Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

13 ta’ Lulju 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Organi rregolati mid-dritt pubbliku – Komun li jiġbor taxxa termali għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet termali aċċessibbli għal kulħadd”

Fil-Kawża C-344/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

Gemeinde A

vs

Finanzamt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, I. Jarukaitis u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Gemeinde A, minn G. Burret u N. Katemann, Rechtsanwältinnen,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u N. Scheffel, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u B. Martenczuk, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Gemeinde A (komun A, il-Ġermanja) u l-Finanzamt (l-Amministrazzjoni tal-Finanzi, il-Ġermanja), dwar id-dritt tal-komun A għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) imħallsa uphill ta’ dan il-komun.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[...]

(ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

4        Skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5        L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

[...]”

6        L-Artikolu 168 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

7        L-Artikolu 1 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-VAT:

1.      il-kunsinni u servizzi oħra mwettqa bi ħlas fit-territorju nazzjonali minn imprenditur fl-ambitu tal-impriża tiegħu It-taxxa ma hijiex eskluża minħabba l-fatt li l-operazzjoni hija effettwata fuq il-bażi ta’ att legali jew amministrattiv jew li hija kkunsidrata bħala effettwata skont dispożizzjoni legali;

[...]”

8        Skont l-Artikolu 2 tal-UStG:

“(1)      Kummerċjant huwa persuna li jwettaq b’mod indipendenti attività industrijali, kummerċjali, artiġjanali jew professjonali. L-impriża tinkludi kull attività industrijali, kummerċjali jew professjonali tal-kummerċjant. ‘Attività industrijali, kummerċjali jew professjonali’ tfisser kull attività permanenti u eżerċitata sabiex jinkiseb dħul, anki jekk ma hemmx l-intenzjoni li jsir profitt jew assoċjazzjoni ta’ persuni jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom biss fir-rigward tal-membri tagħhom.

[...]

(3)      Il-persuni ġuridiċi ta’ dritt pubbliku ma jeżerċitawx attività industrijali, kummerċjali jew professjonali ħlief fil-kuntest tal-impriżi ta’ natura industrijali jew kummerċjali tagħhom […] u ta’ l-azjendi agrikoli jew ta’ forestrija tagħhom. [...]”

9        L-Artikolu 12 tal-UStG jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ir-rata hija mnaqqsa għal 7 % għat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

[...]

9.      it-tranżazzjonijiet marbuta direttament mal-operat ta’ pixxini kif ukoll l-amministrazzjoni ta’ banjijiet termali. L-istess japplika għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet termali, sa fejn taxxa termali għandha titħallas bħala remunerazzjoni; [...]”

10      Skont l-Artikolu 4(1) tal-Gemeindeordnung für Baden-Württemberg (il-Kodiċi tal-Komuni ta’ Baden-Württemberg), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GemO”):

“Il-komuni jistgħu jirregolaw, permezz ta’ statut, il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-awtonomija komunali, sakemm il-liġijiet ma fihomx dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward. [...]”

11      L-Artikolu 10(2) u (3) tal-GemO huma fformulat kif ġej:

“(2)      Il-komun għandu joħloq, fil-limiti tal-kapaċità ta’ finanzjament tiegħu, il-faċilitajiet pubbliċi meħtieġa għall-benesseri ekonomiku, soċjali u kulturali tar-residenti tiegħu. Ir-residenti għandhom id-dritt, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet applikabbli, li jużaw il-faċilitajiet pubbliċi tal-komun skont l-istess prinċipji. Huma għandhom ibatu l-ispejjeż komunali.

(3)      Il-persuni li għandhom proprjetà immobbli jew li jeżerċitaw attività kummerċjali fil-komun u li ma jirrisjedux hemmhekk huma awtorizzati bl-istess mod li jużaw il-faċilitajiet pubbliċi li jeżisti fil-komun għall-persuni li għandhom proprjetà immobbli hemmhekk jew li jeżerċitaw attività kummerċjali hemmhekk u huma obbligati jikkontribwixxu għall-ispejjeż komunali għall-proprjetà immobbli tagħhom jew għall-attività kummerċjali tagħhom.”

