Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

12 ta’ Settembru 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 273 u 395 – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 – Ġlieda kontra l-frodi tal-VAT – Mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum – Kont tal-VAT ta’ persuna taxxabbli falluta – Trasferiment tal-fondi ddepożitati f’dan il-kont fuq it-talba tal-istralċjatur fil-proċedura ta’ falliment”

Fil-Kawża C-709/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura

Syndyk Masy Upadłości A

vs

Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu,

fil-preżenza ta’:

Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn N. Wahl, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, J. Passer u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukata Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għad-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu, minn K. Tudrujek,

–        għar-Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców, minn P. Chrupek, radca prawny,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold, K. Herrmann u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310 tat-18 ta’ Frar 2019 li tawtorizza lill-Polonja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2019, L 51, p. 19), tal-Artikolu 17(1), tal-Artikolu 41(1), tal-Artikolu 51(1) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u ta’ ċertezza legali.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Syndyk Masy Upadłości A (l-istralċjatur fil-proċedura ta’ falliment A, iktar ’il quddiem l-“istralċjatur A”) u d-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu (id-Direttur tal-Awla tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Wrocław, il-Polonja) (iktar ’il quddiem id-“direttur tal-amministrazzjoni fiskali”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrifjuta r-rilaxx tal-fondi ddepożitati fil-kont tal-VAT ta’ persuna taxxabbli falluta.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2006/112

3        Skont l-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112:

“Kwalunkwe persuna taxxabbli responsabbli għall-ħlas tal-VAT għandha tħallas l–ammont nett tal–VAT meta tippreżenta ddenunzja tal-VAT prevista fl-Artikolu 250. L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jistabbilixxu data differenti biex jitħallas dak l–ammont jew jistgħu jitolbu li jsiru ħlasijiet interim.”

4        L-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221:

[...]”

5        L-Artikolu 273 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrilhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3.”

6        L-Artikolu 395(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni [Ewropea], jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-disposizzjonijet ta' din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jippreveni ċertu tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Miżuri intenzjonati sabiex jissimplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT m’għandhomx, ħlief f’miżura insinifikanti, jaffetwaw l-ammont globali tad-dħul tat-taxxa ta’ l-Istat Membru miġbur fl-istadju tal-konsum finali.”

 Ir-Regolament (UE) 2015/848

7        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9):

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proċedimenti kollettivi pubbliċi, inklużi proċedimenti interim, li huma bbażati fuq liġijiet relatati mal-insolvenza u fejn, għall-fini ta’ salvataġġ, aġġustament tad-dejn, riorganizzazzjoni jew likwidazzjoni,

a)      debitur ikun totalment jew parzjalment ipprivat mill-assi tiegħu u jinħatar prattikant fl-insolvenza;

b)      l-assi u l-affarijiet ta’ debitur ikunu suġġetti għall-kontroll jew is-sorveljanza ta' qorti; jew

c)      sospensjoni temporanja ta’ proċedimenti ta’ infurzar individwali tingħata minn qorti jew bl-applikazzjoni tal-liġi sabiex ikunu jistgħu jsiru n-negozjati bejn id-debitur u l-kredituri tiegħu, dment li l-proċedimenti li fihom tingħata s-sospensjoni jipprevedu miżuri adatti għall-protezzjoni tal-korp ġenerali ta' kredituri u, fejn ma jintlaħaq l-ebda qbil, huma preliminari għal wieħed mill-proċedimenti msemmija fil-punt (a) jew (b).”

 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310

8        Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310 ġiet adottata, kif jirriżulta mill-bażi legali ċċitata tagħha, abbażi tat-Trattat FUE kif ukoll tad-Direttiva 2006/112 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 395(1) ta’ din tal-aħħar.

9        Il-premessi 1, 3, 4, 7, 9, 11 u 12 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni jipprovdu:

“(1)      Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-15 ta’ Mejju 2018, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni sabiex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva [2006/112] sabiex tapplika mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum (il-‘miżura speċjali’). Il-miżura speċjali jenħtieġ li tirrikjedi l-inklużjoni ta’ dikjarazzjoni speċjali li t-taxxa fuq il-[VAT] trid titħallas fil-kont tal-VAT imblukkat tal-fornitur fuq il-fatturi maħruġa fir-rigward tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi u ġeneralment koperti mill-mekkaniżmu tar-reverse charge u mill-obbligazzjoni in solidum fil-Polonja. [...]

[...]

(3)      Il-Polonja diġà ħadet bosta miżuri sabiex tiġġieled il-frodi. Fost oħrajn hija introduċiet il-mekkaniżmu ta’ reverse charge u tal-obbligazzjoni in solidum tal-fornitur u tal-klijent, il-Fajl Standard tal-Awditjar, regoli aktar stretti għarreġistrazzjoni u t-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-VAT tal-persuni taxxabbli, żiedet l-għadd ta’ awditi. Madankollu, il-Polonja tqis li dawk il-miżuri mhumiex biżżejjed sabiex tiġi pprevenuta l-frodi tal-VAT.

