Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Lulju 2023 (*)

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li jiġi sospiż, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni tal-amministrazzjoni fiskali fil-każ ta’ proċedura ġudizzjarja – Proċedura fiskali rrepetuta – Regolament Nru 2988/95 – Kamp ta’ applikazzjoni – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C-615/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ottubru 2021, fil-proċedura

Napfeny-Toll Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef fil-Ħames Awla, D. Gratsias, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Napfény-Toll Kft., minn L. Detvay, O. Kovács, P. Nagy u Gy. Tiborfi, ügyvédek,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, J. Jokubauskaitė, u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Napfény-Toll Kft. u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Uffiċċju Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija), dwar id-dritt ta’ din il-kumpannija li tnaqqas mill-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li hija responsabbli għall-ħlas tiegħu l-ammont tal-VAT dovut fir-rigward ta’ akkwisti differenti ta’ oġġetti mwettqa fix-xahar ta’ Ġunju 2010 kif ukoll bejn ix-xahar ta’ Novembru 2010 u x-xahar ta’ Settembru 2011.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2006/112

3        Il-premessa 8 tad-Direttiva 2006/112 tistipula:

“(8)      Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema ta’ riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewopej [ĠU 2000, L 253, p. 42], il-budget tal-Komunitajiet Ewropej, irrispettivament minn dħul ieħor, għandu jkun iffinanzjat kompletament mir-riżorsi tal-Komunitajiet infushom. Dawk ir-riżorsi għandhom jinkludu dawk li jidħlu mill-VAT u miksuba permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ rata komuni ta' taxxa għal bażi ta’ valutazzjoni stabbilita b’mod uniformi u skond regoli tal-Komunità.”

 Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), jipprevedi:

“1.      Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.      ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta'nefqa mhux ġustifikata.”

5        L-Artikolu 3(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      Il-perjodu tal-limitazzjoni [tal-preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. [...]

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).

[...].

3.      L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.”

 Id-Deċiżjoni 2007/436/KE

6        Id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17), li ħassret u ssostitwixxiet id-Deċiżjoni 2000/597, tipprevedi fl-Artikolu 2(1)(b) tagħha:

“Id-dħul minn dan li ġej għandu jkun jikkostitwixxi r-riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea:

[...]

(b)      [...] l-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażijiet ta’ valutazzjoni tal-VAT armonizzati ddeterminati skond ir-regoli Komunitarji. [...]”

 Id-dritt Ungeriż


 Il-leġiżlazzjoni dwar is-sospensjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni fil-qasam fiskali

7        Skont l-Artikolu 164 tal-az adózás rendjérġl szóló 2003. évi XCII. törvény (il-Liġi Nru XCII tal-2003, dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali) [(Magyar Közlöny 2003/131 (XI. 14.)], fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik”):

“(1)      Id-dritt li tiġi stabbilita t-taxxa jiġi preskritt b’ħames snin mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha kellha ssir id-dikjarazzjoni jew notifika dwar din it-taxxa, jew, fl-assenza ta’ tali dikjarazzjoni jew ta’ tali notifika, mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha kellha titħallas it-taxxa.

[...]

(5)      F’każ ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-awtorità fiskali, it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt li jiġi stabbilit l-ammont korrett tat-taxxa dovuta jieqaf jiddekorri matul il-perijodu mid-data li fiha d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tat-tieni grad tkun saret definittiva sa dik meta d-deċiżjoni ġudizzjarja tkun saret definittiva u għalhekk, fil-każ ta’ appell, dik li fiha tingħata deċiżjoni dwar dan tal-aħħar.”

8        Il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik ġie abrogat u ssostitwit, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2018, bid-dispożizzjonijiet tal-az adóigazgatási rendtartásról szóló 2017. évi CLI. törvény (il-Liġi Nru CLI tal-2017 li Tirregola l-Amministrazzjoni tat-Taxxa) (Magyar Közlöny 2017/192) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, u dawk tal-az adózás rendjérġl szóló 2017. évi CL. törvény (il-Liġi Nru CL tal-2017, li tistabbilixxi kodiċi ta’ proċedura fiskali) (Magyar Közlöny 2017/192), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid”).

