Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

30 ta’ Marzu 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(a) u (ċ) – Kunsinna ta’ merkanzija u provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Artikolu 9(1) – Kunċetti ta’ ‘persuna taxxabbli’ u ta’ ‘attività ekonomika’ – Komun li jorganizza l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli fit-territorju tiegħu għall-benefiċċju tar-residenti tiegħu, proprjetarji ta’ proprjetà immobbli, li jkunu wrew ix-xewqa li jiġu mgħammra b’sistemi ta’ enerġija rinnovabbli – Parteċipazzjoni tagħhom li tammonta għal 25 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, mingħajr ma tista’ taqbeż valur massimu li jaqblu fuqu l-komun u l-proprjetarju interessat – Rimbors lill-komun b’sussidju tal-provinċja kompetenti li ma jeċċedix 75 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati – Artikolu 13(1) – Nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa tal-komuni għall-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet imwettqa minnhom bħala awtoritajiet pubbliċi”

Fil-Kawża C-612/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Settembru 2021, fil-kawża

Gmina O.

vs

Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gmina O., minn J. Wyrzykowski, doradca podatkowy,

–        għad-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, minn B. Kołodziej, D. Pach u T. Wojciechowski,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u U. Małecka, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), tal-Artikolu 9(1), tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Gmina O. (il-Komun ta’ O.), li jinsab fil-Polonja, u d-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (id-Direttur għall-Informazzjoni Nazzjonali tat-Teżor, il-Polonja) dwar deċiżjoni fiskali indirizzata lil dan il-komun dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ dan tal-aħħar dwar tranżazzjonijiet li jikkonsistu, fir-rigward tal-imsemmi komun, fil-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ wħud mir-residenti tiegħu għall-installazzjoni ta’ sistemi ta’ enerġija rinnovabbli (iktar ’il quddiem is-“SER”) fuq il-proprjetà immobbli tagħhom, b’korrispettiv finanzjarju min-naħa ta’ dawn ir-residenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

(a)      il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]

(ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

4        L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5        Skont l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti.”

6        L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112 huwa fformulat kif ġej:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

 Id-dritt Pollakk

7        L-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi) tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal-2004, Nru 54, intestatura 535), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali, hija intiża li tittrasponi fid-dritt Pollakk id-Direttiva 2006/112.

8        L-Artikolu 29a(1) ta’ din il-liġi, li jirrigwarda l-ammont taxxabbli, jipprovdi:

“Bla ħsara għall-paragrafi 2, 3 u 5, tal-Artikoli 30a sa 30c, għall-Artikolu 32, għall-Artikolu 119, kif ukoll għall-Artikolu 120(4) u (5), l-ammont taxxabbli għandu jinkludi kulma jikkostitwixxi l-korrispettiv li rċieva jew li għandu jirċievi l-fornitur tal-oġġetti jew tas-servizzi għall-bejgħ mix-xerrej, mid-destinatarju tas-servizzi jew minn terz, inkluż l-għajnuna finanzjarja, is-sussidji u ħlasijiet oħra addizzjonali tal-istess natura li rċieva l-fornitur tal-oġġetti jew tas-servizzi, li jaffettwaw, b’mod dirett, il-prezz tal-oġġetti kkunsinnati jew tas-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli.”

9        L-Artikolu 400a(1) tal-ustawa Prawo ochrony środowiska (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent), tas-27 ta’ April 2001 (Dz. U. tal-2001, Nru 62, intestatura 627), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Il-finanzjament tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-ġestjoni tal-ilma għandu jinkludi:

[...]

21.      il-proġetti relatati mal-protezzjoni tal-kwalità tal-arja;

22.      il-promozzjoni tal-użu ta’ enerġija rinnovabbli lokali, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ vetturi tal-enerġija li jirrispettaw iktar l-ambjent;

[...]”

