Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

8 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 73 – Kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Kontribuzzjoni in natura ta’ proprjetà immobbli – Bażi tat-taxxa – Korrispettiv – Azzjonijiet – Valur nominali – Valur ta’ ħruġ”

Fil-Kawża C-241/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ April 2023, fil-proċedura

P. sp. Z o.o.

vs

Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Warszawie,

fil-preżenza ta’:

Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tas-Seba’ Awla, u L. Arastey Sahún, Imħallef,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P. sp. z o.o., minn J. Martini, doradca podatkowy,

–        għal Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Warszawie, minn J. Kazimierczak, radca prawny,

–        għal Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców, minn P. Chrupek, radca prawny,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u U. Małecka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bl-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn P. sp. z  .o. u d-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Warszawie (id-Direttur tal-Bord tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Varsavja, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Appell”) rigward ir-rifjut minn din l-awtorità li tieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis imwettaq minn din il-kumpannija tal-ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li sar fil-fatturi maħruġa minn W. u minn B. bħala kontribuzzjonijiet ta’ proprjetà immobbli magħmula minn dawn il-kumpanniji fil-kapital ta’ P.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

4        L-Artikolu 74 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Fejn persuna taxxabbli tapplika jew tiddisponi minn merkanzija li tifforma parti mill-assi tan-negozju tagħha, jew fejn merkanzija hija miżmuma minn persuna taxxabbli, jew mis-suċċessuri tagħha, meta l-attività ekonomika tagħha tintemm, kif imsemmi fl-Artikolu 16 u 18, l-ammont taxxabbli għandu jkun il-prezz tax-xiri tal-merkanzija jew ta’ merkanzija simili jew, fl-assenza tal-prezz tax-xiri, il-prezz kemm sewa, stabbilit fiż-żmien meta sseħħet l-applikazzjoni, id-disponiment jew iż-żamma.”

5        L-Artikolu 80 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sabiex jimpedixxu l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa, l-Istati Membri jistgħu fil-każijiet li ġejjin jieħdu miżuri sabiex, fir-rigward tal-forniment ta' merkanzija jew servizzi li jinvolvu rabtiet ta’ familja jew rabtiet oħra personali qrib, rabtiet ta’ ġestjoni, appartenenza, sħubija, finanzjarji jew legali kif definit mill-Istat Membru, l-ammont taxxabbli għandu jkun il-valur tas-suq miftuħ:

a)       fejn il-konsiderazzjoni tkun aktar baxxa mill-valur tas-suq miftuħ u d-destinatarju tal-forniment ma jkollux dritt sħiħ għal tnaqqis taħt l-Artikoli 167 sa 171 u l-Artikoli 173 sa 177;

b)      fejn il-konsiderazzjoni tkun aktar baxxa mill-valur tas-suq miftuħ u l-fornitur ma jkollux dritt sħiħ għal tnaqqis taħt l-Artikoli 167 sa 171 u l-Artikoli 173 sa 177 u l-forniment ikun soġġett għal eżenzjoni taħt l-Artikoli 132, 135, 136, 371, 375, 376, 377, 378(2), 379(2) jew l-Artikoli 380 sa 390c;

ċ)      fejn il-konsiderazzjoni tkun ogħla mill-valur tas-suq miftuħ u l-fornitur ma jkollux dritt sħiħ għal tnaqqis taħt l-Artikoli 167 sa 171 u l-Artikoli 173 sa 177.

Għall-finijiet ta’ l-ewwel subparagrafu, rabtiet legali jistgħu jinkludu r-relazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegat jew il-familja ta’ l-impjegat, jew kwalunkwe persuna oħra konnessa mill-qrib.

2.      Meta jużaw l-għażla prevista fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi koperti, u l-kategoriji ta’ fornituri, prestaturi jew konsumaturi li għalihom jistgħu japplikaw dawn il-miżuri.

[...]”

