Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
17 ta’ Ottubru 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 14 u 15 – Iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi – Iċċarġjar permezz ta’ tagħmir ipprovdut minn kumpannija u li jippermetti l-aċċess għal network ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar operati minn diversi operaturi – Klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni għall-finijiet tal-VAT – ‘Kunsinna ta’ oġġetti’ – Trasferiment imwettaq skont kuntratt ta’ kummissjoni”
Fil-Kawża C-60/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2023, fil-proċedura
Skatteverket
vs
Digital Charging Solutions GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Skatteverket, minn A.-S. Pallasdies, bħala aġent,
– għal Digital Charging Solutions GmbH, minn U. Grefberg,
– għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder u F.-L. Göransson, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u Z. Fehér, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u M. Herold, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ April 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2010, L 10, p. 14) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Digital Charging Solutions GmbH, kumpannija stabbilita skont id-dritt Ġermaniż, u l-Iskatteverket (l-Awtorità tat-Taxxa, l-Isvezja) dwar il-validità ta’ deċiżjoni dwar it-taxxa adottata fit-8 ta’ April 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar it-taxxa”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:
“Fuq kull transazzjoni, [it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)], kalkulata fuq il-prezz tal–merkanzija jew tas-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali merkanzija jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.”
4 Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:
“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
(a) il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[...]
(ċ) il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[...]”
5 L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“1. ‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.
2. Flimkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kull waħda minn dawn li ġejjin għandha tiġi kkunisdrata bħala provvista ta’ merkanzija:
[...]
(ċ) it-trasferiment ta’ merkanzija skont kuntratt li bih titħallas kummissjoni meta jsir xiri jew bejgħ.
[...]”
6 Skont l-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva:
“Elettriku, gass, gass, sħana, kesħa u affarijiet simili għandhom jiġu ttrattati bħala proprjetà tanġibbli.”
Id-dritt Svediż
7 Skont il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 1 tal-mervärdesskattelagen (1994:200) (il-Liġi (1994:200) dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) tat-30 ta’ Marzu 1994 (SFS 1994, Nru 200) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), il-VAT hija dovuta fuq il-kunsinni ta’ oġġetti jew fuq il-provvisti ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali li huma taxxabbli u li jitwettqu minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.
8 L-Artikolu 6 ta’ dan il-kapitolu tal-Liġi dwar il-VAT jipprevedi li l-oġġetti tanġibbli, inkluż il-proprjetà immobbli, il-gass, is-sħana, il-kesħa u l-kurrent elettriku, għandhom jitqiesu bħala oġġetti. Dan l-artikolu jżid jgħid li kull forniment li ma jkunx jinvolvi oġġett għandu jitqies bħala provvista ta’ servizzi.
9 Il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi li l-kunsinna ta’ oġġetti hija, b’mod partikolari, iddefinita bħala t-trasferiment ta’ oġġetti bi ħlas, filwaqt li l-punt 1 tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan il-kapitolu jipprevedi li l-provvista ta’ servizzi hija ddefinita bħala servizz fornit, ittrasferit jew b’xi mod ieħor ipprovdut favur xi ħadd bi ħlas.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 Digital Charging Solutions għandha s-sede tan-negozju tagħha fil-Ġermanja u ma għandha ebda stabbiliment permanenti fl-Isvezja. Hija tipprovdi lill-utenti tal-vetturi elettriċi fl-Isvezja l-aċċess għan-network ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar. L-utenti kontinwament jirċievu informazzjoni dwar il-prezzijiet u dwar id-disponibbiltà tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar li jagħmlu parti minn dan in-network. Barra minn hekk, is-servizz ipprovdut jinkludi funzjonijiet sabiex wieħed ikun jista’ jfittex u jsib stazzjonijiet tal-iċċarġjar, kif ukoll sabiex wieħed ikun jista’ jippjana r-rotta sabiex jagħmel dan.
11 L-istazzjonijiet tal-iċċarġjar li jagħmlu parti mill-imsemmi network ma humiex operati minn Digital Charging Solutions, iżda minn operaturi li magħhom din tal-aħħar ikkonkludiet kuntratti bil-għan li l-utenti ta’ vetturi elettriċi jkunu jistgħu jiċċarġjaw dawn tal-aħħar. Għal dan il-għan, Digital Charging Solutions tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-utenti card u applikazzjoni informatika li jagħmluha possibbli għal dawn tal-aħħar li jawtentikaw ruħhom. Meta jsir użu mill-card u mill-applikazzjoni, is-sessjonijiet ta’ ċċarġjar jiġu rreġistrati mal-operatur tan-netwerk tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar, liema operatur jagħmel fattura ta’ dawn is-sessjonijiet lil Digital Charging Solutions. Il-fattura tinħareġ fl-aħħar ta’ kull xahar u l-ħlas għandu jsir fi żmien 30 jum.