(4)      Il-Polonja hija tal-fehma li l-applikazzjoni tal-miżura speċjali ser telimina l-frodi tal-VAT Billi, skont il-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum, l-ammont ta’ VAT iddepożitat fuq kont tal-VAT separat ta' fornitur (persuna taxxabbli) jista’ jintuża biss għal skopijiet ristretti, jiġifieri għall-ħlas tal-obbligazzjoni tal-VAT lill-awtorità tat-taxxa jew għall-ħlas tal-VAT fuq il-fatturi riċevuti mill-fornituri, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom garanzija akbar li jirċievu l-ammont sħiħ tal-VAT li jenħtieġ li jiġi ttrasferit mill-persuna taxxabbli lit-Teżor tal-Istat Pollakk.

[...]

(7)      Fil-każ ta’ surplus tat-taxxa fuq ix-xiri li jaqbeż it-taxxa fuq il-bejgħ li huwa rikonoxxut mill-fornitur fid-dikjarazzjoni tal-VAT bħala ammont rifuż, il-ħlas ta’ tali rifużjoni normalment titwettaq fi żmien 60 jum f’kont regolari tal-fornitur Madankollu, il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li, għat-tranżazzjonijiet koperti mill-miżura speċjali, fuq it-talba ta' fornitur li għandu kont tal-VAT imblukkat, ir-rifużjoni għandha ssir fi żmien 25 jum.

[...]

(9)      Il-miżura speċjali għandha tkun tapplika għall-fornituri kollha, inklużi dawk il-fornituri li mhumiex stabbiliti fil-Polonja, minħabba li jrid ikollhom kont tal-bank imħaddem skont il-Liġi Bankarja Pollakka. F’dan ir-rigward, il-Polonja kkonfermat li l-fornituri mhux ser iġarrbu spejjeż addizzjonali relatati mal-obbligu li jiftħu kont tal-bank fil-Polonja, minħabba li dawk il-fornituri ser ikunu jistgħu jiftħu u jżommu l-kont tal-bank għall-ħlasijiet tal-VAT fil-Polonja mingħajr ebda ħlas.

[...]

(11)      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura speċjali għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi x’aktarx twassal għal riżultati effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. [...]

(12)      Minħabba n-novità u l-ambitu wiesa’ tal-miżura speċjali, huwa importanti li jiġi żgurat is-segwitu neċessarju. B’mod partikolari, tali segwitu jeħtieġ li jiffoka, fost oħrajn, fuq l-impatt tal-miżura speċjali fuq il-livell ta’ frodi tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli rigward ir-rifużjonijiet tal-VAT, il-piż amministrattiv, l-ispejjeż għall-persuni taxxabbli. Għalhekk, il-Polonja jenħtieġ li tipprovdi rapport dwar l-impatt tal-miżura speċjali 18-il xahar wara ddħul fis-seħħ tal-miżura speċjali fil-Polonja.”

10      L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jipprovdi:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva [2006/112], il-Polonja hija awtorizzata tintroduċi dikjarazzjoni speċjali li l-VAT għandha titħallas lill-kont tal-bank tal-VAT imblukkat u separat tal-fornitur miftuħ fil-Polonja fuq il-fatturi maħruġa fir-rigward tal-provvisti bejn il-persuni taxxabbli ta’ merkanzija u servizzi elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, fejn il-ħlasijiet għall-provvisti jsiru permezz ta' trasferimenti bankarji elettroniċi.”

11      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tagħha, l-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kienet applikabbli mill-1 ta’ Marzu 2019 sat-28 ta’ Frar 2022.

12      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/559 tal-5 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li ngħatat lill-Polonja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2022, L 108, p. 51), estendiet l-awtorizzazzjoni mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310 sat-28 ta’ Frar 2025.

 Id-dritt Pollakk

 Il-Liġi dwar il-VAT

13      Il-punt 18a tal-Artikolu 106e(1) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. ta’ 2021, pożizzjoni 685), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprovdi:

“[f]il-każ ta’ fatturi li l-ammont totali tad-dejn tagħhom huwa ogħla minn 15 000 [zloty Pollakk (PLN)] jew mill-korrispettiv f’munita barranija ta’ dan l-ammont u li jinkludu kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi msemmija fl-Anness 15 tal-Liġi mwettqa għall-benefiċċju tal-persuna taxxabbli, il-fattura għandha tinkludi d-dikjarazzjoni ‘mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum’ [...]”

14      L-Artikolu 108a ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      Il-persuni taxxabbli li jkunu rċevew fattura li tindika ammont tat-taxxa jistgħu, meta jħallsu l-ammont tad-dejn iffatturat, japplikaw il-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum.

1a.      Meta jitwettaq il-ħlas għall-oġġetti u għas-servizzi akkwistati, elenkati fl-Anness 15 tal-Liġi, ikkorroborat minn fattura, li l-ammont totali tad-dejn tagħhom jaqbeż PLN 15 000 jew il-korrispettiv f’munita barranija, il-persuni taxxabbli għandhom japplikaw dan il-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum. [...]

[...]

