Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
13 ta’ Ottubru 2022 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 273 – Miżuri intiżi sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT – Artikolu 325(1) TFUE – Obbligu tal-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Dejn tal-VAT ta’ persuna ġuridika taxxabbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-responsabbiltà in solidum tal-maniġer mhux taxxabbli tal-persuna ġuridika – Trasferimenti mwettqa b’mala fide mill-maniġer – Tnaqqis fl-assi tal-persuna ġuridika li jwassal għall-insolvenza – Nuqqas ta’ ħlas tal-ammonti tal-VAT dovuti mill-persuna ġuridika fit-termini previsti – Interessi moratorji – Proporzjonalità”
Fil-Kawża C-1/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura
MC
vs
Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Veliko Tarnovo pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla, li qed taġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, J. Passer u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal MC, minnu nnifsu,
– għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Veliko Tarnovo pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, minn B. Nikolov,
– għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Nikolova u V. Uher, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis-26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57, iktar’ il quddiem il-“Konvenzjoni PIF”), tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MC u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Veliko Tarnovo pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite (direttur tad-Direttorat “Appelli u Prattika fil-Qasam tat-Tassazzjoni u tas-Sigurtà Soċjali” ta’ Veliko Tarnovo kontra l-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku (iktar ’il quddiem id-“Direttur”) rigward avviż ta’ aġġustament li permezz tiegħu MC inżamm responsabbli in solidum għal ċertu dejn fiskali, inkluż dejn ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ kumpannija kummerċjali li huwa kien il-maniġer tagħha.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Konvenzjoni PIF
3 Skont il-preambolu tal-Konvenzjoni PIF, il-partijiet kontraenti f’din il-konvenzjoni, “li jixtiequ jassiguraw li l-liġijiet kriminali tagħhom jikkontribwixxu b’mod effetiv għall-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej”, huma konvinti, minn naħa, “li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej issejjaħ għal prosekuzzjoni kriminali ta’ kondotta frawdolenta li tagħmel ħsara lil dawk l-interessi” u, min-naħa l-oħra, “mill-ħtieġa li tagħmel din il-kondotta punita b’penalitajiet kriminali effettivi, proporzjonati u disważivi, mingħajr preġudizzju għal possibbilità li tapplika penalitajiet oħra f’każi xierqa, u tal-bżonn, għal inqas f’każi serji, li tagħmel din il-kondotta punita b’deprivazzjoni ta’ libertà”.
4 L-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni PIF jiddefinixxi l-kunċett ta’ “frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej”. Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din il-konvenzjoni, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa u xierqa sabiex jittrasponi fil-liġi kriminali tiegħu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija konvenzjoni, b’tali mod li l-aġir li huma jirreferu għalih jitqies bħala ksur kriminali.
5 L-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF jipprovdi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-aġir imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, kif ukoll il-kompliċità, l-instigazzjoni jew it-tentattiv fir-rigward tal-aġir imsemmi fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija konvenzjoni, ikun punibbli b’sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Id-Direttiva dwar il-VAT
6 L-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 193 sa 200 u l-Artikoli 202, 203 u 204, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi persuna li mhix il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT għandha tkun responsabbli insolidum għall-ħlas tal-VAT.”
7 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:
“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”
Id-dritt Bulgaru
8 L-Artikolu 19(2) tad-Danachno – osiguritelen protsesualen kodeks (il-Kodiċi Proċedurali fil-Qasam tat-Taxxa u tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem id-“DOPK”) jipprovdi:
“Jekk maniġer jew membru ta’ korp maniġerjali li b’malafide jagħmel ħlasijiet in natura jew fi flus li ġejjin mill-assi tal-persuna ġuridika debitriċi fis-sens tal-Artikolu 14(1) jew (2), li jikkostitwixxu tqassim moħbi ta’ profitti jew ta’ dividendi, jew jittrasferixxi assi tad-debitur bla ħlas jew bi prezzijiet ferm inqas mill-prezzijiet tas-suq, bir-riżultat li l-assi tad-debitur jitnaqqsu u li bħala konsegwenza ma jkunux tħallsu taxxi jew kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali, dan il-maniġer jew membru ta’ korp maniġerjali jkun responsabbli, skont il-każ, għad-djun fl-ammont tal-ħlasijiet imwettqa jew tat-tnaqqis tal-assi.”
9 L-Artikolu 20 tad-DOPK jipprovdi:
“Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 19, il-miżura kawtelatorja u l-eżekuzzjoni forzata huma diretti inizjalment kontra l-assi tad-debitur li d-dejn fiskali jew tas-sigurtà soċjali tiegħu huwa impost fuq it-terz.”
10 L-Artikolu 21(3) tad-DOPK jispeċifika li r-responsabbiltà tat-terzi tintemm meta jispiċċa d-dejn li għalih tkun ġiet stabbilita r-responsabbiltà permezz ta’ att definittiv.