9        L-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid jirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut tal-Artikolu 164 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik. Skont dan l-Artikolu 203(3), jekk il-persuna taxxabbli tkun ippreżentat rikors amministrattiv kontenzjuż kontra deċiżjoni tal-awtorità fiskali, it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-ammont korrett tat-taxxa dovuta jiġi sospiż bejn id-data li fiha d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tat-tieni grad tkun saret definittiva u dik meta d-deċiżjoni ġudizzjarja ssir definittiva jew, fil-każ ta’ appell, dik li fiha tingħata deċiżjoni dwar dan tal-aħħar.

10      L-Artikolu 203(7)(c) ta’ dan il-kodiċi l-ġdid jipprevedi li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi estiż bi tnax-il xahar, b’mod partikolari, jekk, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors amministrattiv kontenzjuż ippreżentat kontra deċiżjoni tal-awtorità fiskali, il-qorti adita għandha tordna l-ftuħ ta’ proċedura ġdida.

11      Konformement mal-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi l-ġdid, inklużi dawk tal-Artikolu 203(7)(c) tal-imsemmi kodiċi l-ġdid, għall-proċeduri miftuħa jew ripetuti wara d-dħul fis-seħħ tal-istess kodiċi ġdid.

 Il-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sospensjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni fil-qasam fiskali

12      Fis-sentenza Kfv.I 35.343/2019/11, il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) indikat, fir-rigward tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni dwar is-sospensjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni fil-qasam fiskali:

“Fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik, huwa l-fatt stess tal-‘stħarriġ ġudizzjarju’, u mhux il-kontenut tad-deċiżjoni li jagħlaq dan, li jikkundizzjona l-applikabbiltà tas-sospensjoni u l-estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni. L-istħarriġ ġudizzjarju jibda bil-preżentata tar-rikors [...] Ebda effett ġuridiku ex tunc ma jista’ jintrabat ma’ deċiżjoni nulla u bla effett, ladarba din in-nullità tiġi kkonstatata; madankollu, l-awtorità fiskali, minħabba l-istħarriġ ġudizzjarju, tista’ tieħu deċiżjoni xierqa sabiex tipproduċi effetti legali fit-terminu previst f’dan il-kodiċi l-antik.”

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2022, jiġifieri mogħtija wara t-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija) annullat l-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid sa fejn kien jinkludi l-kelma “repetuti”, għar-raġuni, essenzjalment, li dan it-terminu kellu l-effett li jirrendi retroattivament applikabbli għal proċeduri mtennija pendenti, l-estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 203(7)(c) ta’ dan il-kodiċi l-ġdid.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Napfény-Toll naqqset mill-ammont tal-VAT li hija kellha tħallas l-ammont tal-VAT dovut fir-rigward ta’ diversi xiri ta’ oġġetti mwettqa matul ix-xahar ta’ Ġunju 2010 kif ukoll bejn ix-xahar ta’ Novembru 2010 u x-xahar ta’ Settembru 2011.

15      Fix-xahar ta’ Diċembru 2011, in-Nemzeti Adó – és Vámhivatal Dél-budapesti Igazgatósága (l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana – Taqsima tat-Taxxa u tad-Dwana tan-naħa ta’ isfel ta’ Budapest, l-Ungerija) bdiet, bħala awtorità fiskali tal-ewwel livell, verifika li ġiet ikkomunikata lil Napfény-Toll fit-13 ta’ Diċembru 2011.

16      Fi tmiem din il-verifika fiskali, dan id-direttorat qies li parti mill-ammont tat-taxxa li kienet tnaqqset minn Napfény-Toll għall-perijodi kkonċernati ma kellhiex tkun hekk imnaqqsa, peress li l-fatturi invokati għal dan l-għan, għal uħud minnhom, ma kienu jikkorrispondu għal ebda tranżazzjoni ekonomika reali u, għal oħrajn, kienu jipparteċipaw fi frodi fiskali li kienet taf biha Napfény-Toll. Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel grad”), l-imsemmi direttorat eżiġa li Napfény-Toll tħallas arretrati tat-taxxa f’ammont totali ta’ HUF 144 785 000 (forint Ungeriż) (madwar EUR 464 581) u imponitilha multa f’ammont ta’ HUF 108 588 000 (madwar EUR 348 433), u penalità għal dewmien ta’ HUF 46 080 000 (madwar EUR 147 860).