2.      Il-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum jikkonsisti fi:

1)      jitħallas l-ammont li jikkorrispondi għall-ammont kollu tat-taxxa jew parti minnu li jirriżulta mill-fattura riċevuta fil-kont tal-VAT;

2)      jitħallas l-ammont kollu jew parti minnu li jikkorrispondi għall-valur tal-bejgħ nett li jirriżulta mill-fattura riċevuta f’kont bankarju jew f’kont ta’ kooperattiva ta’ kreditu li magħhom kont tal-VAT huwa marbut, jew li jitħallas mod ieħor.”

15      Skont l-Artikolu 108b tal-imsemmija liġi:

“1.      Fuq it-talba tal-persuna taxxabbli, id-direttur tal-uffiċċju tat-taxxa jawtorizza, permezz ta’ deċiżjoni, it-trasferiment tal-fondi miġbura fil-kont tal-VAT indikat mill-persuna taxxabbli fil-kont bankarju jew fil-kont ta’ kooperattiva ta’ kreditu, indikati mill-persuna taxxabbli, li magħhom l-imsemmi kont tal-VAT huwa marbut.

[...]

3.      Id-direttur tal-uffiċċju tat-taxxa għandu jagħti deċiżjoni f’terminu ta’ sittin jum minn meta jirċievi t-talba. [...]

[...]

5.      Id-direttur tal-uffiċċju tat-taxxa jirrifjuta, permezz ta’ deċiżjoni, it-trasferiment tal-fondi miġbura fil-kont tal-VAT:

1)      fil-każ ta’ arretrati tat-taxxa tal-persuna taxxabbli u ta’ arretrati ta’ ħlas imsemmija fil-punt 2(a) tal-Artikolu 62b(2) tal-[ustawa – Prawo bankowe (il-Liġi Bankarja)], tad-29 ta’ Awwissu 1997 [(Dz. U. ta’ 1997, Nru 140, pożizzjoni 939), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi Bankarja”)], meta l-ammont tal-imsemmi fond jikkorrispondi mal-arretrati flimkien ma’ interessi moratorji, fid-data tad-deċiżjoni;

2)      meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli għal tħassib li

a)      l-obbligu fiskali relatat mat-taxxi u mal-krediti msemmija fil-punt 2(a) tal-Artikolu 62b(2) ta’ (il-Liġi Bankarja)], ma jiġix eżegwit, b’mod partikolari meta l-kontribwent jastjeni b’mod persistenti milli jħallas it-taxxi dovuti jew li jieħu miżuri li jikkonsistu fit-trasferiment ta’ assi li jistgħu jostakolaw jew iwaqqfu l-eżekuzzjoni tal-obbligi fiskali, jew

b)      arretrati ta’ taxxi u ta’ krediti msemmija fil-punt 2(a) tal-Artikolu 62(b)(2) ta’ [il-Liġi Bankarja], iseħħu, jew dejn fiskali addizzjonali, jiġi stabbilit.

[...]”

 Il-Liġi Bankarja

16      L-Artikolu 62b(2) tal-Liġi Bankarja, tad-29 ta’ Awwissu 1997, jipprovdi:

“Il-kont tal-VAT jista’ jiġi ddebitat biss:

[...]

2)      għall-finijiet ta’ ħlas:

a)      fil-kont tal-uffiċċju tat-taxxa:

–        tal-[VAT], inkluża l-[VAT] għall-oġġetti importati, it-taxxa addizzjonali kif ukoll l-interessi moratorji fuq il-[VAT] jew fuq it-taxxa addizzjonali,

–        tat-taxxa fuq il-kumpanniji u tal-ħlas akkont għal dan l-għan kif ukoll tal-interessi moratorji fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji jew fuq il-ħlas akkont għal dan l-għan,

–        tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi u tal-ħlas akkont għal dan l-għan kif ukoll tal-interessi moratorji fuq it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi u fuq il-ħlas akkont għal dan l-għan,

–        tad-dazju tas-sisa, tal-ħlas antiċipat tad-dazju tas-sisa, tal-ħlasijiet ta’ kuljum kif ukoll tal-interessi moratorji fuq id-dazju tas-sisa u fuq il-ħlas antiċipat tad-dazju tas-sisa,

–        tad-dazji doganali u tal-interessi moratorji relatati magħhom,

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Fit-28 ta’ Ġunju 2021, l-istralċjatur A talab lin-Naczelnik Urzędu Skarbowego w O. (id-Direttur tal-Uffiċċju tat-Taxxa f’O., il-Polonja) jittrasferixxi l-fondi miġbura mill-kont tal-VAT ta’ persuna taxxabbli falluta fil-kont tal-massa fallimentari. Bħala raġuni għat-talba tiegħu, huwa indika li l-ammont ta’ PLN 104 915 (madwar EUR 23 600) kellu jiġi ttrasferit fil-kont tal-komun ta’ O. (il-Polonja) sabiex titħallas it-taxxa fuq il-proprjetà immobbli, dovuta minn din il-persuna taxxabbli, għax-xahar ta’ Lulju 2021.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2021, id-Direttur tal-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ O. ċaħad din it-talba.

19      Adit b’appell ippreżentat mill-istralċjatur A kontra din id-deċiżjoni, id-Direttur tal-Amministrazzjoni Fiskali kkonfermaha permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2021.

