Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
12 ta’ Settembru 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 187 – Aġġustament tat-tnaqqis – Perijodu ta’ aġġustament estiż għall-investimenti fi proprjetà immobbli – Kunċett ta’ ‘investimenti’ – Artikolu 190 – Possibbiltà għall-Istati Membri li jittrattaw bħala investimenti s-servizzi li għandhom karatteristiċi simili għal dawk normalment assoċjati ma’ dawn l-investimenti – Xogħlijiet ta’ tkabbir u ta’ rinnovazzjoni ta’ bini – Possibbiltà prevista fid-dritt intern li tali xogħlijiet jiġu assimilati mal-kostruzzjoni jew mal-akkwist ta’ proprjetà immobbli – Limitazzjonijiet – Effett dirett ta’ dan l-Artikolu 190 – Marġni ta’ evalwazzjoni”
Fil-Kawża C-243/23 [Drebers] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ April 2023, fil-proċedura
Belgische Staat / Federale Overheidsdienst Financiën
vs
L BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal L BV, minn H. Casier u S. Gnedasj, avukati,
– għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia, M. Björkland u C. Zois, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 187 u 189 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Belgische Staat / Federale Overheidsdienst Financiën (Stat Belġjan / Servizz Pubbliku Federali għall-Finanzi) (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) u L BV dwar it-tul tal-perijodu ta’ aġġustament applikabbli għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa fuq xogħlijiet imwettqa fuq proprjetà immobbli użata minn L BV għall-attività ekonomika tagħha.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Is-Sitt Direttiva
3 L-Artikolu 20(2) u (4) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (77/388/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9 Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274), u bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/69/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 (ĠU 2007, L 76M, p. 232) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), li ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva dwar il-VAT, jipprovdi li:
“2. Fil-każ ta’ oġġetti kapitali, l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluż dik meta l-oġġetti jkunu akkwistati jew fabbrikati. L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tat-taxxa imposta fuq l-oġġetti. L-aġġustament għandu jsir fuq bażi tal-varjazzjonijet fit-tnaqqis intitolat fis-snin konsekwenti b’ relazzjoni għal dik is-sena meta l-oġġetti kienu akkwistati jew fabbrikati.
[...]
Fil-każ ta’ proprjetà mobbli akkwistata bħala oġġetti kapitali, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż sa 20 sena.
[...]
4. Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta[l-paragrafu 2], l-Istati Membri jistgħu:
– jiddefinixxu l-kunċett ta’ l-oġġetti kapitali,
[...]
L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw [il-paragrafu 2] għal servizzi li għandhom karatteristiċi simili għal dawk li normalment attribwiti lil oġġetti kapitali”.
4 L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 95/7 kienet immodifikat it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tas-Sitt Direttiva. Il-ħames premessa tad-Direttiva 95/7 kienet ifformulata kif ġej:
“Billi huwa xieraq li dak il-perjodu li jservi bhala bażi biex jikkalkulaw l-aġġustamenti li hemm ipprovduti fl-Artikolu 20(2) ta[s-Sitt] Direttiva msemmija għandha tkun estiża sa 20 sema mill-Istati Membri għall-proprjetà mobbli akkwistata bħala oġġetti kapitali, iżommu f’moħħhom d-dewmien tal-ħajja ekonomika tagħhom”.
5 L-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2006/69 kien żied tieni subparagrafu fl-Artikolu 20(4) tas-Sitt Direttiva. Il-ħames premessa tad-Direttiva 2006/69 tippreċiża:
“Għandu jkun enfasizzat li ċerti servizzi fir-rigward tan-natura ta’ beni kapitali jistgħu jiġu inklużi fl-iskema li tippermetti l-aġġustament ta’ tnaqqis għal beni kapitali tul il-ħajja ta’ l-assi, skond l-użu effettiv tagħhom”.
Id-Direttiva dwar il-VAT
6 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:
“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
(a) il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[...]
(ċ) il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[...]”.
7 L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“1. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli lil kull min iwettaq transazzjoni, fuq bażi okkażjonali, li jkollha x’taqsam ma’ l-attivitajiet imsemmija fit–tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1) u partikolarment waħda mit-transazzjonijiet li ġejjin:
(a) il–provvista, qabel l-ewwel okkupazzjoni, ta’ bini jew parti minn bini u ta’ l-art li fuqha jinstab il-bini;
[...]
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1(a), ‘bini’ għandha tfisser kull struttura fissa ma’ jew fl-art.
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-kriterju msemmi fil-paragrafu 1(a) għal bdil ta’ bini u jistgħu jistabbilixxu t-tifsira ta’ ‘l-art li fuqha jinstab il-bini’.
[...]”.
8 L-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli”.
9 Skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-VAT:
“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija”.
10 L-Artikolu 135(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
[...]
(j) il-provvista ta’ bini jew partijiet minnu, u ta’ l-art li fuqha hija tinsab, ħlief il-provvista msemmija fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 12(1);
[...]”.
11 L-Artikolu 168 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:
(a) il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;
[...]”.
12 L-Artikolu 184 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“It-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata”.
13 L-Artikolu 185(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet”.
14 Skont l-Artikolu 187 tal-imsemmija direttiva:
“1. Fil–każ ta’ merkanzija kapitali, l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluża dik meta l-merkanzija kienet akkwistata jew iffabbrikata.
[...]
Fil–każ ta’ proprjetà immobbli akkwistata bħala merkanzija kapitali, il-perijodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż sa 20 sena.
2. L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tal-VAT imposta fuq il-merkanzija kapitali, jew, jekk il-perijodu ta’ referenza ġie estiż, fir-rigward tal-frazzjoni korrispondenti tiegħu.
L-aġġustament imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir abbażi tal-varjazzjonijet fid-dritt għal tnaqqis fi snin sussegwenti b’ relazzjoni għal dik fis-sena li fiha l-merkanzija kienet akkwistata, iffabbrikata jew, fejn hu xieraq, użata għall-ewwel darba”.
15 L-Artikolu 189 tal-istess direttiva jipprevedi:
“Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 187 sa 191 [188], l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri li ġejjin:
(a) jiddefinixxu l-kunċett ta’ merkanzija kapitali;
[...]”.