12 Abbażi tal-fatturi maħruġa mill-operaturi tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar, Digital Charging Solutions tagħmel fattura, kull xahar ukoll, lill-utenti tal-card jew tal-applikazzjoni, bħala elementi separati, l-ewwel nett, tal-kwantità ta’ elettriku pprovdut, u, it-tieni nett, tal-aċċess għan-network u għas-servizzi relatati. Il-prezz tal-elettriku jvarja, iżda għandha titħallas tariffa fissa għall-aċċess għan-network u għal dawn is-servizzi. Din it-tariffa għandha ssir fattura tagħha, indipendentement mill-fatt jekk l-utent ikunx tassew xtara l-elettriku matul il-perijodu inkwistjoni jew le. Ma huwiex possibbli li wieħed jixtri biss l-elettriku mingħand Digital Charging Solutions mingħajr ma jħallas ukoll għall-aċċess għan-network u għall-imsemmija servizzi.
13 Fl-14 ta’ April 2021, Digital Charging Solutions adixxiet lill-iSkatterättsnämnden (il-Kummissjoni tad-Dritt Fiskali, l-Isvezja) b’talba għal deċiżjoni dwar it-taxxa. Fit-8 ta’ April 2022, din il-kummissjoni adottat deċiżjoni dwar it-taxxa li tgħid li l-provvista minn Digital Charging Solutions kienet tikkostitwixxi tranżazzjoni kumplessa kkaratterizzata prinċipalment mill-provvista tal-elettriku lill-utenti u li l-post tal-kunsinna kellu jitqies li huwa fl-Isvezja.
14 L-Awtorità tat-Taxxa ppreżentat rikors quddiem l-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju, u talbet li tiġi kkonfermata d-deċiżjoni dwar it-taxxa. Digital Charging Solutions ippreżentat ukoll rikors quddiem dik il-qorti, li permezz tiegħu talbet li tiġi emendata d-deċiżjoni dwar it-taxxa. Digital Charging Solutions sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li, f’dan il-każ, hemm żewġ provvisti distinti, jiġifieri provvista ta’ elettriku u provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għan-network tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar, b’mod li hija biss l-provvista tal-elettriku li għandha tiġi ntaxxata fl-Isvezja.
15 Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-maġġoranza tal-membri tal-Kummissjoni tad-Dritt Fiskali tqis li l-operaturi tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar jipprovdu l-elettriku lil Digital Charging Solutions li, min-naħa tagħha, imbagħad tipprovdih lill-utenti. Dan jammonta għalhekk għal sensiela ta’ tranżazzjonijiet fejn dawn l-operaturi ma humiex marbuta kuntrattwalment ma’ dawn l-utenti.
16 Minoranza tal-membri ta’ din il-kummissjoni tqis, għall-kuntrarju, li Digital Charging Solutions tipprovdi lill-utenti servizz li jikkonsisti, b’mod partikolari, fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar ta’ network ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar, liema servizz jimmaterjalizza ruħu bil-fatturazzjoni tiegħu, u li jkun ifisser, għalhekk, li hija tagħti lill-utenti forma ta’ kreditu għax-xiri tal-elettriku bħalma ġie deċiż, f’ċirkustanzi fattwali oħra, fis-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, Auto Lease Holland (C-185/01, EU:C:2003:73), u tal-15 ta’ Mejju 2019, Vega International Car Transport and Logistic (C-235/18, EU:C:2019:412). Dan l-approċċ jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-utent huwa liberu li jagħżel il-kundizzjonijiet, bħal, fost oħrajn, il-kwalità, il-kwantità, il-ħin tax-xiri u l-mod kif jintuża l-elettriku.
17 Issa, il-qorti tar-rinviju, sabiex tiddeċiedi t-tilwima li għandha pendenti quddiemha, tistaqsi dwar il-portata li għandha tingħata lill-ġurisprudenza li tirriżulta minn dawn is-sentenzi.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) Provvista lill-utent ta’ vettura elettrika li tikkonsisti fl-iċċarġjar tal-vettura f’punt ta’ ċċarġjar tikkostitwixxi provvista ta’ oġġetti taħt l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2006/112]?