 Id-dritt Pollakk

6        L-Artikolu 29a tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal-2011, Nru 177, pożizzjoni 1054), kif emendata (iktar ’il quddiem il-Liġi dwar il-VAT”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla ħsara għall-paragrafi 2 sa 5, għall-Artikoli 30a sa 30c, għall-Artikolu 32, għall-Artikolu 119 kif ukoll għall-Artikolu 120(4) u (5), il-bażi tat-taxxa għandha tinkludi kull ma jikkostitwixxi l-korrispettiv miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur jew mill-persuna li tipprovdi servizz fir-rigward ta’ bejgħ, min-naħa tal-akkwirent, mill-konsumatur jew minn terz, inklużi l-allokazzjonijiet, is-sussidji jew ħlasijiet addizzjonali oħra tal-istess natura rċevuti mill-fornitur jew mill-persuna li tipprovdi servizz, li jkollu impatt dirett fuq il-prezz tal-oġġetti kkunsinnati jew fuq is-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli.”

7        L-Artikolu 86(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Sa fejn l-oġġetti u s-servizzi jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, il-persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 15 tibbenefika minn dritt għal tnaqqis, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu  114, tal-Artikolu 119(4), tal-Artikolu 120(17) u (19), kif ukoll tal-Artikolu 124.”

8        L-Artikolu 88 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“3a. Il-fatturi u dokumenti doganali ma jistgħux iservu bħala bażi għat-tnaqqis tat-taxxa dovuta, għar-rimbors tal-eċċess tat-taxxa jew għar-rimbors tat-taxxa tal-input meta:

[...]

4) il-fatturi maħruġa, il-fatturi rettifikattivi jew id-dokumenti doganali:

[...]

(b) jindikaw ammonti li ma jikkorrispondux mar-realtà, għall-parti li tikkonċerna l-entrati li għalihom ammonti mhux konformi mar-realtà kienu ġew indikati,

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        P. hija kumpannija suġġetta għall-VAT li l-kapital azzjonarju tagħha huwa maqsum f’azzjonijiet.

10      Bejn it-tmiem tas-sena 2014 u l-bidu tas-sena 2015, P. żiedet dan il-kapital permezz ta’ kontribuzzjonijiet in natura provenjenti minn W. u minn B. B’mod iktar partikolari, dawn iż-żewġ kumpanniji kkonkludew ma’ P. diversi kuntratti li kellhom bħala għan it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli li kienet tappartjeni lilhom u kontribuzzjoni fi flus inkambju ta’ azzjonijiet ta’ P. B’hekk, fit-3 ta’ Ottubru, fit-28 ta’ Novembru u fid-29 ta’ Diċembru 2014, P. ikkonkludiet kuntratti ma’ W. li permezz tagħhom din tal-aħħar ittrasferixxiet lilha 23 proprjetà immobbli u ċerta somma ta’ flus inkambju rispettivament ta’ 4 767, ta’ 1 164 u ta’ 7 745 azzjoni maħruġa minn P. Barra minn hekk, fit-3 ta’ Ottubru u fit-28 ta’ Novembru 2014, hija kkonkludiet kuntratti ma’ B. li permezz tagħhom din tal-aħħar ittrasferixxiet lilha żewġ proprjetajiet immobbli u ċerta somma ta’ flus inkambju rispettivament ta’ 2 100 u ta’ 133 azzjoni maħruġa minn P. Dawn il-kuntratti jistipulaw li l-korrispettiv tal-kontribuzzjonijiet in natura fil-kapital ta’ P. huwa kkostitwit minn azzjonijiet ta’ din tal-aħħar, ivvalutati bil-prezz ta’ ħruġ tagħhom. Dan il-prezz huwa ta’ 35 287.19 zloty Pollakk (PLN) għal kull azzjoni, jiġifieri madwar EUR 8 123. Sabiex dan il-prezz jiġi ddeterminat, il-partijiet ibbażaw ruħhom fuq il-valur tal-proprjetà immobbli li saret kontribuzzjoni tagħha, kif kien ġie evalwat minn terz skont il-prezzijiet tas-suq.

