Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

18 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 – Artikolu 60 – Artikolu 71(1) – Post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli – Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel Stat Membru bi ksur tar-regoli doganali u sussegwentement ittrasportata lejn it-tieni Stat Membru – Post ta’ tnissil tal-VAT fuq l-importazzjoni – Dispożizzjoni nazzjonali li tirreferi għal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni”

Fil-Kawża C-791/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Diċembru 2022, fil-proċedura

G.A.

vs

Hauptzollamt Braunschweig,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, J. C. Bonichot u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G.A., minn A. Fetzer, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Behre, J. Jokubauskaitė u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 30 u 60 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn G.A. u l-Hauptzollamt Braunschweig (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) dwar l-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-importazzjoni irregolari ta’ sigaretti fl-Unjoni Ewropea.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2006/112

3        Skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2006/112, huma suġġetti għall-VAT, b’mod partikolari, it-tranżazzjonijiet li ġejjin:

“[...]

d)      l-importazzjoni ta’ merkanzija.”

4        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“’Importazzjoni ta’ merkanzija’ għandha tfisser id-dħul [fl-Unjoni Ewropea] ta’ merkanzija li ma tinsabx f’ċirkolazzjoni ħielsa fit-tifsira ta’ l-Artikolu [29] tat-Trattat [FUE].”

5        It-titolu V tal-imsemmija direttiva, intitolat “Post ta’ transazzjonijiet taxxabbli”, jinkludi l-Kapitolu 4, intitolat “Post tal-importazzjoni ta’ merkanzija”, li jagħmel parti minnu l-Artikolu 60, li jipprovdi:

“Il-post ta’ importazzjoni ta’ merkanzija għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-merkanzija meta tidħol [fl-Unjoni].”

6        It-Titolu VI tal-istess direttiva, intitolat “Avveniment li jagħti lok għal ħlas u imposizzjoni ta’ VAT”, jinkludi l-Kapitolu 4, intitolat “Importazzjonijiet ta’ merkanzija”, li jinkludi l-Artikolu 70, li huwa fformulat kif ġej:

“L-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija tkun impurtata.”

7        Fi ħdan l-istess Kapitolu 4, l-Artikolu 71 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“1.      Meta, mad-dħul [fl-Unjoni], il-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikoli 156, 276 u 277, jew taħt arranġamenti ta’ importazzjoni temporanji b’eżenzjoni totali tad-dazju fuq l-importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ trażitu esterni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas iseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.

Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun soġġetta għad-dazji doganali, [...] l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas fir-rigward ta’ dawk id-dazji u dawk id-dazji jsiru dovuti.

2.      Meta merkanzija impurtata ma tkunx soġġetta għall-ebda mid-dazji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, rigward l-avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-mument meta l-VAT issir dovuta, japplikaw id-dispożizzjonijiet li jkun hemm fis-seħħ li jirregolaw id-dazji doganali.”

 Il-Kodiċi Doganali

8        Skont l-Artikolu 202 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”):

“1.      Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:

a)      l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-[Unjoni] ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

[...]

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177.

2.      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi.

3.      Id-debituri għandhom ikunu:

–      il-persuna li tkun introduċiet dawk l-merkanziji kontra l-liġi,

–      kull persuna li tkun ipparteċipat fl-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanziji u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li tali introduzzjoni kienet kontra l-liġi, u

–      kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li dawn kienu ġew introdotti kontra l-liġi.”

9        L-Artikolu 215 ta’ dan il-kodiċi kien jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Jekk awtorita tad-dwana ssib li dejn mad-dwana jkun intefaq skond l-Artikolu 202 fi Stat Membru ieħor u li l-ammont ta’ dan id-dejn huwa inqas minn 5 000 EUR, id-dejn għandu jitqies li kien intefaq fl-Istat Membru fejn tkun saret is-sejba.”