(2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, tali provvista għandha għaldaqstant titqies li hija preżenti fl-istadji kollha ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet li tinkludi kumpannija intermedjarja, fejn il-katina ta’ tranżazzjonijiet tkun akkumpanjata minn kuntratt f’kull stadju, iżda l-utent tal-vettura biss għandu d-dritt li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet bħall-kwantità, il-ħin tax-xiri u l-post tal-iċċarġjar, kif ukoll kif l-elettriku għandu jintuża?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
19 Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ elettriku sabiex tiġi ċċarġjata vettura elettrika fi stazzjon tal-iċċarġjar li jagħmel parti minn network pubbliku ta’ tali stazzjonijiet tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.
20 Għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta minn kliem l-ewwel domanda, din tal-aħħar tirrigwarda l-att li jikkonsisti fl-iċċarġjar ta’ vettura elettrika minn stazzjon tal-iċċarġjar, indipendentement mill-intervent ta’ kumpannija distinta tal-operatur tan-network ta’ dawn l-istazzjonijiet sabiex l-utent jingħata aċċess għall-imsemmi network, liema intervent huwa s-suġġett tat-tieni domanda.
21 L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li t-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn oġġett tanġibbli għandu jitqies bħala kunsinna ta’ oġġetti. Dan il-kunċett jinkludi kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ oġġett tanġibbli minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra sabiex effettivament tiddisponi minn dan l-oġġett bħallikieku kienet sidtu (sentenza tal-20 ta’ April 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, C-282/22, EU:C:2023:312, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 B’hekk, it-tranżazzjoni li tikkonsisti fil-provvista tal-elettriku lejn il-batterija ta’ vettura elettrika tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti sa fejn din it-tranżazzjoni tawtorizza lill-utent tal-istazzjon tal-iċċarġjar jikkonsma, sabiex ikun jista’ jħaddem il-vettura tiegħu, l-elettriku ttrasferit, li, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/112, huwa ekwiparat għal oġġett tanġibbli (sentenza tal-20 ta’ April 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, C-282/22, EU:C:2023:312, point 38).
23 Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ elettriku sabiex tiġi ċċarġjata vettura elettrika fi stazzjon tal-iċċarġjar li jagħmel parti minn network pubbliku ta’ tali stazzjonijiet tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.
Fuq it-tieni domanda
24 Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-iċċarġjar ta’ vettura elettrika minn network ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi li l-utent ikollu aċċess għalih permezz ta’ abbonament konkluż ma’ kumpannija li ma tkunx l-operatur ta’ dan in-network jimplika li l-elettriku kkonsmat ikun kkunsinnat, l-ewwel nett, mill-operatur tal-imsemmi network lill-kumpannija li toffri l-aċċess għal dan tal-aħħar u, it-tieni nett, minn din il-kumpannija lil dan l-utent, anki jekk dan tal-aħħar jagħżel il-kwantità, il-mument u l-post tal-iċċarġjar kif ukoll il-mod kif jintuża l-elettriku.
25 Billi tispeċifika li l-utenti tal-vetturi elettriċi jagħżlu l-kwantità, il-ħin u l-post tal-iċċarġjar kif ukoll il-mod kif jintuża l-elettriku, it-tieni domanda tikkorrispondi mad-domandi ta’ dik il-qorti dwar il-portata tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, Digital Charging Solutions ma tistax titqies li tikkunsinna oġġett lil dawn l-utenti iżda għandha titqies li teżerċita, fir-realtà, funzjonijiet ta’ fornitur ta’ kreditu fir-rigward tal-imsemmija utenti.
26 Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti” ma jirreferix għat-trasferiment ta’ proprjetà skont il-proċeduri previsti fid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jinkludi kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ oġġett tanġibbli minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra li tiddisponi minnha bħallikieku kienet sidt dan l-oġġett (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Evita-K, C-78/12, EU:C:2013:486, punt 33, u tal-21 ta’ Novembru 2013, Dixons Retail, C-494/12, EU:C:2013:758, punt 20).
