Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
30 ta’ Ġunju 2022 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2010/583/UE u 2013/676/UE li jawtorizzaw lir-Rumanija tidderoga mill-Artikolu 193 tal-imsemmija direttiva – Mekkaniżmu tar-reverse charge – Kunsinni ta’ prodotti tal-injam – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi kundizzjoni ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT sabiex japplika l-imsemmi mekkaniżmu – Prinċipju ta’ newtralità fiskali”
Fil-Kawża C-146/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura
Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti – Administraţia Sector 1 a Finanţelor Publice
vs
VB,
Direcţia Generalā Regionalā a Finanţelor Publice Bucureşti – Serviciul Soluţionare Contestaţii 1,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn J. Passer, President tal-Awla, F. Biltgen u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal VB, minn A. Arseni, C. Chiriac, C.-L. Dobrinescu u S. Ilie, avocați,
– għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u A. Rotăreanu, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, id-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București – Administrația Sector 1 a Finanțelor Publice (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Bukarest – Amministrazzjoni tal-Finanzi Pubbliċi tas-Settur 1, ir-Rumanija) u, min-naħa l-oħra, VB u d-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București – Serviciul Soluționare Contestații 1 (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Bukarest – id-Dipartiment għall-Ipproċessar tal-Ilmenti Nru 1, ir-Rumanija) dwar id-deċiżjoni tal-awtorità fiskali kompetenti li timponi fuq VB l-ħlas retroattiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fir-rigward tal-bejgħ ta’ siġar għall-produzzjoni tal-injam filwaqt li tirrifjuta l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva dwar il-VAT
3 L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”
4 Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva:
“‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”
5 L-Artikolu 193 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra fejn din titħallas minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199 u fl-Artikolu 202.”
6 Skont l-Artikolu 199(1) u (2) tal-istess direttiva:
“1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li lilha jsiru l-fornimenti li ġejjin:
[…]
2. Meta japplikaw l-għażla pprovduta fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu il-fornimenti ta’ merkanzija u servizzi koperti, u l-kategoriji ta’ fornituri, konsumaturi jew destinatarji li għalihom jistgħu japplikaw dawn il-miżuri.”
7 L-Artikolu 213 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:
“1. Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli.
L-Istati Membri għandhom jippermettu, u jistgħu jeħtieġu, li d-dikjarazzjoni ssir b’mezzi elettroniċi, skond kondizzjonijiet li jistabbilixxu.
2. Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, kull persuna taxxabbli jew persuna legali li mhix taxxabbli li tagħmel akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija li mhijiex soġġetta għall-VAT skont l-Artikolu 3(1), trid tiddikjara li tkun qed tagħmel tali akkwisti jekk il-kondizzjonijiet, stabbiliti f’dik id-disposizzjoni, biex tali transazzjonijiet ma jkunux soġġetti għall-VAT, ma jibqgħux ikunu sodisfatti.”
8 Skont l-Artikolu 214 ta’ din id-direttiva:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali:
(a) kull persuna taxxabbli, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 10(2) [fl-Artikolu 9(2)], li fit-territorju tagħhom twettaq fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward tagħhom tista’ titnaqqas il-VAT, minbarra l-fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li għalihom il-VAT għandha titħallas biss mill-konsumatur jew mill-persuna li għaliha hija intenzjonata l-merkanzija jew is-servizzi, skond l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199;
(b) kull persuna taxxabbli, jew persuna legali li mhix taxxabbli, li tagħmel akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija soġġetta għall-VAT skond l-Artikolu 2(1)(b) u kull persuna taxxabbli jew persuna legali li mhix taxxabbli li teżerċita l-għażla skond l-Artikolu 3(3) li jagħmlu l-akkwisti intra-Komunitarji tagħhom soġġetti għall-VAT;
(ċ) kull persuna taxxabbli li, fit-territorju rispettiv tagħhom, tagħmel akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija għall-iskopijiet ta’ transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1) u li huma mwettqa barra minn dak it-territorju.
2. L-Istati Membri m'għandhomx għalfejn jiddentifikaw ċerti persuni taxxabbli li jwettqu transazzjonijiet fuq bażi okkażjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 13 [fl-Artikolu 12].”
