfutata jekk mill-ftehimiet kuntrattwali bejn il-partijiet ikun jirriżulta li dan tal-aħħar huwa espliċitament irrikonoxxut bħala l-fornitur ta’ servizzi, il-Kunsill illimita ruħu li jippreċiża l-kontenut normattiv stabbilit mill-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Unjoni.
75 Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, għandu jiġi rrilevat li, skont din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet “[s]abiex il-fornitur tas-servizzi fornuti b’mod elettroniku jitqies bħala indikat espliċitament li hu l-fornitur ta’ dawk is-servizzi mill-persuna taxxabbli”. Minn naħa, il-fattura maħruġa jew imqiegħda għad-dispożizzjoni minn kull persuna taxxabbli li tipparteċipa fil-provvista ta’ servizzi pprovduti b’mod elettroniku għandha tispeċifika dawn is-servizzi kif ukoll il-fornitur tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-fattura jew l-irċevuta maħruġa lid-destinatarju tas-servizzi jew imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu għandha tispeċifika s-servizzi pprovduti b’mod elettroniku u l-fornitur tagħhom.
76 Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni hija marbuta mill-qrib mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 u ssegwi l-istess loġika tiegħu, billi tindika, b’mod iktar iddettaljat, il-kundizzjonijiet, relatati mal-fatturazzjoni, li fid-dawl tagħhom il-fornitur ta’ servizzi b’mod elettroniku huwa espliċitament irrikonoxxut mill-persuna taxxabbli bħala fornitur ta’ dawn is-servizzi.
77 Issa, l-indikazzjonijiet li għandhom ikun inklużi, skont l-Artikolu 226(5) u (6) tad-Direttiva dwar il-VAT, fuq il-fattura, dokument li, skont l-Artikolu 220(1) ta’ din id-direttiva, kull persuna taxxabbli għandha tiżgura ruħha li jkun inħareġ debitament għal kull provvista ta’ servizzi li hija twettaq, b’mod partikolari, għal persuna taxxabbli oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Evita-K, C-78/12, EU:C:2013:486, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), jagħmlu parti mill-elementi li jaqgħu taħt ir-relazzjonijiet kummerċjali u kuntrattwali bejn id-diversi partijiet u li huma meqjusa li jirriflettu r-realtà ekonomika u kummerċjali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni. Dawn l-indikazzjonijiet jistgħu għalhekk jippermettu li jiġu evalwati r-relazzjonijiet li għandhom bejniethom l-operaturi differenti, li jintervjenu fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi pprovduti b’mod elettroniku.
78 Għaldaqstant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 sempliċement jesponi l-elementi li jippermettu li jiġu evalwati b’mod konkret, fid-dawl tan-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika u kummerċjali tat-tranżazzjonijiet, is-sitwazzjonijiet u l-kundizzjonijiet li fihom il-preżunzjoni, li tirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni konformement ma’ dik stabbilita fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, tista’ tiġi kkonfutata.
79 Għalhekk, fir-rigward tal-provi li jippermettu l-konfutazzjoni tal-preżunzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, li l-evalwazzjoni konkreta tagħhom taqa’ fuq l-awtoritajiet fiskali u l-qrati tal-Istati Membri, it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 9a(1) ma jistax, bħala tali u fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 71sa 74 ta’ din is-sentenza, jitqies li jikkompleta jew jemenda l-qafas normattiv stabbilit fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT.
80 Fl-aħħar, fir-rigward tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, għandu jitfakkar li, b’konformità miegħu, “[g]ħall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, persuna taxxabbli li, fir-rigward ta’ forniment ta’ servizzi fornuti b’mod elettroniku, tawtorizza l-imposizzjoni ta’ ħlas mingħand il-klijent jew l-għoti tas-servizzi, jew tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-forniment, ma għandhiex tkun permessa tindika espliċitament persuna oħra bħala l-fornitur ta’ dawk is-servizzi”.
81 B’hekk, minn dan it-tielet subparagrafu jirriżulta li, meta l-persuna taxxabbli tkun tinsab f’waħda mit-tliet sitwazzjonijiet previsti fl-imsemmi subparagrafu, il-preżunzjoni inkluża fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 ma tistax tiġi kkonfutata u għalhekk issir inkonfutabbli. Fi kliem ieħor, fil-każ ta’ servizzi pprovduti b’mod elettroniku, permezz ta’ network ta’ telekomunikazzjoni, ta’ interfaċċa jew ta’ portal bħal pjattaforma ta’ tniżżil għall-applikazzjonijiet, il-persuna taxxabbli li tipparteċipa f’din il-provvista hija dejjem meqjusa li taġixxi f’isimha, iżda għall-benefiċċju tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi u, għaldaqstant, meqjusa bħala li hija stess hija l-fornitur tal-imsemmija servizzi, meta hija tawtorizza l-fatturazzjoni lid-destinatarju jew il-provvista ta’ dawn l-istess servizzi jew tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ din il-provvista.