11 L-Artikolu 1 taż-Zakon za lihvite varhu danatsi, taksi i drugi podobni darzhavni vzemania (il-Liġi dwar l-Interessi fuq it-Taxxi, it-Tariffi u Dejn Ieħor Simili tal-Istat) (DV Nru 91, tat-12 ta’ Novembru 1957), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi:
“Għandhom jitħallsu l-interessi, ikkalkolati bir-rata statutorja, fuq l-irkupru ta’ taxxi, tariffi, tnaqqis ta’ profitti, kontribuzzjonijiet għall-baġit u dejn ieħor tal-Istat ta’ natura simili, kemm jekk kienu jew ma kinux is-suġġett ta’ ġbir, li ma tħallsux fit-termini previsti għal ħlas volontarju.”
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Bejn l-14 ta’ April 2011 u t-30 ta’ April 2015, МC kien il-maniġer ta’ kumpannija kummerċjali.
13 Matul is-sena 2015, proċedura ta’ rkupru forzat ta’ dejn pubbliku ġiet introdotta kontra din il-kumpannija, intiża b’mod partikolari għall-ammonti ta’ VAT mhux imħallsa kif ukoll għall-interessi moratorji dovuti fuq dawn l-ammonti.
14 Fit-28 ta’ Awwissu 2018, din il-proċedura ppermettiet biss l-irkupru tal-ammont ta’ BGN 287 935.35 (lev Bulgaru) (madwar EUR 148 115). L-ammont totali tad-dejn pubbliku li kien għad fadal dovut mill-imsemmija kumpannija kien jammonta għal BGN 3 799 590.92 (madwar EUR 1 954 522).
15 Peress li kkonstata li kien ser ikun diffiċli li dan id-dejn jiġi rkuprat mingħand din l-istess kumpannija, l-uffiċjal responsabbli għall-irkupru adixxa lid-direttorat territorjalment kompetenti tan-Natsionalnata agentsia za prihodite (l-Aġenzija Nazzjonali għad-Dħul Pubbliku) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat”) sabiex jistabbilixxi r-responsabbiltà personali ta’ MC, in solidum, b’applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tad-DOPK.
16 Fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura, MC kien is-suġġett ta’ stħarriġ li ppermetta li jiġu stabbiliti l-fatti segwenti.
17 MC eżerċita funzjonijiet eżekuttivi ta’ ġestjoni mal-kumpannija kummerċjali msemmija iktar ’il quddiem bejn l-14 ta’ April 2011 u t-30 ta’ April 2015. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn MC, ir-remunerazzjoni li huwa kien jirċievi għal dan kienet stabbilita f’kuntratt ta’ ġestjoni konkluż ma’ din il-kumpannija. Madankollu, dan il-kuntratt la seta’ jiġi prodott minn MC u lanqas mill-imsemmija kumpannija.
18 MC sostna li r-remunerazzjoni gross fix-xahar tiegħu ġiet miżjuda, mill-1 ta’ Marzu 2014, biex għaddiet minn BGN 3 000 (madwar EUR 1 543) għal BGN 20 000 (madwar EUR 10 288). Din iż-żieda kienet iġġustifikata biż-żieda fid-dħul nett u fid-dħul mill-bejgħ ta’ din l-istess kumpannija, minħabba l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda.
19 Id-Direttorat ikkunsidra li l-ammont li jikkorrispondi għaż-żieda tar-remunerazzjoni netta ta’ MC, jiġifieri BGN 15 300 (madwar EUR 7 800) fix-xahar, kien jikkostitwixxi tqassim moħbi ta’ profitti jew ta’ dividendi, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tad-DOPK, għax-xhur ta’ Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru 2014 u għax-xahar ta’ Jannar 2015, li jikkorrispondi għal ammont totali ta’ BGN 76 500 (madwar EUR 39 352). Huwa qies ukoll li MC kien aġixxa b’malafide.
20 B’mod partikolari, id-Direttorat ikkonstata li fit-18 u fit-23 ta’ Diċembru 2014 kienu saru tliet pagamenti fil-kont bankarju tal-konjuġi ta’ MC, għal ammont kumulattiv ta’ BGN 53 164.08 (madwar EUR 27 348). Barra minn hekk, l-investigazzjoni ġudizzjarja, li matulha tneħħa s-sigriet bankarju, stabbilixxiet li dawn il-ħlasijiet kienu saru online mill-“kont klijent” tal-avukat inkarigat li jirrappreżenta l-kumpannija kummerċjali li MC kien il-maniġer tagħha.
21 Id-Direttorat qies li dan l-ammont kumulattiv ta’ BGN 53 164.08, ittrasferit fil-kont tal-konjuġi ta’ MC, kien jeċċedi b’BGN 45 900 (madwar EUR 3 611) ir-remunerazzjoni netta normali ta’ MC ikkalkolata fuq perijodu ta’ tliet xhur.
22 Skont l-Artikolu 19(2) tad-DOPK, id-Direttorat ħareġ avviż ta’ aġġustament li permezz tiegħu ddikjara lil MC responsabbli in solidum għad-dejn pubbliku tal-imsemmija kumpannija kummerċjali għall-ammont ta’ BGN 45 008.25 (madwar EUR 23 152). Id-dejn pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ikopri t-taxxa fuq il-persuni fiżiċi, il-kontribuzzjonijiet soċjali u l-VAT, inkluż b’mod partikolari ammont ta’ BGN 12 837.50 (madwar EUR 6 604) li jirrappreżentaw l-interessi dovuti fuq il-VAT relatata max-xahar ta’ Diċembru 2014.