16 L-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ l-Artikoli 187, 188, 189 u 191, l-Istati Membri jistgħu jqisu bħala merkanzija kapitali s-servizzi li għandhom karatteristiċi simili għal dawk normalment attribwiti lil merkanzija kapitali”.
Id-dritt Belġjan
17 Il-punt 1 tal-Artikolu 1(9) tal-wet tot invoering van de belasting over de toegevoegde waarde (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), tat-3 ta’ Lulju 1969 (Belgisch Staatsbald, 17 ta’ Lulju 1969, p. 7046), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), huwa fformulat kif ġej:
“Għall-applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi: :
(1) binja jew parti minn binja tfisser kull kostruzzjoni marbuta mal-art”.
18 L-Artikolu 48(2) tal-Kodiċi tal-VAT jipprovdi:
“Fir-rigward ta’ investimenti u s-servizzi li għandhom karatteristiċi simili għal dawk normalment assoċjati ma’ investimenti , it-tnaqqis tat-taxxi imposti fuqhom huwa suġġett għal reviżjoni għal perjodu ta’ ħames snin. Ir-reviżjoni għandha ssir, kull sena sa wieħed minn ħamsa tal-ammont ta’ dawn it-taxxi, meta jkun hemm varjazzjonijiet fl-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-taxxi li jistgħu jitnaqqsu.
Madankollu, għat-taxxa imposta fuq l-investimenti fi proprjetà immobbli ddeterminata mir-Re, il-perijodu ta’ reviżjoni huwa ta’ ħmistax-il sena u r-reviżjoni sseħħ kull sena sa wieħed minn ħmistax tal-ammont ta’ din it-taxxa”.
19 L-Artikolu 49 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li r-Re jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikoli 45 sa 48 tal-imsemmi kodiċi.
20 L-Artikolu 9 tal-Koninklijk besluit nr.o3 met betrekking tot de aftrekregeling voor de toepassing van de belasting over de toegevoegde waarde (id-Digriet Irjali Nru 3 dwar it-Tnaqqis għall-Applikazzjoni tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), tal-10 ta’ Diċembru 1969 (Belgisch Staatsblad, 12 ta’ Diċembru 1969, p. 12006), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 3”), jipprevedi:
“1. Għat-taxxi imposti fuq l-investimenti, it-tnaqqis inizjalment imwettaq mill-persuna taxxabbli huwa suġġett għal reviżjoni għal perjodu ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar tas-sena li fiha tnissel id-dritt għal tnaqqis.
Madankollu, għat-taxxi imposti fuq l-investimenti fi proprjetà immobbli, dan il-perjodu huwa ta’ ħmistax-il sena.
B’taxxi li għandhom x’jaqsmu ma’ investimenti fi proprjetà immobbli, qed isir referenza għat-taxxi imposti fuq:
(1) it-tranżazzjonijiet li jgħinu jew li jikkontribwixxu għall-bini ta’ propjetà immobbli msemmija fl-ewwel punt tal-Artikolu 1(9) tal-[Kodiċi tal-VAT];
(2) l-akkwist ta’ propjetà immobbli msemmija fl-Artikolu 1(9) [tal-Kodiċi tal-VAT];
(3) l-akkwist ta’ dritt in rem fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-[Kodiċi tal-VAT] rigward il-propjetà msemmija fl-Artikolu 1(9) [tal-Kodiċi tal-VAT].
[...]”.
21 L-ewwel subparagrafu tal-punt 2 tal-Artikolu 21a(1) tad-Digriet Irjali Nru 3 jipprovdi li persuna taxxabbli li teżerċita attività eżentata mingħajr dritt għal tnaqqis u li ssir, għall-istess attività, persuna taxxabbli li twettaq tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis permezz ta’ reviżjoni, b’mod partikolari, għall-investimenti li jibqgħu matul din il-bidla, sakemm din il-merkanzija tkun għadha tista’ tintuża u sakemm il-perijodu stabbilit mill-Artikolu 48(2) tal-Kodiċi tal-VAT ma jkunx skada.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22 L BV hija kumpannija ta’ avukati. Għall-eżerċizzju ta’ din l-attività ekonomika, hija għandha proprjetà immobbli, li hija wkoll użata għall-finijiet residenzjali tad-direttur tagħha.
23 Matul is-snin 2007 sa 2015, saru xogħlijiet estensivi fuq din il-proprjetà immobbli, li fi tmiemhom din issa hija komposta minn binja prinċipali u binja intermedjarja rinnovat kif ukoll kantina, anness tal-ħġieġ u xaft għal-lift mibnija ġodda. Id-diversi spazji huma konnessi bejniethom permezz ta’ kurituri li jinsabu fis-sular t’isfel u fl-ewwel sular, filwaqt li x-xaft għal-lift jippermetti wkoll aċċess għas-sulari kollha tal-binja prinċipali u l-binja intermedjarja. F’nofs l-2015, ix-xogħlijiet tlestew kompletament u l-binja reġgħet bdiet topera.
24 “Dħul katastali” wieħed biss ġie attribwit lill-proprjetà immobbli kollha, fejn dan id-dħul kien jammonta, qabel il-bidu tax-xogħlijiet, għal EUR 2 456 u, wara l-eżekuzzjoni tagħhom, għal EUR 3 850. 40 % tal-proprjetà immobbli ttrasformata b’dan il-mod kienet intiża għal użu privat u 60 % għal użu professjonali.
25 Mill-1 ta’ Jannar 2014, ir-Renju tal-Belġju neħħa l-eżenzjoni mill-VAT sa dak iż-żmien applikabbli għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, b’tali mod li L BV minn dak iż-żmien ġiet irreġistrata bħala persuna taxxabbli għall-VAT.
26 Sussegwentement, L BV aġġustat it-tnaqqis tal-VAT billi pproċediet għat-tnaqqis ta’ parti mill-VAT li hija kienet ħallset fuq l-ispejjeż tax-xogħlijiet ikkonċernati u li hija ma setgħetx tnaqqas meta l-attività tagħha kienet eżenti, sa fejn hija qieset li l-perijodu ta’ aġġustament applikabbli għal dawn ix-xogħlijiet kien għadu għaddej.
27 Għal dan l-għan, L BV ibbażat ruħha fuq il-premessa li dawn ix-xogħlijiet kienu jikkostitwixxu investimenti fi proprjetà immobbli suġġetti għal perijodu ta’ aġġustament estiż ta’ ħmistax-il sena, u mhux għall-perijodu normali ta’ aġġustament ta’ ħames snin applikabbli għall-investimenti li ma humiex investimenti fi proprjetà immobbli.
28 Fit-28 ta’ Awwissu u fl-1 ta’ Diċembru 2015, l-awtorità tat-taxxa wettqet verifika fiskali mhux mistennija fis-sede ta’ L BV għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sat-30 ta’ Settembru 2015. Wara din il-verifika, din l-awtorità, filwaqt li ammettiet li L BV kellha, fil-prinċipju, id-dritt li taġġusta t-tnaqqis tal-VAT relatat max-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kkonċernati, ikkonkludiet li dawn ix-xogħlijiet ma kinux wasslu għall-kostruzzjoni ta’ binja ġdida, iżda kienu taw lok biss għat-titjib u għar-rinnovazzjoni tal-proprjetà immobbli eżistenti, b’mod li l-perijodu ta’ aġġustament ta’ ħames snin kellu jiġi applikat.
29 Peress li qieset li kien hemm lok li jiġi kkoreġut l-aġġustament tat-tnaqqis relatat ma’ dawn ix-xogħlijiet, mwettqa minn L BV, l-awtorità tat-taxxa nnotifikat, fil-25 ta’ Ottubru 2017, restrizzjoni lil L BV li tgħid li din kienet responsabbli għall-ħlas ta’ ċertu ammont ta’ VAT relatat ma’ dan it-tnaqqis.
30 Adita b’azzjoni mressqa minn L BV, ir-rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost-Vlaanderen, Diviżjoni ta’ Gent, il-Belġju) qieset, permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Marzu 2020, li l-anness kollu tal-ħġieġ, u x-xaft għal-lift mibnija minn din il-kumpannija kif ukoll il-binja intermedjarja rinnovati minnha kellhom jitqiesu li huma partijiet ta’ binja ġdida, li jikkostitwixxu investimenti fi proprjetà immobbli, b’tali mod li, skont dik il-qorti, L BV kellha d-dritt li tnaqqas il-VAT relatata ma’ dawn ix-xogħlijiet fi proporzjon ta’ 60 %.
31 L-awtorità tat-taxxa appellat minn din is-sentenza quddiem il-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’Gent, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju. Min-naħa tagħha, L BV ippreżentat appell inċidentali.
32 Dik il-qorti tqis, minn naħa, li l-appell tal-awtorità tat-taxxa huwa fondat sa fejn ix-xaft għal-lift u ż-żewġ kostruzzjonijiet fuq wara tal-binja prinċipali ma jistgħux jitqiesu bħala, kull waħda minnhom, “parti minn binja” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1(9) tal-Kodiċi tal-VAT.
33 Madankollu, hija tirrileva, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-appell inċidentali ta’ L BV, li, fid-dritt Belġjan, ladarba xogħlijiet ġew imwettqa fuq binja eżistenti, il-perijodu ta’ aġġustament estiż ta’ ħmistax-il sena japplika biss f’dak li jikkonċerna l-VAT miġbura fuq dawn ix-xogħlijiet jekk, wara t-twettiq tagħhom, teżisti “kostruzzjoni ġdida” għall-finijiet tal-VAT. Għalhekk, dan il-perijodu ta’ ħmistax-il sena ma japplikax għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li ma jinvolvux trasformazzjoni li fil-fatt twassal għall-kostruzzjoni ta’ binja “ġdida” għall-finijiet tal-VAT, anki jekk, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tagħhom, dawn ix-xogħlijiet jagħtu lill-proprjetà immobbli li fuqha dawn twettqu perijodu ta’ ħajja ekonomika daqstant twil bħal dak ta’ bini ġdid.
34 Issa, bħal L BV, il-qorti tar-rinviju tiddubita li din l-iskema hija kompatibbli mad-Direttiva dwar il-VAT, u b’mod partikolari mal-Artikoli 187 u 189 tagħha.
35 Fil-fatt, l-ewwel nett, l-imsemmija skema, essenzjalment, ma ddaħħalx taħt il-kunċett ta’ “investimenti fi proprjetà immobbli” il-kostruzzjoni ta’ binja jew ta’ parti minn binja, filwaqt li l-Artikoli 187 jew 189 tad-Direttiva dwar il-VAT, min-naħa tagħhom, ma jillimitawx, bl-ebda mod il-kontenut ta’ dan il-kunċett b’tali mod. Dawn l-artikoli, għaldaqstant, lanqas ma jirreferu għal kunċett ta’ “provvista, qabel l-ewwel okkupazzjoni, ta’ bini jew parti minn bini”, li jidher fl-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva, fejn din l-aħħar dispożizzjoni sservi biss sabiex tispjega taħt liema kundizzjonijiet it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli jista’ jkun suġġett għall-VAT. Għaldaqstant, ma huwiex iġġustifikat li l-kunċett ta’ “investimenti fi proprjetà immobbli” fid-dritt intern jiġi traspost b’mod daqstant strett kif għamel il-leġiżlatur Belġjan.
36 It-tieni nett, meta bini jgħaddi minn trasformazzjonijiet estensivi li jagħtuhom perijodu ta’ użu ekonomiku daqstant twil bħal dak ta’ bini ġdid, kif juri f’dan il-każ il-fatt li x-xogħlijiet inkwistjoni jiġu deprezzati fuq perijodu ta’ 33 sena, dawn ikunu komparabbli ma’ bini ġdid u għandhom jibbenefikaw mill-istess trattament bħalu fil-qasam tal-VAT, u dan skont il-prinċipju ta’ newtralità fiskali bħala espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “investimenti fi proprjetà immobbli” għandu japplika għall-proprjetà immobbli kollha li l-ħajja ekonomika tagħha hija kunsiderevolment itwal mill-perijodu normali ta’ aġġustament ta’ ħames snin.
37 Li kieku dan kien il-każ, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li L BV tista’ tinvoka d-Direttiva dwar il-VAT sabiex topponi leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra l-imsemmija direttiva u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata.
38 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’Gent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikoli 187 u 189 tad-Direttiva [dwar il-VAT] jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (jiġifieri l-Artikoli 48(2) u 49 tal-Kodiċi tal-VAT, moqrija flimkien mal-Artikolu 9 tad-[Digriet Irjali Nru 3]), li tgħid li l-perijodu ta’ aġġustament estiż (ta’ 15-il sena) fil-każ ta’ rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti jiġi applikat biss jekk, wara t-twettiq tax-xogħlijiet, ikun hemm, abbażi tal-kriterji taħt id-dritt nazzjonali, ‘bini ġdid’ fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, filwaqt li l-perijodu ta’ utilità ekonomika ta’ bini rrinnovat b’mod sostanzjali (li, abbażi tal-kriterji amministrattivi taħt id-dritt nazzjonali, ma huwiex ikklassifikat bħala ‘bini ġdid’ fis-sens tal-Artikolu 12 imsemmi hawn fuq) huwa identiku għall-perijodu ta’ utilità ekonomika ta’ bini ġdid, li huwa sostanzjalment itwal mill-perijodu ta’ ħames snin li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 187 imsemmi hawn fuq, u dan jidher b’mod partikolari mill-fatt li x-xogħlijiet imwettqa huma deprezzati fuq perijodu ta’ 33 sena, jiġifieri l-perijodu li matulu jiġi deprezzat bini ġdid?
2) L-Artikolu 187 tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandu effett dirett, b’tali mod li persuna taxxabbli li tkun wettqet xogħlijiet fuq bini, mingħajr ma dawn ix-xogħlijiet iwasslu, abbażi tal-kriterji taħt id-dritt nazzjonali, sabiex il-bini rrinnovat jiġi kklassifikat bħala ‘bini ġdid’ fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, iżda fejn dawn ix-xogħlijiet ikollhom perijodu ta’ utilità ekonomika li jkun identiku għal dak ta’ tali bini ġdid, li jibbenefikaw minn perijodu ta’ aġġustament ta’ 15-il sena, tista’ tinvoka l-applikazzjoni tal-perijodu ta’ aġġustament ta’ 15-il sena?”.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
39 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-ewwel domanda tirrigwarda l-perijodu ta’ aġġustament, fis-sens tal-Artikolu 187(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, li għandu jiġi applikat għat-tnaqqis tal-VAT imħallsa minn L BV fuq il-provvista tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni inkwistjoni, jiġifieri jew il-perijodu ta’ ħames snin previst, f’din id-dispożizzjoni, għall-investimenti b’mod ġenerali, jew dak, itwal u li jista’ jiġi estiż sa għoxrin sena, li l-Istati Membri għandhom, skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-possibbiltà li japplikaw f’dak li jikkonċerna l-investimenti fi proprjetà immobbli, u li, fil-Belġju, ġiet stabbilita, skont l-Artikolu 48(2) tal-Kodiċi tal-VAT u tal-Artikolu 9(1) tad-Digriet Irjali Nru 3, għal ħmistax-il sena.
40 Issa, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Belġjan waqt is-seduta jirriżulta, minn naħa, li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għall-VAT bħala provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tagħha, u mhux bħala kunsinni ta’ merkanzija.
41 Min-naħa l-oħra, sabiex tapplika għal dawn ix-xogħlijiet il-perijodu ta’ aġġustament ta’ ħames snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 187(1) ta’ din id-direttiva, l-awtorità tat-taxxa rrikorriet għall-possibbiltà, issa mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 190 tal-imsemmija direttiva u implimentata fid-dritt Belġjan mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tal-Kodiċi tal-VAT, li tassimila għal investimenti s-servizzi li għandhom karatteristiċi simili għal dawk normalment assoċjati ma’ tali merkanzija.
42 Għalhekk, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli għall-ewwel domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 190 tal-istess direttiva.
43 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikoli 187, 189 u 190 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT li bis-saħħa tagħha l-perijodu ta’ aġġustament estiż stabbilit skont dan l-Artikolu 187 għall-investimenti fi proprjetà immobbli huwa applikabbli għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biss meta dawn ikunu ta’ tali importanza li jwasslu għal trasformazzjoni tal-proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 12(2), ta’ din id-direttiva, bl-esklużjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, suġġetti għall-VAT bħala provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-imsemmija direttiva, li, mingħajr ma jwasslu għal tali trasformazzjoni, jimplikaw tkabbir estensiv u/jew rinnovazzjoni b’mod sostanzjali tal-proprjetà immobbli u li t-tul tal-ħajja ekonomika tagħhom jikkorrispondi għal dak ta’ binja ġdida.
44 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu mill-VAT dovuta minnhom il-VAT dovuta jew imħallsa għall-merkanzija miksuba u s-servizzi rċevuti minnhom bil-quddiem jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Gmina Ryjewo, C-140/17, EU:C:2018:595, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 L-iskema ta’ tnaqqis hija intiża sabiex ittaffi għal kollox lill-persuna taxxabbli mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħha. Is-sistema komuni tal-VAT, konsegwentement, tiggarantixxi n-newtralità f’dak li jirrigwarda l-oneru fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma nnifishom suġġetti għall-VAT (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Gmina Ryjewo, C-140/17, EU:C:2018:595, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Bl-istess mod, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament previst mid-Direttiva dwar il-VAT, li jifforma parti integrali minn din l-iskema tat-tnaqqis, huwa intiż li jtejjeb il-preċiżjoni tat-tnaqqis b’tali mod li tiġi żgurata n-newtralità fiskali, b’tali mod li t-tranżazzjonijiet imwettqa fi stadju preċedenti jibqgħu jagħtu lok għad-dritt għal tnaqqis biss sa fejn iservu sabiex jiġu pprovduti servizzi suġġetti għal tali taxxa (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Finanzamt Bad Neuenahr-Ahrweiler, C-374/19, EU:C:2020:546, punt 20).
47 F’dan ir-rigward, l-Artikoli 184 u 185 tad-Direttiva dwar il-VAT jistabbilixxu b’mod ġenerali l-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità tat-taxxa nazzjonali għandha teżiġi aġġustament tal-VAT inizjalment imnaqqsa, filwaqt li l-Artikoli 187 sa 192 ta’ din id-direttiva jipprevedu ċerti modalitajiet tal-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT applikabbli fl-ipoteżi partikolari ta’ investimenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2020, Stichting Schoonzicht, C-791/18, EU:C:2020:731, punti 27 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
48 Huwa b’dan il-mod li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 187(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi li fir-rigward ta’ dawn l-investimenti, li l-aġġustament tat-tnaqqis jiġi applikat waqt perjodu ta’ ħames snin, li waqtu l-investimenti jkunu ġew akkwistati jew immanifatturati.
49 Tali perijodu ta’ aġġustament jippermetti li jiġu evitati ineżattezzi fil-kalkolu tat-tnaqqis u tal-vantaġġi jew tal-iżvantaġġi inġustifikati għall-persuna taxxabbli meta, b’mod partikolari, tibdil tal-fatturi inizjali meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis iseħħ wara d-dikjarazzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà ta’ tibdil simili huwa partikolarment sinjifikanti fil-każ ta’ investimenti, li sikwit tintuża matul perijodu ta’ diversi snin li matul tiegħu l-aġġustament tagħha jista’ jvarja, l-ispejjeż tal-akkwist tagħhhom qed jiġu deprezzati bħala konsegwenza matul diversi eżerċizzji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Mateusiak, C-229/15, EU:C:2016:454, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 187 tad-Direttiva dwar il-VAT jikkonċernaw b’mod partikolari sitwazzjonijiet ta’ aġġustament ta’ tnaqqis, li fihom investiment li l-użu tiegħu ma jagħtix lok għal dritt għal tnaqqis huwa sussegwentement iddestinat għal użu li jagħti lok għal tali dritt għal tnaqqis (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Gmina Międzyzdroje, C-140/17, EU:C:2014:595, punt 31).
51 Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, ta’ investimenti fi proprjetà immobbli, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 187(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jawtorizza lill-Istati Membri jestendu sa għoxrin sena t-tul tal-perijodu li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-aġġustamenti.
52 Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tas-Sitt Direttiva, liema direttiva ġiet issostitwita bid-Direttiva dwar il-VAT. Kif jirriżulta mill-ħames premessa tad-Direttiva 95/7, li permezz tagħha din id-dispożizzjoni kienet ġiet emendata sabiex jiżdied il-perijodu massimu ta’ aġġustament għall-investimenti fi proprjetà immobbli, preċedentement ta’ għaxar snin, għal għoxrin sena, tali perijodu estiż inżamm “[b’kont meħud tad-]dewmien tal-ħajja ekonomika” ta’ dawn il-proprjetajiet.
53 Minn dan isegwi li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiffissaw, għall-investimenti fi proprjetà immobbli, perijodu ta’ aġġustament estiż jaqa’ taħt l-istess loġika bħal dik li fuqha huma bbażati l-modalitajiet ta’ aġġustamenti applikabbli għall-investimenti, jiġifieri dak intiż sabiex iżid il-preċiżjoni tat-tnaqqis, filwaqt li jaġġustaw dawn il-modalitajiet għall-karatteristiċi speċifiċi għal dawn l-investimenti fi proprjetà immobbli, li jirrigwardaw b’mod partikolari t-tul tal-ħajja ekonomika tagħhom, li huwa saħansitra itwal minn dak ta’ investimenti oħra.
54 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “investimenti fi proprjetà immobbli” fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 187(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, u konsegwentement jiġi applikat fir-rigward tagħhom il-perijodu ta’ aġġustament estiż eventwalment stabbilit fid-dritt intern għal tali merkanzija, għandu jitfakkar, kif ġie ppreċiżat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew suġġetti bħala provvisti ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, u mhux bħala kunsinna ta’ merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva.
55 Għaldaqstant, minkejja li ma huwiex eskluż li, bħala prinċipju, l-eżekuzzjoni ta’ tali xogħlijiet tista’ tiġi analizzata, jekk applikabbli, bħala li jikkostitwixxu kunsinna ta’ merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, dan ma huwiex il-każ fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.
56 Minn dan isegwi li dawn ix-xogħlijiet ma jistgħux, bħala tali, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “investimenti fi proprjetà immobbli”, kif imsemmi fl-Artikolu 187(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, peress li jikkostitwixxu servizzi u mhux oġġetti, u dan indipendentement mill-mod kif l-investimenti ġew, jekk ikun il-każ, iddefiniti fid-dritt intern konformement mal-Artikolu 189(a) ta’ din id-direttiva.
57 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-modalitajiet ta’ aġġustament previsti fl-Artikolu 187(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jirrigwardaw l-investimenti, ma humiex, fihom infushom, applikabbli għall-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq l-eżekuzzjoni tal-imsemmija xogħlijiet.
58 Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, invokat waqt is-seduta mill-Kummissjoni Ewropea, li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mmodifikaw fiżikament proprjetà immobbli, jiġifieri l-bini l-antik kif kien qabel il-bidu tax-xogħlijiet, jew inkludew fih elementi materjali oħra li jistgħu jiġu analizzati, wara din l-integrazzjoni, bħala li jifformaw parti minn proprjetà immobbli.
59 Madankollu, għandu jiġi rrilevat, fit-tielet lok, li, konformement mal-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri jistgħu, għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva, iqisu bħala investimenti s-servizzi li għandhom karatteristiċi simili għal dawk normalment assoċjati ma’ investimenti.
60 Kif ġie indikat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, huwa preċiżament bl-użu ta’ din il-possibbiltà, kif implimentata fid-dritt Belġjan, li l-awtorità tat-taxxa, f’dan il-każ, assimilat ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni inkwistjoni ma’ investimenti, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 187(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.
61 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk l-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT jippermettix lill-Istati Membri jassimilaw ċerti servizzi mhux biss ma’ investimenti, iżda wkoll ma’ investimenti fi proprjetà immobbli.
62 F’dan ir-rigward, il-kliem tal-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jirreferi b’mod ġenerali u mhux limitattiv għall-kunċett ta’ “investimenti”, mingħajr, konsegwentement, ma jeskludi l-investimenti fi proprjetà immobbli, jippermetti, a priori, li jitqies li dan huwa l-każ.
63 Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun iddeċieda, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 187(1) ta’ din id-direttiva, li jirriżerva trattament speċifiku, fi ħdan il-kategorija ġenerali tal-investimenti, għal dik ta’ investimenti fi proprjetà immobbli, sabiex japplika hemmhekk perijodu ta’ aġġustament estiż, dawn l-aħħar investimenti, filwaqt li jiġu ttrattati, minħabba f’hekk, b’mod differenti mill-investimenti fi proprjetà immobbli, jibqgħu madankollu jaqgħu taħt il-kategorija ġenerali ta’ investimenti.
64 L-interpretazzjoni li tidher fil-punt 62 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata mill-għan imfittex mill-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2006/69, li minnha jirriżulta t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(4) tas-Sitt Direttiva, li l-kontenut tiegħu huwa, essenzjalment, illum il-ġurnata riprodott f’dan l-Artikolu 190.
65 Skont il-premessa 5, l-għoti tal-possibbiltà ta’ assimilazzjoni prevista f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, hija intiża sabiex tippermetti li “ ċerti servizzi fir-rigward tan-natura ta’ beni kapitali jistgħu jiġu inklużi fl-iskema li tippermetti l-aġġustament ta’ tnaqqis għal beni kapitali tul il-ħajja ta’ l-assi, skond l-użu effettiv tagħhom”.
66 Minn dan isegwi li l-għan ta’ din il-possibbiltà huwa li l-Istati Membri jiġu awtorizzati jittrattaw, għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ aġġustamenti, ċerti servizzi bl-istess mod bħal investimenti sa fejn dawn is-servizzi, fid-dawl b’mod partikolari tat-tul tal-ħajja ekonomika tal-effetti tagħhom u tal-possibbiltà konkomitanti ta’ bidla fl-użu effettiv tal-merkanzija li għaliha jirreferu l-imsemmija servizzi, huma simili għalihom.
67 Issa, peress li, fi ħdan il-kategorija ġenerali ta’ investimenti msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, investimenti fi proprjetà immobbli jiġu kkaratterizzati mit-tul tal-ħajja ekonomika tagħhom saħansitra itwal, kif ġie rrilevat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, ikun inkoerenti, fid-dawl ta’ dan l-għan, li, fl-eżerċizzju tal-possibbiltà ta’ assimilazzjoni prevista fl-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, ma kienx possibbli għall-Istati Membri li jiddifferenzjaw, min-naħa tagħhom, is-servizzi kkonċernati skont it-tul tal-ħajja ekonomika tal-effetti tagħhom u li jassimilawhom, jekk ikun il-każ, għal investimenti fi proprjetà immobbli , bil-kundizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun żamm perijodu ta’ aġġustament tat-tnaqqis itwal għal din l-aħħar kategorija ta’ merkanzija skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 187(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.
68 Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni tal-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT fis-sens li dan l-artikolu jawtorizza lill-Istati Membri jassimilaw, għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tat-tnaqqis, ċerti servizzi, skont il-każ, ma’ investimenti jew ma’ investimenti fi proprjetà immobbli , tippermetti li tiżdied il-preċiżjoni tat-tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq dawn is-servizzi skont it-tul tal-ħajja ekonomika tal-effetti tagħhom, bħall-modalitajiet previsti, għal dan l-għan, għall-investimenti, imsemmija fil-punti 46, 49 u 53 ta’ din is-sentenza.
69 It-tieni nett, għalkemm l-Istati Membri huma ċertament liberi li jimplimentaw jew le l-possibbiltà, hekk iddelimitata, mogħtija mill-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT u jekk igawdu, barra minn hekk, minn setgħa ta’ evalwazzjoni meta jiddeċiedu li jagħmlu dan, f’dak li jirrigwarda x-xebh tal-karatteristiċi tas-servizzi u tal-merkanzija kkonċernata, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, huma għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-għan ta’ dan l-artikolu kif ukoll, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2020, Stichting Schoonzicht, C-791/18, EU:C:2020:731, punt 49).
70 F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif espost fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri ma jistgħux jinjoraw, waqt l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, it-tul tal-ħajja ekonomika tal-effetti tas-servizzi li għandhom jiġu assimilati ma’ investimenti, peress li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, ix-xebh tal-karatteristiċi tas-servizzi u tal-merkanzija kkonċernata għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tat-tnaqqis jiddependi b’mod partikolari fuq dan it-tul tal-ħajja ekonomika. Is-servizz inkwistjoni jista’ fil-fatt, mill-perspettiva tat-tul tal-ħajja ekonomika tal-effetti tiegħu, jirriżulta iktar qrib ta’ investimenti fi proprjetà immobbli milli ta’ investimenti li ma humiex investimenti fi proprjetà immobbli.
71 Fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li huwa t-traduzzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-qasam tal-VAT, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju jipprekludi, minn naħa, li provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir tal-VAT (sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2009, SKF, C-29/08, EU:C:2009:665, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2022, Direchebia Generală Regională a Finanhebelor Publice Bucureti C-146/21, EU:C:2022:512, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
72 Għalhekk, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li ma jittrattawx b’mod differenti, għall-finijiet tal-VAT, persuna taxxabbli li bbenefikat minn ċerti servizzi meta mqabbla ma’ persuna taxxabbli oħra li, involuta fl-istess attività ekonomika, xtrat oġġetti li l-karatteristiċi ekonomiċi tagħhom huma essenzjalment ekwivalenti għal dawk ta’ dawn is-servizzi.
73 Fil-każ preżenti, hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali tirrispettax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 69 sa 72 ta’ din is-sentenza.
