Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
17 ta’ Mejju 2023 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Skema tal-marġni ta’ profitt – Artikolu 311 – Kunċett ta’ ‘oġġetti użati’ – Vetturi ma jaħdmux mibjugħa għall-partijiet”
Fil-Kawża C-365/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2022, fil-kawża
IT
vs
État belge,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IT u l-État belge (l-Istat Belġjan) dwar ir-rifjut tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana li tapplika l-iskema tal-marġni ta’ profitt fir-rigward ta’ ċertu bejgħ ta’ vetturi minn IT.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 311(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
(1) ‘oġġetti użati’ tfisser proprjetà mobbli tanġibbli li tista’ tiġi użata ulterjorment kif inhi jew wara li tissawwa, minbarra xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet u minbarra metalli prezzjużi jew ħaġar prezzjuż kif definit mill-Istati Membri;
[...]
(5) ‘negozjant taxxabbli’ kwalunkwe persuna taxxabbli li, matul l-attività ekonomika tagħha u bil-għan li terġa’ tbiegħ, tixri, jew tapplika għall-għanijiet tan-negozju tagħha, jew timporta, oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet, kemm jekk dik il-persuna taxxabbli qed taġixxi għaliha nnifisha jew f’isem persuna oħra skond kuntratt li permezz tiegħu titħallas kummissjoni fuq ix-xiri jew il-bejgħ;
[...]”
4 Skont l-Artikolu 313(1) tad-Direttiva dwar il-VAT:
“Għar-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet magħmula minn negozjanti taxxabbli, l-Istati Membri għandhom japplikaw skema speċjali għall-intaxxar tal-marġni ta’ profitt magħmul minn negozjant taxxabbli, skond id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sub-taqsima.”
5 L-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:
“L-iskema tal-marġni għandha tapplika għall-provvista minn negozjant taxxabbli ta’ merkanzija użata, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet fejn dik il-merkanzija kienet ipprovduta lilu fil-Komunità minn waħda mill-persuni li ġejjin:
(a) persuna mhux taxxabbli;
(b) persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista tal-merkanzija minn dik il-persuna l-oħra taxxabbli tkun eżentata skont l-Artikolu 136;
(ċ) persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista tal-merkanzija minn dik il-persuna taxxabbli l-oħra hi koperta mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar ipprovduta fl-Artikoli 282 sa 292 u tinvolvi assi kapitali;
(d) negozjant taxxabbli ieħor, sakemm il-VAT ġie applikat għall-provvista ta’ merkanzija minn dak in-negozjant taxxabbli l-ieħor skond din l-iskema ta’ marġni.”
6 L-Artikolu 315 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:
“L-ammont taxxabbli fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija kif msemmija fl-Artikolu 314 għandu jkun il-marġni ta’ profitt magħmul min-negozjant taxxabbli, bit-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li jirreferi għall-marġni ta’ profitt.
Il-marġni ta’ profitt tan-negozjant taxxabbli għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ mitlub min-negozjant taxxabbli għall-merkanzija u l-prezz tax-xiri.”
Id-dritt Belġjan
7 L-Artikolu 58(4) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u l-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali Nru 53 tat-23 ta’ Diċembru 1994 dwar l-iskema speċjali li tintaxxa l-marġni ta’ profitt minn oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet jittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikoli 311 u 313 tad-Direttiva dwar il-VAT.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 IT ilu sa mill-1 ta’ Ottubru 2013 irreġistrat għall-finijiet tal-VAT fir-rigward ta’ attività professjonali ta’ bejgħ ta’ vetturi użati u fi stat ta’ tkissir. Fil-kuntest ta’ din l-attività, huwa jakkwista, fost oħrajn, vetturi skrappjati, jiġifieri li ma jistgħux jissewwew, mingħand impriżi ta’ assigurazzjoni sabiex imbagħad ibigħhom mill-ġdid fi stat ta’ tkissir jew “għall-partijiet” lil terzi.
