Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

11 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(a) – Artikolu 9(1) – Artikolu 14(2)(a) – Kunsinna ta’ oġġetti taxxabbli – Trasferiment, bi ħlas ta’ kumpens, tal-proprjetà ta’ art agrikola bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-awtorità pubblika – Esproprjazzjoni”

Fil-Kawża C-182/23 (Makowit) (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej

vs

J.S.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għad-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, minn B. Kołodziej u T. Wojciechowski,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J.S. u d-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (id-Direttur tal-Informazzjoni Fiskali Nazzjonali, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Fiskali”) dwar talba intiża għall-annullament ta’ deċiżjoni tat-taxxa tal-31 ta’ Ottubru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-taxxa”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma suġġetti għall-VAT il-kunsinni ta’ oġġetti, imwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

4        L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5        L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      ‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.

2.      Flimkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kull waħda minn dawn li ġejjin għandha tiġi kkunisdrata bħala provvista ta’ merkanzija:

(a)      it-trasferiment, b’ordni ta’ jew f’isem awtorità pubblika jew skond il-liġi, tad-dritt ta’ proprjetà bi ħlas ta’ kumpens;

[…]”

6        L-Artikolu 167 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

 Id-dritt Pollakk

7        L-Artikolu 7(1) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi) tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal-2022, pożizzjoni 931), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprevedi:

“Il-kunsinna ta’ oġġetti, imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 5(1), tfisser trasferimenti tas-setgħa ta’ użu tal-oġġetti bħala proprjetarju, inkluż:

1)      it-trasferiment, skont ordni ta’ awtorità pubblika jew ta’ entità li taġixxi f’isem din l-awtorità, jew it-trasferiment, skont il-liġi, tal-proprjetà ta’ oġġetti permezz ta’ ħlas ta’ kumpens;

[…]”

8        Skont l-Artikolu 15(1) sa (2) ta’ din il-liġi:

“1.      Il-persuni ġuridiċi, l-organizzazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika u l-persuni fiżiċi li jwettqu, fuq bażi indipendenti, waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2, irrispettivament mill-iskop u mir-riżultati ta’ din l-attività, huma kkunsidrati bħala persuni taxxabbli.

2.      Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jipprovdu servizzi, inklużi l-attivitajiet tal-persuni li jagħmlu użu mir-riżorsi naturali, tal-bdiewa u tal-professjonijiet liberali, għandha titqies bħala attività ekonomika. L-attività ekonomika tinkludi b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet li jikkonsistu fl-użu ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli b’mod kontinwu għal skopijiet ta’ dħul.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        J.S. imexxi azjenda agrikola li fuqha ilu jeżerċita attività ta’ trobbija ta’ baqar tal-ħalib u ta’ produzzjoni tal-ħalib mill-2001. Huwa rreġistrat bħala persuna taxxabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) minn Jannar 2013. Fl-2003, imbagħad fl-2015, huwa xtara rqajja’ ta’ art intiżi sabiex ikabbar din l-azjenda. Dan l-akkwist la kien suġġett għall-VAT u lanqas ma kien suġġett għal tnaqqis tal-VAT.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Provinċja, awtorità tal-amministrazzjoni pubblika, tas-6 ta’ Marzu 2017, il-proprjetà ta’ parti mill-irqajja’ ta’ art li fuqhom tinsab l-azjenda ta’ J.S. ġiet ittrasferita lis-Skarb Państwa (it-Teżor Pubbliku, il-Polonja) għall-finijiet tat-twettiq ta’ investimenti intiżi għat-toroq. Fl-istess ħin, il-Provinċja bdiet proċedura għad-determinazzjoni tal-kumpens dovut lil J.S. għat-trasferiment tal-proprjetà tal-irqajja’ ta’ art akkwistati mit-Teżor Pubbliku.

11      F’dan il-kuntest, J.S. ressaq, quddiem l-Awtorità Fiskali, talba għal deċiżjoni tat-taxxa intiża sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk kellux jitqies li huwa suġġett għall-VAT minħabba l-bejgħ ta’ rqajja’ ta’ art akkwistati mit-Teżor Pubbliku għall-finijiet tat-twettiq ta’ investimenti intiżi għat-toroq u, min-naħa l-oħra, jekk il-kumpens irċevut għal dan l-għan kellux ikun suġġett għall-VAT. Fil-fehma tiegħu, kellhom jingħataw tweġibiet negattivi għal dawn il-mistoqsijiet.