27 Issa, it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn oġġett tanġibbli, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112, la jeħtieġ li l-parti li lilha jiġi ttrasferit dan l-oġġett tanġibbli tkun iżżomm dan l-oġġett b’mod fiżiku u lanqas li l-imsemmi oġġett tanġibbli jkun fiżikament ittrasportat lilha u/jew li hija tirċevih fiżikament (digriet tal-15 ta’ Lulju 2015, Koela-N, C-159/14, EU:C:2015:513, punt 38).
28 B’hekk, l-istess oġġett jista’ jkun is-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 u dan filwaqt li, b’ordni ta’ xi ħadd jew ieħor, jiġi trażmess direttament mill-ewwel bejjiegħ lit-tieni xerrej (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Kuršu zeme, C-273/18, EU:C:2019:588, punt 36).
29 Dawn l-evalwazzjonijiet jgħoddu wkoll għall-elettriku, li, skont dak li tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, huwa ekwiparat għal oġġett tanġibbli skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/112.
30 Madankollu, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika, li, bħala prinċipju, hija riflessa fil-ftehimiet kuntrattwali, jikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS, C-260/95, EU:C:1997:77, punt 23, u tat-28 ta’ Frar 2023, Fenix International, C-695/20, EU:C:2023:127, punt 72, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
31 F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-operaturi tan-network tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għandhom rabtiet kuntrattwali biss ma’ Digital Charging Solutions u li, skont il-ftehimiet relatati magħhom, din il-kumpannija tipprovdi cards u applikazzjoni ta’ awtentikazzjoni li jagħtu aċċess għal dan in-network lill-utenti li jkunu għażlu li jintrabtu kuntrattwalment magħha, u b’hekk tagħmilha possibbli għal dawn l-utenti li jiċċarġjaw il-vetturi elettriċi tagħhom minn stazzjonijiet li jagħmlu parti mill-imsemmi network. Kif ġie mfisser fil-punti 11 u 12 ta’ din is-sentenza, l-operaturi li joperaw dawn l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar jagħmlu, kull xahar, fattura lil Digital Charging Solutions tal-ispiża tal-elettriku kkunsinnat u din il-kumpannija tal-aħħar tagħmel fattura mill-ġdid, ukoll kull xahar, ta’ din l-ispiża lill-utenti, li magħha jiżdied il-ħlas għas-servizzi konnessi, permezz ta’ tariffa li l-ammont tagħha la jiddependi mill-kwantità ta’ elettriku kkunsinnat, u għalhekk mill-ispiża ta’ dan l-elettriku, u lanqas min-numru ta’ sessjonijiet ta’ ċċarġjar.
32 Bħalma essenzjalment osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma differenti minn dawk tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, Auto Lease Holland (C-185/01, EU:C:2003:73), u tal-15 ta’ Mejju 2019, Vega International Car Transport and Logistic (C-235/18, EU:C:2019:412).
33 F’dan ir-rigward, sa fejn għandha x’taqsam l-ewwel waħda minnhom, għandu jiġi osservat li t-tranżazzjoni relatata mal-għoti tal-fuel lill-vettura inkwistjoni f’dik il-kawża kienet taqa’ fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ leasing u li, f’dan il-kuntest, ġara li, filwaqt li ttieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, b’differenza mill-metodi ta’ fatturazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’din il-kawża, il-pagamenti fix-xahar lill-kumpannija tal-leasing kienu jirrappreżentaw biss ħlas bil-quddiem u l-konsum effettiv kien stabbilit fl-aħħar tas-sena, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ftehim dwar il-ġestjoni tal-petrol kien jikkostitwixxi kuntratt ta’ finanzjament, anki jekk parzjali, għax-xiri tal-petrol u li l-kumpannija tal-leasing kienet effettivament teżerċita funzjonijiet ta’ fornitur ta’ kreditu fir-rigward tal-persuna li tieħu l-vettura b’leasing (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, Auto Lease Holland, C-185/01, EU:C:2003:73, punti 35 u 36). Sa fejn għandha x’taqsam it-tieni kawża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’din il-kawża lanqas ma huma analogi għal dawk li fihom kumpannija omm tiddeċiedi li l-għoti ta’ petrol lis-sussidjarji tagħha isir permezz ta’ cards tal-petrol li hija tipprovdilhom u li jistgħu jintużaw fil-pompi tal-petrol tal-fornituri indikati minn din il-kumpannija omm (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Vega International Car Transport and Logistic, C-235/18, EU:C:2019:412, punti 14 u 36).
