Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
30 ta’ Marzu 2023 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) – Provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Artikolu 9(1) – Kunċetti ta’ ‘persuna taxxabbli’ u ta’ ‘attività ekonomika’ – Komun li jorganizza it-tneħħija tal-asbestos mingħajr ħlas għall-benefiċċju tar-residenti tiegħu, proprjetarji ta’ proprjetà immobbli, li wrew ix-xewqa li jsir dan – Rimbors lill-komun permezz ta’ sussidju tal-provinċja kompetenti ta’ 40 % sa 100 % tal-ispejjeż – Artikolu 13(1) – Nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa tal-komuni għall-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet imwettqa minnhom bħala awtoritajiet pubbliċi”
Fil-Kawża C-616/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Ottubru 2021, fil-kawża
Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej
vs
Gmina L.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għad-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, minn B. Kołodziej, D. Pach u T. Wojciechowski,
– għall-Gmina L., minn R. Majerowska, radca prawny,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn Ł. Habiak u V. Uher, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Novembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Gmina L. (Komun ta’ L.), li jinsab fil-Polonja, u d-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (id-Direttur għall-Informazzjoni Nazzjonali tat-Teżor, il-Polonja) dwar deċiżjoni fiskali indirizzata lil dan il-komun dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-operazzjonijiet ta’ tneħħija tal-asbestos li hija wettqet u li fuq dawn l-operazzjonijiet ġie impost id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:
“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
[...]
(ċ) il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[...]”
4 L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”
5 Skont l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva:
“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.
Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.
F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti.”
6 L-Artikolu 28 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.”
Id-dritt Pollakk
7 L-ustawa o samorządzie gminnym (il-Liġi dwar il-Komuni) tat-8 ta’ Marzu 1990 (Dz. U tal-1990, Nru 16, intestatura 95), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali, tinkludi l-Artikolu 7, li l-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:
“Is-sodisfazzjon tal-bżonnijiet kollettivi tal-komunità jaqa’ taħt il-kompiti speċifiċi tal-komuni. B’mod partikolari, jaqgħu taħt il-kompiti speċifiċi tagħhom:
(1) l-ippjanar urban, il-ġestjoni tal-proprjetà immobbli, il-protezzjoni tal-ambjent u tan-natura, kif ukoll il-ġestjoni tal-ilma;
[...]
(5) il-protezzjoni tas-saħħa [...]”
8 L-ustawa Prawo ochrony środowiska (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent), tas-27 ta’ April 2001 (Dz. U tal-2001, Nru 62, intestatura 627), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali, tipprevedi, fl-Artikolu 400(2) tagħha:
“Il-fondi tal-provinċja għall-protezzjoni tal-ambjent u l-ġestjoni tal-ilma, iktar ’il quddiem il-“fondi tal-provinċja”, huma persuni ġuridiċi li jaġixxu fuq livell lokali [...]”
9 L-Artikolu 400b(2) u (2a) ta’ din il-liġi jipprovdi:
“2. Il-fondi tal-provinċja għandhom l-għan li jiffinanzjaw il-protezzjoni tal-ambjent u l-ġestjoni tal-ilma fil-qafas iddefinit fil-punti 2, 2a, 5 sa 9a, 11 sa 22 u 24 sa 42 tal-Artikolu 400a(1).
2a. Il-Fond Nazzjonali u l-fondi tal-provinċja għandhom ukoll l-għan li joħolqu l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-ġestjoni tal-ilma, b’mod partikolari billi jappoġġjaw u jinkoraġġixxu attivitajiet intiżi għal tali implimentazzjoni, kif ukoll billi jikkollaboraw ma’ korpi oħra, inkluż l-awtoritajiet territorjali, l-impriżi u l-entitajiet stabbiliti lil hinn mir-Repubblika tal-Polonja.”
10 L-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal-2004, Nru 54, intestatura 535), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali, hija intiża li tittrasponi fid-dritt Pollakk id-Direttiva 2006/112.
11 L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi jipprovdi:
“Huma suġġetti għat-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi [...]:
(1) il-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi, imwettqa bi ħlas fit-territorju nazzjonali;
[...]”