74 Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, għandu jiġi rrilevat, kif enfasizzat ukoll dik il-qorti stess, li jidher stabbilit li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu mifruxa fuq diversi snin, kienu, evalwati fl-intier tagħhom, wasslu għal rinnovazzjoni sinjifikattiva tal-proprjetà immobbli kkonċernata u kabbruha wkoll billi żiedu b’mod partikolari anness tal-ħġieġ u gaġġa ta’ lift. Barra minn hekk, l-importanza ta’ dawn ix-xogħlijiet tidher sostnuta miċ-ċifri pprovduti minn L BV, li jipprovdu li dawn kellhom spiża totali ta’ madwar EUR 1 937 104.
75 Ulterjorment, jidher stabbilit li l-effetti tal-imsemmija xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tal-importanza tagħhom, għandhom tul ta’ ħajja ekonomika identiku għal dak ta’ binja ġdida.
76 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-istess xogħlijiet jidhru, għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tat-tnaqqis, nettament iktar simili għal investimenti fi proprjetà immobbli milli għal investimenti li ma humiex investimenti fi proprjetà immobbli.
77 Fid-dawl ta’ tali xebh, il-fatt li dawn ix-xogħlijiet jiġu assimilati madankollu ma’ investimenti li ma humiex investimenti fi propjetà immobbli u li b’hekk jiġi applikat fir-rigward tagħhom il-perijodu ta’ aġġustament ta’ ħames snin, irriżervat għal din il-kategorija ta’ merkanzija, jista’ jwassal għal trattament fiskali differenti ta’ persuna taxxabbli li, bħal L BV, investiet f’xogħlijiet ta’ tkabbir u ta’ rinnovazzjoni b’mod sostanzjali ta’ binja eżistenti u ħallset il-VAT dovuta fuq dawn ix-xogħlijiet, li għalihom japplika l-perijodu ta’ aġġustament ta’ ħames snin, meta mqabbla ma’ persuna taxxabbli simili li investiet fil-kostruzzjoni ta’ binja ġdida, li għaliha jkun applikabbli perijodu ta’ aġġustament estiż, minkejja li, fid-dawl tal-karatteristiċi ekonomiċi tagħhom, dawn l-investimenti huma simili, jew saħansitra funzjonalment identiċi.
78 Min-naħa l-oħra, huwa irrilevanti, f’dan il-kuntest, il-fatt li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kkonċernati ma jikkostitwixxux trasformazzjoni ta’ proprjetà immobbli fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 135(1)(j) ta’ din id-direttiva, peress li l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa differenti minn dak tal-Artikolu 190 tal-imsemmija direttiva.
79 Fil-fatt, l-għan tal-ewwel dispożizzjonijiet jikkonsisti fl-identifikazzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-valur miżjud tagħhom, tat-tranżazzjonijiet f’immobbli li jistgħu jkunu intaxxati bħala kunsinna ta’ proprjetà (immobbli) ġdida li hija għalhekk suġġetta għal VAT bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2017, Kozuba Premium Selection, C-308/16, EU:C:2017:869, punti 32 u 55, kif ukoll is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2023, État belge u Promo 54, C-239/22, EU:C:2023:181, punt 23), filwaqt li l-għan tal-Artikolu 190 tal-imsemmija direttiva, li huwa parti mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament applikabbli għal investimenti, jikkonsisti fid-definizzjoni tal-modalitajiet li skonthom it-tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq servizzi simili għal tali merkanzija għandhom jiġu aġġustati.
80 F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tmur kontra l-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
81 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT li bis-saħħa tagħha l-perijodu ta’ aġġustament estiż stabbilit skont dan l-Artikolu 187 għal investimenti fi proprjetà immobbli ma huwiex applikabbli għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, suġġetti għal VAT bħala provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-imsemmija direttiva, li jimplikaw tkabbir estensiv u/jew rinnovazzjoni fil-fond tal-proprjetà immobbli li fuqha saru dawn ix-xogħlijiet u li l-effetti għandhom tul tal-ħajja ekonomika li jikkorrispondi għal dak ta’ binja ġdid.
Fuq it-tieni domanda
82 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett b’tali mod li persuna taxxabbli tkun tista’ tinvokah quddiem il-qorti nazzjonali kontra l-awtorità tat-taxxa kompetenti sabiex jiġi applikat għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li twettqu a favur tagħha, suġġetti għal VAT bħala provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-imsemmija direttiva, il-perijodu ta’ aġġustament estiż stabbilit għall-investimenti fi proprjetà immobbli, fl-ipoteżi fejn din l-awtorità rrifjutat li tapplika dan il-perijodu billi bbażat ruħha fuq leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda.
83 Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tqis li r-rifjut tal-awtorità tat-taxxa li tapplika għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-perijodu ta’ aġġustament estiż imur kontra l-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, il-kwistjoni tal-effett dirett tal-ewwel wieħed minn dawn l-artikoli tqum biss jekk ebda interpretazzjoni konformi tal-leġiżlazzjoni li fuqha huwa bbażat dan ir-rifjut ma tkun possibbli, kif enfasizzaw, ġustament, L BV u l-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C-282/10, EU:C:2012:33, punti 23 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
84 F’dan ir-rigward, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali mitluba sabiex jinterpretawh għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha ta’ dan id-dritt u japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu sabiex jinterpretawh, sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u għalhekk ikunu konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C-122/17, EU:C:2018:631, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
85 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C-122/17, EU:C:2018:631, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
86 Għalhekk, fit-tieni lok, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li ma tistax tipproċedi għal interpretazzjoni konformi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jistax jipproduċi effett dirett b’tali mod li L BV tista’ tinvoka din id-dispożizzjoni kontra l-awtorità tat-taxxa sabiex jiġi applikat għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-perijodu ta’ aġġustament estiż li, fil-Belġju, ġie stabbilit, skont l-Artikolu 48(2) tal-Kodiċi tal-VAT u tal-Artikolu 9 (1) tad-Digriet Irjali Nru 3, għal ħmistax-il sena.