34 In-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ kreditu li jippermetti li x-xiri tal-elettriku jiġi ffinanzjat minn qabel huwa kkorroborat mill-kundizzjonijiet li jirregolaw il-mod kif għandu jiġi ffissat il-ħlas bejn l-utenti tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar u Digital Charging Solutions. Fil-fatt, kif proprju ġie mfisser fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, din il-kumpannija ma tirċevix ħlas f’forma ta’ perċentwali tal-ammont tal-konsum tal-elettriku ffatturat, iżda tirċievi tariffa fissa li hija indipendenti mill-kwantità ta’ elettriku pprovdut lill-utent jew min-numru ta’ sessjonijiet ta’ ċċarġjar.
35 Minn dan jirriżulta li għalkemm, bħal fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, huwa l-utent li jiddeċiedi meta jixtri l-elettriku, fejn jixtri l-elettriku u l-kwantità ta’ elettriku li jixtri, l-insenjamenti li jirriżultaw minn dawn is-sentenzi ma jistgħux, madankollu, jiġu trasposti għall-kuntest tal-kawża prinċipali.
36 F’dan il-każ, kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, l-istipulazzjonijiet kuntrattwali bejn, minn naħa, l-operaturi tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar u Digital Charging Solutions u bejn, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar u l-utenti ta’ dawn l-istazzjonijiet, jimplikaw, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, li huma l-utenti li għandhom, meta jidhrilhom li għandhom jagħmlu dan, jagħtu bidu għall-provvista tal-elettriku fil-post, fil-ħin u fil-kwantità tal-għażla tagħhom. Min-naħa tagħha, Digital Charging Solutions ma tintrabatx, fir-rigward tal-operaturi tan-network ta’ tali stazzjonijiet, li tixtri, b’mod awtonomu u indipendenti mid-deċiżjonijiet tal-utenti, kwantità kwalunkwe ta’ elettriku, iżda jidher li għandha, kif jirriżulta mill-kliem stess tat-tieni domanda, ir-rwol ta’ intermedjarju.
37 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat dan l-arranġament ta’ relazzjonijiet kuntrattwali fid-dawl tal-Artikolu 14(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, li jirregola t-trasferiment ta’ oġġett skont kuntratt ta’ kummissjoni għax-xiri jew għall-bejgħ u li, fid-dawl tad-definizzjoni ġenerali tal-kunsinna ta’ oġġetti stabbilita fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi lex specialis li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha huma ta’ natura awtonoma meta mqabbla ma’ dawk ta’ dan il-paragrafu 1 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C-604/19, EU:C:2021:132, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 L-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, għandu jkun hemm mandat li permezz tiegħu l-aġent tal-kummerċ (commission agent) jintervjeni, f’isem il-prinċipal, fil-kunsinna ta’ oġġetti u, min-naħa l-oħra, il-kunsinna tal-oġġetti akkwistati mill-aġent tal-kummerċ u l-kunsinna tal-oġġetti mibjugħa jew ittrasferiti għandhom ikunu identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2020, ITH Comercial Timișoara, C-734/19, EU:C:2020:919, punt 51).
39 Kemm-il darba jkunu ssodisfatti dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, l-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva 2006/112 joħloq il-finzjoni legali ta’ żewġ kunsinni ta’ oġġetti li jseħħu b’mod konsekuttiv u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. Bis-saħħa ta’ din il-finzjoni, persuna taxxabbli li, filwaqt li taġixxi f’isimha stess iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, tintervjeni f’kunsinna ta’ oġġetti, għandha titqies li tkun irċeviet u kkunsinnat personalment l-oġġetti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2020, ITH Comercial Timișoara, C-734/19, EU:C:2020:919, punti 49 u 50, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
40 F’każ bħal dan, il-persuna taxxabbli inkwistjoni għandha, skont l-Artikolu 14(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, rwol ekonomiku ċert fil-kunsinna tal-oġġetti inkwistjoni, u dan jippermetti li din tiġi kklassifikata bħala intermedjarju li jaġixxi f’ismu stess iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Athesia Druck, C-1/08, EU:C:2009:108, punti 35 u 36).
41 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li huwa konformi man-natura ta’ kuntratt ta’ kummissjoni għax-xiri tal-elettriku sabiex tiġi ċċarġjata vettura elettrika li l-għażla tal-kwalità, tal-kwantità, tal-mument tax-xiri u tal-mod kif jintuża l-elettriku hija tal-utent tal-istazzjon tal-iċċarġjar u mhux tal-aġent tal-kummerċ.