12 L-Artikolu 15 tal-imsemmija liġi jipprevedi dan li ġej:
“1. Il-persuni ġuridiċi, l-organi li ma għandhomx personalità ġuridika u l-persuni fiżiċi li jwettqu, fuq bażi indipendenti, waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2, ikunu xi jkunu l-għanijiet jew ir-riżultati ta’ din l-attività, huma meqjusa persuni taxxabbli.
2. Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew fornituri ta’ servizzi, inkluż attivitajiet fil-minjieri, fl-agrikoltura u dawk tal-professjonijiet liberi, hija meqjusa attività ekonomika. L-użu ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli bil-għan li jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu b’mod partikolari jitqies attività ekonomika.
[...]
6. Il-korpi ta’ awtoritajiet pubbliċi u l-uffiċċji ta’ dawn il-korpi ma humiex meqjusa persuni taxxabbli f’dak li jirrigwarda l-kompiti stabbiliti permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi u li għat-twettiq tagħhom huma jkunu nħatru, minbarra t-tranżazzjonijiet imwettqa abbażi ta’ kuntratti rregolati mid-dritt privat.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 Fil-kuntest tal-programm għat-tneħħija tal-asbestos fil-Polonja, li tfassal skont riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal-Polonja tal-14 ta’ Lulju 2009, dwar l-istabbiliment ta’ programm multiannwali intitolat “Programm għat-tneħħija tal-asbestos mill-pajjiż għas-snin 2009-2032”, il-Kunsill Muniċipali tal-Komun ta’ L. inkariga lis-sindku ta’ dan il-komun, permezz tar-Riżoluzzjoni 227/VI/2019 tas-26 ta’ April 2019, intitolata “Aġġornament tal-programm għat-tneħħija tal-asbestos mill-Belt ta’ L. għall-perijodu 2018 sa 2032”, bil-kompitu li jimplimenta miżuri għal dan il-għan.
14 Skont l-anness ta’ din ir-riżoluzzjoni tal-aħħar, dawn il-miżuri jikkonsistu fit-tneħħija tal-prodotti u tal-iskart li fihom l-asbestos minn immobbli residenzjali u kummerċjali, minbarra proprjetà immobbli li fiha hija eżerċitata attività ekonomika. Huwa previst ukoll, fl-imsemmi anness, li r-residenti kkonċernati ma għandhom ibatu l-ebda spiża fit-tneħħija tal-asbestos, peress li l-Komun ta’ L., bl-għajnuna tal-Wojewódzki Fundusz Ochrony Środowiska i Gospodarki Wodnej (il-Fond tal-Provinċja għall-Protezzjoni tal-Ambjent u għall-Ġestjoni tal-Ilma, iktar ’il quddiem il-“Fond għall-Protezzjoni tal-Ambjent”), huwa responsabbli għall-finanzjament.
15 Permezz tad-Digriet 62/9/2019 tat-23 ta’ Settembru 2019, dwar l-istabbiliment ta’ modalitajiet speċifiċi għall-implimentazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni u dwar it-twaqqif ta’ kummissjoni responsabbli għall-eżami tat-talbiet għat-tneħħija ta’ prodotti u ta’ skart li fihom l-asbestos, is-sindku tal-Komun ta’ L. fisser l-aspetti prattiċi tal-operazzjonijiet tat-tneħħija tal-asbestos. Minn naħa, dan il-komun kellu l-ħsieb li jagħmel sejħa għal offerti sabiex iwettaq dawn ix-xogħlijiet u l-offerent li jintgħażel ikollu joħroġ fatturi li jinkludu l-VAT. Min-naħa l-oħra, abbażi ta’ dawn il-fatturi li jitħallsu minnu, l-imsemmi komun kien biħsiebu mbagħad li jikseb minn dan il-fond sussidji ta’ ammont li jkopri bejn 40 % u 100 % tal-ispejjeż sostnuti fid-dawl tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li jistabbilixxi l-imsemmi fond.