23 MC ippreżenta appell amministrattiv kontra dan l-avviż ta’ aġġustament quddiem id-direttur, li ċaħad l-appell tiegħu.
24 Għaldaqstant MC ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostna li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tad-DOPK ma kinux issodisfatti.
25 Quddiem il-qorti tar-rinviju, id-Direttur sostna, minn naħa, li MC kellu mandat fuq il-kont tal-konjuġi tiegħu u, min-naħa l-oħra, li huwa kien inkariga lill-uffiċjal prinċipali tal-kontabbiltà tal-kumpannija inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali sabiex jagħmel trasferimenti.
26 Il-qorti tar-rinviju tqis li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti u, għaldaqstant, li l-aġir ta’ MC jaqa’ taħt il-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum stabbilit f’din id-dispożizzjoni. Skont dik il-qorti, huwa stabbilit li MC ta lil terz l-istruzzjoni sabiex jittrasferixxi somma li tappartjeni lill-kumpannija li tagħha huwa kien il-maniġer favur persuna fiżika li kienet assoċjata miegħu, jew mill-inqas li kellha għarfien ta’ dan it-trasferiment u, għaldaqstant, li huwa kien aġixxa b’mala fide, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tad-DOPK. Barra minn hekk, dik il-qorti tispeċifika li huwa minħabba t-tnaqqis fl-assi ta’ din il-kumpannija, bis-somma msemmija fl-avviż ta’ aġġustament, li ma tħallsux l-interessi dovuti fuq il-VAT ikkalkolati fix-xahar ta’ Diċembru 2014.
27 Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum previst fl-Artikolu 19(2) tad-DOPK, il-qorti tar-rinviju għamlet il-kjarifiki li ġejjin.
28 Fl-ewwel lok, ir-responsabbiltà in solidum prevista f’din id-dispożizzjoni tirreferi esklużivament għal persuna li hija maniġer jew membru ta’ korp maniġerjali ta’ persuna taxxabbli li għandha personalità ġuridika.
29 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li din il-persuna għandha tkun wettqet, b’mala fide, ħlasijiet mill-assi tal-persuna ġuridika li jistgħu jiġu kklassifikati bħala tqassim moħbi ta’ profitti jew ta’ dividendi, jew għandha tkun ittrasferiet dan l-assi b’xejn jew bi prezz ferm inqas mill-prezz tas-suq. Min-naħa l-oħra, dan il-mekkaniżmu ma huwiex marbut mal-eżistenza ta’ frodi jew ta’ prattika abbużiva mwettqa mill-persuna ġuridika nnifisha.
30 Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tindika li l-atti mwettqa b’mala fide għandhom iwasslu sabiex il-persuna ġuridika ma tkunx tista’ tħallas taxxi (inkluża l-VAT) jew kontribuzzjonijiet soċjali obbligatorji. Fi kliem ieħor, l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu jeżiġi rabta kawżali bejn, minn naħa, l-atti mwettqa b’mala fide u, min-naħa l-oħra, l-impossibbiltà li jiġu rkuprati djun pubbliċi mingħand din il-persuna ġuridika.
31 Fir-raba’ lok, il-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà għal dejn ta’ terz, previst fl-Artikolu 19(2) tad-DOPK, ma jestendix għad-dejn pubbliku kollu tal-persuna ġuridika, iżda huwa limitat għall-ammont ta’ tnaqqis fl-assi mġarrab minn din il-persuna ġuridika minħabba atti mwettqa b’mala fide.
32 Fil-ħames lok, ir-responsabbiltà stabbilita hija sussidjarja sa fejn il-miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata għandhom, bħala prijorità, ikunu indirizzati kontra l-assi tal-persuna ġuridika, skont l-Artikolu 20 tad-DOPK. Barra minn hekk, din ir-responsabbiltà tintemm meta d-dejn pubbliku kkonċernat jispiċċa, skont l-Artikolu 21(3) tad-DOPK.
33 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum mad-dritt tal-Unjoni.
34 L-ewwel, hija tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-VAT, u b’mod partikolari l-Artikolu 273 tagħha, tippermettix lil Stat Membru jimponi responsabbiltà in solidum għal dejn tal-VAT fuq persuna li ma hijiex suġġetta għall-VAT, peress li tali mekkaniżmu jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
35 It-tieni , fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv, dik il-qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà li jiġu inklużi, f’tali mekkaniżmu, l-interessi dovuti fil-każ ta’ ħlas tardiv tal-VAT, fid-dawl b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal ġurisprudenza nazzjonali li hija differenti f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 19(2) tad-DOPK.
36 It-tielet, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi wkoll fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-inklużjoni tal-interessi dovuti fil-każ ta’ ħlas tardiv tat-taxxa tibqax iġġustifikata, fid-dawl b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, meta n-nuqqas ta’ ħlas fit-terminu previst ikun attribwibbli, mhux għall-aġir b’malafide tal-persuna li ġiet magħmula responsabbli in solidum, iżda għall-aġir ta’ terz jew għas-seħħ ta’ ċirkustanzi oġġettivi.