42 F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li r-rabtiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu analizzati bħala kuntratti ta’ kummissjoni għall-bejgħ konklużi bejn l-operaturi tan-network ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar, fil-kwalità tagħhom ta’ prinċipali, u Digital Charging Solutions, fil-kwalità tagħha ta’ aġent tal-kummerċ, li taħthom dawn l-operaturi jawtorizzaw lil din l-aħħar tbigħ l-elettriku, f’isimha stess iżda għall-benefiċċju tagħhom, lill-utenti ta’ vetturi elettriċi. Fi kwalunkwe każ, bla ħsara tal-verifiki ta’ natura fattwali li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ir-rabtiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kklassifikati wkoll bħala kuntratti ta’ kummissjoni għax-xiri konklużi bejn l-utenti ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar, fil-kwalità tagħhom ta’ prinċipali, u Digital Charging Solutions, fil-kwalità tagħha ta’ aġent tal-kummerċ, li taħthom dawn l-utenti jawtorizzaw lil din l-aħħar tixtri, mingħand l-operaturi ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar, f’isimha stess iżda għall-benefiċċju tagħhom, elettriku intiż li jiġi pprovdut lilhom sabiex jiċċarġjaw il-vetturi elettriċi tagħhom.
43 Dan ifisser li l-ewwel kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 tidher li hija ssodisfatta.
44 Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, din tidher issodisfatta wkoll, sa fejn il-kunsinni ta’ oġġetti li jitqiesu li ġew akkwistati mill-aġent tal-kummerċ u l-kunsinni tal-oġġetti mibjugħa jew ittrasferiti minnu huma identiċi.
45 F’dan ir-rigward, peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda wkoll il-kwistjoni dwar jekk il-provvista mwettqa minn Digital Charging Solutions tikkostitwixxix tranżazzjoni kumplessa li l-element karatteristiku u predominanti tagħha huwa l-provvista tal-elettriku jew jekk din il-provvista hijiex magħmula minn żewġ provvisti distinti, jiġifieri provvista ta’ elettriku u provvista ta’ aċċess għan-network ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar, għandhom jiġu identifikati l-fatturi determinanti għall-finijiet ta’ tali klassifikazzjoni u għandu jiġi ppreċiżat sa fejn din il-klassifikazzjoni tista’ twassal għal konsegwenzi fir-rigward tat-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.
46 Għandu jitfakkar li, meta tranżazzjoni tkun magħmula minn sensiela ta’ elementi u ta’ atti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ din it-tranżazzjoni sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk it-tranżazzjoni msemmija tkunx tagħti lok, għall-finijiet tal-VAT, għal żewġ provvisti distinti jew iktar jew għal provvista unika u, min-naħa l-oħra, jekk, f’dan il-każ tal-aħħar, din il-provvista unika għandhiex tiġi kklassifikata bħala “kunsinna ta’ oġġetti” jew bħala “provvista ta’ servizzi” (sentenza tal-20 ta’ April 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, C-282/22, EU:C:2023:312, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 B’mod partikolari, għalkemm mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li kull tranżazzjoni għandha normalment titqies bħala distinta u indipendenti, it-tranżazzjoni li, minn perspettiva ekonomika, hija magħmula minn provvista waħda ma għandhiex tinqasam b’mod artifiċjali sabiex b’hekk ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT. F’dan ir-rigward, għandu jitqies li teżisti provvista unika meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli lill-klijent ikunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli, li l-qsim tagħha ikun wieħed artifiċjali (sentenza tal-20 ta’ April 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, C-282/22, EU:C:2023:312, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Barra minn hekk, f’ċerti ċirkustanzi, diversi provvisti formalment distinti, li jistgħu jiġu pprovduti b’mod separat u b’hekk jagħtu lok, kull waħda minnhom, għal tassazzjoni jew għal eżenzjoni, għandhom jitqiesu li huma tranżazzjoni unika meta ma jkunux indipendenti. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta element wieħed jew iktar ikunu jitqiesu li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali filwaqt li elementi oħra għandhom, għall-kuntrarju, jitqiesu bħala provvista jew provvisti anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li japplika għall-provvista prinċipali. B’mod partikolari, provvista għandha titqies li hija anċillari għal provvista prinċipali meta ma tkunx tikkostitwixxi skop fiha nnifisha għall-klijenti, iżda l-mezz sabiex il-provvista prinċipali titgawda taħt l-aħjar kundizzjonijiet (sentenza tal-20 ta’ April 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, C-282/22, EU:C:2023:312, punti 29 u 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