16 F’dan il-kuntest, fis-7 ta’ Jannar 2020, il-Komun ta’ L., li għandu numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT, ressaq talba lid-Direttur tal-Informazzjoni Nazzjonali tat-Teżor għal deċiżjoni fiskali, sabiex jiddetermina jekk huwiex suġġett għall-VAT fil-kuntest ta’ dawn l-operazzjonijiet, peress li l-imsemmi komun iqis li dan ma huwiex il-każ, billi, fil-fehma tiegħu, tali operazzjonijiet twettqu fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika.
17 Fid-deċiżjoni fiskali tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2020, id-Direttur tal-Informazzjoni Nazzjonali tat-Teżor qies li l-Komun ta’ L. jaġixxi bħala persuna suġġetta għall-VAT u li, konsegwentement, huwa kellu jkun awtorizzat inaqqas il-VAT tal-input imħallsa.
18 Dan il-komun ikkontesta din id-deċiżjoni fiskali quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Lublinie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Lublin, il-Polonja) u kiseb l-annullament tagħha. Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Lulju 2020, din il-qorti qieset, essenzjalment, li l-imsemmi komun jaġixxi bħala awtorità pubblika fil-kuntest ta’ kompitu stabbilit permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi u li għat-twettiq tagħhom huwa kien inħatar, u mhux bħala persuna suġġetta għall-VAT.
19 Id-Direttur tal-Informazzjoni Nazzjonali tat-Teżor appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2006/112], b’mod partikolari l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jitqies bħala persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT komun (awtorità pubblika) fil-kuntest tat-twettiq ta’ programm ta’ tneħħija tal-asbestos minn proprjetà immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan il-komun, li huma proprjetà ta’ residenti, li għal dan l-għan ma jwettqu l-ebda spiża? Jew din l-operazzjoni tikkostitwixxi attività tal-komun bħala awtorità pubblika, imwettqa sabiex jeżerċita l-kompiti tiegħu ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tar-residenti u ta’ protezzjoni tal-ambjent, li fir-rigward tagħha l-komun ma huwiex meqjus bħala persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT?”
Fuq id-domanda preliminari
21 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi suġġetta għall-VAT il-fatt li komun iwettaq, permezz ta’ impriża, operazzjonijiet ta’ tneħħija tal-asbestos u ta’ ġbir ta’ prodotti u ta’ skart li fihom l-asbestos, għall-benefiċċju tar-residenti proprjetarji tiegħu li wrew ix-xewqa li jsir dan, fejn l-għan ta’ tali attività ma jkunx li jinkiseb dħul fuq bażi kontinwa u li, min-naħa ta’ dawn ir-residenti, ma tagħti lok għal ebda ħlas, billi dawn l-operazzjonijiet huma ffinanzjati minn fondi pubbliċi.
22 Qabelxejn għandu jitfakkar li hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina n-natura tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenza tat-13 ta’ Jannar 2022, Termas Sulfurosas de Alcafache, C-513/20, EU:C:2022:18, punt 36).
23 Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hija adita biha (sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
24 F’dan ir-rigward, sabiex taqa’ taħt id-Direttiva 2006/112, l-offerta li jagħmel komun lir-residenti tiegħu għat-tneħħija tal-asbestos minn ċerta proprjetà immobbli għandha, minn naħa, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi li dan il-komun iwettaq bi ħlas favur dawn tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, tkun saret fil-kuntest ta’ attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, b’mod li l-imsemmi komun ikun aġixxa wkoll bħala persuna taxxabbli.
Fuq l-eżistenza ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas
25 Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex provvista ta’ servizzi ssir “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, għandha teżisti rabta diretta bejn din il-provvista ta’ servizzi, minn naħa, u korrispettiv li l-persuna taxxabbli tkun tassew irċeviet, min-naħa l-oħra. Rabta diretta bħal din hija stabbilita fejn teżisti relazzjoni ġuridika bejn l-awtur tal-imsemmija provvista ta’ servizzi, minn naħa, u l-benefiċjarju tagħhom, min-naħa l-oħra, li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-awtur minn dawn it-tranżazzjonijiet jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut lil dan il-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
26 F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Komun ta’ L. biħsiebu jinkariga impriża sabiex, għall-benefiċċju tar-residenti tiegħu, li huma proprjetarji ta’ proprjetà immobbli li fiha l-asbestos, iwettaq, fuq talba tagħhom, operazzjonijiet ta’ tneħħija tal-asbestos u ta’ ġbir ta’ prodotti u ta’ skart li fihom l-asbestos. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li dawn l-operazzjonijiet jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva.