12      L-Artikolu 2 tal-Kommunalabgabengesetz für Baden-Württemberg (il-Liġi dwar it-Taxxi Komunali tal-Baden-Württemberg), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tagħha:

“It-taxxi komunali jinġabru abbażi ta’ statut. L-istatut għandu jiddetermina b’mod partikolari ċ-ċirku tad-debituri, is-suġġett, l-iskala u r-rata tat-taxxa kif ukoll il-kriterji li jiddeterminaw it-tnissil u l-eżiġibbiltà tad-dejn relatat.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa komun li jinkludi stazzjon klimatiku approvat mill-Istat. L-istabbiliment termali tagħha huwa ġestit, skont id-dritt komunali, fil-forma ta’ negozju mmexxi mill-gvern u jikkostitwixxi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji, impriża ta’ natura kummerċjali.

14      Għal dan l-għan, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jiġbor taxxa termali, skont l-Artikolu 4 tal-GemO, ikkunsidrat flimkien mal-istatut imsemmi fl-Artikolu 2 tal-Liġi dwar it-Taxxi Komunali ta’ Bade-Wurtemberg (iktar ’il quddiem l-“istatut komunali”), sabiex tkopri l-ispejjeż tagħha, sostnuti għat-twettiq u l-manutenzjoni tal-faċilitajiet imqiegħda għad-dispożizzjoni għall-finijiet termali u ta’ rikreazzjoni kif ukoll għall-avvenimenti organizzati għal dan l-għan.

15      Huma suġġetti għat-taxxa termali, l-ewwel nett, il-persuni mhux residenti li joqogħdu fil-komun u li hija offruta lilhom l-possibbiltà li jużaw dawn il-faċilitajiet u li jipparteċipaw fl-imsemmija manifestazzjonijiet, it-tieni, ir-residenti tal-komun li għandhom iċ-ċentru tar-relazzjonijiet personali tagħhom f’komun ieħor u, it-tielet, il-persuni mhux residenti tal-komun li jirrisjedu fil-komun għal raġunijiet professjonali sabiex jipparteċipaw f’kungressi jew f’manifestazzjonijiet oħra (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“debituri tat-taxxa termali”). Min-naħa l-oħra, it-taxxa termali ma tinġabarx mingħand il-viżitaturi ta’ ġurnata, persuni mhux residenti jew residenti li jaħdmu jew li jsegwu taħriġ fil-komun.

16      It-taxxa termali hija stabbilita, għall-persuni mhux residenti, għal ċertu ammont għal kull jum ta’ soġġorn, u, għall-persuni residenti li huma suġġetti għalih, għal ammont fiss annwali dovut indipendentement mit-tul, mill-frekwenza kif ukoll mill-istaġun tar-residenza tagħhom.

17      Huwa indikat, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li kull min jospita persuni bi ħlas, jopera kampeġġ jew iqiegħed ir-residenza tiegħu għad-dispożizzjoni ta’ persuni mhux residenti tal-komun bi ħlas bħala akkomodazzjoni għall-vaganzi, huwa obbligat jiddikjara l-wasla u t-tluq ta’ dawn il-persuni fi żmien tlett ijiem wara l-wasla u t-tluq tagħhom. Barra minn hekk, l-aġenziji tal-vjaġġi huma obbligati jagħmlu dikjarazzjoni għall-finijiet tat-taxxa termali meta din it-taxxa tkun inkluża fil-korrispettiv li għandu jitħallas mill-parteċipant fil-vjaġġ.