12      Permezz tad-deċiżjoni tat-taxxa, l-Awtorità Fiskali qieset li t-trasferiment permezz ta’ esproprjazzjoni tal-proprjetà ta’ rqajja’ ta’ art lit-Teżor Pubbliku, għall-finijiet tat-twettiq ta’ investimenti intiżi għat-toroq, kellu jitqies bħala kunsinna ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas minn J.S., li jaġixxi bħala entità li teżerċita attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 15(2) tal-Liġi dwar il-VAT, jiġifieri bħala persuna suġġetta għall-VAT.

13      J.S. ikkontesta din l-interpretazzjoni quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja), li annullat id-deċiżjoni tat-taxxa permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2018. Fil-motivi, dik il-qorti enfasizzat li J.S. ma kien ħa ebda passi sabiex ibigħ l-irqajja’ ta’ art inkwistjoni u li l-esproprjazzjoni tagħhom kienet ġiet deċiża indipendentement mir-rieda tiegħu. Għalhekk, skont l-imsemmija qorti, din l-esproprjazzjoni ma kinitx relatata mal-attività agrikola ta’ J.S. u, konsegwentement, dan tal-aħħar ma kienx aġixxa bħala persuna suġġetta għall-VAT meta l-irqajja’ ta’ art inkwistjoni kienu ġew ittrasferiti lit-Teżor Pubbliku.

14      L-Awtorità Fiskali ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn dik is-sentenza quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, fejn sostniet b’mod partikolari li l-akkwist, permezz ta’ esproprjazzjoni, tal-irqajja’ ta’ art inkwistjoni kien marbut mal-eżerċizzju professjonali, minn J.S., ta’ attività ekonomika li tikkonsisti fl-użu tal-imsemmija rqajja’ ta’ art fil-kuntest tal-attività agrikola tiegħu. Għaldaqstant, dan l-akkwist kellu, fil-fehma tagħha, jitqies bħala kunsinna ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas li għandha tkun suġġetta għall-VAT.

15      Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli permezz ta’ esproprjazzjoni favur it-Teżor Pubbliku, għall-finijiet tal-kostruzzjoni ta’ toroq pubbliċi, għandux jitqies bħala kunsinna ta’ oġġetti mwettqa minn persuna taxxabbli li teżerċita attività ekonomika, minħabba li din il-persuna taxxabbli kienet użat l-imsemmija proprjetà immobbli fil-kuntest tal-attività ekonomika agrikola tagħha.

16      Fl-ewwel lok, dik il-qorti tosserva li, f’dan il-każ, mid-deskrizzjoni tal-fatti li taw lok għal din il-kawża, kif stabbilita mill-Awtorità Fiskali, ma jirriżultax li l-irqajja’ ta’ art inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ trasferiment lejn il-parti tal-patrimonju ta’ J.S. li ma hijiex assenjata lill-azjenda agrikola, peress li dawn l-irqajja’ dejjem kienu jikkostitwixxu parti mill-attiv tal-azjenda ta’ dan tal-aħħar.

17      Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tfakkar li mis-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Słaby et (C-180/10 u C-181/10, EU:C:2011:589), jirriżulta b’mod partikolari li, jekk professjonist jieħu passi attivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art li jippermettu li huwa jiġi kkunsidrat bħala kummerċjant, l-oġġetti mibjugħa għandhom għalhekk ikunu suġġetti għall-VAT. Madankollu, hija tosserva li, f’dan il-każ, J.S. ma ħa l-ebda passi sabiex ibigħ l-imsemmija rqajja’ ta’ art. Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza Pollakka, is-sempliċi fatt li persuna taxxabbli tkun suġġetta għall-VAT ma jikkostitwixxix il-kundizzjoni indispensabbli sabiex tranżazzjoni tkun suġġetta għall-VAT, iżda li, għal dan l-għan, huwa neċessarju li din tkun aġixxiet bħala persuna taxxabbli għall-VAT fil-kuntest ta’ tranżazzjoni speċifika li taqa’ taħt l-attività ekonomika tal-operatur ikkonċernat. Issa, hija tosserva li, f’dan il-każ, J.S. ma kienx attiv fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni tal-art b’mod partikolari sabiex ibigħ l-irqajja’ ta’ art inkwistjoni u li huwa ma kien jeżerċita l-ebda attività ekonomika oħra ħlief l-attività agrikola li għaliha kien suġġett għall-VAT.

18      Fit-tielet lok, dik il-qorti tenfasizza li l-VAT ma ġietx applikata meta J.S. kien xtara dawn l-irqajja’, b’tali mod li ma kienx hemm tnaqqis tal-VAT f’dik l-okkażjoni.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li bidwi suġġett għall-VAT fil-kuntest tas-sistema ġenerali li jittrasferixxi permezz ta’ esproprjazzjoni l-proprjetà ta’ biċċa art lit-Teżor bil-ħlas ta’ kumpens marbut mal-bdil ta’ użu tagħha għal finijiet mhux agrikoli jitqies bħala suġġett għall-VAT fuq din il-kunsinna unikament minħabba li din l-art intużat għall-bżonnijiet ta’ attività agrikola suġġetta għall-VAT?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2023, Groenland Poultry, C-169/22, EU:C:2023:638, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi rrilevati mill-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk tranżazzjoni ta’ esproprjazzjoni ta’ rqajja’ ta’ art agrikola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bi ħlas ta’ kumpens lill-proprjetarju inizjali ta’ din l-art għandhiex tkun suġġetta għall-VAT.

22      Issa, huwa l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT li jipprevedi l-kundizzjonijiet li kunsinna ta’ oġġetti għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala tranżazzjoni suġġetta għall-VAT.

23      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll, fid-domanda tagħha, għall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jiddefinixxi l-kunċetti ta’ persuna taxxabbli u ta’ attività ekonomika. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk J.S. huwiex suġġett għall-VAT u jekk huwa jeżerċitax attività ekonomika ma hijiex ikkontestata.

24      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija flimkien, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li tranżazzjoni ta’ trasferiment, permezz ta’ esproprjazzjoni, tal-proprjetà ta’ rqajja’ ta’ art agrikola, bi ħlas ta’ kumpens lill-proprjetarju ta’ din l-art għandha tkun suġġetta għall-VAT meta dan il-proprjetarju jkun bidwi, suġġett għall-VAT, anki jekk ma jeżerċita l-ebda attività ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art u ma jkun ħa l-ebda pass intiż għal tali trasferiment.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva dwar il-VAT tistabbilixxi sistema komuni tal-VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Konformement mal-Artikolu 2(1)(a) ta’ din-direttiva, huma suġġetti għall-VAT il-kunsinni ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 24 ta’ din is-sentenza li jikkorrispondux, minn naħa, għall-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas” u, min-naħa l-oħra, għal dak ta’ “persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

27      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti”, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jiddefinixxih bħala t-trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi minn proprjetà tanġibbli bħala proprjetarju. L-Artikolu 14(2)(a) ta’ din id-direttiva jżid li, minbarra t-tranżazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandu jitqies bħala kunsinna ta’ oġġetti t-trasferiment, bi ħlas ta’ kumpens, tal-proprjetà ta’ oġġett skont ordni ta’ awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi.

28      Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jikkostitwixxi, fir-rigward tad-definizzjoni ġenerali stabbilita fil-paragrafu 1 tiegħu, lex specialis, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha għandhom natura awtonoma meta mqabbla ma’ dawk ta’ dan il-paragrafu 1 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 36, u tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C-604/19, EU:C:2021:132, punt 55).

29      B’hekk, il-klassifikazzjoni bħala “kunsinna ta’ oġġetti” fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, teħtieġ li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, għandu jkun hemm trasferiment tad-dritt għall-proprjetà. Sussegwentement, dan it-trasferiment għandu jseħħ skont ordni ta’ awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi. Fl-aħħar nett, għandu jitħallas kumpens (sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 37, u tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C-604/19, EU:C:2021:132, punt 56).

30      F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li ma huwiex ikkontestat li, minn naħa, l-irqajja’ ta’ art agrikola inkwistjoni fil-kawża prinċipali saru l-proprjetà tat-Teżor Pubbliku u li, min-naħa l-oħra, dan it-trasferiment ta’ proprjetà jirriżulta minn deċiżjoni unilaterali tal-Provinċja, awtorità tal-amministrazzjoni pubblika, adottata fis-6 ta’ Marzu 2017.

31      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni stabbilita mill-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, jiġifieri dik dwar il-ħlas ta’ kumpens, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, hemm lok biss li jiġi stabbilit li l-kumpens inkwistjoni huwa direttament marbut mat-trasferiment tal-proprjetà u li l-ħlas tiegħu kien effettiv (sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C-604/19, EU:C:2021:132, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa direttament marbut mat-trasferiment tal-proprjetà tal-irqajja’ ta’ art agrikola inkwistjoni fil-kawża prinċipali lit-Teżor Pubbliku. Peress li l-ħlas ta’ dan il-kumpens kien effettiv, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, it-tranżazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi “kunsinna ta’ oġġetti” fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.