11      Fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha għar-raba’ trimester tal-2014 u għall-ewwel trimester tal-2015, P. inkludiet l-ammont tal-VAT u l-ammont nett li jidher fuq il-fatturi maħruġa minn W. u B. u relatati mal-kontribuzzjonijiet ta’ proprjetà immobbli fil-kapital ta’ P. Dawn l-ammonti ġew ikkalkolati abbażi tal-valur ta’ ħruġ tal-azzjonijiet ta’ P. irċevuti bħala korrispettiv għal dawn il-kontribuzzjonijiet.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2017, in-Naczelnik Pierwszego Urzędu Skarbowego Warszawa-Śródmieście w Warszawie (il-Kap tal-Ewwel Uffiċċju tat-Taxxi ta’ Varsavja – Ċentru tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-awtorità tal-ewwel istanza, ikkunsidra li l-bażi tat-taxxa tal-VAT tal-kontribuzzjonijiet imwettqa minn W. u B. fil-kuntest taż-żieda fil-kapital ta’ P. kellha tiġi kkalkolata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur nominali tal-azzjonijiet tagħha, li jikkorrispondi għal PLN 50 għal kull azzjoni, jiġifieri madwar EUR 11.50, u mhux il-valur ta’ ħruġ tagħhom, li jikkorrispondi għal PLN 35 287.19 għal kull azzjoni, jiġifieri madwar EUR 8 123. Din l-awtorità għalhekk ikkontestat id-dritt ta’ P. li tnaqqas il-VAT fuq l-imsemmija kontribuzzjonijiet u li tikkorrispondi għall-ammont li jeċċedi dak ikkalkolat fuq il-valur nominali tal-azzjonijiet.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017, l-Awtorità tal-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità tal-ewwel istanza wara li qieset li l-ammonti li jinsabu fil-fatturi maħruġa minn W. u B. u relatati mal-kontribuzzjonijiet ta’ proprjetà immobbli fil-kapital ta’ P. inkambju ta’ azzjonijiet tagħha ma kinux kompletament konformi mar-realtà u, għaldaqstant, li, skont l-Artikolu 86(1) tal-Liġi dwar il-VAT, dawn ma kinux jagħtu lil P. id-dritt għal tnaqqis tal-VAT. Skont l-Awtorità tal-Appell, il-korrispettiv irċevut minn W. u B. inkambju tal-kontribuzzjonijiet in natura magħmula fil-kapital ta’ P. għandu jiġi evalwat abbażi tal-valur nominali tal-azzjonijiet.

14      Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja) ċaħdet ir-rikors ta’ P. kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Appell. Filwaqt li rreferiet b’mod partikolari għall-Artikolu 29a(1) u għall-punt 4(b) tal-Artikolu 88(3a) tal-Liġi dwar il-VAT, din il-qorti ddeċidiet li l-korrispettiv dovut lil entità li tagħmel kontribuzzjoni in natura lil kumpannija, taħt forma differenti minn impriża jew minn parti organizzata ta’ impriża, jikkorrispondi għall-valur nominali tal-azzjonijiet li din il-kumpannija kienet ittrasferixxiet lil din l-entità sabiex tħallasha għal din il-kontribuzzjoni.

15      P. ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju. P. tqis b’mod partikolari li l-Artikolu 29a(1) tal-Liġi dwar il-VAT kien ġie interpretat b’mod żbaljat bħala li jeżiġi li l-bażi tat-taxxa ta’ tranżazzjoni li tikkostitwixxi kontribuzzjoni in natura tiġi stabbilita billi tiġi bbażata fuq il-valur nominali tal-azzjonijiet irċevuti bħala korrispettiv. Interpretazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi li l-prezz ta’ ħruġ tal-azzjonijiet jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-bażi tat-taxxa tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. Din il-bażi għandha, jekk ikun il-każ, titnaqqas bil-valur tal-kontribuzzjoni fi flus li P. ibbenefikat minnha fil-kuntest tat-tranżazzjoni ta’ kontribuzzjoni.