18      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ffinanzja, permezz tad-dħul mill-ġbir ta’ din it-taxxa, matul l-2009 sal-2012 (iktar ’il quddiem is-“snin kontenzjużi”), il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u r-rinnovazzjoni b’mod partikolari tal-park termali, tas-sala termali u tal-passaġġi (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“faċilitajiet termali”). Dawn il-faċilitajiet huma liberament aċċessibbli għal kulħadd, peress li ma huwiex meħtieġ permess ta’ residenza sabiex tidħol għalihom

19      Peress li kkunsidrat, fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha għas-snin inkwistjoni, li t-taxxa termali kienet tikkostitwixxi r-remunerazzjoni ta’ attività suġġetta għall-VAT, jiġifieri l-operat ta’ stabbiliment termali, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab it-tnaqqis tal-VAT imħallsa għas-servizzi tal-input kollha li kienu ġew ipprovduti lilha u li kienu marbuta mat-turiżmu.

20      Fil-kuntest ta’ awditu fiskali mwettaq fuq il-post mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, l-awditur, b’mod partikolari, eskluda l-ammonti tal-VAT tal-input imħallsa li ma kinux marbuta mal-operat tal-istabbiliment termali u ħa inkunsiderazzjoni l-ammonti tal-VAT tal-input imħallsa li kienu jikkonċernaw is-sala termali sa fejn din ingħatat b’kera. Fl-20 ta’ Marzu 2015, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ħarġet avviżi li jemendaw il-VAT skont dawn il-konstatazzjonijiet.

21      Wara deċiżjoni amministrattiva ta’ ċaħda adottata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ lment imressaq qabel, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja).

22      Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, billi ddeċidiet, essenzjalment, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx aġixxa bħala imprenditur waqt l-attività tagħha li tat lok għall-ġbir tat-taxxa termali. Hija rrilevat li, peress li l-operat tal-faċilitajiet termali bħala korrispettiv ta’ taxxa termali ma kienx jikkostitwixxi attività eżerċitata bħala imprenditur, it-tranżazzjonijiet iddikjarati li jirriżultaw mill-ġbir ta’ din it-taxxa ma setgħux ikunu suġġetti għall-VAT u li, konsegwentement, it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa inizjalment mogħti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kellu jiġi rrifjutat. Madankollu, hija fakkret fil-projbizzjoni tal-iffissar tat-taxxa b’mod sfavorevoli (reformatio in pejus) fir-rigward tar-rikorrent.

23      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal reviżjoni minn dik is-sentenza quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

24      Fl-ewwel lok, din il-qorti tistaqsi jekk għandux jiġi konkluż jew le li jeżistu provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas f’dan il-każ, filwaqt li tippreċiża li hija ttendi għal risposta negattiva. Fil-fatt, il-faċilitajiet termali jistgħu jintużaw mingħajr ħlas ukoll minn persuni li ma humiex suġġetti għat-taxxa termali. Minn din il-perspettiva, il-benefiċjarju tas-servizz irċevut inkambju għat-taxxa termali ma huwiex identifikabbli, peress li l-persuna suġġetta għal din it-taxxa ma rċevietx, fir-rigward tal-pubbliku li jista’ wkoll juża dawn il-faċilitajiet mingħajr ħlas, ebda vantaġġ konkret li jista’ jkun is-suġġett ta’ konsum u li jmur lil hinn mill-vantaġġ irċevut minn dan il-pubbliku. Madankollu, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk għandhiex tiġi kkunsidrata, b’mod iżolat, ir-relazzjoni ġuridika bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-mistednin tal-faċilitajiet termali. Fil-fatt, skont l-istatut komunali, dawn tal-aħħar iħallsu ċertu ammont ta’ taxxa termali għal kull jum ta’ soġġorn għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-faċilitajiet termali. B’hekk, il-ħlasijiet huma ppreżentati bħala korrispettiv għall-possibbiltà li jintużaw dawn il-faċilitajiet termali. Fl-aħħar nett, l-istess qorti tirrimarka li ma huwiex eskluż li jkun hemm attività li tagħmel telf fit-tul, fid-dawl tal-fatt li t-taxxa termali ma tkoprix l-ispejjeż tal-operat tal-faċilitajiet termali.