49 Fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, il-benefiċċju kkonċernat ikunx jikkostitwixxi provvista unika u li għandhom jagħmlu l-evalwazzjonijiet definittivi kollha ta’ fatt f’dan ir-rigward (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, C-282/22, EU:C:2023:312, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiggwida lill-imsemmija qrati fir-rigward tal-interpetazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, liema gwida tista’ tkun utli għalihom sabiex jaqtgħu l-kawża li jkollhom quddiemhom (sentenza tat-18 ta’ April 2024, Companhia União de Crédito Popular, C-89/23, EU:C:2024:333, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 F’dan il-każ, kif intqal fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, Digital Charging Solutions tagħmel fattura, ta’ kull xahar, lill-utenti, minn naħa, tal-ispiża tal-elettriku li huma jkunu xtraw sabiex jiċċarġjaw il-vetturi tagħhom u, min-naħa l-oħra, ta’ tariffa fissa bħala ħlas għall-aċċess għan-network ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar, għall-informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-elettriku u dwar id-disponibbiltà ta’ dawn l-istazzjonijiet u għall-funzjonijiet sabiex wieħed ikun jista’ jfittex u jsib l-imsemmija stazzjonijiet tal-iċċarġjar, kif ukoll sabiex wieħed ikun jista’ jippjana r-rotta sabiex jagħmel dan.
51 F’dan ir-rigward, kif ġie mfisser fil-punt 30ta’ din is-sentenza, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika, kif riflessa, bħala prinċipju, fil-ftehimiet kuntrattwali, jikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT.
52 Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk il-provvista tal-elettriku minn kumpannija bħal Digital Charging Solutions sabiex tiġi ċċarġjata vettura elettrika tifformax, flimkien mal-provvisti l-oħra deskritti fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, tranżazzjoni kumplessa unika tista’ tiddependi mill-kundizzjonijiet li taħthom il-ħlas għal din il-provvista u għal dawn is-servizzi jsir dovut skont il-ftehimiet kuntrattwali relatati magħha.
53 B’hekk, servizzi ta’ aċċess għal tagħmir ta’ ċċarġjar, ta’ assistenza teknika, ta’ prenotazzjoni ta’ stazzjon tal-iċċarġjar, ta’ konsultazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ċċarġjar preċedenti jew ta’ akkumulu ta’ krediti f’portafoll diġitali li ma jkunux ipprovduti bi ħlas ta’ tariffa fissa u indipendenti minn kull provvista tal-elettriku jistgħu jitqiesu li jifformaw, flimkien ma’ din il-provvista, tranżazzjoni kumplessa unika għall-finijiet tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, C-282/22, EU:C:2023:312, punt 32).
54 Mill-banda l-oħra, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 24 sa 29 tal-konklużjonijiet tagħha, meta l-utent ikollu jħallas għal dawn is-servizzi l-oħra fil-forma ta’ tariffa fissa separata u pagabbli kull xahar, indipendentement minn kull provvista ta’ elettriku, għandu jitqies, bla ħsara tal-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li dawn is-servizzi huma distinti u indipendenti mill-provvista tal-elettriku nnifisha.
55 Fil-fatt, li kellu jitqies, f’ċirkustanzi bħal dawn, li s-servizzi inkwistjoni huma inseparabbli mill-provvista tal-elettriku jew purament anċillari għaliha, b’tali mod li jifformaw, flimkien ma’ din il-provvista, tranżazzjoni kumplessa unika tista’ tinjora artifiċjalment ir-realtà ekonomika fuq żewġ aspetti. Dan jikkonċerna, l-ewwel nett, il-perijodi mensili li matulhom l-utent ma jiġix ipprovdut l-elettriku, minkejja li huwa obbligat iħallas, skont l-istipulazzjonijiet kuntrattwali li jorbtuh ma’ Digital Charging Solutions, it-tariffa fissa relatata ma’ dawn is-servizzi. Dan jikkonċerna, it-tieni nett, il-fatt li, skont dawn l-istipulazzjonijiet, din it-tariffa, li hija ffatturata bħala element separat, la tvarja skont il-kwantità ta’ elettriku pprovdut lill-utent u lanqas skont in-numru ta’ sessjonijiet ta’ ċċarġjar li jkunu seħħew fl-istess perijodu mensili.