20      L-istralċjatur A ppreżenta rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju.

21      Din il-qorti tfakkar li l-leġiżlazzjoni Pollakka u, b’mod iktar konkret, l-Artikolu 106e(1) u l-Artikoli 108a sa 108f tal-Liġi dwar il-VAT kif ukoll l-Artikoli 62a sa 62e tal-Liġi Bankarja jipprevedu l-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum. Dan il-mekkaniżmu jikkonsisti li l-ħlas tal-VAT dovuta jiġi sseparat minn dak tal-ammont taxxabbli dovut. Għalhekk, meta fornitur ta’ oġġetti jew min jipprovdi servizzi jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-ħlas maqsum, huwa obbligat li jkollu, minbarra l-kont bankarju ordinarju tiegħu, kont bankarju mblukkat u sseparat għall-finijiet tal-VAT. Dan il-kont huwa rreżervat għall-ġbir tal-VAT imħallsa mill-klijenti tiegħu u għall-ħlas tal-VAT lill-fornituri tiegħu jew min jipprovdi servizzi lilu stess kif ukoll għall-ħlas ta’ djun pubbliċi oħra, iżda unikament dawk tat-Teżor Pubbliku. F’dan il-każ, ix-xerrej jew il-konsumatur iħallas l-ammont taxxabbli lill-fornitur jew min jipprovdi servizz fuq kont bankarju ordinarju, filwaqt li l-VAT dovuta fuq il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi titħallas fuq il-kont bankarju mblukkat għall-finijiet tal-VAT miżmum minn dan il-fornitur jew minn min jipprovdi s-servizz. Dan il-metodu ta’ ħlas jirriżulta biss bir-rieda ta’ min iħallas u ma huwiex awtomatiku. Ir-rilaxx tal-fondi miġbura fil-kont tal-VAT ta’ persuna taxxabbli jkun jeħtieġ il-kunsens tal-awtorità tat-taxxa.

22      Il-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum kien ġie introdott mil-leġiżlatur Pollakk konformement mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310, li permezz tagħha l-Kunsill awtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi, għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2019 sat-28 ta’ Frar 2022, miżura partikolari li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112.

23      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310 tinkludi regoli differenti minn dawk li jinsabu fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 tal-25 ta’ April 2017 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1401 (UE) 2015/1401 (ĠU 2017, L 118, p. 17).

24      Fil-fatt, b’differenza mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/784 tipprevedi, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112, il-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema nazzjonali li fil-kuntest tagħha l-ħlas tal-VAT dovuta fuq il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi jitwettaq mill-benefiċjarju f’kont bankarju separat u mblukkat, miżmum mill-amministrazzjoni fiskali Taljana.

25      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk miżura nazzjonali li tipprevedi obbligu għax-xerrej ta’ oġġett jew ta’ servizz li jittrasferixxi l-VAT dovuta lill-fornitur ta’ dan l-oġġett jew lil min jipprovdi dan is-servizz f’kont bankarju separat u mblukkat, miżmum minn dan il-fornitur jew minn min jipprovdi s-servizz, tikkostitwixxix deroga mill-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112 u, għaldaqstant, jekk din il-miżura ma teħtieġx li tiġi kkomunikata, skont l-Artikolu 395 ta’ din id-direttiva. Issa, ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni jikkostitwixxi difett proċedurali u jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regoli kkonċernati, b’tali mod li dawn ma jkunux jistgħu jiġu invokati fil-konfront tal-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, is-17 ta’ Ġunju 2016, Ince, C-336/14, EU:C:2016:72, punt 67).

26      Fil-fehma ta’ din il-qorti, konformement mal-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112, il-persuna taxxabbli hija obbligata tħallas il-VAT mhux wara kull tranżazzjoni taxxabbli li hija twettaq, iżda wara kull perijodu taxxabbli. Għaldaqstant, l-ammont nett tal-VAT, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-imsemmi artikolu, jikkorrispondi għas-somma tal-VAT relatata mat-tranżazzjonijiet taxxabbli kollha mwettqa mill-persuna taxxabbli matul il-perijodu taxxabbli, li minnha titnaqqas il-VAT imħallsa għat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa matul l-imsemmi perijodu, inklużi dawk imwettqa qabel it-tranżazzjonijiet imwettqa minn din il-persuna taxxabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija persuna taxxabbli għandha tkun tista’ tiddisponi liberament mill-ħlasijiet preċedenti li hija rċeviet mingħand il-klijenti tagħha. Madankollu, fil-każ ta’ kont tal-VAT bħal dak inkwistjoni fil-kawża li biha hija adita l-imsemmija qorti, il-fondi jiġu mblukkati, u dan qabel ma jitnissel id-dejn tal-VAT fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi.