 L-ewwel deċiżjoni amministrattiva tat-tieni grad

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2015, innotifikata fl-14 ta’ Diċembru segwenti (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni amministrattiva tat-tieni grad”), in-Nemzeti Adó — és Vámhivatal Közép-magyarországi Regionális Adó Fġigazgatósága (l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana — Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali, l-Ungerija, iktar ’il quddiem id-“Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali”), id-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, li kellu quddiemu lment minn Napfény-Toll, annulla, bħala awtorità amministrattiva fiskali tat-tieni grad, id-deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel grad f’dak li jirrigwarda l-penali ta’ dewmien imposta fuq Napfény-Toll u ċaħad il-kumplament ta’ dan l-ilment. Napfeny-Toll ippreżentat rikors kontra l-ewwel deċiżjoni amministrattiva tat-tieni grad.

18      Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, li saret definittiva fl-istess jum, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest), adita b’rikors ippreżentat mir-rikorrenti, annullat it-tieni deċiżjoni tat-tieni livell u ordnat lill-amministrazzjoni fiskali konvenuta tibda proċedura ġdida. Bħala bażi għas-sentenza tagħha, il-Fġvárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest) indikat li kkonstatat li din l-ewwel deċiżjoni amministrattiva kienet ivvizzjata b’kontradizzjoni ta’ motivi. Fil-fatt, filwaqt li d-deċiżjoni tat-tieni livell kienet tirreferi għal stat ta’ fatti differenti minn dawk ikkonstatati fid-deċiżjoni tal-ewwel livell, din stipulat, fl-istess ħin, li l-awtorità fiskali tal-ewwel livell kienet stabbilixxiet il-fatti b’mod korrett.

 It-tieni deċiżjoni amministrattiva tat-tieni grad

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2018, innotifikata lil Napfény-Toll fis-7 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell”), id-Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali kkonferma, essenzjalment, id-deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel livell. Madankollu, hija naqqset l-ammont tal-penalità għal dewmien imposta fuq Napfény-Toll.

20      Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, li saret definittiva fl-istess jum, il-Fġvárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest), adita b’rikors ippreżentat minn Napfény-Toll, annullat it-tieni deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell u ordnat il-ftuħ ta’ proċedura ġdida, minħabba li, minn naħa, it-tieni deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell, fl-ewwel jum ta’ xogħol wara l-għoti tas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2018, kienet tirriproduċi, fil-parti l-kbira kelma b’kelma, l-ewwel deċiżjoni amministrattiva tat-tieni grad, mingħajr madankollu ma wriet sa fejn din it-tieni deċiżjoni amministrattiva kienet tbiddel il-konstatazzjoni stabbilita fid-deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel grad, peress li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn din is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2018 kienu biss formali, u, min-naħa l-oħra, it-tieni deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell dejjem kien fiha konstatazzjonijiet kontradittorji fir-rigward tar-realtà tal-operazzjonijiet ikkonċernati.

21      Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, il-Kúria (il-Qorti Suprema), adita minn appell ippreżentat mill-amministrazzjoni fiskali, ikkonfermat fil-mertu s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018 għal żewġ raġunijiet. Minn naħa waħda, sa fejn il-motivazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni livell kienet tirriproduċi dik tal-ewwel deċiżjoni tat-tieni livell, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li l-kien korrett dak li l-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest) kienet ikkonstatat li d-Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali ma kienx ikkonforma ruħu mal-linji gwida stabbiliti b’mod vinkolanti fis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2018. Ċertament, dan id-Direttorat Ġenerali kellu biss, kif huwa sostna, perijodu żgħir ta’ żmien qabel ma jiġi preskritt id-dritt li tiġi stabbilita t-taxxa u, sussegwentement, l-ammont tal-VAT li jrid jitħallas lura, iżda dan il-fatt ma kienx jeżonerah mill-obbligu li jeżegwixxi l-obbligi legali tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet, bħall-Fġvárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest), li t-tieni deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell kienet ivvizzjata b’kontradizzjoni fil-motivi.

 It-tielet deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell

22      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ April 2020 (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell”), id-Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali kkonferma d-deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel livell, filwaqt li emenda l-ammont tal-penalità ta’ dewmien imposta fuq Napfény-Toll. Sabiex jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu, dan id-Direttorat Ġenerali indika li huwa ma kienx ikkonstata l-eżistenza ta’ fatti differenti minn dawk stabbiliti fid-deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel livell, li fiha dawn il-fatti kienu ġew stabbiliti korrettament.

