21.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 84/24 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vredegerecht te Antwerpen (il-Belġju) fil-11 ta’ Novembru 2021 – Fluvius Antwerpen vs MX
(Kawża C-677/21)
(2022/C 84/31)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Vredegerecht te Antwerpen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Fluvius Antwerpen
Konvenut: MX
Domandi preliminari
Id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 2(1)(a) u tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-teħid illegali ta’ enerġija huwa kunsinna ta’ merkanzija, jiġifieri t trasferiment tad-dritt ta’ proprjetarju li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli?
Fin-negattiv, l-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teħid illegali ta’ enerġija huwa kunsinna ta’ merkanzija, jiġifieri t-trasferiment, b’ordni ta’ jew f’isem awtorità pubblika jew skont il-liġi, tad-dritt ta’ proprjetà bi ħlas ta’ kumpens?
L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li Fluvius Antwerpen għandha d-dritt għal kumpens għall-enerġija illegalment meħuda, għandha titqies bħala persuna taxxabbli minħabba li t-teħid illegali huwa l-konsegwenza ta’ “attività ekonomika” ta’ Fluvius Antwerpen, jiġifieri l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa?
Jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teħid illegali ta’ enerġija jikkostitwixxi attività ekonomika, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li Fluvius Antwerpen hija awtorità pubblika u, fl-affermattiv, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teħid illegali ta’ enerġija huwa r-riżultat ta’ attività ta’ Fluvius Antwerpen li ma hijiex insinjifikattiva?
(1) ĠU 2006, L 347, p. 1.