10      L-Artikolu 403(2) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-kompiti speċifiċi tal-komuni jinkludu l-finanzjament tal-protezzjoni tal-ambjent fil-qafas iddefinit fil-punti 2, 5, 8, 9, 15, 16, 21 sa 25, 29, 31, 32 u 38 sa 42 tal-Artikolu 400a(1) f’ammont mhux inqas mill-ammont tad-dħul mill-ispejjeż u l-multi msemmija fl-Artikolu 402(4), (5) u (6), li jagħmlu parti mid-dħul baġitarju komunali, wara li jitnaqqas l-ammont żejjed minn dan id-dħul imħallas lill-baġits provinċjali [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Il-Komun ta’ O., li għandu numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT fil-Polonja, laħaq ftehim ta’ sħubija ma’ komunità urbana u ma’ żewġ komuni oħra, li jinsabu wkoll fil-Polonja, sabiex jitwettaq proġett li l-għan tiegħu huwa l-installazzjoni ta’ SER fit-territorju ta’ dawn l-erba’ awtoritajiet lokali u reġjonali (iktar ’il quddiem il-“proġett”).

12      Il-proġett jagħmel parti mill-programm operattiv reġjonali tal-provinċja kkonċernata għall-perijodu 2014-2020 u huwa maħsub sabiex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Il-komunità urbana, bħala mexxejja tal-proġett, laħqet ftehim, f’isem l-erba’ awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati, dwar il-finanzjament tal-proġett ma’ din il-provinċja. Skont dan il-ftehim, il-mexxej tal-proġett jirċievi s-sussidji mingħand il-provinċja kkonċernata, liema sussidji jkopru biss parti mill-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, u wara dan huwa jittrasferixxi lill-imsieħba tiegħu l-parti dovuta lilhom. Il-Komun ta’ O. jibbenefika, fir-rigward tiegħu stess, minn finanzjament ta’ 75 % tat-total tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati.

13      Kull awtorità kontraenti tħallas b’mod separat lill-impriża li tintgħażel wara s-sejħa għal offerti, billi din tal-aħħar tibgħat, għalhekk, fatturi lil kull waħda minn dawn l-awtoritajiet skont il-kuntratt rispettiv tagħhom.

14      Għall-parti li jifdal taħt ir-responsabbiltà tagħha, kull awtorità kontraenti hija libera li tiddeċiedi l-modalitajiet tal-finanzjament tagħha. Il-Komun ta’ O. iddeċieda li jikseb, mingħand il-proprjetarji tal-proprjetà immobbli li, fuq talba tagħhom, ser jibbenefikaw mis-SER, kontribuzzjoni li tammonta għal 25 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, mingħajr, madankollu, ma seta’ jaqbeż il-valur massimu miftiehem kuntrattwalment. Barra minn hekk, huwa stipulat fil-kuntratt standard konkluż bejn il-Komun ta’ O. u l-proprjetarji kkonċernati li s-SER kollha installati ser jibqgħu l-proprjetà tiegħu matul il-perijodu ta’ validità tal-proġett, jiġifieri matul perijodu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mid-data ta’ li fiha l-komun jirċievi l-aħħar pagament bħala rimbors tas-sehem dovut lilu mis-sussidji mħallsa mill-provinċja kkonċernata. Fi tmiem dan il-perijodu, il-proprjetà tas-SER hija ttrasferita lill-proprjetarju tal-proprjetà immobbli kkonċernata.

15      Huwa f’dan il-kuntest li l-Komun ta’ O. ressaq talba lid-Direttur tal-Informazzjoni Nazzjonali tat-Teżor għal deċiżjoni fiskali, sabiex ikun jaf jekk il-kontribuzzjoni mħallsa mill-proprjetarji kkonċernati u s-sussidju li rċieva mingħand il-provinċja kkonċernata kellhomx ikunu eżentati mill-VAT.

16      Fid-deċiżjoni fiskali tiegħu tas-7 ta’ Awwissu 2019, id-Direttur tal-Informazzjoni Nazzjonali tat-Teżor qies li l-Komun ta’ O. kellu jiġi kklassifikat bħala “persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT” fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

17      Il-Komun ta’ O. ikkontesta din id-deċiżjoni fiskali quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja). Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Lulju 2020, din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors, billi ddeċidiet li dan il-komun kien jeżerċita, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, attività ekonomika u li din ma kinitx eżerċitata mill-Komun ta’ O. bħala awtorità pubblika.