16      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fil-każ ta’ kontribuzzjoni in natura inkambju ta’ azzjonijiet, l-ewwel nett, il-valur tas-suq tas-suġġett ta’ din il-kontribuzzjoni ma jistax iservi sabiex tiġi ddeterminata il-bażi tat-taxxa tal-VAT ta’ din il-kontribuzzjoni u, it-tieni nett, il-korrispettiv huwa kkostitwit minn azzjonijiet ta’ din il-kumpannija.

17      Min-naħa l-oħra, din il-qorti tqis li l-kwistjoni dwar jekk, sabiex tiġi ddeterminata tali bażi tat-taxxa, huwiex importanti f’każ bħal dan li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur nominali tal-azzjonijiet jew, bil-kontra, il-valur ta’ ħruġ tagħhom konformement ma’ dak li l-partijiet ikunu ftehmu għadha ma ġietx indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

18      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-mod li bih għandha tiġi ddeterminata l-bażi tat-taxxa tal-VAT f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li l-valur nominali tal-azzjonijiet ikkunsidrat bħala bażi tat-taxxa mill-awtoritajiet fiskali inkwistjoni ma jikkorrispondix manifestament mal-valur tal-proprjetà immobbli li saret kontribuzzjoni tagħha lil P. u li, minħabba dan l-iżbilanċ, il-partijiet inkwistjoni ftehmu fil-kuntratti ta’ kontribuzzjonijiet in natura li l-korrispettiv ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet ikun ikkostitwit minn azzjonijiet ta’ P. ivvalutati bil-prezz ta’ ħruġ tagħhom. Dan l-aħħar approċċ jippermetti li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni jingħataw natura reċiproka.

19      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Bi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur għall-kunsinni ta’ oġġetti, li huwa inkwistjoni fl-Artiklu 73 tad-Direttiva [dwar il-VAT], għandu jinftiehem il-valur nominali tal-azzjonijiet sottoskritti, jew il-valur ta’ ħruġ tagħhom, jekk il-partijiet ikunu stipulaw li l-ħlas miksub ser ikun ikkostitwit mill-valur ta’ ħruġ tal-azzjonijiet?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-bażi tat-taxxa ta’ kontribuzzjoni ta’ proprjetà immobbli mill-ewwel kumpannija fil-kapital tat-tieni kumpannija inkambju ta’ azzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandha tiġi ddeterminata skont il-valur nominali ta’ dawn l-azzjonijiet meta dawn il-kumpanniji jkunu ftehmu li l-korrispettiv ta’ din il-kontribuzzjoni fil-kapital ser ikun ikkostitwit mill-valur ta’ ħruġ tal-imsemmija azzjonijiet.

21      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-bażi tat-taxxa tinkludi kull ma jikkostitwixxi l-korrispettiv miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur jew mill-persuna li tipprovdi servizzi għall-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi.

22      Din il-korrispettiv ma għandux neċessarjament ikun fi flus. Fil-fatt, il-kuntratti ta’ skambju, li fihom il-korrispettiv huwa mid-definizzjoni tiegħu in natura, u t-tranżazzjonijiet li għalihom il-korrispettiv huwa monetarju huma, mill-perspettiva ekonomika u kummerċjali, żewġ sitwazzjonijiet identiċi fir-rigward tad-Direttiva dwar il-VAT. Għalhekk, il-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi jew ta’ kunsinna ta’ oġġetti jista’ jikkonsisti f’provvista ta’ servizzi jew f’kunsinna ta’ oġġetti u jikkostitwixxi l-bażi tat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2019, A, C-410/17, EU:C:2019:12, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23      Madankollu, huwa importanti li l-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi ssir bi ħlas, jiġifieri li teżisti rabta diretta bejn l-oġġetti jew is-servizzi skambjati u li l-valur tal-oġġett jew tal-provvista ta’ servizz mogħti inkambju jkun jista’ jiġi espress fi flus. Tali rabta diretta hija stabbilita meta teżisti bejn il-fornitur u l-benefiċjarju relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha prestazzjonijiet reċiproċi jiġu skambjati, fejn ir-retribuzzjoni rċevuta mill-fornitur tikkostitwixxi l-valur ekwivalenti effettiv tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2019, A, C-410/17, EU:C:2019:12, punti 31 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan il-każ, P. ipproċediet għal diversi żidiet fil-kapital tagħha billi xtrat il-proprjetà ta’ proprjetà immobbli ta’ W. u ta’ B. Il-korrispettiv irċevut minn dawn il-kumpanniji għall-kontribuzzjonijiet fil-kapital ta’ P. tal-proprjetà immobbli tagħhom jikkorrispondi għal azzjonijiet ta’ P. li hija ħarġet għal dan l-għan.

25      Għalhekk, teżisti rabta diretta bejn it-trasferiment ta’ din il-proprjetà immobbli minn W. u B. u l-għoti ta’ azzjonijiet ta’ P. lil dawn il-kumpanniji. Barra minn hekk, il-valur tal-azzjonijiet li kienu ġew trażmessi lill-imsemmija kumpanniji jista’ jiġi espress fi flus.

26      Fir-rigward tal-valutazzjoni fi flus ta’ dawn l-azzjonijiet, mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha jirriżulta li, fid-dritt Pollakk, il-valur nominali tal-azzjonijiet ta’ kumpannija kummerċjali huwa ddefinit, essenzjalment, bħala l-valur, għal kull azzjoni, tal-assi finanzjarji u mhux finanzjarji miġjuba mis-soċji fundaturi, kif iddefinit fl-istatuti tal-kumpannija. Dan il-valur huwa għalhekk il-valur ta’ kull azzjoni ta’ kumpannija miżmuma mill-azzjonisti tagħha fil-mument tal-kostituzzjoni tagħha u dan jiġi ddeterminat skont il-kontribuzzjonijiet tagħhom lil din il-kumpannija f’dak il-mument. Il-valur ta’ ħruġ ta’ azzjoni jikkorrispondi, fir-rigward tiegħu, għall-valur tiegħu meta tinħareġ. Għalhekk, waqt il-ħolqien ta’ kumpannija, il-valur ta’ ħruġ ta’ azzjoni huwa, bħala prinċipju, ugwali għall-valur nominali tagħha. Madankollu, il-valur ta’ kumpannija jista’ jiżdied, bħal ma jista’ wkoll jonqos, matul l-eżistenza tagħha b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-attività tagħha, b’mod li l-valur ta’ kull waħda mill-azzjonijiet ta’ din il-kumpannija huwa għalhekk iktar, jew, bil-kontra, inqas sinjifikattiv mill-valur nominali tagħha. Meta kumpannija, li l-valur tal-azzjonijiet tagħha jkun żdied mill-ħolqien tagħha, toħroġ azzjonijiet ġodda, il-prezz tal-ħruġ tagħhom huwa ġeneralment ogħla mill-valur nominali tal-azzjonijiet eżistenti sabiex tiġi evitata d-dilwizzjoni tal-valur ta’ dawn l-aħħar azzjonijiet.

27      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-bażi tat-taxxa ta’ kunsinna ta’ oġġetti, magħmula bi ħlas, hija kkostitwita mill-korrispettiv realment irċevut għal dan il-għan mill-persuna taxxabbli. Dan il-korrispettiv jikkostitwixxi l-valur suġġettiv, jiġifieri dak li realment kien irċevut, u mhux valur stmat skont kriterji oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Orfey, C-549/11, EU:C:2012:832, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fejn dan il-valur ma jikkonsistix f’somma flus miftiehma bejn il-partijiet, sabiex ikun suġġettiv, dan il-valur għandu jkun dak li l-benefiċjarju tal-kunsinna ta’ oġġetti, li jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ kunsinna oħra ta’ oġġetti, jagħti għall-oġġetti li huwa għandu intenzjoni li jikseb u jikkorrispondi għas-somma li huwa lest iħallas għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Orfey, C-549/11, EU:C:2012:832, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, il-valur suġġettiv tal-korrispettiv tal-kontribuzzjonijiet ta’ proprjetà immobbli jikkorrispondi għall-valur fi flus li W. u B. taw għall-azzjonijiet ta’ P. meta aċċettawhom inkwambju ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet fil-kapital ta’ din tal-aħħar.