9 Fl-2015, IT kien is-suġġett ta’ kontroll li wassal għal dikjarazzjoni ta’ aġġustament minħabba ksur tar-regoli tat-tnaqqis tal-VAT u tal-iskema tal-marġni ta’ profitt. Abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 311 u 313 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-amministrazzjoni fiskali ddeċidiet li teskludi mill-iskema tal-marġni ta’ profitt il-fatturi li jsemmu l-kliem “vetturi mibjugħa għall-partijiet” jew dawk relatati ma’ vetturi fi stat ta’ tkissir.
10 IT ressaq azzjoni ġudizzjarja kontra din id-deċiżjoni li permezz tagħha sostna, b’mod partikolari, b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2017, Sjelle Autogenbrug (C-471/15, EU:C:2017:20), li l-vetturi mibjugħa “għall-partijiet” għandhom in-natura ta’ “oġġetti użati”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.
11 Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Marzu 2019, il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju) ċaħdet it-talbiet ta’ IT. Hija osservat li s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Sjelle Autogenbrug (C-471/15, EU:C:2017:20) ma kinitx tikkonċerna, bħal f’dan il-każ, vetturi mibjugħa mill-ġdid “għall-partijiet” mingħajr ma dawn tal-aħħar jiġu individwalizzati, iżda partijiet li n-negozjant taxxabbli jaqla’ huwa nnifsu minn vetturi li ma jaħdmux u li jinbiegħu mill-ġdid bħala tali minn dan in-negozjant taxxabbli. Dik il-qorti qieset, imbagħad, li kellu jiġi vverifikat jekk il-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinux żammew il-funzjonalitajiet li dawn kellhom fi stat ġdid b’mod li setgħu jintużaw mill-ġdid fl-istat li kienu jew inkella wara li jissewwew u jekk setgħux, għaldaqstant, jiġu kklassifikati bħala “oġġetti użati” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.
12 L-imsemmija qorti qieset, minn naħa, li kien ċar li dan ma kienx każ ta’ vetturi mibjugħa “għall-partijiet” minn IT, billi l-kliem “għall-partijiet” jixhdu, b’mod oġġettiv, li, bħala prinċipju, dawn il-vetturi ma setgħux iktar jiġu użati mill-ġdid bħala tali u li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi oġġettivi li fihom seħħew it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, hija qieset li, fir-rigward tal-vetturi li jkunu spiċċaw fi stat ta’ tkissir, dawn lanqas ma setgħu jiġu kklassifikati bħala “oġġetti użati” billi ma setgħux jiġu użati mill-ġdid għaliex żammew il-karatteristiċi li kellhom fi stat ġdid, u l-użu tagħhom seta’ jkun limitat biss għall-użu mill-ġdid ta’ ċerti partijiet u materjali li minnhom dawn huma magħmula.
13 Billi IT ippreżenta appell mis-sentenza tal-appell quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tistaqsi jekk l-interpretazzjoni tal-qorti tal-appell tal-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva dwar il-VAT hijiex waħda korretta.
14 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-punt 1 tal-Artikolu 311(1), tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li vetturi li ma għandhomx [għadhomx] jintużaw, akkwistati minn impriża ta’ bejgħ ta’ vetturi użati u relitti [fi stat ta’ tkissir], minn persuni msemmija fl-Artikolu 314 tad-direttiva, intiżi biex jinbiegħu “għall-partijiet li jinqalgħu” mingħajr ma l-partijiet jkunu nqalgħu minnhom, jikkostitwixxu oġġetti użati fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?”
Fuq id-domanda preliminari
15 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li vetturi li definittivament ma għadhomx jintużaw, akkwistati minn impriża mingħand persuni msemmija fl-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT u intiżi sabiex jinbiegħu “għall-partijiet”, mingħajr ma l-partijiet ikunu nqalgħu minnhom, jikkostitwixxu oġġetti użati fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.
16 B’mod preliminari, għandu jiġi ppreċiżat li kemm mill-espożizzjoni tal-fatti, kif ukoll mid-domanda magħmula, jirriżulta li l-vetturi akkwistati minn IT huma vetturi skrappjati, jiġifieri li ma jistgħux jissewwew, u li, minħabba f’hekk, definittivament ma għadhomx jintużaw. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn il-vetturi jistgħu biss jinbiegħu mill-ġdid jew fi stat ta’ tkissir jew għal xi użu ieħor tal-partijiet tagħhom (“bejgħ mill-ġdid għall-partijiet”) u mhux sabiex ikunu użati mill-ġdid kif inhuma jew sabiex jissewwew, billi jiġi ppreċiżat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna biss il-każ ta’ bejgħ mill-ġdid għall-partijiet.