27      Ċertament, l-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112 jippermetti lill-Istati Membri li jiġbru ħlas interim fuq il-VAT. L-espressjoni “ħlas interim” tfisser il-ħlas parzjali tal-ammont li jkun dovut sussegwentement, jiġifieri l-ammont nett tal-VAT ikkalkolat fuq perijodu taxxabbli kollu. Madankollu, huwa diffiċli li jitqies li l-ammont tal-VAT imħallas mix-xerrej ta’ oġġett jew ta’ servizz lill-fornitur tiegħu għal tranżazzjoni partikolari, kif previst mil-leġiżlazzjoni Pollakka li tipprevedi l-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum, jikkostitwixxi ħlas interim fis-sens tal-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy (Akkwist intra-Komunitarju ta’ diżil) (C-855/19, EU:C:2021:714, punt 33). Barra minn hekk, is-sitwazzjoni fil-kawża li biha hija adita l-qorti tar-rinviju hija differenti minn dik li kienet is-suġġett tas-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Macikowski (C-499/13, EU:C:2015:201), li fiha marixxall tqies li huwa terz li kien ħallas it-taxxa tal-output, u mhux bħala li kien fornitur.

28      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni tmurx lil hinn mill-għan tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, li jirriżulta mill-Artikoli 273 u 395 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310.

29      B’mod partikolari, hija tistaqsi dwar jekk l-obbligu, għal persuna taxxabbli, li tikseb awtorizzazzjoni tal-awtorità tat-taxxa f’dak li jirrigwarda l-allokazzjoni tal-fondi li jinsabu fil-kont tal-VAT tagħha għal finijiet differenti mill-ħlas ta’ djun fir-rigward tat-Teżor pubbliku, b’mod partikolari favur kreditur pubbliku ieħor bħal komun, jaqax fil-limiti tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.

30      Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ persuni taxxabbli falluti, bħal dik fil-kawża li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, ikun iktar u iktar diffiċli li jiġi rikonoxxut li l-obbligu previst mill-miżura inkwistjoni huwa intiż sabiex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT peress li l-awtorizzazzjoni għat-trasferiment ta’ fondi miġbura fil-kont tal-VAT ġiet mitluba minn stralċjatur fil-proċedura ta’ falliment li jaġixxi taħt l-istħarriġ ta’ qorti inkarigata mill-falliment.

31      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, il-persuna taxxabbli falluta ma teżerċitax attività ekonomika, u li għalhekk ma twettaqx tranżazzjonijiet li jiġġeneraw il-VAT, u li l-istralċjatur A indika li din il-persuna taxxabbli ma kellhiex, sa mid-dikjarazzjoni ta’ falliment, arretrati tal-VAT li kienu għadhom għaddejjin, l-imblukkar tal-fondi fil-kont tal-VAT ma jippreġudikax il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT.

32      Din il-qorti għandha dubji wkoll dwar il-konformità tal-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum mad-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta.

33      Fil-fatt, il-leġiżlatur Pollakk ma rregolax l-effetti ta’ dan il-mekkaniżmu fil-kuntest tal-liġi dwar il-falliment. F’din is-sitwazzjoni, ikun diffiċli li jiġi kkunsidrat li jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu lil stralċjatur li jibda l-proċedura ta’ falliment u li jipprevedi l-aġir tal-awtoritajiet fiskali.

34      Issa, konformement mal-Artikolu 2 TUE, fi Stat tad-dritt, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu leġittimament jistennew mingħand l-awtoritajiet pubbliċi li l-indħil fid-drittijiet fundamentali tagħhom ikun raġonevolment limitat u ma jiħux inkunsiderazzjoni biss l-interessi tat-Teżor Pubbliku.

35      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Aministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tad-[Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310] [u] id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 2006/112], u b’mod partikolari l-Artikoli 395 u 273 tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali kif ukoll prassi nazzjonali li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, ma jippermettux li l-amministratur tal-insolvenza jingħata awtorizzazzjoni għat-trasferiment ta’ fondi akkumulati fil-kont tal-VAT tal-persuna taxxabbli (mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum) lejn il-kont bankarju indikat mill-imsemmi [stralċjatur]?

2)      L-Artikolu 17(1) [Karta] – dritt għall-proprjetà – moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali kif ukoll prassi nazzjonali li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, filwaqt li ma jippermettux li l-amministratur tal-insolvenza jingħata awtorizzazzjoni għat-trasferiment ta’ fondi akkumulati fil-kont tal-VAT tal-persuna taxxabbli (mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum), iwasslu konsegwentement għall-iffriżar tal-fondi finanzjarji fl-imsemmi kont tal-VAT li jappartjenu lill-persuna taxxabbli insolventi u konsegwentement jipprekludu t-twettiq tal-obbligi tal-amministratur tal-insolvenza fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza?

3)      Il-prinċipju tal-Istat tad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 2 [TUE] u l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jimplimentah, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jirriżulta mill-Artikolu 41(1) tal-Karta, fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tad-Deċiżjoni [ta’ Implimentazzjoni] 2019/310 kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi nazzjonali li billi ma tippermettix li l-amministratur tal-insolvenza jingħata awtorizzazzjoni għat-trasferiment ta’ fondi akkumulati fil-kont tal-VAT tal-persuna taxxabbli (mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum) din toħnoq l-għanijiet tal-proċedura ta’ insolvenza li l-qorti inkarigata mill-insolvenza tiddefinixxi bħala li hija suġġetta għall-ġurisdizzjoni Pollakka fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-[Regolament 2015/848], u konsegwentement twassal għal sitwazzjoni li b’riżultat tagħha permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali mhux adegwati t-Teżor jiġi pprivileġġjat bħala debitur għad-detriment tal-korp prinċipali ta’ kredituri?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l-Artikoli 273 u 395 tad-Direttiva 2006/112, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310 kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ammont ta’ VAT iddepożitat f’kont tal-VAT separat, li fornitur ikollu ma’ istituzzjoni bankarja, jista’ jintuża biss għal finijiet limitati, jiġifieri, b’mod partikolari, il-ħlas tal-VAT dovuta lill-awtorità tat-taxxa jew il-ħlas tal-VAT indikata fil-fatturi rċevuti mingħand fornituri ta’ oġġetti jew mingħand min jipprovdi servizzi.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112 jelenka d-dikjarazzjonijiet li għandhom obbligatorjament jidhru, għall-finijiet tal-VAT, fuq il-fatturi maħruġa konformement ma’ din id-direttiva.