56 Barra minn hekk, sa fejn l-utent jista’ jiċċarġja l-vettura tiegħu minn networks ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar li jinsabu f’diversi Stati Membri u li, għaldaqstant, il-post tal-kunsinna tal-elettriku jista’ jvarja skont ix-xiri li jsir, it-trattament tal-imsemmija servizzi bħala li jifformaw l-element aċċessorju ta’ tranżazzjoni unika kumplessa li l-provvista prinċipali tagħha hija kkostitwita mill-provvista tal-elettriku jkun iktar artifiċjali mill-perspettiva tar-realtà ekonomika.
57 F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, il-provvista tal-elettriku nnifisha minn Digital Charging Solutions lill-utent ma għandha ebda differenza mill-provvista tal-elettriku mill-operatur tal-istazzjon tal-iċċarġjar lil din il-kumpannija, b’mod li t-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 14(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 hija ssodisfatta.
58 Madankollu, ma jistax jiġi dedott mill-premess li din it-tieni kundizzjoni ma tkunx issodisfatta li kellha l-qorti tar-rinviju tqis li l-provvista mwettqa minn Digital Charging Solutions tikkostitwixxi tranżazzjoni unika u kumplessa, li l-element karatteristiku u predominanti tagħha huwa l-provvista tal-elettriku.
59 Effettivament, kif ġie mfisser fil-punti 47 u 48 ta’ din is48-sentenza, tali klassifikazzjoni tirriżulta mill-fatt li s-servizzi l-oħra pprovduti minn din il-kumpannija jitqiesu bħala inseparabbli mill-provvista ta’ elettriku jew bħala purament anċillari għal din tal-aħħar. Konsegwentement, dawn is-servizzi, li jiġġustifikaw il-ħlas lill-intermedjarju, huma maħsuba biss sabiex jippermettu l-provvista lill-utent ta’ stazzjon tal-iċċarġjar tal-elettriku li huwa s-suġġett tal-kunsinna ta’ oġġetti li hija meqjusa li twettqet mill-operatur ta’ dan l-istazzjon lil dan l-intermedjarju.
60 Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iċċarġjar ta’ vettura elettrika minn network ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi li l-utent ikollu aċċess għalih permezz ta’ abbonament konkluż ma’ kumpannija li ma tkunx l-operatur ta’ dan in-network jimplika li l-elettriku kkonsmat ikun ikkunsinnat, l-ewwel nett, mill-operatur tal-imsemmi network lill-kumpannija li toffri l-aċċess għal dan tal-aħħar u, it-tieni nett, minn din il-kumpannija lil dan l-utent, anki jekk dan tal-aħħar jagħżel il-kwantità, il-mument u l-post tal-iċċarġjar kif ukoll il-mod kif jintuża l-elettriku, u dan meta din il-kumpannija tkun taġixxi f’isimha stess iżda għall-benefiċċju tal-utent taħt kuntratt ta’ kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(ċ) ta’ din id-direttiva.
Fuq l-ispejjeż
61 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva 2009/162/UE tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2009, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/112, kif emendata,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
il-provvista ta’ elettriku sabiex tiġi ċċarġjata vettura elettrika fi stazzjon tal-iċċarġjar li jagħmel parti minn network pubbliku ta’ tali stazzjonijiet tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-ewwel minn dawn id-dispożizzjonijiet.
2) L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2009/162, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/112, kif emendata,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
l-iċċarġjar ta’ vettura elettrika minn network ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi li l-utent ikollu aċċess għalih permezz ta’ abbonament konkluż ma’ kumpannija li ma tkunx l-operatur ta’ dan in-network jimplika li l-elettriku kkonsmat ikun ikkunsinnat, l-ewwel nett, mill-operatur tal-imsemmi network lill-kumpannija li toffri l-aċċess għal dan tal-aħħar u, it-tieni nett, minn din il-kumpannija lil dan l-utent, anki jekk dan tal-aħħar jagħżel il-kwantità, il-mument u l-post tal-iċċarġjar kif ukoll il-mod kif jintuża l-elettriku, u dan meta din il-kumpannija tkun taġixxi f’isimha stess iżda għall-benefiċċju tal-utent taħt kuntratt ta’ kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, kif emendata.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.