30      Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-kuntratti konklużi bejn, minn naħa, W. u B. u, min-naħa l-oħra, P. jirriżulta li l-korrispettiv tal-inkorporazzjoni tal-proprjetà immobbli li sa dak iż-żmien kienet tappartjeni lil W. u B. fil-kapital tagħha jikkorrispondi għall-għoti ta’ numru ta’ azzjonijiet li l-valur unitarju tagħhom huwa stabbilit skont il-valur ta’ ħruġ ta’ tali azzjoni. Minn dan isegwi li l-valur suġġettiv ta’ kull waħda minn dawn l-azzjonijiet li għalihom W. u B. issottoskrivew waqt din iż-żieda fil-kapital jikkorrispondi għall-prezz ta’ ħruġ tal-imsemmija azzjonijiet.

31      Dan il-prezz ta’ ħruġ, li jammonta għal PLN 35 287.19, jiġifieri madwar EUR 8 123, jikkorrispondi għalhekk għall-valur fi flus miftiehem u realment irċevut minn W. u B. għal kull waħda mill-azzjonijiet ta’ P.

32      Għaldaqstant, peress li, minn naħa, skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-bażi tat-taxxa tal-proprjetà immobbli ttrasferita lil P. għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-korrispettiv miftiehem u realment irċevut għal dan l-għan minn W. u B. u, min-naħa l-oħra, P. u dawn il-kumpanniji ftehmu li dan il-korrispettiv jikkonsisti fl-għoti ta’ azzjonijiet ta’ P. bi prezz ta’ ħruġ ta’ PLN 35 287.19 għal kull azzjoni, jiġifieri madwar EUR 8 123, dan il-prezz ta’ ħruġ u mhux il-valur nominali ta’ dawn l-azzjonijiet, jiġifieri PLN 50, jiġifieri madwar EUR 11.50 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-bażi tat-taxxa tat-trasferiment ta’ din il-proprjetà immobbli.

33      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, f’dan il-każ, il-valur ta’ ħruġ tal-azzjonijiet ġie ddeterminat mill-partijiet wara valutazzjoni, minn terz, tal-valur fis-suq tal-proprjetà immobbli li saret il-kontribuzzjoni tagħha. Fil-fatt, kif jindika r-Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców (l-Ombudsman għall-Impriżi Żgħar u Medji, il-Polonja) fl-osservazzjonijiet tiegħu, din il-valutazzjoni turi biss il-fatt li dawn il-partijiet ftehmu termini u kundizzjonijiet analogi għal dawk li setgħu jiftehmu partijiet oħra għall-bejgħ ta’ tali proprjetà immobbli fis-suq. Hija ma taffettwax il-konstatazzjoni li l-partijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ftehmu li l-valur tal-azzjonijiet inkwistjoni jikkorrispondi għall-valur ta’ ħruġ tagħhom.

34      Għalhekk, il-fatt li l-prezz miftiehem jikkorrispondi għall-prezz fis-suq ma jurix li l-bażi tat-taxxa tal-VAT hija ddeterminata fid-dawl ta’ valur oġġettiv minflok il-valur suġġettiv li l-imsemmija partijiet kienu realment ftehmu fuqu. Konsegwentement, il-korrispettiv realment miftiehem għall-proprjetà immobbli inkwistjoni li jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-bażi tat-taxxa tal-VAT jiġi stabbilit billi jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ azzjonijiet ta’ P, ivvalutati skont il-prezz ta’ ħruġ tagħhom, li W. u B. setgħu jissottoskrivu għalihom.