33      Fir-rigward tal-kundizzjoni li din il-kunsinna ssir “bi ħlas”, li tinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, is-sempliċi ġbir, mill-persuna taxxabbli, ta’ kumpens fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) ta’ din id-direttiva, huwa biżżejjed sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ tranżazzjoni bi ħlas għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 44).

34      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”, li jinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, jekk J.S. huwa rreġistrat bħala persuna suġġetta għall-VAT, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk huwa aġixxiex f’din il-kwalità meta ttrasferixxa l-proprjetà tal-irqajja’ ta’ art agrikola inkwistjoni. F’dan il-kuntest, hija tenfasizza li huwa ma jeżerċita l-ebda attività ekonomika ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art u lanqas ma ħa passi sabiex ibigħ dawn l-irqajja’.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li persuna taxxabbli, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, taġixxi, bħala prinċipju, f’din il-kwalità jekk tagħmel dan fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Polfarmex, C-421/17, EU:C:2018:432, punt 37). Dan l-aħħar kriterju jiġi ssodisfatt meta persuna taxxabbli tittrasferixxi l-proprjetà immobbli użata għal din l-attività ekonomika f’sens wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Polfarmex, C-421/17, EU:C:2018:432, punt 42).

36      Min-naħa l-oħra, persuna taxxabbli li twettaq tranżazzjoni privata ma taġixxix bħala persuna taxxabbli. Konsegwentement, tranżazzjoni mwettqa minn persuna taxxabbli privata ma tkunx suġġetta għall-VAT (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1995, Armbrecht, C-291/92, EU:C:1995:304, punti 17 u 18, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2001, Bakcsi, C-415/98, EU:C:2001:136, punt 24).

37      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Awtorità Fiskali, l-irqajja’ ta’ art agrikola inkwistjoni kienu parti mill-attiv tal-impriża ta’ J.S. fid-data tat-trasferiment tal-proprjetà tagħhom lit-Teżor Pubbliku.

38      Minn dan isegwi li J.S., li huwa suġġett għall-VAT minħabba l-attività agrikola tiegħu, aġixxa bħala persuna taxxabbli billi ttrasferixxa l-proprjetà ta’ rqajja’ ta’ art agrikola, użati għall-attività ekonomika tiegħu, anki jekk ma jeżerċita l-ebda attività ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art u ma ħa l-ebda pass għal dan l-għan.

39      F’dan l-aħħar rigward, għandu jingħad ukoll li kundizzjoni intiża li teżiġi pass attiv min-naħa tal-persuna taxxabbli lanqas ma hija kompatibbli mal-effett utli tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, li, mid-definizzjoni tiegħu stess, jirreferi għat-trasferiment tal-proprjetà ta’ oġġett li jseħħ wara ordni ta’ awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C-604/19, EU:C:2021:132, punt 75).

40      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettqet minn J.S. fil-kuntest tal-ġestjoni tal-parti mill-patrimonju tiegħu li ma hijiex assenjata lill-azjenda agrikola, għandu jiġi kkunsidrat li dan ma jkunx aġixxa bħala persuna taxxabbli u li l-imsemmija tranżazzjoni ma tkunx suġġetta għall-VAT.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari hija li l-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li tranżazzjoni ta’ trasferiment, permezz ta’ esproprjazzjoni, tal-proprjetà ta’ rqajja’ ta’ art agrikola bi ħlas ta’ kumpens lill-proprjetarju ta’ din l-art għandha tkun suġġetta għall-VAT meta dan il-proprjetarju jkun bidwi suġġett għall-VAT u jaġixxi bħala tali, anki jekk ma jeżerċita l-ebda attività ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art u ma jkun ħa l-ebda pass intiż għal tali trasferiment.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1)(a) u tal-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqrija flimkien,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

tranżazzjoni ta’ trasferiment, permezz ta’ esproprjazzjoni, tal-proprjetà ta’ rqajja’ ta’ art agrikola bi ħlas ta’ kumpens lill-proprjetarju ta’ din l-art għandha tkun suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) meta dan il-proprjetarju jkun bidwi suġġett għall-VAT u jaġixxi bħala tali, anki jekk ma jeżerċita l-ebda attività ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art u ma jkun ħa l-ebda pass intiż għal tali trasferiment.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.