37 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-interpetazzjoni konġunta tal-Artikolu 9 tal-[Konvenzjoni PIF] u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 273 tad-Direttiva [dwar il-VAT] tippermetti, fil-qasam armonizzat tal-VAT, strument tad-dritt nazzjonali bħal dak previst fid-dispożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 19(2) tad-[DOPK], li l-applikazzjoni tiegħu twassal għat-tnissil sussegwenti ta’ responsabbiltà in solidum għal persuna fiżika li ma hijiex persuna taxxabbli, li ma hijiex responsabbli għall-ħlas tal-VAT iżda li l-aġir diżonest tagħha wassal sabiex ma titħallasx il-VAT mill-persuna ġuridika li hija persuna taxxabbli u li kienet responsabbli għall-ħlas tal-VAT?
2) L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jippermettu strument tad-dritt nazzjonali, previst fid-dispożizzjoni tal-Artikolu 19(2) tad-DOPK, li jipprovdi għal interessi moratorji fir-rigward tal-VAT li ma tkunx tħallset fil-ħin mill-persuna taxxabbli?
3) Imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità strument tad-dritt nazzjonali, previst fid-dispożizzjoni tal-Artikolu 19(2) tad-DOPK, f’sitwazzjoni fejn il-ħlas tardiv tal-VAT, li ta lok għal interessi fuq id-dejn tal-VAT, ma jkunx dovut għall-aġir tal-persuna fiżika li ma hijiex persuna taxxabbli iżda għall-aġir ta’ terz jew għall-fatt li jseħħu ċirkustanzi oġġettivi?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
38 Id-Direttur ikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari kollha kemm hi, billi kkontesta l-applikabbiltà, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi magħmula.
39 Id-Direttur b’mod partikolari sostna li d-Direttiva dwar il-VAT ma hijiex intiża sabiex tapplika għal mekkaniżmu ta’ responsabbiltà insolidum li jkopri l-kategoriji kollha ta’ taxxi u ta’ kontribuzzjonijiet soċjali, bħal dak previst fl-Artikolu 19(2) tad-DOPK.
40 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma ġietx adottata sabiex tittrasponi d-Direttiva dwar il-VAT ma jistax ikun tali li jqiegħed f’dubju l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva, peress li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva u hija intiża b’mod partikolari sabiex timplimenta l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, skont l-Artikolu 325(1) TFUE, li jiġġieldu b’mod effettiv kontra l-aġir li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 28).
41 Wara li dan ġie ppreċiżat, għandhom jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli f’sitwazzjonijiet bħal dik fil-kawża prinċipali.
42 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni PIF, għandu jitfakkar li din il-konvenzjoni ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29). Madankollu, peress li din id-direttiva daħlet fis-seħħ biss fis-17 ta’ Awwissu 2017, u peress li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew matul is-snin 2014 u 2015, hija biss il-Konvenzjoni PIF li tista’ tapplika għall-kawża prinċipali.
43 Għandu jiġi rrilevat li l-Konvenzjoni PIF timponi obbligi fuq l-Istati Membri fil-qasam kriminali. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-preambolu kif ukoll mill-Artikoli 1 u 2 ta’ din il-konvenzjoni li din tobbliga lill-Istati Membri, minn naħa, sabiex jitqies bħala ksur kriminali l-aġir li jikkostitwixxi “frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej” u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw li dan l-aġir ikun punibbli b’sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
44 Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li mekkaniżmu bħal dak previst fl-Artikolu 19(2) tad-DOPK, minn naħa, ma jqisx bħala ksur kriminali l-aġir li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà in solidum għad-dejn tal-VAT tal-persuna ġuridika u, min-naħa l-oħra, ma jipprevedi ebda sanzjoni kriminali f’dan ir-rigward.
45 Għaldaqstant, u kif sostnew ġustament id-Direttur u l-Kummissjoni Ewropea, il-Konvenzjoni PIF ma hijiex applikabbli għal mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum bħal dak previst fl-Artikolu 19(2) tad-DOPK.
46 Fit-tieni lok, id-Direttur sostna, sussidjarjament, li l-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà stabbilit fl-Artikolu 19(2) tad-DOPK jaqa’ taħt l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, f’ċerti sitwazzjonijiet, jipprevedu li persuna li ma hijiex il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT.
47 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 193 sa 200 u 202 sa 204 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li persuna li ma hijiex il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għandha tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT.
48 L-Artikoli 193 sa 200 u 202 sa 204 tad-Direttiva dwar il-VAT jiddeterminaw il-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT, konformement mas-suġġett tat-Taqsima 1, intitolata “Persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa”, tal-Kapitolu 1 tat-Titolu XI ta’ din id-direttiva. Għalkemm l-Artikolu 193 tal-imsemmija direttiva jipprevedi, bħala regola bażika, li l-VAT hija dovuta mill-persuna taxxabbli li twettaq kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi taxxabbli, il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu tispeċifika li persuni oħra jistgħu jew għandhom ikunu responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199b u 202 tal-istess direttiva (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C-4/20, EU:C:2021:397, punt 27).
49 B’dan il-mod, mill-kuntest magħmul mill-Artikoli 193 sa 205 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-Artikolu 205 ta’ din id-direttiva jagħmel parti minn grupp ta’ dispożizzjonijiet intiżi sabiex jidentifikaw il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f’diversi sitwazzjonijiet. B’dan il-mod, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan li jiġi ggarantit lit-Teżor pubbliku ġbir effettiv tal-VAT mingħand il-persuna l-iktar adattata fid-dawl tas-sitwazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari meta l-partijiet fil-kuntratt ma jkunux jinsabu fl-istess Stat Membru jew meta t-tranżazzjoni suġġetta għall-VAT tkun relatata ma’ tranżazzjonijiet li n-natura speċifika tagħhom titlob li tiġi identifikata persuna differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C-4/20, EU:C:2021:397, punt 28).