9 L-Artikolu 395(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-disposizzjonijet ta’ din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jippreveni ċertu tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.
Miżuri intenzjonati sabiex jissimplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT m'għandhomx, ħlief f’miżura insinifikanti, jaffetwaw l-ammont globali tad-dħul tat-taxxa ta' l-Istat Membru miġbur fl-istadju tal-konsum finali.”
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2010/583/UE
10 Il-premessi 6 sa 8 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/583/UE tas-27 ta’ Settembru 2010 li tawtorizza lir-Rumanija biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112 (ĠU 2010, L 256, p. 27), kienu jiddikjaraw:
“(6) Ir-Rumanija tiltaqa’ wkoll ma’ problemi fis-suq tal-injam minħabba n-natura tas-suq u n-negozji involuti. Is-suq għandu għadd kbir ta’ impriżi żgħar li l-awtoritajiet Rumeni sabu diffiċli li jikkontrollaw. L-aktar forma komuni ta’ evażjoni tat-taxxa sseħħ meta l-fornitur joħroġ fattura għal fornimenti li jagħmel u sussegwentement jisparixxi mingħajr ma jħallas it-taxxa lill-awtoritajiet kompetenti iżda jħalli lill-klijent fattura valida li biha dan ikollu d-dritt għal tnaqqis mit-taxxa.
(7) Bin-nominazzjoni tar-riċevitur bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fil-każ tal-provvista ta’ prodotti tal-injam minn persuni taxxabbli u fil-każ tal-provvista ta’ merċi u ta’ servizzi minn persuni taxxabbli, ħlief bejjiegħa bl-imnut, waqt li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza, id-deroga twarrab id-diffikultajiet affaċċati mingħajr ma taffettwa l-ammont ta’ taxxa li jkun dovut. Dan għandu l-effett li jipprevjeni ċerti tipi ta’ evazjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
(8) Il-miżura hija proporzjonata għall-għanijiet segwiti peress li mhijiex maħsuba biex tapplika b’mod ġenerali, iżda biss għal operazzjonijiet u setturi speċifiċi li jippreżentaw problemi konsiderevoli marbutin mal-ħlas tat-taxxa jew mal-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa.”
11 L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kien jipprevedi:
“B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva [dwar il-VAT], ir-Rumanija hija b’dan awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2013 li tinnomina l-persuna taxxabli li tirċievi l-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.”
12 Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni:
“Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għal:
(a) provvisti, minn persuni taxxabbli, ta’ prodotti tal-injam, inklużi siġar għall-produzzjoni tal-injam, injam biex jinħadem fit-tond jew bix-xaqq, injam għall-użu bħala karburant, prodotti lesti tal-injam, kif ukoll injam imxellef jew bit-truf kwadri u injam mhux irfinut, u injam proċessat jew nofsu maħdum;
(b) provvisti ta’ merċi u ta’ servizzi minn persuni taxxabbli, ħlief bejjiegħa bl-imnut, waqt li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza.”
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676
13 Il-premessa 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/676/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112 (ĠU 2013, L 316, p. 31), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1206 tat-18 ta’ Lulju 2016 (ĠU 2016, L 198, p. 47) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676”), tiddikjara:
“Qabel din l-awtorizzazzjoni biex tapplika reverse charge għall-provvisti tal-injam, ir-Rumanija kellha problemi fis-suq tal-injam minħabba n-natura tas-suq u n-negozji involuti. Hemm għadd kbir ta’ impriżi żgħar f’dan is-settur li l-awtoritajiet Rumeni jsibuha diffiċli biex jikkontrollaw. Il-ħatra tar-riċevitur bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT kellha, skont l-awtoritajiet Rumeni, l-effett li tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa f’dan is-settur u għalhekk tibqa’ ġustifikata.”
14 L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676 jipprovdi:
“B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva [dwar il-VAT], ir-Rumanija hija b’dan awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2019 li tinnomina l-persuna taxxabli li tirċievi l-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.”
15 Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni:
“Id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 għandha tapplika għal provvisti ta’ prodotti tal-injam minn persuni taxxabbli, inklużi siġar għall-produzzjoni tal-injam, injam biex jinħadem fit-tond jew bix-xaqq, injam għall-użu bħala fjuwil, prodotti lesti tal-injam, kif ukoll injam imxellef jew bit-truf kwadri u injam mhux irfinut, u injam proċessat jew nofsu maħdum.”
Id-dritt Rumen
16 L-Artikolu 127(1) tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxi) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927 tat-23 ta’ Diċembru 2003), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxi”), jipprevedi:
“Għandu jitqies li huwa persuna taxxabbli kull min, b’mod indipendenti, jeżerċita fi kwalunkwe post attività ekonomika li taqa’ taħt il-paragrafu 2, ikun xi jkun l-iskop jew ir-riżultat ta’ din l-attività.”
17 L-Artikolu 160 tal-Kodiċi tat-Taxxi jipprovdi:
“1. B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 150(1), fil-każ ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għandha tkun id-destinatarja fir-rigward tat-tranżazzjonijiet previsti fil-paragrafu 2. Il-kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tar-reverse charge hija li kemm il-fornitur u kemm id-destinatarju jkunu identifikati għall-finijiet tal-VAT […]
2. It-tranżazzjonijiet li għalihom tapplika r-reverse charge huma dawn li ġejjin:
[…]
(b) il-kunsinna ta’ injam u ta’ materja tal-injam […]
[…]”
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
18 VB hija proprjetarja ta’ artijiet forestali fir-Rumanija.
19 Matul is-snin 2011 sa 2017, hija operat dawn l-artijiet abbażi ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ siġar għall-produzzjoni tal-injam konklużi ma’ diversi kumpanniji speċjalizzati fil-qasam tal-ġestjoni forestali.
20 Wara verifika fiskali li saret bejn il-5 ta’ Diċembru 2017 u t-2 ta’ Frar 2018, l-awtorità fiskali kompetenti kkonstatat li d-dħul mill-bejgħ ta’ VB magħmul fix-xahar ta’ Settembru 2011 kien qabeż il-limitu massimu stabbilit mis-“sistema speċjali ta’ eżenzjoni” prevista fil-Kodiċi tat-Taxxi favur impriżi żgħar. Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta persuna taxxabbli, matul sena kalendarja, tilħaq jew taqbeż dan il-limitu massimu ta’ eżenzjoni, hija obbligata li tidentifika ruħha għall-finijiet tal-VAT f’terminu ta’ għaxart ijiem mill-aħħar tax-xahar li matulu tkun laħqet jew qabżet dan il-limitu massimu.
21 Peress li VB ma kinitx identifikat ruħha għall-finijiet tal-VAT matul il-perijodu suġġett għall-verifika fiskali, jiġifieri bejn l-1 ta’ Ottubru 2011 u t-30 ta’ Settembru 2017, il-kontrolluri tat-taxxa rrevedew, retroattivament, il-kalkolu tal-VAT dovuta mill-1 ta’ Novembru 2011 billi applikaw il-metodu ta’ kalkolu b’lura, jiġifieri billi qiesu li l-prezz tal-bejgħ kien jinkludi wkoll il-VAT.
22 L-imsemmija verifika fiskali ġiet konkluża bit-tfassil ta’ rapport ta’ verifika fiskali u ta’ avviż ta’ taxxa tas-16 ta’ Frar 2018, li fuq il-bażi tagħhom VB kellha tħallas is-somma ta’ 196 634 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 41 300) kif ukoll interessi u penalitajiet relatati.
23 VB ressqet ilment kontra l-imsemmi avviż billi sostniet li l-bejgħ tas-siġar għall-produzzjoni tal-injam kien suġġett għall-mekkaniżmu tar-reverse charge, li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta biss għall-fatt li ż-żewġ operaturi kkonċernati jkunu persuni taxxabbli, iżda mhux neċessarjament għall-eżistenza ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT min-naħa tal-fornitur.
24 Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2018, l-ilment ta’ VB ġie miċħud minħabba li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge hija suġġetta, skont l-Artikolu 160 tal-Kodiċi tat-Taxxi, għall-kundizzjoni li kemm il-fornitur kif ukoll ix-xerrej ikunu identifikati minn qabel għall-finijiet tal-VAT.
25 Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn VB intiż għall-annullament tal-avviż ta’ taxxa tas-16 ta’ Frar 2018 kif ukoll tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2018.
26 L-imsemmija sentenza hija s-suġġett ta’ appell, ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) mid-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Bukarest – Amministrazzjoni tal-Finanzi Pubbliċi tas-Settur 1.
27 Dik il-qorti tirrileva li, li kieku VB kienet ġiet identifikata għall-finijiet tal-VAT fix-xahar ta’ Settembru 2011, hija kienet tkun suġġetta għall-mekkaniżmu tar-reverse charge, konformement mad-deroga mis-sistema ta’ ġbir tal-VAT prevista fl-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT mogħtija lir-Rumanija abbażi tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2010/583 u 2013/676. B’dan il-mod, VB ma kinitx tkun responsabbli għall-ħlas tal-VAT fir-rigward tal-bejgħ tas-siġar għall-produzzjoni tal-injam peress li din it-taxxa kienet tkun dovuta, skont dan il-mekkaniżmu, mill-akkwirenti taxxabbli.
28 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Marzu 2018, Dobre (C-159/17, EU:C:2018:161, punti 32 u 33), li l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT tikkostitwixxi biss rekwiżit formali tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u ma tistax, għaldaqstant, tikkostitwixxi kundizzjoni materjali li tipprojbixxi lil persuna taxxabbli milli teżerċita l-imsemmi dritt.
29 Il-qorti tar-rinviju żżid li l-fatt li tiġi rrifjutata, fir-rigward ta’ persuna bħalma hija VB, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għandu wkoll bħala konsegwenza li l-persuni taxxabbli li jkunu xtraw mingħandha s-siġar għall-produzzjoni tal-injam ma jistgħux inaqqsu l-VAT relatata ma’ dawn it-tranżazzjonijiet, sa fejn din it-taxxa ma tkunx ġiet iffatturata korrettament fil-mument tal-fatt taxxabbli. Għaldaqstant, dik il-qorti tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprekludix li l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT tikkostitwixxi kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge.
30 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-Direttiva [dwar il-VAT] u l-prinċipju ta’ newtralità jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni nazzjonali jew prassi fiskali li tgħid li l-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni [mekkaniżmu ta’ reverse charge] (miżuri ta’ simplifikazzjoni) li jirregola b’mod imperattiv il-bejgħ ta’ siġar għal injam ma huwiex applikabbli għal persuna li tkun ġiet issuġġettata għal investigazzjoni fiskali u li ġiet irreġistrata għall-finijiet ta’ VAT wara din l-investigazzjoni, għar-raġuni li dik il-persuna ma applikatx u ma kisbitx ir-reġistrazzjoni għall-finijiet tal-VAT qabel ma twettqu dawn it-tranżazzjonijiet jew qabel ma nqabeż il-limitu massimu?”
Fuq id-domanda preliminari
31 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-VAT u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-mekkaniżmu tar-reverse charge ma huwiex applikabbli għal persuna taxxabbli li la talbet u lanqas kisbet ex officio, qabel it-twettiq tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, l-identifikazzjoni tagħha għall-finijiet tal-VAT.
32 Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-mekkaniżmu tar-reverse charge jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li jinsab fl-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jipprovdi li l-VAT hija dovuta mill-persuna taxxabbli li twettaq kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi taxxabbli, u li għalhekk għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2019, Human Operator, C-434/17, EU:C:2019:112, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 B’hekk, skont l-imsemmi mekkaniżmu, ma għandu jseħħ l-ebda ħlas tal-VAT bejn il-fornitur u x-xerrej tal-oġġetti, peress li dan tal-aħħar huwa responsabbli, għat-tranżazzjonijiet imwettqa, għall-ħlas tal-VAT tal-input, filwaqt li bħala prinċipju jista’, jekk ikun persuna taxxabbli, inaqqas din it-taxxa b’tali mod li, f’dan il-każ, l-ebda ammont ma jkun dovut lill-amministrazzjoni fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Farkas, C-564/15, EU:C:2017:302, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1, rispettivament, tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2010/583 u 2013/676 jippermetti lir-Rumanija tidderoga, konformement mal-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT, mill-prinċipju ta’ tassazzjoni li jinsab fl-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva, billi tindika bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT il-persuna taxxabbli destinatarja tal-kunsinna ta’ prodotti tal-injam prevista fl-Artikolu 2 ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni, peress li l-imsemmija attivitajiet ma jinsabux fost it-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 199(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.
35 Issa, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge hija suġġetta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 160(1) tal-Kodiċi tat-Taxxi, għall-kundizzjoni li l-persuni taxxabbli kkonċernati minn dan il-mekkaniżmu jiġu identifikati għall-finijiet tal-VAT qabel it-twettiq tat-tranżazzjonijiet taxxabbli. Il-Gvern Rumen enfasizza, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li kienu d-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom fis-suq Rumen tal-injam fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali li wasslu lil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jimponi din il-kundizzjoni. Ir-rekwiżit ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT jiżgura, barra minn hekk, il-verifika effettiva tal-osservanza tal-obbligi fiskali kif ukoll il-ġbir korrett tal-VAT.
36 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li la mid-Direttiva dwar il-VAT u lanqas mid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2010/583 jew 2013/676 ma jirriżulta li, meta Stat Membru jkun awtorizzat jidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT, billi jindika bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT il-persuna taxxabbli destinatarja tal-kunsinna tal-oġġetti inkwistjoni, u b’hekk japplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għal ċerti tranżazzjonijiet taxxabbli, il-leġiżlatur nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru huwa prekluż milli jiddetermina, fl-implimentazzjoni ta’ din id-deroga, kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi mekkaniżmu, kemm-il darba dawn ma jmorrux kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
37 Minn naħa, tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 199(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jippermetti lill-Istati Membri jiddefinixxu l-kategoriji ta’ fornituri, ta’ prestatarji, ta’ akkwirenti jew ta’ destinatarji li għalihom jista’ japplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge.
38 Min-naħa l-oħra, peress li l-mekkaniżmu tar-reverse charge jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju previst fl-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT, huwa għandu jiġi interpretat b’mod strett, kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza. Issa, il-limitazzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tissuġġetta l-applikazzjoni tal-imsemmi mekkaniżmu għall-kundizzjoni li l-persuni taxxabbli jiġu identifikati minn qabel għall-finijiet tal-VAT, għandha preċiżament l-effett li tillimita l-portata ta’ din l-eċċezzjoni.
39 Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li sostnew VB kif ukoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li l-prinċipju fundamentali ta’ newtralità tal-VAT jeżiġi li t-tnaqqis ta’ din it-taxxa tal-input jingħata jekk ir-rekwiżiti sostantivi jkunu ssodisfatti, anki jekk ċerti rekwiżiti formali ma jkunux ġew issodisfatti mill-persuni taxxabbli (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2021, A. (Eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis), C-895/19, EU:C:2021:216, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Huwa minnu li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT, prevista fl-Artikolu 214 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll l-obbligu tal-persuna taxxabbli li tiddikjara l-bidu, il-bidla u l-waqfien tal-attivitajiet tagħha, previst fl-Artikolu 213 ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxu biss rekwiżiti formali għal finijiet ta’ kontroll, li ma jistgħux jikkompromettu, b’mod partikolari, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, sa fejn il-kundizzjonijiet materjali li jagħtu lok għal dan id-dritt ikunu ssodisfatti (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2021, Promexor Trade, C-358/20, EU:C:2021:936, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT ma tistax tiġi prekluża milli teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha għar-raġuni li ma kinitx identifikata għall-finijiet tal-VAT qabel ma użat il-beni akkwistati fil-kuntest tal-attività ntaxxata tagħha (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2021, Promexor Trade, C-358/20, EU:C:2021:936, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija ġurisprudenza hija intiża li tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju fundamentali ta’ newtralità fiskali, billi teżiġi li l-persuna taxxabbli tkun tista’ tnaqqas il-VAT tal-input jekk ir-rekwiżiti sostantivi ta’ tali tnaqqis ikunu ssodisfatti, anki jekk ċerti rekwiżiti formali ma jkunux ġew issodisfatti minn din il-persuna taxxabbli.
43 Issa, id-dritt għal tnaqqis tal-benefiċjarju tal-kunsinna għandu, bl-istess mod, jiġi osservat, bħala prinċipju, kemm fil-kuntest tal-mekkaniżmu tar-reverse charge kif ukoll fis-sistema komuni tal-VAT. L-imsemmi dritt għalhekk ma huwiex affettwat mill-fatt li l-fornitur ma jitħalliex jissuġġetta kunsinna għall-mekkaniżmu tar-reverse charge. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fatturazzjoni żbaljata tal-VAT fil-mument tal-fatt taxxabbli, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, il-fattura tkun ġiet stabbilita mingħajr VAT, ma tistax tkun biżżejjed, waħedha, sabiex iċċaħħad lil persuna taxxabbli mid-dritt għal tnaqqis tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C-533/16, EU:C:2018:204, punt 47).
44 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2021, A. (Eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis) (C-895/19, EU:C:2021:216), ma tapplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li rifjut ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge la jippreġudika d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input mill-benefiċjarju tal-provvista kkonċernata u lanqas, għaldaqstant, ma jippreġudika l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
45 Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li huwa l-espressjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-qasam tal-VAT, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, jipprekludi b’mod partikolari li merkanzija jew provvista ta’ servizzi li jixxiebhu, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, WEG Tevesstraße, C-449/19, EU:C:2020:103, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi prinċipju ġenerali jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C-555/19, EU:C:2021:89, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-kriterju li jiġġustifika l-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għandu natura oġġettiva peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tobbliga mingħajr distinzjoni lill-persuni taxxabbli kollha, kemm lill-bejjiegħa kif ukoll lix-xerrejja, involuti f’kunsinna ta’ prodotti tal-injam imsemmija fl-Artikolu 2, rispettivament, tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2010/583 u 2013/676 li jidentifikaw ruħhom għall-finijiet tal-VAT.
48 L-għan imfittex minn din il-limitazzjoni huwa ċ-ċertezza legali u ċ-ċarezza legali. Fil-kuntest ta’ ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-benefiċjarju ta’ provvista ta’ oġġetti huwa responsabbli għall-ħlas tal-VAT jekk it-tranżazzjoni tkun suġġetta għal din it-taxxa, li jiddependi, b’mod partikolari, mid-dħul mill-bejgħ tal-fornitur, li jista’ jibbenefika mill-iskema speċjali ta’ eżenzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni Rumena fir-rigward tal-impriżi ż-żgħar. Issa, din il-kundizzjoni hija diffiċli li tiġi vverifikata għall-benefiċjarju tal-kunsinna. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2010/583 jirriżulta b’mod partikolari li s-suq tal-injam Rumen huwa kompost minn numru kbir ta’ impriżi żgħar li l-awtoritajiet Rumeni jsibuha diffiċli li jikkontrollaw.
49 Billi jimponi fuq il-persuni taxxabbli kundizzjoni ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT, il-benefiċjarju tat-tranżazzjoni taxxabbli għandu kriterju iktar aċċessibbli sabiex ikun jaf, b’mod eżatt, il-portata tal-obbligi fiskali tiegħu peress li d-dritt Rumen jeskludi mill-obbligu ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni applikabbli għall-impriżi żgħar u li għalhekk ma jwettqux tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis.
50 Għalhekk, id-differenza fit-trattament tidher proporzjonata mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn, minn naħa, l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni stess, jiġifieri mill-Artikolu 214 tad-Direttiva dwar il-VAT, u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal tnaqqis tal-persuni taxxabbli kkonċernati ma huwiex, bħala prinċipju, ikkontestat.
51 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li d-Direttiva dwar il-VAT u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-mekkaniżmu tar-reverse charge ma huwiex applikabbli għal persuna taxxabbli li la talbet u lanqas kisbet ex officio, qabel it-twettiq tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, l-identifikazzjoni tagħha għall-finijiet tal-VAT.
Fuq l-ispejjeż
52 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-mekkaniżmu tar-reverse charge ma huwiex applikabbli għal persuna taxxabbli li la talbet u lanqas kisbet ex officio, qabel it-twettiq tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, l-identifikazzjoni tagħha għall-finijiet tal-VAT.
Firem
* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.