38      L-Artikolu 395(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Kunsill jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mill-istess direttiva, sabiex jiġi ssemplifikat il-ġbir tat-taxxa u sabiex jiġu evitati ċertu tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.

39      Huwa b’applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u skont talba f’dan is-sens indirizzata mir-Repubblika tal-Polonja lill-Kummissjoni li l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310.

40      F’dan ir-rigward, mill-premessa 1 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jirriżulta li din “il-miżura speċjali jenħtieġ li tirrikjedi l-inklużjoni ta’ dikjarazzjoni speċjali li t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) trid titħallas fil-kont tal-VAT imblukkat tal-fornitur fuq il-fatturi maħruġa fir-rigward tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi u [li huma] ġeneralment koperti mill-mekkaniżmu tar-reverse charge u mill-obbligazzjoni in solidum fil-Polonja”.

41      Kif il-motivi tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jistabbilixxu, il-Kummissjoni qieset li l-miżura partikolari, dwar il-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi suxxettibbli għall-frodi, tista’ tagħti lok għal riżultati konkreti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, b’deroga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112, ir-Repubblika tal-Polonja kienet ġiet awtorizzata tintroduċi dikjarazzjoni speċjali li l-VAT, sa fejn tikkonċerna l-fatturi maħruġa għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi, elenkati fl-anness tal-istess deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, imwettqa bejn persuni taxxabbli, titħallas fil-kont bankarju tal-VAT separat u mblukkat tal-fornitur jew ta’ min jipprovdi s-servizz miftuħ fil-Polonja, meta l-pagamenti relatati ma’ dawn il-kunsinni u ma’ din il-provvista ta’ servizzi jitħallsu permezz ta’ trasferimenti bankarji elettroniċi.

43      Konsegwentement, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum, il-leġiżlatur Pollakk ippreveda, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, li l-fatturi li jikkonċernaw il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi msemmija f’din il-leġiżlazzjoni favur il-persuna taxxabbli, li l-ammont totali dovut tagħhom jaqbeż PLN 15 000 (madwar EUR 3 370) jew l-ekwivalenti tiegħu f’munita oħra, għandhom jinkludu d-dikjarazzjoni “mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum”.

44      Sa fejn dan il-mekkaniżmu mhux biss jipprevedi d-dikjarazzjoni li għandha tidher fuq il-fatturi iżda, barra minn hekk, jistabbilixxi s-sistema tal-kont separat u mblukkat tal-VAT, li fil-kuntest tagħha hija meħtieġa awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità tat-taxxa għat-trasferiment ta’ fondi minn dan il-kont, peress li din l-awtorizzazzjoni hija suġġetta għal kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Pollakka, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni li tipprevedi l-imsemmi mekkaniżmu tmurx lil hinn mill-awtorizzazzjoni mogħtija lir-Repubblika tal-Polonja permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310. B’mod partikolari, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxix deroga mhux awtorizzata mill-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112.

45      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma timponi obbligi speċifiċi fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46      Fir-rigward tal-Artikolu 206 tal-imsemmija direttiva, għandu jitfakkar li dan jipprevedi li kull persuna taxxabbli li hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għandha tħallas l-ammont nett tal-VAT matul il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 250 tal-istess direttiva, fejn l-Istati Membri madankollu jistgħu jistabbilixxu skadenza oħra għall-ħlas ta’ dan l-ammont jew jirċievu ħlasijiet interim.

47      F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-fondi li jikkorrispondu għall-ammont tal-VAT jitħallsu fil-kont tal-VAT separat tal-persuna taxxabbli, ma jkun hemm ebda ħlas ta’ dejn tal-VAT favur il-baġit tal-Istat, peress li l-VAT tkun dovuta biss f’dati ddeterminati wara t-tmiem tal-perijodu taxxabbli.

48      Kif ikkonstatat l-Avukata Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm il-persuna taxxabbli ma tistax tiddisponi liberament mill-fondi miġbura f’kont tal-VAT separat, il-leġiżlazzjoni Pollakka tipprevedi, madankollu, il-possibbiltà għal din il-persuna taxxabbli li tuża dawn il-fondi sabiex tħallas il-VAT lill-fornituri tagħha ta’ oġġetti jew lil min jipprovdilha servizzi u li tħallas id-djun tagħha lejn l-Istat.