 Id-dritt Ġermaniż

10      L-Artikolu 21(2) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-21 ta’ Frar 2005 (BGBl. 2005 I, p. 386) jipprevedi:

“Ir-regoli applikabbli għat-taxxa doganali huma applikabbli, mutatis mutandis, għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ mill-importazzjoni;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      G.A., resident fil-Polonja, xtara, fid-29 ta’ Settembru 2012, f’suq li jinsab f’dan l-Istat Membru, total ta’ 43 760 sigarett li fuq l-imballaġġ tagħhom kienu twaħħlu biss liċenzji tat-taxxa Ukreni u Bjelorussi. Mingħajr ma informa b’dan lill-awtoritajiet doganali, huwa ttrasporta dawn is-sigaretti lejn ir-reġjun ta’ Braunschweig (il-Ġermanja), fejn huwa kkonsenjahom, fit-2 ta’ Ottubru 2012, lil xerrej Ġermaniż. Peress li G.A. ġie arrestat, is-sigaretti nqabdu u mbagħad inqerdu.

12      Peress li qies li s-sigaretti kienu ddaħħlu illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni, il-Hauptzollamt Braunschweig (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) qies li kien inħoloq dejn doganali, skont l-Artikolu 202(1)(a) tal-Kodiċi Doganali u li G.A. kien id-debitur tiegħu abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 202(3) ta’ dan il-kodiċi. L-istess uffiċċju qies ukoll li, skont l-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ, il-VAT fuq l-importazzjoni tnisslet fil-Ġermanja. Konsegwentement, fit-3 ta’ Frar 2015, huwa ħareġ avviż ta’ impożizzjoni tal-VAT li l-ammont tiegħu kien ta’ EUR 2 006.38.

13      Peress li l-proċedura ta’ lment mibdija minn G.A. ma rnexxietx, huwa ppreżenta rikors għal annullament kontra dan l-avviż ta’ taxxa quddiem il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju.

14      Peress li l-kawża li hija adita biha tirrigwarda, b’mod partikolari, il-punt dwar jekk il-VAT fuq l-importazzjoni inkwistjoni tnisslitx fil-Ġermanja, din il-qorti tistaqsi dwar ir-regoli rilevanti, f’dan il-każ, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post ta’ tnissil ta’ din it-taxxa.

15      L-imsemmija qorti tqis li l-post ta’ importazzjoni tas-sigaretti jinsab fil-Polonja, peress li dawn daħlu fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni Ewropea fuq it-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Konsegwentement, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi huma kompetenti sabiex jistabbilixxu u jirkupraw il-VAT fuq l-importazzjoni biss bil-kundizzjoni li din it-taxxa titqies li tnisslet fil-Ġermanja abbażi ta’ finzjoni legali fir-rigward tal-post ta’ tnissil tagħha. Hija tesponi li l-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ jagħmel applikabbli, b’analoġija, l-Artikolu 215(4) tal-Kodiċi Doganali, li jistabbilixxi li d-dejn doganali jitqies li tnissel fl-Istat Membru li fih ikun ġie kkonstatat it-tnissil tad-dejn doganali meta l-ammont tad-dejn ikun inqas minn EUR 5 000. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mad-Direttiva 2006/112.

16      F’dan ir-rigward, din il-qorti tikkonsidra li r-riferiment għal-leġiżlazzjoni doganali magħmul mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112 ma jikkonċernax il-post ta’ tnissil tad-dejn tal-VAT. Minn naħa, din id-dispożizzjoni jidher li ma tirreferix għal-leġiżlazzjoni doganali għall-kundizzjonijiet kollha tat-tnissil tal-VAT. Min-naħa l-oħra, il-post ta’ importazzjoni jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Artikoli 60 u 61 tad-Direttiva 2006/112 sabiex jiġi ddeterminat il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli għall-VAT.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg), iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Imur kontra d-Direttiva [2006/112], b’mod partikolari kontra l-Artikoli 30 u 60 tagħha, il-fatt li dispożizzjoni ta’ Stat Membru tirrendi l-Artikolu 215(4) [tal-Kodiċi Doganali] applikabbli b’analoġija [għall-VAT] fuq l-importazzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30, l-Artikolu 60 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-Artikolu 215(4) tal-Kodiċi Doganali japplika b’analoġija għall-VAT fuq l-importazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-post fejn titnissel din il-VAT fuq l-importazzjoni.