17 Fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni preliminari, għandu jitfakkar li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, tikkostitwixxi “oġġett użat” il-“proprjetà mobbli tanġibbli li tista’ tiġi użata mill-ġdid kif inhi jew wara li tissawwa”.
18 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan il-kunċett jinkludi fih l-oġġetti mobbli tanġibbli li jistgħu jiġu użati mill-ġdid kif inhuma jew wara li jissewwew, li jiġu minn oġġett ieħor li fih huma inkorporati bħala parti kostitwenti u li l-klassifikazzjoni ta’ “oġġett użat” teħtieġ biss li l-oġġett użat iżomm il-funzjonalitajiet li kellu fi stat ġdid, u li jista’, minħabba f’hekk, jiġi użat mill-ġdid kif inhu jew wara li jissewwa (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Sjelle Autogenbrug, C-471/15, EU:C:2017:20, punti 31 u 32).
19 Barra minn hekk, il-Qorti rrilevat ukoll li l-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt mhux neċessarjament timplika li l-oġġett mixtri u l-oġġett mibjugħ għandhom ikunu identiċi. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li din l-iskema tapplika għall-bejgħ mill-ġdid ta’ partijiet maqlugħa mill-persuna taxxabbli nnifisha minn vettura li ma għadhiex tintuża u akkwistata minn din tal-aħħar, sa fejn vettura hija magħmula minn ġabra ta’ partijiet li jkunu ġew immontati u li jistgħu jinqalgħu u jinbiegħu mill-ġdid kif inhuma jew wara li jissewwew (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Sjelle Autogenbrug, C-471/15, EU:C:2017:20, punti 36 u 37).
20 Huwa minnu li, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, il-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-fatt li n-negozjant taxxabbli ma qalax il-partijiet mill-vettura li definittivament ma għadhiex tintuża u li huwa akkwista sabiex ibigħhom mill-ġdid huwa stess, iżda biegħ mill-ġdid il-vettura kif inhi “għall-partijiet”, jiġifieri bil-għan li l-partijiet ta’ din il-vettura jintużaw mill-ġdid bħala partijiet maqlugħa.
21 Madankollu, kif tindika, essenzjalment, il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din id-differenza ma tistax twassal sabiex jitqies li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Sjelle Autogenbrug, (C-471/15, EU:C:2017:20) ma jistax jiġi applikat f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
22 Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, irrilevat fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, li l-vetturi akkwistati minn negozjant taxxabbli bħal IT definittivament ma għadhomx jintużaw u ma jistgħux għalhekk jinbiegħu mill-ġdid sabiex jerġgħu jintużaw kif inhuma jew inkella sabiex jissewwew. Billi l-vettura fiha nnifisha, bħala oġġett mobbli tanġibbli, ma tistax, ipotetikament, tintuża mill-ġdid kif inhi jew wara li tissewwa, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-vettura tistax titqies bħala oġġett użat u b’hekk tapplika l-iskema tal-marġni ta’ profitt, għandhom jiġu kkunsidrati biss l-elementi ta’ din il-vettura li, fil-kuntest ta’ bejgħ mill-ġdid min-negozjant taxxabbli lil persuni oħra, jistgħu jerġgħu jintużaw b’dan il-mod.