25      Fit-tieni lok, sa fejn għandha tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda magħmula fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ “distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-VAT, l-eżami għandux jikkonċerna mhux biss it-territorju tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, iżda wkoll il-komuni ġirien, il-Land Baden-Württemberg (il-Land ta’ Baden-Württemberg (il-Ġermanja) jew it-territorju federali.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, komun li, skont statut komunali, jimponi “taxxa termali” (ta’ ammont partikolari għal kull jum ta’ soġġorn) fuq il-viżitaturi li jissoġġornaw fil-komun (viżitaturi ta’ spas), għall-provvista ta’ faċilitajiet termali (pereżempju park termali, sala termali, passaġġi), jeżerċita, bit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet termali għall-viżitaturi ta’ spas bil-korrispettiv ta’ taxxa termali, attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), minkejja li l-installazzjonijiet [faċilitajiet] termali huma, fi kwalunkwe każ, liberament aċċessibbli għal kulħadd (u għaldaqstant, ukoll pereżempju għar-residenti li ma humiex suġġetti għat-taxxa termali jew għal persuni oħra li ma humiex suġġetti għat-taxxa termali)?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq tal-kawża prinċipali, waqt l-eżami dwar jekk in-nuqqas ta’ ssuġġettar tal-komun iwassalx għal “distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-[Direttiva tal-VAT], is-suq ġeografiku rilevanti huwa limitat għat-territorju tal-komun?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Sa fejn il-qorti tar-rinviju ssemmi, fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “attività ekonomika”, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, hija meqjusa bħala “persuna taxxabbli” kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq, fi kwalunkwe post, attività ekonomika, irrispettivament mill-iskop jew mir-riżultati ta’ din l-attività. Konformement mal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1), hija meqjusa bħala “attività ekonomika” kwalunkwe attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ fornitur ta’ servizzi, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri, fl-agrikoltura u dawk tal-professjonijiet liberali jew assimilati.

28      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, attività tista’ tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, biss jekk tikkorrispondi għal waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT (sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitatai).

29      Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-faċilitajiet termali f’kundizzjonijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali jikkostitwixxix attività ekonomika fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT u, konsegwentement, jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandux il-kwalità ta’ persuna taxxabbli fis-sens tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 9(1), għandu l-ewwel jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, hija wettqitx tranżazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas imsemmija fl-Artikolu 2(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, Geemente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C-520/14, EU:C:2016:334, punt 22).

30      Sa fejn l-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha jippermettu li jitqies li fil-kawża prinċipali hija effettivament involuta provvista ta’ servizzi, għandu jiġi vverifikat jekk dawn is-servizzi jistgħux jitqiesu li huma qegħdin jiġu pprovduti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kif jirrikjedi l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, Geemente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C-520/14, EU:C:2016:334, punt 23).

31      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet termali minn komun, meta dan tal-aħħar, skont statut komunali, jiġbor taxxa termali ta’ ċertu ammont għal kull jum ta’ soġġorn mingħand viżitaturi li joqogħdu fil-komun, filwaqt li dawn il-faċilitajiet huma liberament u mingħajr ħlas aċċessibbli għal kulħadd, jikkostitwixxi “provvista ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

32      L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi li huma suġġetti għall-VAT il-provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

33      Provvista ta’ servizzi tkun imwettqa “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju teżisti relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas irċevut mill-fornitur ikun jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv ta’ servizz individwabbli pprovdut lill-benefiċjarju. Dan ikun il-każ meta tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Apcoa Parking Danmark, C-90/20, EU:C:2022:37, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Issa, ma jidhirx li teżisti relazzjoni legali li matulha jiġu skambjati servizzi reċiproċi bejn, minn naħa, komun li, skont statut komunali, jiġbor taxxa termali ta’ ċertu ammont għal kull jum ta’ soġġorn mingħand il-viżitaturi li joqogħdu fit-territorju tiegħu u, min-naħa l-oħra, dawn il-viżitaturi, li għandhom id-dritt li jużaw il-faċilitajiet termali mqiegħda għad-dispożizzjoni minn dan il-komun, li huma liberament aċċessibbli għal kulħadd, inklużi l-persuni mhux suġġetti għal din it-taxxa.