35      L-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 32 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija kkontestata mill-argument tal-Gvern Pollakk, imressaq fl-osservazzjonijiet tiegħu, u tal-Awtorità tal-Appell, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-valur nominali tal-azzjonijiet jiddetermina l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi patrimonjali u mhux patrimonjali tal-azzjonisti ta’ kumpannija. Fil-fatt, anki jekk dan huwa l-każ, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-valur nominali jikkorrispondi għall-korrispettiv miftiehem bejn il-partijiet peress li l-kuntratti li dawn ikkonkludew flimkien maż-żieda fil-kapital inkwistjoni jistipulaw li l-azzjonijiet ġodda maħruġa inkambju tal-kontribuzzjoni in natura tal-proprjetà immobbli ser jiġu sottoskritti bil-valur ta’ ħruġ tagħhom.

36      Madankollu, din id-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa tal-VAT ma tipprekludix, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, ħaġa li l-qorti tar-rinviju tkun tista’ tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li l-valur li l-partijiet ftehmu dwaru jirrifletti effettivament ir-realtà ekonomika u kummerċjali, u ma huwiex ir-riżultat ta’ prattika abbużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2019, A, C-410/17, EU:C:2019:12, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Minbarra dan, l-Artikolu 80 tad-Direttiva dwar il-VAT jippermetti espliċitament lill-Istati Membri, sabiex jipprevjenu l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa, li f’ċerti każijiet jieħdu l-valur normali bħala l-bażi tat-taxxa għall-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi lil benefiċjarji li magħhom jeżistu rabtiet tal-familja jew kwalunkwe rabta personali fil-qrib oħra, rabtiet organizzattivi, ta’ proprjetà, ta’ affiljazzjoni, finanzjarji jew legali kif iddefiniti mill-Istat Membru.

38      Madankollu, peress li din id-dispożizzjoni tidderoga mir-regola li l-bażi tat-taxxa hija kkostitwita mill-korrispettiv realment irċevut għal dan il-għan mill-persuna taxxabbli, din għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għalhekk, ġie deċiż li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni huma eżawrjenti u, għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tipprevedi, fuq il-bażi ta’ din l-istess dispożizzjoni, li l-bażi tat-taxxa huwa l-valur normali tat-tranżazzjoni f’każijiet li ma humiex dawk elenkati fiha (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Orfey, C-549/11, EU:C:2012:832, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Madankollu, f’dan il-każ, ebda element mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ma jħalli x’jinftiehem li l-valur ta’ ħruġ tal-azzjonijiet inkwistjoni jirriżulta minn prattika abbużiva jew li kienu ttieħdu miżuri mir-Repubblika tal-Polonja skont l-Artikolu 80 tad-Direttiva dwar il-VAT u li dawn huma applikabbli.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bażi tat-taxxa ta’ kontribuzzjoni ta’ proprjetà immobbli mill-ewwel kumpannija fil-kapital tat-tieni kumpannija inkambju ta’ azzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandha tiġi ddeterminata skont il-valur ta’ ħruġ ta’ dawn l-azzjonijiet meta dawn il-kumpanniji jkunu ftiehmu li l-korrispettiv ta’ din il-kontribuzzjoni fil-kapital ser ikun ikkostitwit minn dan il-valur ta’ ħruġ.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bl-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-bażi tat-taxxa ta’ kontribuzzjoni ta’ proprjetà immobbli mill-ewwel kumpannija fil-kapital tat-tieni kumpannija inkambju ta’ azzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandha tiġi ddeterminata skont il-valur ta’ ħruġ ta’ dawn l-azzjonijiet meta dawn il-kumpanniji jkunu ftiehmu li l-korrispettiv ta’ din il-kontribuzzjoni fil-kapital ser ikun ikkostitwit minn dan il-valur ta’ ħruġ.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.