49      Konsegwentement, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha, sa fejn il-persuna taxxabbli tista’ tuża l-fondi li jinsabu fil-kont tal-VAT separat sabiex tħallas il-VAT lill-fornituri ta’ oġġetti tagħha jew lil min jipprovdilha servizzi, ma hijiex obbligata tiffinanzja minn qabel il-VAT b’mod iktar intensiv minn dak previst mis-sistema normali tad-Direttiva 2006/112.

50      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, għalkemm, fil-livell formali, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310 tikkostitwixxi deroga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112, li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet li għandhom obbligatorjament jiġu indikati, għall-finijiet tal-VAT, fuq il-fatturi maħruġa konformement ma’ din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif jistabbilixxu l-premessi 1, 4 u 7 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kif ukoll l-Artikolu 1 tagħha, l-imsemmija deroga kienet ġiet prevista sabiex il-leġiżlatur Pollakk ikun jista’ jistabbilixxi sistema ta’ mblukkar ta’ fondi f’kont bankarju separat għall-finijiet tal-VAT. Minn dan jirriżulta li, billi għamel id-deroga inkwistjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien informat li l-introduzzjoni tagħha, fil-leġiżlazzjoni Pollakka, kienet timplika l-istabbiliment tal-imsemmija sistema ta’ kont separat għall-finijiet tal-VAT.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum ma jistax jitqies, inkwantu tali, li jmur kontra l-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112 u ma jikkostitwixxix deroga minnu.

52      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, invokat mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-applikazzjoni stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-qasam tal-VAT, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u tipprekludi b’mod partikolari li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2020, WEG Tevesstraße, C-449/19, EU:C:2020:1038, punt 48, u tas-16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj, C-519/21, EU:C:2023:106, punt 88).

53      Is-sistema prevista mid-Direttiva 2006/112 u d-dritt għal tnaqqis tal-VAT li jagħmel parti minnha huma intiżi sabiex itaffu kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. B’konsegwenza, is-sistema komuni tal-VAT tiżgura n-newtralità perfetta fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, indipendentement mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li dawn ikunu suġġetti huma stess għall-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj, C-519/21, EU:C:2023:106, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li tiġi identifikata kwalunkwe rabta bejn, minn naħa, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet, previsti mil-leġiżlazzjoni Pollakka, li għalihom huwa suġġett ir-rifjut ta’ rilaxx tal-fondi mill-kont tal-VAT tal-persuna taxxabbli falluta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza.

55      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, invokat ukoll mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda, huwa biżżejjed li jitfakkar, fl-ewwel lok, li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja diġà ħadet diversi miżuri sabiex tiġġieled kontra l-frodi tal-VAT, dan l-Istat Membru qies, madankollu, li dawn il-miżuri ma kinux suffiċjenti sabiex jipprekludu l-imsemmija frodi. Hekk kif tistabbilixxi l-premessa 1 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni approvat din l-analiżi, billi qieset li l-miżura partikolari inkwistjoni għall-kunsinni ta’ beni u għall-provvista ta’ servizzi suxxettibbli għall-frodi setgħet tagħti riżultati konkreti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.

56      Fit-tieni lok, sa fejn, konformement mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310, l-awtorizzazzjoni prevista minnha tirrigwarda biss il-ħlasijiet imwettqa permezz ta’ trasferimenti bankarji elettroniċi, l-obbligu li fil-fattura tal-VAT tiġi inkluża dikjarazzjoni, li skontha din it-taxxa titħallas f’kont bankarju tal-VAT separat u mblukkat tal-fornitur jew ta’ min jipprovdi s-servizz, u, għaldaqstant, li jiġi żgurat li s-somom korrispondenti jiġu ttrasferiti f’dan il-kont, ma għandux jitqies bħala li huwa formalità vinkolanti. Għaldaqstant, dan ma huwiex ta’ natura sproporzjonata.

57      Fit-tielet lok, l-imsemmi obbligu ma jirrigwardax it-tranżazzjonijiet kollha li jagħtu lok għall-ħlas permezz ta’ trasferiment elettroniku peress li, konformement mal-Artikoli 106e u 108a tal-Liġi dwar il-VAT, huma kkonċernati biss il-fatturi li jirrigwardaw il-kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li l-ammont totali dovut tagħhom jaqbeż PLN 15 000 (madwar EUR 3 370) jew il-korrispettiv tiegħu f’munita barranija, li lanqas ma jidher sproporzjonat.

58      Fir-raba’ lok, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Pollakka tipprevedi l-possibbiltà għall-persuna taxxabbli li tuża l-fondi miġbura f’dan il-kont tal-VAT separat sabiex tħallas il-VAT lill-fornituri ta’ oġġetti tagħha jew lil min jipprovdilha servizzi u sabiex tħallas id-djun tagħha lejn l-Istat. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix imblukkar assolut tal-fondi inkwistjoni, iżda sempliċement tillimita l-użu tagħhom, li huwa wkoll proporzjonat mal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 273 u 395 tad-Direttiva 2006/112 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/310 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ammont ta’ VAT iddepożitat f’kont tal-VAT separat, li fornitur ikollu ma’ istituzzjoni bankarja, jista’ jintuża biss għal finijiet limitati, jiġifieri, b’mod partikolari, il-ħlas tal-VAT dovuta lill-awtorità tat-taxxa jew il-ħlas tal-VAT indikata fil-fatturi rċevuti mill-fornituri ta’ oġġetti jew mingħand min jipprovdi servizzi.