23 Interpretazzjoni li vettura li definittivament ma għadhiex tintuża tista’, bħala oġġett użat, taqa’ taħt l-iskema tal-marġni ta’ profitt minħabba li ċertu partijiet kostitwenti tagħha jistgħu jerġgħu jintużaw, hija konformi mal-għan ta’ din l-iskema li tfittex, kif jirriżulta mill-premessa 51 tad-Direttiva dwar il-VAT, li tevita, fost oħrajn, it-taxxa doppja li tista’ tirriżulta miċ-ċirkustanza li, minn naħa, il-prezz ta’ bejgħ ta’ dawn il-partijiet kostitwenti diġà jieħu inkunsiderazzjoni l-VAT tal-input li tkun tħallset max-xiri tal-vettura minn persuna li taqa’ taħt l-Artikolu 314 ta’ din id-direttiva u li, min-naħa l-oħra, la din il-persuna u lanqas in-negozjant taxxabbli ma jkun f’pożizzjoni li jnaqqas dan l-ammont (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Sjelle Autogenbrug, C-471/15, EU:C:2017:20, punti 39 u 40, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
24 F’dan il-każ, sabiex jiġi vverifikat jekk il-vetturi mibjugħa mill-ġdid minn IT jistgħux jaqgħu taħt l-iskema tal-marġni ta’ profitt, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, dawn il-vetturi kien għad kellhom partijiet kostitwenti li żammew il-funzjonalitajiet li dawn tal-aħħar kellhom fi stat ġdid b’mod li setgħu jiġu użati mill-ġdid kif kienu jew wara li jissewwew.
25 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li, fil-verità, l-imsemmija vetturi ma ġewx mibjugħa sabiex sempliċement jitkissru jew jiġu ttrasformati f’oġġett ieħor. Fil-fatt, vettura li l-partijiet kostitwenti tagħha li jżommu l-funzjonalitajiet li kellhom fi stat ġdid ma jinqalgħux mix-xerrej sabiex jiġu użati mill-ġdid kif inhuma jew wara li jissewwew, ma tibqax fiċ-ċiklu ekonomiku li hija kellha u ma tistax, għalhekk, tibbenefika mill-iskema tal-marġni ta’ profitt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2018, E LATS, C-154/17, EU:C:2018:560, punt 34).
26 Fil-kuntest ta’ din il-verifika, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha li fihom tkun seħħet it-tranżazzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti li wieħed isib fid-Direttiva dwar il-VAT huma ta’ natura oġġettiva u japplikaw irrispettivament mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2018, E LATS, C-54/17, EU:C:2018:560, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Għalkemm it-teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni ta’ persuna taxxabbli parteċipi fit-tranżazzjoni hija, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, kuntrarja għall-għanjiet tas-sistema komuni ta’ VAT, il-qorti tar-rinviju tista’, mill-banda l-oħra, tieħu inkunsiderazzjoni elementi oġġettivi bħad-dehra u l-istat tal-vetturi, l-iskop tal-kuntratt, il-valur li għalih jinbiegħu dawn il-vetturi, il-metodu ta’ fatturazzjoni u saħansitra l-attività ekonomika tal-persuna li tkun akkwistat l-imsemmija vetturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2018, E LATS, C-54/17, EU:C:2018:560, punti 36 u 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
28 Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li vetturi li definittivament ma għadhomx jintużaw akkwistati minn impriża mingħand persuni msemmija fl-Artikolu 314 ta’ din id-direttiva u intiżi sabiex jinbiegħu “għall-partijiet”, mingħajr ma l-partijiet ikunu nqalgħu minnhom, jikkostitwixxu oġġetti użati fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tal-imsemmija direttiva, fil-każ li, minn naħa, ikun għad għandhom partijiet li jżommu l-funzjonalitajiet li dawn tal-aħħar kellhom fi stat ġdid b’mod li jkunu jistgħu jintużaw mill-ġdid kif inhuma jew wara li jissewwew u, min-naħa l-oħra, ikun stabbilit li dawn il-vetturi baqgħu fiċ-ċiklu ekonomiku li huma kellhom minħabba tali użu mill-ġdid tal-partijiet.
Fuq l-ispejjeż
29 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
vetturi li definittivament ma għadhomx jintużaw akkwistati minn impriża mingħand persuni msemmija fl-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT u intiżi sabiex jinbiegħu “għall-partijiet”, mingħajr ma l-partijiet ikunu nqalgħu minnhom, jikkostitwixxu oġġetti użati fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tal-imsemmija direttiva, fil-każ li, minn naħa, ikun għad għandhom partijiet li jżommu l-funzjonalitajiet li dawn tal-aħħar kellhom fi stat ġdid b’mod li jkunu jistgħu jintużaw mill-ġdid kif inhuma jew wara li jissewwew u, min-naħa l-oħra, ikun stabbilit li dawn il-vetturi baqgħu fiċ-ċiklu ekonomiku li huma kellhom minħabba tali użu mill-ġdid tal-partijiet.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.