27 Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina min huwa l-awtur u min ser jirċievi din il-provvista ta’ servizzi.
28 F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li għandu jiġi konkluż kuntratt bejn il-Komun ta’ L. u l-impriża li dan tal-aħħar ikun għażel, li jirrigwarda l-operazzjonijiet imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, u li dan il-komun ser jirċievi f’dan ir-rigward, mingħand l-imsemmija impriża, fattura li huwa ser iħallas waħdu, billi r-residenti kkonċernati ma jwettqu ebda ħlas b’korrispettiv għat-tneħħija tal-asbestos u għall-ġbir tal-prodotti u tal-iskart li fihom l-asbestos.
29 Għalhekk, għandu jiġi osservat li l-benefiċċju li jikseb l-imsemmi komun b’korrispettiv għall-ħlas ma jinsabx biss, fir-rigward tar-residenti kkonċernati, fl-eliminazzjoni tal-perikolu għas-saħħa u għall-ħajja tal-bniedem li jirriżulta mill-espożizzjoni għall-asbestos, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’, fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja fit-territorju li jamministra l-Komun ta’ L.
30 Madankollu, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-amministrazzjoni fiskali Pollakka tqis li billi r-residenti kkonċernati huma l-ewwel benefiċjarji tal-benefiċċju li jinkiseb mill-imsemmija provvista ta’ servizzi, jiġifieri t-tneħħija tal-asbestos mill-proprjetà immobbli tagħhom, dawn ir-residenti għandhom jitqiesu li taw mandat lill-Komun ta’ L., li allura aġixxa bħala aġent, fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/112.
31 Skont din id-dispożizzjoni, fejn persuna taxxabbli, li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, tieħu sehem fi provvista ta’ servizzi, hija għandha titqies li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess. Għaldaqstant, jekk dan il-komun, bħala aġent, jinkariga lill-impriża inkwistjoni sabiex telimina l-asbestos, f’isimha stess iżda għall-benefiċċju tar-residenti kkonċernati, hija titqies, għall-finijiet tal-VAT, daqslikieku hija stess kienet wettqet it-tneħħija tal-asbestos għal dawn tal-aħħar.
32 Issa, mill-provi miġjuba mill-qorti tar-rinviju u bla ħsara għall-klassifikazzjoni tal-fatti ta’ din tal-aħħar, ma jirriżultax li l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/112 japplika fil-kawża prinċipali, peress li, skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni teħtieġ mandat li permezz tiegħu l-aġent jintervjeni, għall-benefiċċju tal-prinċipal, fil-provvista ta’ servizzi, li jimplika l-konklużjoni, bejn l-aġent u l-prinċipal, ta’ ftehim li l-għan tiegħu huwa proprju li jingħata l-mandat ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2020, ITH Comercial Timişoara, C-734/19, EU:C:2020:919, punti 51 u 52).
33 Għalhekk, kemm-il darba jaċċettaw li jipparteċipaw fl-approċċ komunali għat-tneħħija tal-asbestos mill-proprjetà immobbli tagħhom, il-proprjetarji kkonċernati għandhom sempliċement iressqu talba quddiem il-Komun ta’ L., li jivverifika jekk din il-proprjetà hijiex eliġibbli għat-tneħħija tal-asbestos. Konsegwentement, huma ma jinkarigawx lil dan il-komun li jneħħi l-asbestos għall-benefiċċju tagħhom, iżda jittamaw li jkunu benefiċjarji tal-programm tat-tneħħija tal-asbestos. Għalhekk, huwa l-imsemmi komun, u mhux il-proprjetarji kkonċernati, li jiddetermina jekk dan l-approċċ ikunx ta’ suċċess. Ħlief li jressqu talba, dawn ma għandhom l-ebda influwenza fuq it-twettiq tal-provvista ta’ servizzi.
34 Konsegwentement, għalkemm, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jingħad li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/112 ma humiex issodisfatti f’sitwazzjoni bħal dik ta’ din il-kawża u, għaldaqstant, il-Komun ta’ L. ma aġixxiex f’isem ir-residenti kkonċernati tiegħu, għad irid jiġi ddeterminat, madankollu, jekk dan jistax jitqies bħala l-awtur tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.
35 Minn naħa, għandu jitfakkar li, sabiex provvista ta’ servizzi tkun tista’ titqies li saret “bi ħlas”, fis-sens tad-Direttiva 2006/112, ma huwiex meħtieġ li l-korrispettiv għal din il-provvista ta’ servizzi jinkiseb b’mod dirett minn min jirċievi din tal-aħħar, billi dan il-korrispettiv jista’ jinkiseb ukoll minn terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
36 Min-naħa l-oħra, il-fatt li provvista ta’ servizzi titwettaq bi prezz ogħla jew inqas mill-prezz tal-kost, u, għaldaqstant, bi prezz ogħla jew inqas mill-prezz normali tas-suq, huwa irrilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bi ħlas, peress li ċirkustanza bħal din ma hijiex ta’ natura li taffettwa r-rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa jew li għandha titwettaq u l-korrispettiv irċevut jew li għandu jiġi rċevut li l-ammont tiegħu huwa ddeterminat minn qabel u skont kriterji stabbiliti sew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
37 Konsegwentement, ma huwiex ostakolu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25, 35 u 36 ta’ din is-sentenza, il-fatt li, inizjalment, l-Komun ta’ L. ibati huwa stess l-ispiża kollha tal-provvista ta’ servizzi mwettqa, bil-prezz tas-suq, mill-impriża magħżula u li, jekk ikun il-każ, sussegwentement, terz, jiġifieri l-provinċja kkonċernata, jirrimborsa, permezz tal-Fond għall-Protezzjoni tal-Ambjent, lil dan il-komun permezz ta’ sussidju li jkopri bejn 40 % u 100 % ta’ din l-ispiża.
38 Sa fejn ir-rimbors tal-imsemmi komun minn dan il-fond huwa suġġett għat-twettiq tal-operazzjoni tat-tneħħija tal-asbestos, li, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti tar-rinviju, ma kinitx prevista mill-istess komun mingħajr l-għajnuna tal-imsemmi fond, hemm lok li jitqies li, minkejja l-assenza ta’ kuntratt bejn l-istess fond u r-residenti kkonċernati tal-Komun ta’ L., teżisti rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, billi l-provvista ta’ servizzi u l-korrispettiv tagħha huma marbuta flimkien, sa fejn kull waħda minnhom titwettaq biss bil-kundizzjoni li l-oħra titwettaq ukoll, u dan b’mod reċiproku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, San Domenico Vetraria, C-94/19, EU:C:2020:193, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Għalhekk, għandu jitqies li f’dan il-każ jikkoeżistu żewġ provvisti ta’ servizzi, jiġifieri, minn naħa, dik imwettqa mill-impriża li jagħżilha u jħallasha l-Komun ta’ L. u, min-naħa l-oħra, dik li, l-ewwel, l-awtur tagħha huwa dan il-komun, it-tieni, il-benefiċjarji huma r-residenti kkonċernati ta’ dan tal-aħħar u li, it-tielet, għandha bħala korrispettiv is-sussidju mħallas lill-imsemmi komun mill-Fond għall-Protezzjoni tal-Ambjent.
40 Ma hemmx dubju li l-ewwel waħda minn dawn il-provvisti ta’ servizzi tikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ provvista mwettqa bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112. Jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 35 sa 38 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju, fi tmiem l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, tasal għall-istess konklużjoni dwar it-tieni waħda mill-imsemmija servizzi, jiġifieri dik li l-Komun ta’ L. huwa l-awtur tagħha, hija jkollha tiddetermina jekk din il-provvista ta’ servizzi titwettaqx fil-kuntest ta’ attività ekonomika, peress li, skont il-ġurisprudenza, attività tista’ biss tiġi kklassifikata bħala “attività ekonomika”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jekk din tikkorrispondi għal waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva (sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
Fuq it-twettiq ta’ provvista ta’ servizzi fil-kuntest ta’ attività ekonomika
41 Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-analiżi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, filwaqt li turi b’mod ċar il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “attività ekonomika”, tippreċiża wkoll in-natura oġġettiva tiegħu, fis-sens li l-attività hija meqjusa minnha nnifisha, indipendentement mill-għanijiet tagħha jew mir-riżultati tagħha (sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C-420/19, EU:C:2019:132, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Għalhekk, attività hija, b’mod ġenerali, ikklassifikata bħala “ekonomika” meta tkun ta’ natura permanenti u titwettaq b’remunerazzjoni li jirċievi l-awtur tat-tranżazzjoni (sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
43 Fid-dawl tad-diffikultà li titfassal definizzjoni preċiża tal-attività ekonomika, għandhom jiġu analizzati ċ-ċirkustanzi kollha li fihom din titwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C-520/14, EU:C:2016:334, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), dan billi ssir evalwazzjoni każ b’każ, b’riferiment għal dak li huwa l-aġir tipiku ta’ imprenditur attiv fil-qasam ikkonċernat, jiġifieri, f’dan il-każ, impriża tat-tneħħija tal-asbestos.
44 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li, filwaqt li imprenditur ifittex li jikseb dħul mill-attività tiegħu fuq bażi kontinwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, AJFP Sibiu u DGRFP Brahebov, C-655/19, EU:C:2021:40, punti 27 sa 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-Komun ta’ L. ma jimpjegax persunal għat-tneħħija tal-asbestos u ma jfittixx klijenti, iżda sempliċement jimplimenta, fil-kuntest ta’ programm iddefinit fil-livell nazzjonali, operazzjonijiet ta’ tneħħija tal-asbestos, li jitwettqu wara li l-proprjetarji ta’ proprjetà immobbli li jinsabu fit-territorju komunali u li jista’ japplika għalihom dan il-programm ikunu wrew ix-xewqa tagħhom li jibbenefikaw minnu u li jkunu tqiesu eliġibbli għalih. Barra minn hekk, min-natura tagħha, operazzjoni ta’ tneħħija tal-asbestos f’komun partikolari ma hijiex waħda rikorrenti, u dan jiddistingwixxi din il-kawża minn dawk li fihom is-servizzi tal-komun kienu saru fuq bażi kontinwa.
45 It-tieni, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Komun ta’ L. ser jipproponi t-tneħħija tal-asbestos mingħajr ħlas mill-proprjetà kkonċernata, kif ukoll il-ġbir tal-prodotti u tal-iskart li fihom l-asbestos, filwaqt li huwa jkun ħallas, minn qabel, lill-impriża inkwistjoni bil-prezz tas-suq.
46 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li, fejn komun jirkupra biss proporzjon żgħir tal-ispejjeż li jsostni, waqt li l-bilanċ ikun iffinanzjat mill-fondi pubbliċi, tali differenza bejn dawn l-ispejjeż u l-ammonti rċevuti b’korrispettiv għal servizzi offruti hija ta’ natura li teskludi l-eżistenza ta’ remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C-520/14, EU:C:2016:334, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika iktar u iktar fejn, bħal f’dan il-każ, il-korrispettiv li jħallsu l-benefiċjarji tal-provvista ta’ servizzi ma jeżistix.
47 Konsegwentement, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sussidji mogħtija lill-Komun ta’ L. mill-Fond għall-Protezzjoni tal-Ambjent, li jirrigwardaw 40 % sa 100 % tal-ispejjeż sostnuti, in-natura ta’ tali provvista ta’ servizzi ma tikkorrispondix mal-approċċ li kienet tadotta, fejn meħtieġ, impriża għat-tneħħija tal-asbestos, li għamlet sforz, permezz tal-iffissar tal-prezzijiet tagħha, sabiex tassorbi l-ispejjeż tagħha u tagħmel marġni ta’ profitt. Barra minn hekk, l-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni, mill-imsemmi komun, tal-kampanja għat-tneħħija tal-asbestos għall-benefiċċju tar-residenti tiegħu, ma humiex irrimborsati, billi huma biss it-tranżazzjonijiet iddelegati lill-impriża magħżula li jiġu rrimborsati. Barra minn hekk, l-istess komun jassumi biss riskji ta’ telf, mingħajr prospett ta’ profitt.
48 It-tielet, ma jidhirx ekonomikament vijabbli, għal tali impriża tat-tneħħija tal-asbestos, li l-benefiċjarji tal-provvista ta’ servizzi ma jbatu xejn mill-ispejjeż li hija sostniet, dan waqt li tibqa’ tistenna kumpens parzjali, permezz ta’ sussidju, ta’ dawn l-ispejjeż. Mhux biss tali mekkaniżmu jqiegħed il-finanzi tagħha f’sitwazzjoni strutturalment f’defiċit, minħabba, qabelxejn, l-assenza ta’ marġni ta’ profitt, sussegwentment, l-assenza ta’ rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-kampanja ta’ tneħħija tal-asbestos u, fl-aħħar nett, il-varjazzjoni sinjifikattiva tal-perċentwali tar-rimborsi, billi dawn jistgħu jvarjaw bejn 40 % u 100 % tas-somom li jitħallsu lill-impriża magħżula, iżda, barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu joħloqilha inċertezza mhux tas-soltu għal persuna taxxabbli, peress li l-kwistjoni dwar jekk, u sa fejn, terz jirrimborsa parti daqstant kbira mill-ispejjeż sostnuti tibqa’ effettivament miftuħa sad-deċiżjoni ta’ dan it-terz, wara l-operazzjonijiet inkwistjoni.
49 Konsegwentement, ma jidhirx, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-Komun ta’ L. iwettaq, f’dan il-każ, attività li hija ta’ natura ekonomika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112.
Fuq in-nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa li jirriżulta mit-twettiq ta’ tranżazzjonijiet minn organu rregolat mid-dritt pubbliku bħala awtorità pubblika
50 Peress li l-Komun ta’ L. ma jeżerċitax, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 41 sa 49 ta’ din is-sentenza, attività li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112, ma huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, konformement mal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, din l-attività kinitx ukoll eskluża minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni.
51 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jikkostitwixxix provvista ta’ servizzi suġġetta għall-VAT il-fatt li komun iwettaq, permezz ta’ impriża, operazzjonijiet ta’ tneħħija tal-asbestos u ta’ ġbir ta’ prodotti u ta’ skart li fihom l-asbestos, għall-benefiċċju tar-residenti proprjetarji tiegħu li wrew ix-xewqa li jsir dan, fejn tali attività ma tkunx intiża sabiex jinkiseb dħul fuq bażi kontinwa u li, min-naħa ta’ dawn ir-residenti, ma tkun tagħti lok għal ebda ħlas, billi dawn l-operazzjonijiet huma ffinanzjati minn fondi pubbliċi.
Fuq l-ispejjeż
52 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jikkostitwixxix provvista ta’ servizzi suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud il-fatt li komun iwettaq, permezz ta’ impriża, operazzjonijiet ta’ tneħħija tal-asbestos u ta’ ġbir ta’ prodotti u ta’ skart li fihom l-asbestos, għall-benefiċċju tar-residenti proprjetarji tiegħu li wrew ix-xewqa li jsir dan, fejn tali attività ma tkunx intiża sabiex jinkiseb dħul fuq bażi kontinwa u li, min-naħa ta’ dawn ir-residenti, ma tkun tagħti lok għal ebda ħlas, billi dawn l-operazzjonijiet huma ffinanzjati minn fondi pubbliċi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.