50 Għaldaqstant, l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT jippermetti, bħala prinċipju, lill-Istati Membri jadottaw, bil-għan li l-VAT tinġabar b’mod effettiv, miżuri li permezz tagħhom persuna differenti minn dik li normalment hija responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa skont l-Artikoli 193 sa 200 u 202 sa 204 ta’ din id-direttiva tkun obbligata insolidum tħallas l-imsemmija taxxa (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C-4/20, EU:C:2021:397, punt 29).
51 F’dan il-każ, kif sostnew ġustament il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, għandu madankollu jiġi kkonstatat li mekkaniżmu ta’ responsabbiltà insolidum bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux l-għan li jindika persuna suġġetta għat-taxxa fuq tranżazzjoni taxxabbli speċifika, fis-sens tal-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT.
52 Fil-fatt, minn naħa, il-persuna indikata b’applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ma ssirx responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq tranżazzjoni taxxabbli speċifika, iżda responsabbli in solidum għad-dejn kollu tal-VAT, jew għal parti minnu, ta’ persuna ġuridika, u dan indipendentement mit-tranżazzjonijiet taxxabbli kkonċernati.
53 Min-naħa l-oħra, il-portata tal-imsemmi mekkaniżmu ma testendix għall-VAT kollha mhux imħallsa fuq tranżazzjoni taxxabbli speċifika, iżda hija limitata għall-ammont ta’ tnaqqis fl-assi mġarrab mill-persuna ġuridika minħabba atti ta’ mala fide mwettqa mill-persuna indikata bħala responsabbli in solidum.
54 Tali mekkaniżmu għandu jiġi distint, b’mod partikolari, minn dawk imsemmija fit-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Federation of Technological Industries et (C-384/04, EU:C:2006:309), tal-21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij (C-499/10, EU:C:2011:871), u tal-20 ta’ Mejju 2021, ALTI (C-4/20, EU:C:2021:397). B’mod differenti mill-mekkaniżmu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn il-mekkaniżmi kienu jindikaw persuna bħala responsabbli in solidum għall-VAT kollha dovuta fuq tranżazzjoni taxxabbli speċifika, konformement mal-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT.
55 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT ma huwiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali.
56 Fit-tielet lok, fir-rigward tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jitfakkar li huwa jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu obbligi oħra li huma jqisu neċessarji sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u sabiex tiġi evitata l-frodi.
57 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 325(1) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri effettivi u dissważivi. (sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C-612/15, EU:C:2018:392, punt 50, u tat-8 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi permezz tas-sotto-valutazzjoni), C-213/19, EU:C:2022:167, punt 209).
58 Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 168, p. 105), ir-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu, b’mod partikolari, id-dħul provenjenti mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni. Għaldaqstant, teżisti rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT b’rispett tad-dritt tal-Unjoni applikabbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi mill-VAT korrispondenti, peress li kull lakuna fil-ġbir ta’ dawn tal-ewwel potenzjalment tikkawża tnaqqis fit-tieni (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C-42/17, EU:C:2017:936, punt 31, kif ukoll tas-17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et, C-310/16, EU:C:2019:30, punt 26).
59 Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huma, b’mod partikolari, l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-ġbir effettiv u sħiħ tar-riżorsi proprji, jiġifieri d-dħul mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C-357/19, C-379/19, C-547/19, C-811/19 u C-840/19, EU:C:2021:1034, punt 182).
60 B’hekk, jirriżulta, b’mod partikolari mill-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 325(1) TFUE, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha neċessarji li huma xierqa sabiex jiġi ggarantit il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorji rispettivi tagħhom u sabiex tiġi miġġielda l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult, C-101/16, EU:C:2017:775, punt 47; tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci, C-524/15, EU:C:2018:197, punt 18, u tas-17 ta’ Mejju 2018, Vámos, C-566/16, EU:C:2018:321, punt 37).
61 F’dan il-każ, mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum bħal dak stabbilit mill-Artikolu 19(2) tad-DOPK jikkontribwixxi għall-irkupru tal-ammonti tal-VAT li ma jkunux tħallsu minn persuna ġuridika taxxabbli fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT. Tali mekkaniżmu jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u/jew sabiex tiġi evitata l-frodi, fis-sens tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, konformement mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 325(1) TFUE.
62 Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-persuni huma miżmuma responsabbli in solidum skont il-mekkaniżmu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-maniġer jew il-membru ta’ korp maniġerjali tal-persuna ġuridika, ma humiex huma stess, f’din il-kwalità, suġġetti għall-VAT.
63 F’dan ir-rigward, u qabelxejn, ma jirriżulta minn ebda element tal-formulazzjoni tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT li l-obbligi stabbiliti mill-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni jistgħu jikkonċernaw biss persuni suġġetti għall-VAT.
64 Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li din tagħmel parti mit-Titolu XI tad-Direttiva dwar il-VAT, li t-titolu tiegħu jsemmi espliċitament “Obbligi ta’ persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli”.