19      Fir-rigward tal-importazzjoni ta’ merkanzija, l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li din tikkostitwixxi tranżazzjoni suġġetta għall-VAT. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi importazzjoni ta’ merkanzija bħala l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ merkanzija li ma hijiex f’ċirkulazzjoni libera fis-sens tal-Artikolu 29 TFUE.

20      L-Artikolu 60 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-importazzjoni ssir fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-merkanzija fid-data li fiha tiddaħħal fl-Unjoni.

21      Skont l-Artikolu 70 tal-istess direttiva, l-avveniment għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta mal-mument tal-importazzjoni tal-oġġetti.

22      Madankollu, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112, meta l-oġġetti importati jkunu suġġetti b’mod partikolari għal dazji doganali, l-avveniment iseħħ u l-VAT issir eżiġibbli fil-mument meta jseħħu l-avveniment u l-eżiġibbiltà ta’ dawn id-dazji.

23      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112 jawtorizza lill-Istati Membri jorbtu l-avveniment u l-eżiġibbiltà tal-VAT fuq l-importazzjoni ma’ dawk tad-dazji doganali. Din ir-rabta hija spjegata mill-fatt li l-VAT fuq l-importazzjoni u d-dazji doganali għandhom karatteristiċi essenzjali paragunabbli inkwantu jitnisslu minħabba l-importazzjoni fl-Unjoni u l-importazzjoni sussegwenti tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2022, Hauptzollamt Hamburg (Post ta’ tnissil tal-VAT – II), C-368/21, EU:C:2022:647, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Sabiex tiġi ddeterminata r-rabta bejn il-leġiżlazzjoni doganali u dik dwar il-VAT, prevista mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari, sabiex isir magħruf jekk din tikkonċernax ukoll il-post ta’ importazzjoni tal-merkanzija suġġetti għall-VAT fuq l-importazzjoni, għandha tiġi eżaminata l-portata tar-riferiment magħmul minn din id-dispożizzjoni għal-leġiżlazzjoni doganali.

25      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112 tirreferi biss għall-mument meta jseħħu l-avveniment u l-eżiġibbiltà tal-VAT. Din id-dispożizzjoni ma tipprevedix riferiment għal-leġiżlazzjoni doganali f’dak li jirrigwarda l-post tal-importazzjoni.

26      Skont interpretazzjoni letterali, ir-riferiment għal-leġiżlazzjoni doganali jikkonċerna għalhekk biss id-determinazzjoni tal-mument tal-avveniment u tal-eżiġibbiltà tal-VAT, u mhux id-determinazzjoni tal-post ta’ importazzjoni.

27      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tagħmel parti mit-Titolu VI ta’ din id-direttiva, li jikkonċerna l- “[a]vveniment li jagħti lok għal ħlas u imposizzjoni ta’ VAT”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 60 tal-imsemmija direttiva jinsab fit-Titolu V tal-istess direttiva, li huwa ddedikat speċifikament għall-“[p]ost ta’ transazzjonijiet taxxabbli” u, b’mod iktar speċifiku, taħt il-Kapitolu 4 ta’ dan it-titolu, intitolat “[p]ost tal-importazzjoni ta’ merkanzija”.

28      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistabbilixxix rabta ġenerali bejn id-Direttiva 2006/112 u l-Kodiċi Doganali, u, b’mod partikolari, ma jiddeterminax il-post ta’ importazzjoni tal-merkanzija għall-impożizzjoni fuqha tal-VAT.