18      Il-Komun ta’ O. appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju.

19      Fl-ewwel lok, din il-qorti tistaqsi dwar il-konsegwenzi li jsegwu mill-fatt li l-Komun ta’ O. huwa parti fil-kuntratt konkluż mal-impriża li ntgħażlet fis-sejħa għal offerti u jwettaq il-ħlas tal-ammonti dovuti lil din tal-aħħar, li mingħandha jirċievi fattura maħruġa f’ismu fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li dan il-komun jista’ jwettaq. Fit-tieni lok, hija tistaqsi, kemm-il darba jitqies li dan tal-aħħar effettivament jeżerċita tali attività, jekk it-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali sarux fil-kuntest ta’ sistema rregolata mid-dritt pubbliku. Fit-tielet lok, kemm-il darba jitqies li din hija attività ekonomika li ma titwettaqx fil-kuntest ta’ tali sistema, hija tistaqsi dwar id-determinazzjoni tal-ammont taxxabbli ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2006/112], u b’mod partikolari l-Artikoli 2(1), 9(1) u 13(1) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li komun (awtorità pubblika) jaġixxi bħala persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT meta jwettaq proġett li l-għan tiegħu jkun li jżid il-proporzjon ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratt irregolat mid-dritt ċivili ma’ sidien ta’ proprjetajiet immobbli, li bih il-komun jimpenja ruħu li jinstalla [SER] fil-proprjetà tagħhom u – wara li jgħaddi ċertu perijodu ta’ żmien – jittrasferixxi l-proprjetà ta’ dawn is-sistemi lis-sidien inkwistjoni?

(2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, il-kofinanzjament Ewropew li jirċievi l-komun (awtorità pubblika) għall-implimentazzjoni tal-proġetti li jinvolvu sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandu jiġi inkluż fl-ammont taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti u provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT il-fatt li komun jikkunsinna u jinstalla, permezz ta’ impriża, SER għall-benefiċċju tar-residenti proprjetarji tagħha li jkunu wrew ix-xewqa li jiġu mgħammra bihom, fejn l-għan ta’ tali attività ma jkunx li jinkiseb dħul fuq bażi kontinwa u li, min-naħa ta’ dawn ir-residenti, tagħti lok biss għal ħlas li jkopri mhux iktar minn kwart tal-ispejjeż sostnuti, waqt li l-bilanċ ikun iffinanzjat minn fondi pubbliċi.

22      Qabelxejn għandu jitfakkar li hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina n-natura tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenza tat-13 ta’ Jannar 2022, Termas Sulfurosas de Alcafache, C-513/20, EU:C:2022:18, punt 36).

23      Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hija adita biha (sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan ir-rigward, sabiex jaqgħu taħt id-Direttiva 2006/112, l-attivitajiet imwettqa minn komun fil-kuntest tal-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli għandhom, l-ewwel, jikkostitwixxu kunsinna jew provvista ta’ servizzi li dan il-komun iwettaq bi ħlas għar-residenti tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) ta’ din id-direttiva, u, it-tieni, ikunu twettqu fil-kuntest ta’ attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, b’mod li l-imsemmi komun ikun aġixxa wkoll bħala persuna taxxabbli.

 Fuq l-eżistenza ta’ kunsinna ta’ oġġetti u ta’ provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tali tranżazzjonijiet jitwettqu “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, għandha teżisti rabta diretta bejn il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi, minn naħa, u korrispettiv li l-persuna taxxabbli tkun tassew irċeviet, min-naħa l-oħra. Rabta diretta bħal din hija stabbilita fejn teżisti relazzjoni ġuridika bejn l-awtur tal-kunsinna ta’ oġġetti jew tal-provvista ta’ servizzi, minn naħa, u l-benefiċjarju tagħhom, min-naħa l-oħra, li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-awtur ta’ dawn it-tranżazzjonijiet jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tal-kunsinna jew tas-servizz ipprovdut lill-imsemmi benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 36).

26      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li sabiex it-tranżazzjonijiet jistgħu jitqiesu li twettqu “bi ħlas”, fis-sens tad-Direttiva 2006/112, ma huwiex meħtieġ, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva, li l-korrispettiv għall-kunsinna ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi jinkiseb b’mod dirett minn min jirċievi dawn tal-aħħar, billi dan il-korrispettiv jista’ jinkiseb ukoll minn terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-imsemmija tranżazzjonijiet jitwettqu bi prezz ogħla jew inqas mill-prezz tal-kost, u, għaldaqstant, bi prezz ogħla jew inqas mill-prezz normali tas-suq, huwa irrilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bi ħlas, peress li ċirkustanza bħal din ma hijiex ta’ natura li taffettwa r-rabta diretta bejn it-tranżazzjonijiet imwettqa jew li għandhom jitwettqu u l-korrispettiv irċevut jew li għandu jiġi rċevut li l-ammont tiegħu huwa ddeterminat minn qabel u skont kriterji stabbiliti sew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Komun ta’ O. jinkariga lill-impriża li tintgħażel fis-sejħa għal offerti li tikkunsinna u tinstalla SER fuq il-proprjetà immobbli tal-proprjetarji li jkunu wrew l-interess tagħhom li jipparteċipaw f’din l-inizjattiva. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li t-trasferiment tal-proprjetà ta’ tali sistemi jikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/112, u l-fatt li jsiru disponibbli sabiex jintużaw jikkorrispondi għal provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva.

29      Ma hemmx dubju li fid-dawl tal-eżistenza ta’ kuntratt bejn il-Komun ta’ O. u din l-impriża, li jirrigwarda l-implimentazzjoni tas-SER u t-trasferiment tal-proprjetà ta’ dawn tal-aħħar lil dan il-komun matul il-perijodu tal-proġett, jista’ jitqies li l-imsemmija impriża twettaq tranżazzjoni bi ħlas favur l-imsemmi komun, peress li, barra minn hekk, l-istess komun jirċievi, f’dan ir-rigward, mingħand l-istess impriża, fattura individwali li hija tħallas waħedha. Din it-tranżazzjoni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti, tinkludi, parzjalment, kunsinna ta’ oġġetti lill-Komun ta’ O., jiġifieri s-SER, li dan tal-aħħar isir proprjetarju tagħhom u, parzjalment, provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-installazzjoni ta’ dawn is-SER fuq il-proprjetà immobbli tar-residenti kkonċernati. Il-benefiċċju li jikseb dan il-komun bħala korrispettiv għall-ħlas jinsab mhux biss fil-proprjetà tal-imsemmija SER, iżda wkoll fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti kollha tiegħu permezz ta’ metodu ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jirrispetta iktar l-ambjent.

30      Madankollu, ma huwiex eskluż li l-proprjetarji tal-proprjetà immobbli li fuqhom ġew installati jew ser jiġu installati s-SER huma l-benefiċjarji finali ta’ din il-kunsinna ta’ oġġetti u ta’ din il-provvista ta’ servizzi, li f’dan il-każ twettqu mill-Komun ta’ O. permezz tal-impriża li ntgħażlet wara s-sejħa għal offerti, liema fatt għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

31      Fil-fatt, huwa paċifiku, minn naħa, li dawn ir-residenti jsiru, fi tmiem il-proġett, bis-saħħa tal-kuntratt konkluż bejn kull wieħed minnhom u dan il-komun, proprjetarji tas-SER u li jibbenefikaw minnhom sa mill-installazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, li dawn jikkontribwixxu, bħala prinċipju, sa 25 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, mingħajr, madankollu, ma dan il-perċentwali jkun jista’ jeċċedi ammont miftiehem fl-imsemmi kuntratt, għall-ħlas tal-kunsinna ta’ dawn is-SER u tal-installazzjoni tagħhom, kif imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, ma humiex ostakoli, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 sa 27 ta’ din is-sentenza, il-fatt li terz, jiġifieri l-provinċja kkonċernata, ikopri 75 % tal-ispejjeż eliġibbli permezz ta’ sussidju mħallas lill-Komun ta’ O. u l-fatt li l-ammonti kollha li jikkorrispondu għal dawn il-perċentwali ta’ 25 % u ta’ 75 % huma inqas mill-ispiża tas-suq, jiġifieri dik li effettivament jsostni l-komun għall-benefiċċju tal-impriża li tkun intgħażlet fis-sejħa għal offerti, peress li kemm il-kontribuzzjoni tal-imsemmija residenti, kif ukoll is-sussidju ta’ din il-provinċja jirrigwardaw biss l-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati u mhux l-ispejjeż effettivi fl-intier tagħhom.