35      Fil-fatt, il-ħlas li jirċievi l-komun, jiġifieri t-taxxa termali, ma jistax jitqies li jirriżulta mill-provvista ta’ servizz, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-faċilitajiet termali, li tagħhom jikkostitwixxi l-korrispettiv dirett.

36      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li teżisti rabta diretta meta żewġ servizzi huma interdipendenti, jiġifieri li wieħed iseħħ biss bil-kundizzjoni li l-ieħor ikun ukoll, u reċiprokament (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, San Domenico Vetraria, C-94/19, EU:C:2020:193, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Issa, l-obbligu li titħallas it-taxxa termali huwa impost fuq id-debituri ta’ din it-taxxa skont l-istatut komunali li jiddetermina wkoll l-ammont tal-imsemmija taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP, C-37/16, EU:C:2017:22, punt 28).

38      Fuq kollox, l-obbligu li titħallas it-taxxa termali ma huwiex marbut mal-użu, mill-persuni suġġetti għal dan l-obbligu, tal-faċilitajiet termali mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-komun, iżda mas-soġġorn fit-territorju tal-komun, ikunu xi jkunu l-motivi li jiġġustifikawh. B’hekk, il-viżitaturi li joqogħdu fil-komun huma obbligati jħallsu l-imsemmija tariffa, inkluż meta joqogħdu hemmhekk għal raġunijiet oħra, bħalma huma ż-żjara tal-membri tal-familja tagħhom jew tal-persuni li jafu, u ma għandhomx l-intenzjoni li jużaw il-faċilitajiet termali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas, C-11/15, EU:C:2016:470, punti 25 u 26).

39      Barra minn hekk, għalkemm id-debituri tat-taxxa termali għandhom il-possibbiltà li jużaw il-faċilitajiet termali, dawn il-faċilitajiet huma madankollu liberament u mingħajr ħlas aċċessibbli għal kull persuna, inkluż lir-resident jew lill-viżitatur ta’ jum, irrispettivament minn jekk hijiex obbligata tħallas it-taxxa termali jew le. B’hekk, id-debituri tat-taxxa ma jibbenefikawx minn vantaġġi oħra ħlief dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni li jużaw dawn il-faċilitajiet termali u li ma humiex suġġetti għall-istess taxxa.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix “provvista ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet termali minn komun, meta dan tal-aħħar, skont statut komunali, jiġbor taxxa termali ta’ ċertu ammont għal kull jum ta’ soġġorn mingħand viżitaturi li joqogħdu fil-komun, filwaqt li l-obbligu li titħallas din it-taxxa ma huwiex marbut mal-użu ta’ dawn il-faċilitajiet iżda mas-soġġorn fit-territorju komunali u meta l-imsemmija faċilitajiet huma liberament u mingħajr ħlas aċċessibbli għal kulħadd.

 Fuq it-tieni domanda

41      Sa fejn il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, minn naħa, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fin-negattiv, ir-rikors għandu jiġi miċħud u, min-naħa l-oħra, it-tieni domanda preliminari ssir biss jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermttiv, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jikkostitwixxix “provvista ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet termali minn komun, meta dan tal-aħħar, skont statut komunali, jiġbor taxxa termali ta’ ċertu ammont għal kull jum ta’ soġġorn mingħand viżitaturi li joqogħdu fil-komun, filwaqt li l-obbligu li titħallas din it-taxxa ma huwiex marbut mal-użu ta’ dawn il-faċilitajiet iżda mas-soġġorn fit-territorju komunali u meta l-imsemmija faċilitajiet huma liberament u mingħajr ħlas aċċessibbli għal kulħadd.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.