23      Napfény-Toll ippreżentat rikors kontra t-tielet deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell quddiem is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju, minħabba li, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-Artikolu 164(1) u (5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik, id-dritt tal-awtorità fiskali li tistabbilixxi l-ammonti ta’ VAT li għandhom jitħallsu lura jiġi preskritt wara ħames snin mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha jkunu saru d-dikjarazzjoni jew il-komunikazzjoni relatata ma’ din it-taxxa kellha ssir jew, fl-assenza ta’ tali dikjarazzjoni jew notifika, mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha kellha titħallas l-imsemmija taxxa. Issa, id-dritt tal-awtorità fiskali li tistabbilixxi l-ammonti tal-VAT li għandhom jitħallsu għall-perijodi kkonċernati ntemm qabel id-data tal-adozzjoni tat-tielet deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell. Fil-fatt, Napfény-Toll hija tal-fehma li l-adozzjoni repetuta ta’ deċiżjonijiet tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-preskrizzjoni hija intiża sabiex tipproteġi. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, fil-kawża prinċipali, jekk it-tieni ftuħ ta’ proċedura ġdida seħħ, dan kien minħabba l-fatt li d-Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali ma kienx ikkonforma ruħu mal-linji gwida li jinsabu fl-ewwel deċiżjoni ġudizzjarja. Huwa għalhekk minħabba n-nuqqas ta’ dan id-Direttorat Ġenerali li l-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali estendiet ruħha għal kważi għaxar snin mill-bidu tal-kontroll fiskali nnotifikat lil Napfeny-Toll.

24      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 164(5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik ma jipprevedix limitazzjoni tan-numru ta’ drabi li l-amministrazzjoni fiskali tkun tista’ tirrepeti proċedura fiskali jew tat-tul totali tas-sospensjoni ta’ din il-proċedura. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema), il-preskrizzjoni hija sospiża matul it-tul kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ din l-amministrazzjoni. Konsegwentement, ma hemmx limitazzjoni tat-tul ta’ żmien tas-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni f’każ ta’ stħarriġ ġudizzjarju, b’tali mod li d-dritt tal-awtorità fiskali li tistabbilixxi l-ammonti ta’ VAT li għandhom jitħallsu lura jista’ jiġi estiż b’diversi snin, jiġifieri, f’każijiet estremi, b’għexieren ta’ snin. Għal din ir-raġuni, il-qorti tar-rinviju għandha dubju f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-prattika amministrattiva relatata magħha mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività.

25      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni quddiemha u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, li jagħmlu parti mid-dritt [tal-Unjoni], għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tħalli lill-imħallef ebda marġni ta’ diskrezzjoni, bħal dik tal-Artikolu 164(5) tal-[tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik], kif ukoll il-prattika li hija bbażata fuq din il-leġiżlazzjoni, li abbażi tagħhom, fil-qasam [tal-VAT], it-terminu li permezz tiegħu jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi t-taxxa huwa sospiż għat-tul kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, ikun xi jkun in-numru ta’ proċeduri fiskali amministrattivi rrepetuti, mingħajr limitu għat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet meta jsiru diversi stħarriġ ġudizzjarju wara xulxin, inkluż fil-każ fejn il-qorti li tiddeċiedi dwar deċiżjoni tal-awtorità fiskali meħuda fil-kuntest ta’ proċedura rrepetuta wara deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti tikkonstata li l-awtorità fiskali ma kkonformatx ruħha mad-direttivi li jinsabu f’din id-deċiżjoni ġudizzjarja, fi kliem ieħor, meta l-proċedura ġudizzjarja l-ġdida tkun seħħet minħabba l-awtorità ġudizzjarja?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

26      Wara li tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Mejju 2022, kopja tad-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) tal-25 ta’ Jannar 2022 li permezz tagħha din tal-aħħar annullat l-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid, peress li din id-dispożizzjoni kienet tinkludi t-terminu “repetuti”, kif ukoll kopja tat-tieni deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali), ukoll f’dan is-sens, datata fis-26 ta’ April 2022.

27      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju tikkonferma, fid-dawl ta’ ċerti indikazzjonijiet li din tal-aħħar kienet inizjalment ipprovdiet, li, wara d-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) li tannulla l-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tinkludi l-kelma “repetuti”, il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx, fi kwalunkwe każ, preskritta.