32      Jekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-Komun ta’ O. iwettaq bi ħlas għar-residenti tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, kunsinna ta’ oġġetti u provvista ta’ servizzi, hija jkollha tiddetermina jekk dawn it-tranżazzjonijiet twettqux fil-kuntest ta’ attività ekonomika, peress li, skont il-ġurisprudenza, attività tista’ biss tiġi kklassifikata bħala “attività ekonomika”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jekk din tikkorrispondi għal waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva (sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq it-twettiq ta’ kunsinna ta’ oġġetti u ta’ provvista ta’ servizzi fil-kuntest ta’ attività ekonomika

33      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-analiżi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, filwaqt li turi b’mod ċar il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “attività ekonomika”, tippreċiża wkoll in-natura oġġettiva tiegħu, fis-sens li l-attività hija meqjusa minnha nnifisha, indipendentement mill-għanijiet tagħha jew mir-riżultati tagħha (sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C-420/19, EU:C:2019:132, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għalhekk, attività hija, b’mod ġenerali, ikklassifikata bħala waħda “ekonomika” fejn tkun ta’ natura permanenti u titwettaq b’remunerazzjoni li jirċievi l-awtur tat-tranżazzjoni (sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 47, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fid-dawl tad-diffikultà li titfassal definizzjoni preċiża tal-attività ekonomika, għandhom jiġu analizzati ċ-ċirkustanzi kollha li fihom din titwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C-520/14, EU:C:2016:334, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), dan billi ssir evalwazzjoni każ b’każ, b’riferiment għal dak li huwa l-aġir tipiku ta’ imprenditur attiv fil-qasam ikkonċernat, jiġifieri, f’dan il-każ, installatur ta’ SER.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li, filwaqt li imprenditur ifittex li jikseb dħul mill-attività tiegħu fuq bażi kontinwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, AJFP Sibiu u DGRFP Brahebov, C-655/19, EU:C:2021:40, punti 27 sa 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-Komun ta’ O. indika, fit-talba tiegħu għal deċiżjoni fiskali, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li ma kienx biħsiebu jipprovdi servizzi ta’ installazzjoni ta’ SER fuq bażi regolari u la jimpjega u lanqas jikkunsidra li jimpjega ħaddiema għal dan l-għan, liema fatt jiddistingwi din il-kawża minn dawk li fihom il-provvisti komunali jsiru fuq bażi kontinwa.

37      It-tieni, mill-provi miġjuba mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Komun ta’ O. jidher li sempliċement qiegħed jipproponi lir-residenti tiegħu, proprjetarji ta’ proprjetà immobbli, li jistgħu jkunu interessati mis-SER, fil-kuntest ta’ programm reġjonali maħsub sabiex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, li jikkunsinnalhom u jinstallalhom dawn is-SER bl-għajnuna ta’ impriża li ntgħażlet wara sejħa għal offerti, permezz ta’ kontribuzzjoni min-naħa tagħhom li ma taqbiżx 25 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati marbuta ma’ din il-kunsinna u ma’ din l-installazzjoni, filwaqt li dan il-komun iħallas lill-impriża inkwistjoni, għal dawn l-istess kunsinna u installazzjoni, skont il-prezz tas-suq.