65 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet segwiti permezz tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-ġbir tal-VAT kollha u sabiex jiġġieldu kontra l-frodi, imfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jeżiġi li Stat Membru jissanzjona persuni mhux taxxabbli li jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan persuna ġuridika taxxabbli, inkella tiġi kompromessa l-effettività ta’ tali miżuri.
66 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 325(1) TFUE.
67 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jinftiehmu fis-sens li qed jitolbu l-interpretazzjoni tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fuq l-ewwel domanda
68 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum għad-dejn tal-VAT ta’ persuna ġuridika fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:
– il-persuna miżmuma responsabbli in solidum tkun il-maniġer tal-persuna ġuridika jew membru tal-korp maniġerjali tagħha;
– il-persuna miżmuma responsabbli in solidum tkun wettqet, b’malafide, ħlasijiet mill-assi tal-persuna ġuridika li jistgħu jiġu kklassifikati bħala tqassim moħbi ta’ profitti jew ta’ dividendi, jew ittrasferixxiet dan l-assi b’xejn jew bi prezz ferm inqas mill-prezz tas-suq;
– l-atti mwettqa b’mala fide wasslu sabiex il-persuna ġuridika ma setgħetx tħallas il-VAT kollha jew parti minnha li hija responsabbli għall-ħlas tagħha;
– ir-responsabbiltà in solidum hija limitata għall-ammont ta’ tnaqqis fl-assi mġarrab mill-persuna ġuridika minħabba l-atti mwettqa b’malafide, u
– din ir-responsabbiltà in solidum hija stabbilita biss sussidjarjament, meta jirriżulta impossibbli li jiġu rkuprati l-ammonti tal-VAT dovuti mingħand il-persuna ġuridika.
69 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika li, lil hinn mil-limiti li huma jistabbilixxu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT la jispeċifikaw il-kundizzjonijiet u lanqas l-obbligi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu u li, għaldaqstant, jagħtuhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-mezzi intiżi sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tagħhom u sabiex tiġi miġġielda l-frodi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2018, Vámos, C-566/16, EU:C:2018:321, punt 38, u tal-21 ta’ Novembru 2018, Fontana, C-648/16, EU:C:2018:932, punt 35).
70 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkontribwixxi għall-irkupru tal-ammonti tal-VAT li ma tħallsux minn persuna ġuridika taxxabbli fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, b’tali mod li jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u/jew sabiex tiġi evitata l-frodi, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT. Għaldaqstant, tali mekkaniżmu jaqa’, bħala prinċipju, taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT.
71 Għandu jingħad ukoll li tali mekkaniżmu jikkontribwixxi għall-osservanza tal-obbligu, imfakkar fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li huwa impost fuq kull Stat Membru li jadotta l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha xierqa sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu u sabiex tiġi miġġielda l-frodi, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 325(1) TFUE.
72 Madankollu, l-Istati Membri huma marbuta li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2018, Fontana, C-648/16, EU:C:2018:932, punt 35, u tal-15 ta’ April 2021, Grupa Warzywna, C-935/19, EU:C:2021:287, punt 26).
73 F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom jirrikorru għal mezzi li, filwaqt li jippermettu li l-għan segwit permezz tad-dritt intern jintlaħaq b’mod effettiv, jippreġudikaw mill-inqas possibbli l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkonċernata. Għalhekk, għalkemm huwa leġittimu li l-miżuri adottati mill-Istati Membri jkunu intiżi sabiex iħarsu d-drittijiet tat-Teżor Pubbliku bl-iktar mod effettiv possibbli, huma madankollu ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij, C-499/10, EU:C:2011:871, punti 21 u 22, kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C-4/20, EU:C:2021:397, punt 33).
74 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżuri nazzjonali li ipso facto jagħtu lok għal sistema ta’ responsabbiltà in solidum mingħajr ma jkun hemm nuqqas imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-Teżor pubbliku. Il-fatt li r-responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT titqiegħed fuq persuna li ma hijiex dik responsabbli għall-ħlas tagħha, mingħajr ma din il-persuna tingħata l-possibbiltà li tevita din ir-responsabbiltà billi tressaq il-prova li hija ma għandha ebda konnessjoni mal-aġir ta’ din il-persuna taxxabbli għandu, għaldaqstant, jitqies bħala inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, ikun manifestament sproporzjonat li l-imsemmija persuna tinżamm responsabbli, inkundizzjonalment, għan-nuqqas ta’ ġbir ta’ taxxa kkawżat minn aġir ta’ terz taxxabbli li fuqu hija ma teżerċita l-ebda influwenza (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij, C-499/10, EU:C:2011:871, punt 24).
75 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżerċizzju tas-setgħa tal-Istati Membri li jindikaw debitur in solidum li ma jkunx il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa bil-għan li jiġi żgurat ġbir effettiv ta’ din tal-aħħar għandu jkun iġġustifikat mir-relazzjoni fattwali u/jew ġuridika eżistenti bejn iż-żewġ persuni kkonċernati fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw iċ-ċirkustanzi partikolari li fihom persuna bħalma hija d-destinatarju ta’ tranżazzjoni taxxabbli għandha tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tat-taxxa dovuta mill-parti kontraenti tagħha minkejja li hija tkun ħallset din it-taxxa meta ħallset il-prezz ta’ din it-tranżazzjoni (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C-4/20, EU:C:2021:397, punt 34).