29      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Ċertament, din ikkunsidrat li, fid-dawl tal-paralleliżmu bejn il-VAT fuq l-importazzjoni u d-dazji doganali, ikkonfermat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung, C-26/18, EU:C:2019:579, punt 41), dejn tal-VAT jista’ jiżdied mad-dejn doganali jekk l-aġir illegali li ġġenera dan id-dejn jippermetti li jiġi preżunt li l-merkanzija kkonċernata daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni u setgħet kienet is-suġġett ta’ konsum, u b’hekk jiskatta l-avveniment tal-VAT (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2022, Hauptzollamt Hamburg (Post ta’ tnissil tal-VAT – II), C-368/21, EU:C:2022:647, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Madankollu, din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata jekk jiġi stabbilit li, minkejja n-nuqqasijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali, li jwasslu għat-tnissil ta’ dejn doganali fuq l-importazzjoni fl-Istat Membru fejn twettqu dawn in-nuqqasijiet, ikun ġie introdott merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih din il-merkanzija kienet maħsuba għall-konsum. F’dan il-każ, l-avveniment tal-VAT fuq l-importazzjoni jseħħ f’dan l-Istat Membru l-ieħor (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2022, Hauptzollamt Hamburg (Post ta’ tnissil tal-VAT – II), C-368/21, EU:C:2022:647, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat l-interess tal-prinċipju ta’ territorjalità fiskali applikabbli għall-VAT. Fil-fatt, kuntrarjament għad-dazji doganali, li huma dovuti lill-Unjoni irrispettivament mill-Istat Membru li jirċevihom, id-dħul marbut mal-VAT fuq l-importazzjoni jappartjeni, konformement ma’ dan il-prinċipju, lill-Istat Membru fejn iseħħ il-konsum finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Collée, C-146/05, EU:C:2007:549, punt 37).

33      F’dan il-każ, skont l-indikazzjonijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari, is-sigaretti inkwistjoni fil-kawża prinċipali daħlu fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni fil-Polonja u kienu intiżi għall-konsum f’dan l-Istat Membru, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl b’mod partikolari tal-kwantità ta’ merkanzija importata illegalment fl-Unjoni u tal-mod kif din ġiet mixtrija u sussegwentement ittrasferita. Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-Polonja għandha għalhekk tkun ikkunsidrata bħala l-post fejn tnissel il-VAT fuq l-importazzjoni fuq dawn is-sigaretti.

34      Issa, id-determinazzjoni tal-post tal-importazzjoni ta’ merkanzija bl-applikazzjoni mhux tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, iżda, b’analoġija, tal-Artikolu 215(4) tal-Kodiċi Doganali timplika li, f’tali każ, id-dħul marbut mal-VAT fuq l-importazzjoni jmur għand l-Istat Membru li fih it-tnissil tad-dejn doganali ġie kkonstatat, skont il-finzjoni legali stabbilita minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fatt li jmur kontra l-portata tal-prinċipju ta’ territorjalità fiskali fil-qasam tal-VAT.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li s-sigaretti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu intiżi għall-konsum fil-Polonja, l-awtorità Ġermaniża kompetenti tkun obbligata tibgħat, mingħajr talba minn qabel, l-informazzjoni dwar il-qbid ta’ dawn is-sigaretti lill-awtorità Pollakka kompetenti, skont l-Artikolu 13(1) tar- Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, tas-7 ta’ Ottubru 2010, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2010, L 268, p. 1), sabiex b’mod partikolari jiġi evitat riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

36      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30, l-Artikolu 60 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-Artikolu 215(4) tal-Kodiċi Doganali japplika b’analoġija għall-VAT fuq l-importazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-post fejn titnissel din il-VAT fuq l-importazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30, l-Artikolu 60 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-Artikolu 215(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, japplika b’analoġija għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-post fejn titnissel din il-VAT fuq l-importazzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.