28      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2022, il-qorti tar-rinviju indikat, essenzjalment, li din id-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) kellha sempliċement bħala effett li jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-ammont tal-VAT miġbura li għandu jitħallas lura fir-rigward tas-sena fiskali 2010. Għall-kuntrarju, f’dak li jirrigwarda s-sena fiskali 2011, jekk il-kawża tal-amministrazzjoni fiskali hijiex preskritta jew le tiddependi mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq id-domanda preliminari

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-prattika amministrattiva relatata magħhom, li bis-saħħa tagħhom, fil-qasam tal-VAT, it-terminu li fih huwa preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi din it-taxxa jiġi sospiż matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, indipendentement min-numru ta’ drabi li l-istess proċedura fiskali amministrattiva kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu, inkluż fil-każ fejn il-qorti li tiddeċiedi dwar deċiżjoni tal-awtorità fiskali kkonċernata meħuda fil-kuntest ta’ proċedura rrepetuta wara deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti tikkonstata li din l-awtorità tat-taxxa ma kkonformatx ruħha mal-linji gwida li jinsabu f’din id-deċiżjoni ġudizzjarja.

30      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-istat tad-dritt attwali tal-Unjoni, dan tal-aħħar la jistabbilixxi terminu li fih jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT, u lanqas ma jispeċifika, a fortiori, il-każijiet li fihom tali terminu għandu jiġi sospiż.

31      Ċertament, ir-Regolament Nru 2988/95, invokat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jistabbilixxi ċerti rekwiżiti fil-qasam tal-kalkolu u tas-sospensjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-irregolaritajiet imsemmija f’dan ir-regolament. Madankollu, mill-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan tal-aħħar japplika biss fil-każ ta’ preġudizzju kkawżat lill-baġit tal-Unjoni minħabba t-tnaqqis jew it-tneħħija ta’ dħul li joriġina minn riżorsi proprji “miġbura direttament għan-nom tal-(Unjoni)”. Issa, għalkemm mill-premessa 8 tad-Direttiva 2006/112 u mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2007/436 jirriżulta li, jikkostitwixxi riżorsi proprji tal-Unjoni, id-dħul provenjenti mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażi armonizzata tal-VAT, b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, teżisti rabta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni applikabbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi mill-VAT korrispondenti (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 26), xorta jibqa’ l-fatt li l-VAT ma tistax titqies li hija pperċepita direttament għan-nom tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95.

32      Fil-fatt, minn naħa, din it-taxxa tinġabar mill-persuni taxxabbli u, sussegwentement, titħallas biss minn dawn tal-aħħar lill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 197), ir-riżorsi proprji tal-Unjoni bbażati fuq il-VAT ma jikkonsistux biss f’perċentwali tad-dħul mill-imsemmija taxxa effettivament miġbura, iżda jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi tal-VAT tal-Istati Membri, hija stess ikkalkolata konformement mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament u suġġetta għal diversi aġġustamenti previsti mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

33      F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-applikabbiltà tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fis-26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57) għall-każijiet ta’ frodi li jikkonċernaw d-dħul li joriġina mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni. Madankollu, l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni ma jinkludix preċiżament, kuntrarjament għall-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, il-kundizzjoni dwar il-ġbir dirett tad-dħul ikkonċernat f’isem l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C-105/14, EU:C:2015:555, punt 41).

34      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu u japplikaw regoli ta’ preskrizzjoni fil-qasam tad-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li għandhom jistabbilixxu l-VAT dovuta, inklużi dawk dwar il-modalitajiet ta’ sospensjoni u/jew ta’ interruzzjoni ta’ din il-preskrizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export(C-308/19, EU:C:2021:47, punt 45).

35      Madankollu, għalkemm l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jeżerċitaw tali kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, li jeżiġi l-iffissar ta’ termini raġonevoli li jipproteġu kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata. (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert, C-89/10 u C-96/10, EU:C:2011:555, punt 36).

36      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, applikabbli għat-talbiet għar-rimbors tal-VAT miġbura żejda u li jibda jiddekorri mill-aħħar tas-sena kalendarja li matulha t-terminu ta’ ħlas tat-taxxa jkun skada, kien konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Caterpillar Financial Services, C-500/16, EU:C:2017:996, punt 43).

37      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT dovuta li, bħal fil-kawża prinċipali, jibda jiddekorri matul ħames snin mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha kellha ssir id-dikjarazzjoni jew in-notifika relatata ma’ din it-taxxa, jew, fl-assenza ta’ tali dikjarazzjoni jew ta’ tali notifika, mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha kellha titħallas it-taxxa, għandu, b’analoġija, jitqies li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni.