76 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-fatt li persuna li ma tkunx il-persuna responsabbli għall-ħlas tkun aġixxiet in bona fide billi użat id-diliġenza kollha ta’ operatur informat, il-fatt li din il-persuna ħadet kull miżura raġonevoli li setgħet tieħu u l-fatt li hija eskluża l-parteċipazzjoni tagħha f’abbuż jew fi frodi jikkostitwixxu elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-possibbiltà li din il-persuna tinżamm responsabbli, in solidum, għall-ħlas tal-VAT dovuta (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij, C-499/10, EU:C:2011:871, punt 26, u tal-20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C-4/20, EU:C:2021:397, punt 37).
77 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u sabiex tiġi evitata l-frodi.
78 B’mod iktar preċiż, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, tali mekkaniżmu ma jistax jiġi assimilat għal sistema ta’ responsabbiltà in solidum mingħajr nuqqas, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza, li tkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
79 Fl-ewwel lok, il-persuna indikata bħala responsabbli in solidum għandu jkollha l-kwalità ta’ maniġer jew ta’ membru ta’ korp maniġerjali tal-persuna ġuridika debitriċi ta’ dejn tal-VAT mhux imħallas, u tista’ għalhekk titqies li pparteċipat fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan din tal-aħħar.
80 Fit-tieni lok, il-persuna indikata bħala responsabbli in solidum għandha, b’mala fede, tkun wettqet ħlasijiet mill-assi tal-persuna ġuridika li jistgħu jiġu kklassifikati bħala tqassim moħbi ta’ profitti jew ta’ dividendi, jew għandha tkun ittrasferixxiet dan l-assi kollu jew parti minnu b’xejn jew bi prezz ferm inqas mill-prezz tas-suq.
81 Fit-tielet lok, għandha teżisti rabta kawżali bejn l-atti mwettqa b’malafide mill-persuna indikata bħala responsabbli in solidum u l-inkapaċità li fiha tinsab il-persuna ġuridika li tħallas il-VAT li hija responsabbli għaliha.
82 Fir-raba’ lok, il-portata tar-responsabbiltà in solidum hija limitata għat-tnaqqis fl-assi mġarrab mill-persuna ġuridika minħabba atti mwettqa b’mala fide.
83 Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, din ir-responsabbiltà tiġi implimentata biss sussidjarjament, meta jirriżulta impossibbli li jiġu rkuprati l-ammonti ta’ VAT dovuti mingħand il-persuna ġuridika.
84 Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 72 sa 76 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-istabbiliment ta’ tali mekkaniżmu ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi.
85 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum għad-dejn tal-VAT ta’ persuna ġuridika fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:
– il-persuna miżmuma responsabbli in solidum tkun il-maniġer tal-persuna ġuridika jew membru tal-korp maniġerjali tagħha;
– il-persuna miżmuma responsabbli in solidum tkun wettqet, b’malafide, ħlasijiet mill-assi tal-persuna ġuridika li jistgħu jiġu kklassifikati bħala tqassim moħbi ta’ profitti jew ta’ dividendi, jew ittrasferixxiet dan l-assi b’xejn jew bi prezz ferm inqas mill-prezz tas-suq;
– l-atti mwettqa b’mala fide wasslu sabiex il-persuna ġuridika ma setgħetx tħallas il-VAT kollha jew parti minnha li hija responsabbli għall-ħlas tagħha;
– ir-responsabbiltà in solidum hija limitata għall-ammont ta’ tnaqqis fl-assi mġarrab mill-persuna ġuridika minħabba l-atti mwettqa b’malafide, u
– din ir-responsabbiltà in solidum hija stabbilita biss sussidjarjament, meta jirriżulta impossibbli li jiġu rkuprati l-ammonti tal-VAT dovuti mingħand il-persuna ġuridika.
Fuq it-tieni domanda
86 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum, bħal dak deskritt fl-ewwel domanda, li jestendi għall-interessi moratorji dovuti mill-persuna ġuridika minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
87 F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum imsemmi fl-ewwel domanda huwa, bħala tali, limitat għall-ammont ta’ tnaqqis fl-assi mġarrab mill-persuna ġuridika minħabba l-atti mwettqa b’mala fide. Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, barra minn hekk, li l-irkupru ta’ taxxi li ma tħallsux fit-termini previsti huwa “akkompanjat b’interessi”, kif indikat fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, u l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dan il-mekkaniżmu jistax jiġi implemintat b’mod anċillari għall-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum inkwistjoni.
88 Għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li l-ġbir ta’ interessi moratorji, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett ta’ din it-taxxa skont l-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva.
89 Fil-fatt, il-ġbir ta’ interessi moratorji jippermetti li jiġi kkumpensat it-telf ikkawżat lit-Teżor Pubbliku minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-ammonti tal-VAT li kienu s-suġġett ta’ ħlas tradiv, għall-perijodu bejn id-data li fiha dawn l-ammont huma dovuti sad-data li fiha huma effettivament jitħallsu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, EU:C:2012:478, punti 25 u 26, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2018, Nidera, C-387/16, EU:C:2018:121, punt 25).