87 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat, jew meta dan ikun naqas milli jittrasponi fit-termini previsti d-direttiva fid-dritt nazzjonali, jew meta jkun ittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2024, Stachev, C-15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
88 Dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu invokati mill-individwi b’mod partikolari fil-konfront tal-korpi kollha tal-amministrazzjoni ta’ dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C-413/15, EU:C:2017:745, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
89 Fir-rigward, f’dan il-kuntest, tan-natura inkundizzjonata tal-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, huwa minnu li din id-dispożizzjoni tagħti biss possibbiltà lill-Istati Membri, li huma liberi li jimplimentaw jew le, u li l-implimentazzjoni ta’ din il-possibbiltà, sa fejn din tikkonċerna l-possibbiltà li s-servizzi jiġu assimilati ma’ investimenti fi proprjetà immobbli, hija, barra minn hekk, suġġetta għall-implimentazzjoni minn qabel mill-Istat Membru kkonċernat tal-possibbiltà, prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 187(1) ta’ din id-direttiva, li jiddistingwi tali merkanzija fi ħdan l-investimenti kollha.
90 Madankollu, l-għażla libera mogħtija lill-Istati Membri ta’ implimentazzjoni jew le ta’ possibbiltà bħal dik prevista fl-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT ma tipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tistħarreġ il-punt dwar jekk Stat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni li jwettaq tali implimentazzjoni osservax il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-imsemmija implimentazzjoni u, b’mod partikolari, baqax fil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 1977, Verbond van Nederlandse Ondernemingen, 51/76, EU:C:1977:12, punti 27 u 29).
91 Barra minn hekk, meta Stat Membru, bħal f’dan il-każ, ikun iddeċieda li jeżerċita l-possibbiltà prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 187(1) tad-Direttiva dwar il-VAT u b’hekk ikun eżawrixxa b’mod sħiħ il-marġni ta’ evalwazzjoni li huwa kellu f’dan ir-rigward, ma jeżistix iktar ostakolu għall-istħarriġ ġudizzjarju msemmi fil-punt preċedenti.
92 Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi mistħarreġ jekk, fid-dawl tal-elementi ta’ analiżi esposti fil-punti 70 sa 72 ta’ din is-sentenza, l-Istat Membru kkonċernat li eżerċita wkoll il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT osservax, b’dan il-mod, l-obbligu tiegħu li jibqa’ fil-limiti tal-marġni ta’ evalwazzjoni li huwa jgawdi f’dan ir-rigward, kif dan il-marġni jirriżulta mill-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 187(1) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
93 Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda n-natura suffiċjentement preċiża tal-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 187(1) tagħha u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, il-fatt, imfakkar fil-punt preċedenti u rrilevat ukoll fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, li l-Istati Membri jgawdu, meta jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet, minn marġni ta’ evalwazzjoni, lanqas ma jipprekludi li stħarriġ ġudizzjarju jkun jista’ jitwettaq sabiex jiġi mistħarreġ jekk l-Istat Membru kkonċernat marx lil hinn minn dan il-marġni ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et., C-72/95, EU:C:1996:404, punt 59, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2013, MDDP, C-319/12, EU:C:2013:778, punt 51).
94 L-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, huwa preċiż biżżejjed sabiex jippermetti tali stħarriġ ġudizzjarju, kif barra minn hekk jirriżulta wkoll mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda.
95 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT jista’ jipproduċi effett dirett, b’tali mod li dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jista’ jiġi direttament invokat minn persuna taxxabbli fl-ipoteżi msemmija fil-punt 88 ta’ din is-sentenza.
96 Għalhekk, meta qorti tar-rinviju, fil-waqt li tibbaża ruħha fuq tali effett dirett, tikkonstata li l-Istat Membru jkun eċċeda s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu billi ma jkunx ikkunsidra ċerti xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, suġġetti għal VAT bħala provvisti ta’ servizzi, bħala li huma investimenti fi proprjetà immobbli, il-persuna taxxabbli tista’ tinvoka direttament l-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, quddiem din il-qorti sabiex dawn ix-xogħlijiet ikunu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu tali merkanzija u li jiġi applikat għalihom il-perijodu ta’ aġġustament estiż stabbilit mid-dritt intern b’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 187(1) tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, MDDP, C-319/12, EU:C:2013:778, punt 52, kif ukoll tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 81).
97 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 190 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett b’tali mod li persuna taxxabbli tkun tista’ tinvokah quddiem il-qorti nazzjonali kontra l-awtorità tat-taxxa kompetenti sabiex jiġi applikat għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li twettqu a favur tagħha, suġġetti għal VAT bħala provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-imsemmija direttiva, il-perijodu ta’ aġġustament estiż stabbilit għall-investimenti fi proprjetà immobbli, fl-ipoteżi fejn din l-awtorità rrifjutat li tapplika dan il-perijodu ta’ aġġustament estiż billi bbażat ruħha fuq leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda.
Fuq l-ispejjeż
98 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 190 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) li bis-saħħa tagħha l-perijodu ta’ aġġustament estiż stabbilit skont dan l-Artikolu 187 għal investimenti fi proprjetà immobbli ma huwiex applikabbli għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, suġġetti għal VAT bħala provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-imsemmija direttiva, li jimplikaw tkabbir estensiv u/jew rinnovazzjoni fil-fond tal-proprjetà immobbli li fuqha saru dawn ix-xogħlijiet u li l-effetti għandhom tul tal-ħajja ekonomika li jikkorrispondi għal dak ta’ binja ġdid
2) L-Artikolu 190 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva u moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
għandu effett dirett b’tali mod li persuna taxxabbli tkun tista’ tinvokah quddiem il-qorti nazzjonali kontra l-awtorità tat-taxxa kompetenti sabiex jiġi applikat għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li twettqu a favur tagħha, suġġetti għal VAT bħala provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-imsemmija direttiva, il-perijodu ta’ aġġustament estiż stabbilit għall-investimenti fi proprjetà immobbli, fl-ipoteżi fejn din l-awtorità rrifjutat li tapplika dan il-perijodu ta’ aġġustament estiż billi bbażat ruħha fuq leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.