38      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li tali terminu ta’ preskrizzjoni jkun jista’ jiġi sospiż matul it-tul kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju.

39      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li, għal dan l-għan, għandu jiġi osservat mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-kompetenzi msemmija fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C-427/14, EU:C:2015:803, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2021, BTA Baltic Insurance Company, C-230/20, mhux ippubblikata, EU:C:2021:410, punt 45).

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi u jeżiġi, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-amministrazzjoni fiskali jew doganali ma tkunx tista’ tiġi kkontestata b’mod indefinit (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C-427/14, EU:C:2015:803, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jimplika, sabiex din il-persuna taxxabbli tkun tista’ tinvoka b’mod utli l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju, li din il-persuna tkun tista’ tinvoka sitwazzjoni legali partikolari.

41      Issa, peress li qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst għal dan l-għan, l-amministrazzjoni fiskali nnotifikat lill-persuna taxxabbli kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li teżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni fiskali ta’ din tal-aħħar u, għalhekk, impliċitament, li tirtira d-deċiżjoni tagħha li taċċetta d-dikjarazzjoni tagħha, din il-persuna taxxabbli ma tistax iktar tinvoka s-sitwazzjoni li nħolqot abbażi ta’ din id-dikjarazzjoni, b’tali mod li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistax, f’tali ipoteżi u fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi oħra, jinkiser (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei, C-144/14, EU:C:2015:452, punt 40).

42      Barra minn hekk, peress li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma humiex assoluti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn jiġu bbilanċjati mar-rekwiżiti l-oħra inerenti għas-sħubija tagħhom fl-Unjoni, b’mod partikolari dawk imfakkra fl-Artikolu 4(3) TUE, li jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn trattati jew minn atti adottati mill-istituzzjonijiet b’applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, ir-regoli nazzjonali li jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT dovuta għandhom jitfasslu b’mod li jintlaħaq bilanċ bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti inerenti għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju u, min-naħa l-oħra, dawk li jippermettu l-implimentazzjoni effettiva u effikaċi tad-Direttiva 2006/112, peress li dan il-bilanċ għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tas-sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C-308/19, EU:C:2021:47, punti 49 u 50).

43      Issa, għalkemm leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika amministrattiva, bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju, li l-prevedibbiltà tal-applikazzjoni tagħha fir-rigward ta’ persuni li jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri amministrattivi ma hijiex ikkontestata fil-kawża prinċipali, jistgħu jwasslu għal estensjoni tat-tul ta’ tali terminu ta’ preskrizzjoni, dawn madankollu ma humiex ta’ natura, bħala prinċipju, li jirrendu s-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli kkonċernati li tista’ tiġi kkontestata b’mod indefinit. Min-naħa l-oħra, tali sospensjoni tippermetti li jiġi evitat li l-implimentazzjoni effettiva u effikaċi tad-Direttiva 2006/112 ma tkunx tista’ tiġi pperikolata mill-preżentata ta’ rikorsi dilatorji u, konsegwentement, li din tkun kompromessa minħabba riskju sistemiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu ksur ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C-308/19, EU:C:2021:47, punti 53 u 56).

44      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika amministrattiva li tipprevedi li t-terminu li fih jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT jiġi sospiż matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, u dan indipendentement min-numru ta’ drabi li l-proċedura fiskali amministrattiva kkonċernata kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu.

45      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, invokat ukoll mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, għandu jitfakkar li dan jirregola, mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li l-osservanza tiegħu ma ġietx ikkontestata mill-imsemmija qorti, l-awtonomija proċedurali li jgawdu minnha l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-drittijiet li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jagħti lill-individwi, meta d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix leġiżlazzjoni speċifika f’dan ir-rigward.

46      Issa, ir-regoli tad-dritt nazzjonali dwar it-termini li fihom jiġu imposti d-drittijiet u l-obbligi previsti mid-Direttiva 2006/112, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni ta’ dawn it-termini, jikkostitwixxu modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u għalhekk huma, f’dan ir-rigward, suġġetti għall-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Diċembru 2017, Caterpillar Financial Services, C-500/16, EU:C:2017:996, punt 37; tas-26 ta’ April 2018, Zabrus Siret C-81/17, EU:C:2018:283, punt 38; tal-14 ta’ Frar 2019, Nestrade, C-562/17, EU:C:2019:115, punt 35, u tat-23 ta’ April 2020, Sole-Mizo et Dalmandi Mezőgazdasági, C-13/18 u C-126/18, EU:C:2020:292, punt 53), fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ.

47      Skont il-prinċipju ta’ effettività, ir-regoli proċedurali ma għandhomx ikunu tali li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, EU:C:2012:478, punt 28, u tat-28 ta’ Ġunju 2022, IlKummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur), C-278/20, EU:C:2022:503, punt 33).

48      Madankollu, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika amministrattiva nazzjonali tipprevedi li t-terminu li fih jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT huwa sospiż matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, ikun xi jkun in-numru ta’ drabi li l-proċedura fiskali amministrattiva kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu, ma huwiex ta’ natura li jirrendi prattikament impossibbli jew, tal-inqas, eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

49      Fil-fatt, is-sospensjoni tat-terminu li fih jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi din it-taxxa matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju bl-ebda mod ma tipprekludi lil din il-persuna taxxabbli milli tinvoka d-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2006/112, iżda hija intiża, għall-kuntrarju, sabiex tippermetti lill-imsemmija persuna taxxabbli tinvoka b’mod utli d-drittijiet li hija għandha taħt id-dritt tal-Unjoni, filwaqt li tippreżerva dawk tal-amministrazzjoni fiskali.

50      Barra minn hekk, f’dan il-każ, mid-deskrizzjoni tal-fatti li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħet tippreżenta rikorsi kontra d-deċiżjonijiet meħuda suċċessivament mill-amministrazzjoni fiskali u, f’dawn l-okkażjonijiet imġedda, tinvoka d-drittijiet li hija tislet mid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, minkejja l-eżistenza tal-leġiżlazzjoni u tal-prattika amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din ir-rikorrenti setgħet tinvoka, abbażi tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-obbligu, għall-Istati Membri, li jipprevedu terminu raġonevoli ta’ preskrizzjoni li fih din l-amministrazzjoni tista’ tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami tas-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli. Għalhekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, u dan ġie kkonfermat, barra minn hekk, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kemm mill-Gvern Ungeriż kif ukoll mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li d-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT dovuta fuq it-tranżazzjonijiet li seħħew fix-xahar ta’ Ġunju 2010 spiċċa, mingħajr ma din ħarġet avviż ta’ reviżjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112.

51      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ effettività lanqas ma jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika amministrattiva li tipprevedi li t-terminu li fih huwa preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT huwa sospiż matul it-tul kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, u dan irrispettivament min-numru ta’ drabi li l-proċedura fiskali amministrattiva kkonċernata kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu.

52      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 sa 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-fatt li la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludu tali leġiżlazzjoni u tali prattika amministrattiva ma jeskludix li, jekk ikun il-każ, id-dritt tal-Unjoni jimponi li jinsiltu ċerti konsegwenzi mir-repetizzjoni ta’ numru eċċessiv ta’ proċeduri fiskali qabel ma tasal għal deċiżjoni konformi mad-Direttiva 2006/112 jew tan-natura eċċessiva tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet tat-terminu li fih huwa previst dan id-dritt tal-awtorità fiskali.

53      Fil-fatt, meta amministrazzjoni nazzjonali timplimenta d-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ persuna, din tal-aħħar tgawdi, skont id-dritt għal amministrazzjoni tajba li jirrifletti prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, mid-dritt li s-sitwazzjoni tagħha tiġi ttrattata f’terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Agrobet CZ, C-446/18, EU:C:2020:369, punt 43), u sussegwentement, fil-każ ta’ rimedju ġudizzjarju, tad-dritt li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-kawża tagħha tiġi deċiża wkoll f’terminu raġonevoli.

54      Konsegwentement, ladarba tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami tas-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli fid-dawl tar-regoli tas-sistema komuni tal-VAT, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jeżiġu li t-tul ta’ tali eżami mill-ġdid u, jekk ikun il-każ, stħarriġ ġudizzjarju sussegwenti, ma jkunux irraġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża.

55      Issa, għalkemm kull tentattiv li ma rnexxiex tal-amministrazzjoni fiskali li tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni ġudizzjarja li tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, sussegwentement, l-estensjoni tat-tul tal-proċedura amministrattiva li rriżultat minnha ma jistax jikkaratterizza ksur tad-dritt tal-Unjoni, dan jista’ jkun il-każ, min-naħa l-oħra, meta din il-proċedura amministrattiva kellha tiġi rrepetuta minħabba l-ksur manifest, minn din l-amministrazzjoni, ta’ motiv deċiżiv ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tirrigwarda l-imsemmija proċedura amministrattiva, sakemm dan il-motiv ikun ġie ddikjarat b’mod ċar u espliċitu f’din id-deċiżjoni ġudizzjarja.

56      Madankollu, għandu jitfakkar li t-tul eċċessiv ta’ proċedura, kemm jekk ikun amministrattiv jew ġudizzjarju, jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiemha biss fil-każ fejn dan it-tul kellu effett fuq il-kapaċità tal-persuna kkonċernata li tiddefendi ruħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-40/12 P, EU:C:2013:768, punt 81, u tat-8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs IlKummissjoni, C-414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 84).

57      Sa fejn, matul it-terminu ta’ preskrizzjoni, il-persuni taxxabbli għandhom jistennew li s-sitwazzjoni legali tagħhom li tkun irriżultat abbażi tad-dikjarazzjoni tagħhom tista’ tiġi kkontestata, u sussegwentement, meta l-amministrazzjoni fiskali tinformahom bil-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ eżami ta’ din is-sitwazzjoni, li huma jistgħu jkollhom jiġġustifikaw l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni fiskali tagħhom u, fl-aħħar nett, meta jippreżentaw rikors kontra l-avviż ta’ reviżjoni maħruġ fi tmiem din il-proċedura, li għandhom jistabbilixxu l-fondatezza tal-allegazzjoni tagħhom permezz ta’ produzzjoni ta’ provi, huma għandhom jiżguraw li jżommu d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti kollha relatati mad-dikjarazzjoni tagħhom sakemm id-deċiżjonijiet ta’ tassazzjoni jsiru definittivi. Minħabba r-rwol predominanti tad-dikjarazzjoni u l-provi dokumentali fis-sistema komuni tal-VAT sabiex tiġi stabbilita l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-persuni taxxabbli, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jista’ jiġi stabbilit li t-tul eċċessiv ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja jista’ jaffettwa l-kapaċità tal-persuna kkonċernata li tiddefendi ruħha.

58      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-evalwazzjoni tal-validità tat-tielet deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell mill-qorti tar-rinviju tiddependi esklużivament fuq provi mhux koperti mill-obbligu mfakkar fil-punt preċedenti u li, minħabba r-repetizzjoni tal-proċeduri fiskali jew tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet tat-terminu ta’ preskrizzjoni, minn dak iż-żmien ma baqgħux jeżistu.

59      Madankollu, hija din il-qorti li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi tal-każ, dawn id-diversi repetizzjonijiet tal-proċedura amministrattiva u sospensjonijiet tat-terminu ta’ preskrizzjoni jistgħux jikkaratterizzaw nuqqas, mill-amministrazzjoni fiskali jew mill-qrati nazzjonali, tal-obbligi tagħhom, rispettivament, ta’ amministrazzjoni tajba u li tiddeċiedi f’terminu raġonevoli li kellu, barra minn hekk, effett fuq il-kapaċità tal-persuna kkonċernata li tiddefendi ruħha.

60      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-prattika amministrattiva relatata magħhom, li skonthom, fil-qasam tal-VAT, it-terminu li fih huwa preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi din it-taxxa huwa sospiż matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, indipendentement min-numru ta’ drabi li fih il-proċedura fiskali amministrattiva kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu, inkluż fil-każ fejn il-qorti li tiddeċiedi dwar deċiżjoni tal-awtorità fiskali kkonċernata meħuda fil-kuntest ta’ proċedura rrepetuta, wara deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti, tikkonstata li din l-awtorità fiskali ma kkonformatx ruħha mal-linji gwida li jinsabu f’din id-deċiżjoni ġudizzjarja.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-prattika amministrattiva relatata magħhom, li skonthom, fil-qasam tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), it-terminu li fih huwa preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi din it-taxxa huwa sospiż matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, indipendentement min-numru ta’ drabi li fih il-proċedura fiskali amministrattiva kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu, inkluż fil-każ fejn il-qorti li tiddeċiedi dwar deċiżjoni tal-awtorità fiskali kkonċernata meħuda fil-kuntest ta’ proċedura rrepetuta, wara deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti, tikkonstata li din l-awtorità fiskali ma kkonformatx ruħha mal-linji gwida li jinsabu f’din id-deċiżjoni ġudizzjarja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.