82 Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Fenix, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni, meta adotta t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, ir-realtà ekonomika u kummerċjali tat-tranżazzjonijiet, fil-kuntest speċifiku tal-provvista ta’ servizzi pprovduti b’mod elettroniku permezz ta’ network ta’ telekomunikazzjoni, ta’ interfaċċa jew ta’ portal, bħal pjattaforma ta’ tniżżil għall-applikazzjonijiet, hekk kif jirrikjedi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 28 ta’ Direttiva dwar il-VAT.
83 Fil-fatt, meta persuna taxxabbli, li tipparteċipa fil-provvista ta’ servizz b’mezz elettroniku, billi topera, pereżempju, pjattaforma ta’ network soċjali online, ikollha s-setgħa li tawtorizza l-provvista ta’ dan is-servizz, jew il-fatturazzjoni tagħha jew ukoll li tiffissa l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ tali provvista, din il-persuna taxxabbli jkollha l-possibbiltà li tiddefinixxi, b’mod unilaterali, elementi essenzjali relatati mal-provvista, jiġifieri t-twettiq tagħha u l-mument li fih din isseħħ, jew il-kundizzjonijiet li bihom il-korrispettiv ikun eżiġibbli, jew inkella r-regoli li jiffurmaw il-kuntest ġenerali ta’ din il-provvista. F’tali ċirkustanzi, u fid-dawl tar-realtà ekonomika u kummerċjali riflessa minnhom, il-persuna taxxabbli għandha titqies bħala li hija l-fornitur ta’ servizzi, skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT.
84 Huwa għalhekk bla dubju b’mod konformi mal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT li, fiċ-ċirkustanzi elenkati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, tali persuna taxxabbli ma tistax tevita l-preżunzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 28, billi tindika kuntrattwalment persuna taxxabbli oħra bħala l-fornitur tas-servizzi kkonċernati. Din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax fil-fatt tittollera klawżoli kuntrattwali li ma jkunux jirriflettu r-realtà ekonomika u kummerċjali.
85 Il-fatt li ċ-ċirkustanzi previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 ma jissemmewx fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jistax jinvalida din l-analiżi.
86 Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 50 u 82 sa 84 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, billi jelenka espressament dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 ma jbiddilx il-kontenut normattiv stabbilit mill-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, iżda, għall-kuntrarju, sempliċement jikkonkretizza l-applikazzjoni tiegħu għall-każ partikolari tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 9a(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.
87 Għal raġunijiet analogi, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument imressaq minn Fenix li jkun kuntrarju għall-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT li l-persuna taxxabbli msemmija f’dan l-artikolu tiġi ttrattata bħala l-fornitur tas-servizzi meta l-klijent finali jkun jaf bl-eżistenza tal-mandat bejn il-prinċipal u l-aġent, kif ukoll l-identità ta’ dan il-prinċipal.
88 F’dan ir-rigward, huwa veru li, sabiex l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT ikun jista’ japplika, għandu jkun hemm mandat ta’ eżekuzzjoni li permezz tiegħu l-aġent jintervjeni, f’isem il-prinċipal, fil-provvista ta’ servizzi (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2020, ITH Comercial Timişoara, C-734/19, EU:C:2020:919, punt 51). Madankollu, anki jekk jitqies li, minkejja l-kumplessità tal-ktajjen ta’ tranżazzjonijiet li tista’ tikkaratterizza l-provvista tas-servizzi b’mod elettroniku, il-klijent finali jkun, f’ċerti każijiet, f’pożizzjoni li jkun jaf bl-eżistenza tal-mandat u l-identità tal-prinċipal, dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex waħedhom suffiċjenti sabiex jeskludu li l-persuna taxxabbli, li tipparteċipa fil-provvista ta’ servizzi, taġixxi f’isimha, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Henfling et, C-464/10, EU:C:2011:489, punt 43). Fil-fatt, huma qabel kollox is-setgħat li għandha din il-persuna taxxabbli fil-kuntest tal-provvista li fiha hija tipparteċipa li huma importanti.
89 F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħall-ewwel żewġ subparagrafi tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, it-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jitqies bħala li jikkompleta jew jemenda l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT.
90 Konsegwentement, billi adotta l-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi fl-Unjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT għas-servizzi previsti f’din l-ewwel dispożizzjoni, il-Kunsill ma eċċediex is-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 397 ta’ din id-direttiva, b’applikazzjoni tal-Artikolu 291(2) TFUE.
91 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-eżami tagħha ma rrileva ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, fid-dawl tal-Artikoli 28 u 397 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll tal-Artikolu 291(2) TFUE.
Fuq l-ispejjeż
92 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
L-eżami tad-domanda preliminari ma rrileva ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1042/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013, fid-dawl tal-Artikoli 28 u 397 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017, kif ukoll tal-Artikolu 291(2) TFUE.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.