38      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li, fejn komun jirkupra biss, permezz tal-kontribuzzjonijiet li jirċievi, proporzjon żgħir tal-ispejjeż li jsostni, waqt li l-bilanċ ikun iffinanzjat mill-fondi pubbliċi, tali differenza bejn dawn l-ispejjeż u l-ammonti rċevuti b’korrispettiv għal servizzi pprovduti hija ta’ natura li tissuġġerixxi li dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom iktar jitqabblu ma’ tariffa milli ma’ remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C-520/14, EU:C:2016:334, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħlasijiet allokati lill-Komun ta’ O. mill-provinċja kkonċernata, li jirrigwardaw 75 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, it-total tas-somom li jirċievu l-proprjetarji kkonċernati, minn naħa, u dawk li tirċievi din il-provinċja, min-naħa l-oħra, jibqa’ strutturalment inqas mit-total tal-ispejjeż li effettivament jsostni dan il-komun, kif ġie indikat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li ma jikkorrispondix għall-mod li bih kien jaġixxi, fejn meħtieġ, installatur ta’ SER, li, permezz tal-iffissar tal-prezzijiet tiegħu, għamel sforz sabiex jassorbi l-ispejjeż tiegħu u jikseb marġni ta’ profitt. Għall-kuntrarju, l-imsemmi komun ibati biss riskji ta’ telf, mingħajr ma jkollu prospett ta’ profitt.

39      It-tielet, ma jidhirx ekonomikament vijabbli, għal tali installatur ta’ SER, li l-benefiċjarji tal-kunsinni ta’ oġġetti u tal-provvisti ta’ servizzi tiegħu jbatu biss massimu ta’ kwart tal-ispejjeż li huwa jkun sostna, dan waqt li jibqa’ jistenna kumpens, permezz ta’ sussidju, tal-parti l-kbira tat-tliet kwarti l-oħra ta’ dawn l-ispejjeż. Mhux biss tali mekkaniżmu jqiegħed il-finanzi tiegħu f’sitwazzjoni strutturalment f’defiċit, iżda, barra minn hekk, joħloqlu inċertezza mhux tas-soltu għal persuna taxxabbli, peress li l-kwistjoni dwar jekk terz għandux jirrimborsa parti daqstant kbira mill-ispejjeż sostnuti tibqa’ effettivament miftuħa sakemm jiddeċiedi dan it-terz, wara t-tranżazzjonijiet inkwistjoni.

40      Konsegwentement, ma jidhirx, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-Komun ta’ O. iwettaq, f’dan il-każ, attività li hija ta’ natura ekonomika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112.

 Fuq in-nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa li jirriżulta mit-twettiq ta’ tranżazzjonijiet minn korp irregolat mid-dritt pubbliku bħala awtorità pubblika

41      Peress li l-Komun ta’ O. ma jeżerċitax, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, attività li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112, ma huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, skont l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, din l-attività ġietx eskluża wkoll minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti u provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT il-fatt li komun jikkunsinna u jinstalla, permezz ta’ impriża, SER għall-benefiċċju tar-residenti proprjetarji tagħha li jkunu wrew ix-xewqa li jiġu mgħammra bihom, fejn tali attività ma tkunx intiża sabiex jinkiseb dħul fuq bażi kontinwa u, min-naħa ta’ dawn ir-residenti, tagħti lok biss għal ħlas li jkopri mhux iktar minn kwart tal-ispejjeż sostnuti, waqt li l-bilanċ ikun iffinanzjat minn fondi pubbliċi.

 Fuq it-tieni domanda

43      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti u provvista ta’ servizzi suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud il-fatt li komun jikkunsinna u jinstalla, permezz ta’ impriża, sistemi ta’ enerġija rinnovabbli għall-benefiċċju tar-residenti proprjetarji tagħha li jkunu wrew ix-xewqa li jiġu mgħammra bihom, fejn tali attività ma tkunx intiża sabiex jinkiseb dħul fuq bażi kontinwa u, min-naħa ta’ dawn ir-residenti, tagħti lok biss għal ħlas li jkopri mhux iktar minn kwart tal-ispejjeż sostnuti, waqt li l-bilanċ ikun iffinanzjat minn fondi pubbliċi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.