90 Sussegwentement, il-ġbir ta’ interessi moratorji jħeġġeġ ukoll lill-persuni kkonċernati sabiex iħallsu l-VAT fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT jew mill-iktar fis possibbli wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini.
91 Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħlas ta’ interessi moratorji jista’ jikkostitwixxi sanzjoni xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fit-termini stabbiliti, sakemm dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u li tiġi evitata l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2012, EMS-Bulgaria Transport, C-284/11, EU:C:2012:458, punt 75, u tas-17 ta’ Lulju 2014, Equoland, C-272/13, EU:C:2014:2091, punt 46).
92 Għaldaqstant, il-ġbir ta’ interessi moratorji jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ ħlas fit-termini stabbiliti tal-ammonti tal-VAT iddikjarati, konformement mal-obbligu li għandhom l-Istati Membri, bis-saħħa b’mod partikolari tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-Artikolu 325(1) TFUE, li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorji rispettivi tagħhom u għall-ġlieda kontra l-frodi.
93 Fl-aħħar nett, u għar-raġunijiet esposti fil-punti 77 sa 84 ta’ din is-sentenza, l-inklużjoni ta’ interessi moratorji f’mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn dawn l-interessi huma relatati man-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, mill-persuna ġuridika responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa, minħabba l-atti mwettqa b’mala fide mill-persuna indikata bħala responsabbli in solidum (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C-4/20, EU:C:2021:397, punti 43 u 44).
94 Fil-fatt, kif tfakkar, essenzjalment, fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li persuna li ma hijiex il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tinżamm responsabbli għat-telf tad-dħul fiskali kkawżat mill-aġir ta’ terz li fuqhom hija ma għandha ebda influwenza.
95 Konsegwentement, l-inklużjoni tal-interessi moratorji f’mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum bħal dak stabbilit fl-Artikolu 19(2) tad-DOPK tista’ titqies li hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità biss sa fejn dawn l-interessi huma marbuta man-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT, fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, minħabba l-atti mwettqa b’mala fide mill-persuna indikata bħala responsabbli in solidum.
96 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum, bħal dak deskritt fl-ewwel domanda, li jestendi għall-interessi moratorji dovuti mill-persuna ġuridika minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva minħabba l-atti mwettqa b’malafide mill-persuna indikata bħala responsabbli in solidum.
Fuq it-tielet domanda
97 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum, bħal dak deskritt fl-ewwel domanda, li jestendi għall-interessi moratorji dovuti mill-persuna ġuridika minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, meta l-ħlas tardiv ma jkunx attribwibbli għall-aġir tal-persuna miżmuma bħala responsabbli in solidum, iżda għall-aġir ta’ persuna oħra jew għas-seħħ ta’ ċirkustanzi oġġettivi.
98 Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2008, Trespa International, C-248/07, EU:C:2008:607, punt 33, u tat-22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et, C-160/20, EU:C:2022:101, punt 82).
99 F’dan il-każ, l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum stabbilit fl-Artikolu 19(2) tad-DOPK, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, teżiġi li l-inkapaċità tal-persuna ġuridika li tħallas id-dejn pubbliku kollu tagħha, jew parti minnu, tkun ikkawżata minn atti mwettqa b’mala fide mill-persuna miżmuma responsabbli in solidum. Konsegwentement, l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu jeskludi, ipotetikament, li n-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT ikun attribwibbli għall-aġir ta’ persuna oħra jew għas-seħħ ta’ ċirkustanzi oġġettivi.
100 Barra minn hekk, fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma semmietx l-aġir ta’ persuna oħra jew is-seħħ ta’ ċirkustanzi oġġettivi li wasslu għan-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fit-terminu stabbilit.
101 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 98 ta’ din is-sentenza u, għaldaqstant, li t-tielet domanda magħmula hija inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
102 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u l-prinċipju ta’ proporzjonalità
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum għad-dejn tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ persuna ġuridika fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:
– il-persuna miżmuma responsabbli in solidum tkun il-maniġer tal-persuna ġuridika jew membru tal-korp maniġerjali tagħha;
– il-persuna miżmuma responsabbli in solidum tkun wettqet, b’mala fide, ħlasijiet mill-assi tal-persuna ġuridika li jistgħu jiġu kklassifikati bħala tqassim moħbi ta’ profitti jew ta’ dividendi, jew ittrasferixxiet dan l-assi b’xejn jew bi prezz ferm inqas mill-prezz tas-suq;
– l-atti mwettqa b’mala fide wasslu sabiex il-persuna ġuridika ma setgħetx tħallas il-VAT kollha jew parti minnha li hija responsabbli għall-ħlas tagħha;
– ir-responsabbiltà in solidum hija limitata għall-ammont ta’ tnaqqis fl-assi mġarrab mill-persuna ġuridika minħabba l-atti mwettqa b’mala fide, u
– din ir-responsabbiltà in solidum hija stabbilita biss sussidjarjament, meta jirriżulta impossibbli li jiġu rkuprati l-ammonti tal-VAT dovuti mingħand il-persuna ġuridika.
2) L-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum, bħal dak deskritt fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, li jestendi għall-interessi moratorji dovuti mill-persuna ġuridika minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva minħabba l-atti mwettqa b’mala fide mill-persuna indikata bħala responsabbli in solidum.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.