 Fuq it-tieni domanda

60      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) u mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ammont ta’ VAT iddepożitat f’kont tal-VAT separat, li fornitur iżomm ma’ istituzzjoni bankarja, jista’ jintuża biss għal finijiet limitati, jiġifieri, b’mod partikolari, il-ħlas tal-VAT dovuta lill-awtorità tat-taxxa jew il-ħlas tal-VAT indikata fil-fatturi rċevuti mill-fornituri ta’ oġġetti jew mingħand min jipprovdi servizzi,

61      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss fil-każ fejn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

62      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, jippreżumi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali inkwistjoni li tmur lil hinn mill-fatt li s-suġġetti kkonċernati jkunu relatati jew li wieħed mis-suġġetti jkollu impatti indiretti fuq is-suġġett l-ieħor (sentenza tas-16 ta’Lulju 2020, Adusbef et, C-686/18, EU:C:2020:567, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma kinux japplikaw fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma kienu jimponu ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C-686/18, EU:C:2020:567, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Issa, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju ma timponi fuq l-Istati Membri obbligi speċifiċi fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

65      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kawża prinċipali tirrigwarda r-rifjut, mill-amministrazzjoni fiskali, li tawtorizza trasferiment tal-fondi miġbura fil-kont tal-VAT separat minn persuna taxxabbli falluta lejn il-kont tal-massa fallimentari għall-finijiet tal-ħlas tat-taxxa komunali fuq il-proprjetà immobbli. Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-istralċjatur A jikkontesta r-regola, li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Pollakka applikabbli f’dan il-każ, li tgħid li ma huwiex possibbli li l-fondi miġbura fil-kont tal-VAT separat u mblukkat jiġu ttrasferiti għall-finijiet tal-ħlas ta’ din it-taxxa fuq il-proprjetà immobbli.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum tal-VAT, previst mil-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni, għandu, inkwantu tali, ċerta rabta mas-sistema tal-VAT prevista mid-Direttiva 2006/112, xorta jibqa’ l-fatt li l-metodi tal-ħlas ta’ taxxa komunali fuq il-proprjetà immobbli permezz tal-fondi miġbura f’kont tal-VAT separat tal-persuna taxxabbli ma humiex iddeterminati mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, b’tali mod li dan il-mekkaniżmu ma jikkostitwixxix “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 ta’ din is-sentenza.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda hija inammissibbli.

 Fuq it-tielet domanda

68      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju tal-Istat tad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jirriżulta mill-Artikolu 41(1) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ammont ta’ VAT iddepożitat f’kont tal-VAT separat, li fornitur iżomm ma’ istituzzjoni bankarja, jista’ jintuża biss għal finijiet limitati, jiġifieri, b’mod partikolari, il-ħlas tal-VAT dovuta lill-awtorità tat-taxxa jew il-ħlas tal-VAT indikata fil-fatturi rċevuti mill-fornituri ta’ oġġetti jew mingħand min jipprovdi servizzi.

69      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C-184/20, EU:C:2022:601, punt 47).

70      Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari sservi ta’ bażi għall-imsemmija proċedura, il-qorti nazzjonali hija mitluba tfisser, f’din it-talba stess, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali u tagħti l-ispjegazzjonijiet neċessarji dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2023, Lyoness Europe, C-455/21, EU:C:2023:455, punt 26).

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju għandha tippermetti, minn naħa, lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali u, min-naħa l-oħra, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra, li jeżerċitaw id-dritt mogħti lilhom mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jippreżentaw osservazzjonijiet. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li dan id-dritt jitħares, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma kkomunikati lill-partijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C-97/21, EU:C:2023:371, punt 30).

72      Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tosserva bir-reqqa (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2023, Lyoness Europe, C-455/21, EU:C:2023:455, punt 27). Barra minn hekk, dawn huma mfakkra fil-punti 13, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

73      F’dan il-każ, fir-rigward tat-tielet domanda, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

74      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tesponix b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom l-interpretazzjoni tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jirriżulta mill-Artikolu 41(1) tal-Karta hija neċessarja f’din il-kawża.

75      Il-fatt li l-qorti tar-rinviju tinvoka allegata inkoerenza bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-falliment ma huwiex manifestament suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita rabta bejn id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt preċedenti u dan il-mekkaniżmu li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet domanda hija inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

77      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 273 u 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310 tat-18 ta’ Frar 2019 li tawtorizza lill-Polonja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ammont ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) iddepożitat f’kont tal-VAT separat, li fornitur ikollu ma’ istituzzjoni bankarja, jista’ jintuża biss għal finijiet limitati, jiġifieri, b’mod partikolari, il-ħlas tal-VAT dovuta lill-awtorità tat-taxxa jew il-ħlas tal-VAT indikata fil-fatturi rċevuti mill-fornituri ta’ oġġetti jew mingħand min jipprovdi servizzi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk