Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

20 ta’ Ottubru 2022 (1)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/435/KEE – Artikolu 4(1) – Eżenzjoni fir-rigward ta’ kumpannija omm tad-dividendi mħallsa mis-sussidjarja tagħha – Trasferiment ta’ bilanċi pożittivi ta’ dħul intaxxati b’mod definittiv lejn snin fiskali sussegwenti – Akkwist ta’ kumpannija li għandha bilanċi pożittivi ta’ dħul intaxxati b’mod definittiv minn kumpannija oħra – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita t-trasferiment ta’ dawn il-bilanċi pożittivi lill-kumpannija li tkun qed takkwista”

Fil-Kawża C-295/21,

l għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Brussell (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

Allianz Benelux SA

vs

État belge, SPF Finances,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Frar 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Allianz Benelux SA, minn V.-A. De Brauwere, avukata,

–        għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn D. Delvaux, bħala espert,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u V. Uher, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ April 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), moqri flimkien mat-Tielet direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar l-għaqda ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 42), kif ukoll mas-Sitt direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbilta pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 50).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Allianz Benelux SA u l-État belge, SPF Finances (L-Istat Belġjan – L-Awtorità Pubblika Federali għall-Finanzi) dwar id-determinazzjoni tal-ammont tad-dħul taxxabbli ta’ din il-kumpannija taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji għas-snin fiskali 2004 sa 2007.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 90/435

3        It-tielet u r-raba’ premessa tad-Direttiva 90/435 jipprovdu:

“Billi d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji ġenituri [omm] u s-sussidjarji tagħhom fl-Istati Membri differenti ivarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u huma ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għall-kumpanniji ġenituri u s-sussidjari fl-istess Stat Membru; billi l-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti tiġi b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl-istess Stat Membru; billi huwa meħtieġ li jiġi eliminat dan l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji;

Billi meta, bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, il-kumpannija ġenitur tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija ġenitur irid:

–        jew jibqa’ lura milli jintaxxa dan il-qligħ,

–        jew jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur li tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjoni mħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu xjtaqsam ma’ dawn il-profitti”.

4        L-ewwel u t-tieni inċiż tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva huma redatti kif ġej:

“Kull wieħed mill-Istati Membri għandu japplika din id-Direttiva:

–        għat-tqassim tal-qligħ irċevut mill-kumpanji ta’ dan l-Istat li jkun ġej mill-kumpanniji sussidjarji fl-Istati Membri l-oħra,

–        għat-tqassim tal-qligħ mill-kumpanniji ta’ dan l-Istat lill-kumpanniji fl-Istati Membri l-oħra li tagħhom il-kumpanniji ta’ l-Istat ta' l-ewwel ikunu sussidjarji.”

5        Skont l-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmija direttiva:

“1.      Meta kumpannija ġenitur, bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija ġenitur għandu, għajr meta din ta’ l-aħħar tiġi llikwidata, jew:

–        iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti, jew

–        jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur biex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet imħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti u, jekk ikun xieraq, l-ammont tat-taxxa mnaqqsa imposta mill-Istat Membru li fih tkun tirresjiedi l-kumpannija sussidjarja, skond id-derogi pprovvduti fl-Artikolu 5, sal-limitu ta’ l-ammont tat-taxxa domestika korrispondenti.

2.      Madankollu, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżomm il-għażla li jipprovdi illi kull impost li jkollu x’jaqsam ma’ l-ishma u kull telf li jirriżulta mit-tqassim tal-qligħ tal-kumpannija sussidjarja jistgħu ma jitnaqqsux mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija ġenitur. Meta l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma f’dan il-każ jiġu ffissati bħala rata waħda uniformi, l-ammont iffissat ma jistax jaqbeż il 5 % tal-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja.”

6        Id-Direttiva 90/435 ġiet emendata, fost oħrajn, bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3). Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Direttiva 2003/123:

“Meta kumpannija parent jew l-istabbiliment permanenti tagħha jirċievu l-profitti mqassna bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tal-kumpannija parent mas-sussidjarja tagħha, l-Istat tal-kumpannija parent u l-Istat ta’ l-istabbiliment permanenti tagħha għandhom, għajr meta s-sussidjarja tiġi llikwidata, jew:

–        iżommu lura milli jintaxxaw dawn il-profitti, jew

–        jintaxxaw dawn il-profitti filwaqt li jawtorizzaw lill-kumpannija parent u lill-istabbiliment permanenti li jnaqqsu mill-ammont mistħoqq tat-taxxa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti u mħallas mis-sussidjarja u minn kull sussidjara fi skala iktar baxxa, bla ħsara għall-kondizzjoni illi f’kull skaluna kumpannija u s-sussidjara ta’ l-iskaluna iktar baxxa tagħha jissodisfaw il-ħtiġiet ipprovvduti fl-Artikolu 2 u 3, sal-limitu ta’ l-ammont tat-taxxa mitħoqqa korripsondenti.”

7        Id-Direttiva 90/435 tħassret permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8), li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Jannar 2012. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 90/435 hija applikabbli għalihom ratione temporis.

 Id-Direttiva 78/855

8        L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 78/855 jistipula:

“Għaqda għandu jkollha l-konsegwenzi li ġejjin ipso jure u fl-istess ħin:

(a)      it-trasferiment, kemm bejn il-kumpannija li qed tiġi akkwistata u l-kumpannija li qed takkwista u fejn għandhom x’jaqsmu terzi persuni, lill-kumpannija li qed takkwista ta’ l-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata;

[…]”

 Id-dritt Belġjan

9        L-Artikolu 202(1) tal-code des impôts sur les revenus de 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-‘KTD 1992'), jipprevedi:

“Mill-profitti tal-perijodu taxxabbli għandhom jitnaqqsu wkoll, sa fejn ikunu inklużi:

1°      id-dividendi, bl-eċċezzjoni tad-dħul li jinkiseb fl-okkażjoni tat-trasferiment lil kumpannija tal-azzjonijiet jew ishma tagħha stess jew waqt il-qsim totali jew parzjali tal-assi ta’ kumpannija;

[…]”

10      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 204 tal-KTD 1992:

“Id-dħul li jista’ jitnaqqas skont l-ewwel, it-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 202(1) huwa meqjus li jaqa’ taħt il-profitti tal-perijodu taxxabbli sa 95 % tal-ammont miġbur jew rċevut eventwalment miżjud bil-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fuq id-dħul fuq proprjetà mobbli reali jew fittizja jew imnaqqas, meta jirrigwarda dħul imsemmi fl-ewwel, ir-raba’ u l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 202(1), ta’ interessi bonus għax-xerrej fil-każ tal-akkwist ta’ titoli matul il-perijodu taxxabbli.”

11      L-Artikolu 205(2) tal-KTD 1992 huwa fformulat kif ġej:

“It-tnaqqis previst fl-Artikolu 202 huwa limitat għall-ammont tal-profitti tal-perijodu taxxabbli, li jibqa’ wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 199, imnaqqas: […]”

12      L-Artikolu 206 tal-KTD 1992 jipprovdi:

“§ 1.      It-telf professjonali preċedenti jitnaqqas suċċessivament mid-dħul professjonali ta’ kull wieħed mill-perijodi taxxabbli sussegwenti.”

§ 2.      […]

“F’każ ta’ għaqda li ssir skont l-Artikolu 211(1), it-telf professjonali li kumpannija li qed tiġi akkwistata tkun esperjenzat qabel din l-għaqda jibqgħu jistgħu jitnaqqsu fi ħdan il-kumpannija li qed takkwista b’mod proporzjonali mal-parti li tirrapreżenta l-assi netti fiskali qabel l-għaqda tal-elementi assorbiti tal-kumpannija msemmija fl-ewwel lok, fit-total, ukoll qabel l-għaqda, tal-assi netti fiskali tal-kumpannija li qed takkwista u tal-valur fiskali nett tal-elementi assorbiti. Fil-każ ta’ diviżjoni mwettqa skont l-Artikolu 211(1), ir-regola stabbilita iktar ’il fuq tapplika għall-parti tat-telf professjonali li hija stabbilita skont il-valur fiskali nett tal-elementi assorbiti fit-total tal-attiv nett fiskali tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Fis-16 ta’ Novembru 1995, AGF l’Escaut SA akkwistat żewġ kumpanniji tal-assigurazzjoni. Fil-15 ta’ Settembru 1999, AGF l’Escaut stess, kif ukoll ħames kumpanniji tal-assigurazzjoni oħra, ġew akkwistati minn Assubel-Vie SA.

14      Il-kumpanniji li ġew akkwistati minn AGF L’Escaut u minn Assubel-Vie, li issa ngħaqdu taħt l-isem tal-kumpannija Allianz Benelux, kellhom bilanċi pożittivi ta’ dħul intaxxati b’mod definittiv (iktar ’il quddiem id-“DID”, li setgħu jiġu ttrasferiti għas-snin finanzjarji sussegwenti. Allianz Benelux għalhekk ittrasferiet fl-intier tagħhom dawn il-bilanċi żejda ta’ DID għas-snin finanzjarji 2004 sa 2007. Dan it-trasferiment totali ġie miċħud mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana.

15      Wara lment imressaq minn Allianz Benelux kontra din iċ-ċaħda, id-Direttur Reġjonali inkarigat mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana, permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012, qies li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali li tipprevedi t-trasferiment tal-bilanċi pożittivi ta’ DID ta’ kumpannija li tkun qed tiġi akkwistata lejn il-kumpannija li tkun qed takkwista, it-trasferiment ta’ bilanċi pożittivi ta’ DID tal-kumpanniji li kienu qed jiġu akkwistati mitlub f’dan il-każ minn Allianz Benelux ma kien ibbażat fuq ebda bażi legali. Madankollu, huwa aċċetta t-trasferiment parzjali ta’ dawn il-bilanċi pożittivi skont il-pro rata prevista fl-Artikolu 206(2) tal-KTD 1992 fil-qasam tat-telf li jista’ jiġi kkumpensat.

16      Allianz Benelux ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Mejju 2016, din il-qorti ċaħdet it-talba għat-trasferiment totali tal-bilanċi pożittivi ta’ DID.

17      Allianz Benelux appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din il-kumpannija ssostni li l-assenza ta’ trasferiment totali, fi ħdan il-kumpannija li kienet qed takkwista, tad-DID li setgħu jiġu ttrasferiti li kellha l-kumpannija li kienet qed tiġi akkwistata jwassal, l-ewwel, sabiex jiġi intaxxat dan id-dħul, it-tieni, għal ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 u, t-tielet, għall-ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [90/435], moqri jew le flimkien mad-dispożizzjonijiet [tad-Direttivi 78/855 u 82/891] dwar id-dritt tal-kumpanniji, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-profitti mqassma koperti mid-Direttiva jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi qabel ma jitnaqqsu minnha sa 95 % mill-ammont tagħhom u, jekk ikun il-każ, jiġu ttrasferiti ’l quddiem għas-snin taxxabbli sussegwenti, iżda li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tipprevedi li fil-każ ta’ operazzjoni ta’ riorganizzazzjoni tal-kumpanniji, it-tnaqqis hekk ittrasferit fir-rigward tal-kumpannija li tittrasferixxi jiġu ttrasferiti kollha kemm huma lill-kumpannija benefiċjarja, għandha l-konsegwenza li l-profitti koperti jkunu ntaxxati indirettament meta ssir l-imsemmija operazzjoni minħabba l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li tillimita t-trasferiment tal-imsemmi tnaqqis b’mod proporzjonali għall-parti li tirrappreżenta l-assi netti fiskali qabel l-operazzjoni tal-elementi assorbiti mill-kumpannija li titrasferixxi fit-total, anki qabel l-operazzjoni, tal-assi netti fiskali tal-kumpannija li tassorbi u tal-valur fiskali nett tal-elementi assorbiti?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibiltà

19      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi mhux biss għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 iżda wkoll għad-Direttivi 78/855 u 82/891, hija ma ssemmi ebda dispożizzjoni partikolari ta’ dawn iż-żewġ direttivi tal-aħħar u lanqas ma tesponi r-raġunijiet għalfejn dawn huma rilevanti fil-kawża prinċipali.

20      Issa, fl-ewwel lok, fir-rigward tad-Direttiva 82/891, din tirregola biss, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-diviżjonijiet ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata permezz ta’ akkwist u/jew permezz ta’ kostituzzjoni ta’ kumpanniji ġodda, b’tali mod li ma tapplikax għall-kawża prinċipali, liema kawża tikkonċerna amalgamazzjoni, distinta minn tali diviżjonijiet.

21      Fit-tieni lok, id-Direttiva 78/855 lanqas ma tapplika għall-kawża prinċipali, peress li hija tirrigwarda biss l-aspetti tad-dritt privat li jappartjenu għall-amalgamazzjonijiet mingħajr ma tinkludi dispożizzjonijiet ta’ portata fiskali. F’dan ir-rigward, l-aspetti fiskali tal-amalgamazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropa kienu rregolati, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, mid-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142).

22      Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, id-Direttiva 90/435, għandu jitfakkar, minn naħa, li, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tielet u mir-raba’ premessa tagħha, din hija intiża sabiex telimina t-taxxa doppja, f’termini ekonomiċi, tal-profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor u sabiex b’hekk tiffaċilita r-raggruppament ta’ kumpanniji fuq il-livell tal-Unjoni. Għal dan il-għan, sabiex jintlaħaq l-għan tan-newtralità fuq il-livell fiskali, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi regola intiża sabiex jiġi evitat li l-profitti mqassma jkunu intaxxati, għall-ewwel darba, lill-kumpannija sussidjarja u, it-tieni darba, lill-kumpannija omm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities, C-389/18, EU:C:2019:1132, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, ebda dispożizzjoni minn din id-direttiva ma tistipula b’mod espress l-applikazzjoni tagħha fil-qafas ta’ tranżazzjonijiet ta’ amalgamazzjonijiet bejn kumpanniji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/435 ikopri t-tqassim tal-profitti rċevuti minn kumpanniji ta’ Stat Membru u li jkunu ġejjin mis-sussidjarji tagħhom li s-sede tagħhom tkun tinsab fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ma jirregolax is-sitwazzjoni li fiha s-sede tal-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi jinsab fl-istess Stat Membru ta’ dak tal-kumpannija li tirċevihom (digriet tal-4 ta’ Ġunju 2009, KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer, C-439/07 u C-499/07, EU:C:2009:339, punt 57).

24      Issa, f’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda informazzjoni dwar minn fejn ġejjin id-dividendi rċevuti mill-kumpanniji li kienu akkwistati, b’tali mod li ma jidhirx possibbli li jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex irregolati mid-Direttiva 90/435 jew jekk, bil-kontra, jikkostitwixxux sitwazzjoni purament interna li tinvolvi biss kumpanniji Belġjani.

25      Madankollu, minn naħa, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, id-domandi preliminari relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et., C-391/20, EU:C:2022:638, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li d-dritt intern Belġjan jirreferi, fir-rigward tas-sistema tad-DID, għad-Direttiva 90/435 u, għaldaqstant, aċċettat l-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont dan ir-rinviju, billi ddeċidiet li, peress li l-portata tar-rinviju magħmul mid-dritt nazzjonali għad-dritt tal-Unjoni hija kwistjoni esklużivament irregolata mid-dritt nazzjonali, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-portata preċiża ta’ dan ir-rinviju għad-dritt tal-Unjoni, peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata biss għal eżami ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Punch Graphix Prepress Belgium, C-371/11, EU:C:2012:647, punti 26 u 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

26      F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-amministrazzjoni fiskali Belġjana bbażat b’mod espliċitu d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-DID.

27      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li d-domanda preliminari hija ammissibbli, u li hemm lok li tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-Direttiva 90/435.

 Fuq il-mertu

28      Permezz tad-domanda preliminari waħdanija tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistipula li d-dividendi rċevuti minn kumpannija jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha qabel ma jitnaqqsu minnha sa 95 % mill-ammont tagħhom u li tippermetti, jekk ikun il-każ, li dan it-tnaqqis jiġi ttrasferit għas-snin taxxabbli sussegwenti, iżda li, madankollu, f’każ ta’ akkwist ta’ din il-kumpannija fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni, tillimita t-trasferiment ta’ dan it-tnaqqis lill-kumpannija li tkun qed takkwista b’mod proporzjonali għall-parti li tirrappreżenta l-assi netti fiskali tal-kumpannija li tkun qed tiġi akkwistata fit-total tal-assi netti fiskali tal-kumpannija li tkun qed takkwista u tal-kumpannija li tkun qed tiġi akkwistata.

29      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Direttiva 2003/123, jipprevedi li, meta kumpannija omm jew l-istabbiliment permanenti tagħha jirċievu, bis-saħħa tal-assoċjazzjoni bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha, profitti mqassma li ma jkunux ġejjin mill-istralċ ta’ din tal-aħħar, l-Istat tal-kumpannija omm u l-Istat tal-istabbiliment permanenti tagħha jistgħu jew jastjenu milli jintaxxaw dawn il-profitti, jew inkella jintaxxaw dawn il-profitti filwaqt li jawtorizzaw lill-kumpannija omm u lill-istabbiliment permanenti li jnaqqsu mill-ammont tat-taxxa tagħhom dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-kumpanniji relatat ma’ dawn il-profitti u mħallas mis-sussidjarja u minn kull subsussidjarja, bil-kundizzjoni li f’kull livell il-kumpannija u s-subsussidjarja tagħha jkunu konformi mar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva tal-ewwel, sal-limitu tal-ammont dovut tat-taxxa korrispondenti.

30      Id-Direttiva 90/435 għalhekk tħalli espliċitament l-għażla lill-Istati Membri bejn is-sistema ta’ eżenzjoni u s-sistema ta’ imputazzjoni, previsti rispettivament fl-ewwel u fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tagħha (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities, C-389/18, EU:C:2019:1132, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-Renju tal-Belġju għażel is-sistema ta’ eżenzjoni, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni biss li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula.

32      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-obbligu tal-Istat Membru li jkun għażel is-sistema prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 li jastjeni milli jintaxxa l-profitti li l-kumpannija omm tirċievi, bħala assoċjata, mill-kumpannija sussidjarja tagħha ma jinkludi ebda kundizzjoni u huwa espress biss taħt ir-riżerva tal-paragrafi 2 u 3 tal-istess artikolu kif ukoll għal dik prevista fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, li taqa’ wkoll taħt il-projbizzjoni prevista minn dan l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1), leġiżlazzjoni nazzjonali li, minkejja li ma tintaxxax id-dividendi miġbura mill-kumpannija omm bħala tali, hija jista’ jkollha l-effett li l-kumpannija omm tkun suġġetta indirettament għal tassazzjoni fuq id-dividendi (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities, C-389/18, EU:C:2019:1132, punti 33 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fir-rigward tas-sistema fiskali Belġjana dwar id-DID, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din kienet oriġinarjament tipprevedi li d-dividendi rċevuti mill-kumpannija omm kienu miżjuda mal-bażi taxxabbli tagħha u li ammont li jikkorrispondi għal 95 % ta’ dawn id-dividendi kien jitnaqqas minn din il-bażi, iżda biss sa fejn kienu jeżistu profitti taxxabbli fir-rigward tal-kumpannija omm u mingħajr il-possibbiltà li jsir trasferiment għas-snin fiskali ulterjuri tal-parti mhux imnaqqsa tad-DID (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities, C-389/18, EU:C:2019:1132, punt 39).

34      Madankollu, wara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Cobelfret (C-138/07, EU:C:2009:82), is-sistema tad-DID ġiet emendata fis-sens li, konformement mal-Artikolu 205(3) tal-KTD 1992, il-parti tad-DID li ma tistax titnaqqas matul is-sena taxxabbli kkonċernata minħabba l-insuffiċjenza tal-profitti tista’ issa tiġi ttrasferita lejn is-snin taxxabbli sussegwenti u li dan it-trasferiment ma huwiex limitat ratione temporis. Għalhekk jidher li t-tnaqqis tat-telf trasferibbli, li għalih twassal l-integrazzjoni tad-dividendi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm, huwa issa kkumpensat bi trasferiment, mingħajr limitu ratione temporis, ta’ DID tal-istess ammont (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities, C-389/18, EU:C:2019:1132, punt 40).

35      Fil-każ ineżami, il-kawża prinċipali ma tikkonċernax sitwazzjoni fejn id-dividendi mħallsa minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha ġew intaxxati fir-rigward tal-kumpannija omm, iżda sitwazzjoni fejn, b’analoġija ma’ dak li tipprevedi l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-trasferiment tat-telf ta’ kumpannija li tkun qed tiġi akkwistata lejn il-kumpannija li tkun qed takkwista fil-każ ta’ amalgamazzjoni, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana aċċettat biss parzjalment it-trasferiment tal-bilanċi pożittivi tad-DID li kellha l-kumpannija li kienet qed tiġi akkwistata lejn il-kumpannija li kienet qed takkwista, jiġifieri sal-limitu tal-parti li kienet tirrappreżenta l-assi netti fiskali tal-kumpannija li kienet qed tiġi akkwistata fit-total tal-assi nett fiskali tal-kumpannija li kienet qed takkwista u tal-kumpannija li kienet qed tiġi akkwistata.

36      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 ma jipprevedix il-possibbiltà li jsir trasferiment inkundizzjonat tal-bilanċi pożittivi li jikkostitwixxu dħul intaxxat b’mod definittiv, bħal dawk li huma s-suġġett tas-sistema fiskali Belġjana dwar id-DID, ta’ kumpannija li tkun qed tiġi akkwistata lejn il-kumpannija li tkun qed takkwista. Din id-dispożizzjoni sempliċement timponi fuq l-Istati Membri, kif ġie rrilevat fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, li jagħżlu bejn is-sistema tal-eżenzjoni u s-sistema ta’ imputazzjoni sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika tad-distribuzzjoni tad-dividendi minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, mingħajr ma jippreskrivu l-mod li bih l-Istati Membri li għażlu s-sistema ta’ eżenzjoni għandhom jimplementawha.

37      Konsegwentement, l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw, fid-dawl tal-bżonnijiet tal-ordinament ġuridiku intern tagħhom, il-modalitajiet li bihom ir-riżultat previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jintlaħaq (digriet tal-4 ta’ Ġunju 2009, KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer, C-439/07 u C-499/07, EU:C:2009:339, punt 50).

38      Fit-tieni lok, la d-Direttiva 90/434 u lanqas ebda test ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma jipprevedu d-dritt għal trasferiment inkundizzjonat ta’ bilanċi pożittivi, bħal dawk imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, tal-kumpannija li tkun qed tiġi akkwistata lejn il-kumpannija li tkun qed takkwista, fil-kuntest ta’ amalgamazzjonijiet, kif mitlub minn Allianz Benelux.

39      Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk sistema relatata mad-DID bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassalx għal taxxa diretta jew indiretta fuq id-dividendi rċevuti li hija inkompatibbli mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435.

40      Minn naħa, għal dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ eventwali tassazzjoni diretta fuq id-dividendi, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema tad-DID inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li jiġi żgurat li d-dividendi rċevuti mill-kumpannija li tkun qed tiġi akkwistata ma humiex intaxxati fir-rigward tal-kumpannija li tkun qed takkwista. Fil-fatt, din is-sistema tipprovdi li, inizjalment, id-dividendi rċevuti mill-kumpannija omm jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha u, it-tieni nett, ammont li jikkorrispondi għal 95 % ta’ dawn id-dividendi jitnaqqas minn din il-bażi sa fejn profitti taxxabbli jibqgħu għand il-kumpannija omm wara t-tnaqqis ta’ profitti eżentati oħra. Għaldaqstant, l-imsemmija sistema ma twassalx għal taxxa diretta fuq id-dividendi eżentati skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, fatt li barra minn hekk ma sostniet ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet.

41      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali tassazzjoni indiretta fuq id-dividendi, li lilha, kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, jipprekludi l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, għandu jiġi ddeterminat jekk l-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni jipprekludix l-effetti fiskali li limitazzjoni tat-trasferiment tal-bilanċi pożittivi skont sistema ta’ DID waqt amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist prodott fuq il-bażi taxxabbli tal-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities (C-389/18, EU:C:2019:1132), li kienet tirrigwarda l-ordni li fiha, fid-dritt fiskali Belġjan, kien jitnaqqas id-dħul li jista’ jitnaqqas mill-profitti taxxabbli, b’mod partikolari l-bilanċi pożittivi ta’ DID meta mqabbel ma’ dħul ieħor li t-trasferiment tat-tnaqqis fiskali tiegħu kien limitat ratione temporis, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet paragun tas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, li fil-kuntest tagħha l-kumpannija omm kellha tosserva, matul it-tnaqqis taxxabbli, l-ordni prioritarju tat-tnaqqis tal-bilanċi pożittivi ta’ DID fil-konfront ta’ tnaqqis fiskali ieħor, mas-sitwazzjoni li kienet tipprevali fir-Renju tal-Belġju kieku applika sistema ta’ eżenzjoni li teskludi għalkollox id-dividendi mill-bażi taxxabbli.

43      Issa, kif jissuġġerixxu kemm il-Gvern Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni, tali raġunament li huwa bbażat fuq il-paragun ta’ żewġ sitwazzjonijiet jista’ japplika wkoll b’analoġija fil-kawża prinċipali, minkejja li dan ir-raġunament ġie implementat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-relazzjoni bejn kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha.

44      Għaldaqstant, għandu jsir paragun ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha, waqt amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist, l-istess limitazzjoni pro rata ġiet applikata għat-trasferiment kemm tat-telf kif ukoll tal-bilanċi pożittiv ta’ DID tal-kumpannija li kienet qed tiġi akkwistata, mas-sitwazzjoni fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun stabbilixxa sistema ta’ eżenzjoni sempliċi li tipprevedi l-esklużjoni tad-dividendi mill-bażi taxxabbli u fejn limitazzjoni pro rata tapplika biss għat-trasferiment ta’ telf u mhux għat-trasferiment tal-bilanċi pożittivi ta’ DID.

45      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan il-paragun jirriżulta li s-sitwazzjoni fejn il-limitazzjoni pro rata tapplika kemm għat-trasferiment tal-bilanċi pożittivi tad-DID kif ukoll għat-trasferiment tat-telf f’każ ta’ amalgamazzjoni ma tidhirx li twassal għal taxxa ikbar ħlief fil-każ fejn id-dividendi kienu esklużi mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija li tibbenefika minnhom. In-newtralità fiskali fiż-żewġ sitwazzjonijiet tidher li hija osservata.

46      Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, kieku l-bilanċi pożittivi ta’ DID kienu ttrasferiti kompletament lill-kumpannija li tkun qed takkwista minkejja li limitazzjoni pro rata bħal dik fil-kawża prinċipali tapplika għat-trasferiment ta’ telf, din il-kumpannija ssib ruħha f’sitwazzjoni iktar favorevoli milli kieku l-Istat Belġjan kien ippreveda eżenzjoni sempliċi.

47      Barra minn hekk, fil-kawżi li jinvolvu l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri huma liberi sabiex jiddeterminaw il-modalitajiet li bihom ir-riżultat previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Cobelfret, C-138/07, EU:C:2009:82, punt 61, u d-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2009, KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer, C-439/07 u C-499/07, EU:C:2009:339, punti 50 u 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistipula li d-dividendi rċevuti minn kumpannija jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha qabel ma jitnaqqsu minnha sa 95 % mill-ammont tagħhom u li tippermetti, jekk ikun il-każ, li dan it-tnaqqis jiġi ttrasferit għas-snin taxxabbli sussegwenti, iżda li, madankollu, f’każ ta’ akkwist ta’ din il-kumpannija fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni, tillimita t-trasferiment ta’ dan it-tnaqqis lill-kumpannija li tkun qed takkwista b’mod proporzjonali għall-parti li tirrappreżenta l-assi netti fiskali tal-kumpannija li tkun qed tiġi akkwistata fit-total tal-assi netti fiskali tal-kumpannija li tkun qed takkwista u tal-kumpannija li tkun qed tiġi akkwistata.

 Dwar l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistipula li d-dividendi rċevuti minn kumpannija jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha qabel ma jitnaqqsu minnha sa 95 % mill-ammont tagħhom u li tippermetti, jekk ikun il-każ, li dan it-tnaqqis jiġi ttrasferit għas-snin taxxabbli sussegwenti, iżda li, madankollu, f’każ ta’ akkwist ta’ din il-kumpannija fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni, tillimita t-trasferiment ta’ dan it-tnaqqis lill-kumpannija li tkun qed takkwista b’mod proporzjonali għall-parti li tirrappreżenta l-assi netti fiskali tal-kumpannija li tkun qed tiġi akkwistata fit-total tal-assi netti fiskali tal-kumpannija li tkun qed takkwista u tal-kumpannija li tkun qed tiġi akkwistata.

Firem


1      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.